Mur għall-kontenut ewlieni

Stħarriġ tal-Piż Annwali tal-2018

Ħarsa ġenerali annwali tal-isforzi tal-Kummissjoni għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE

2018 Annual Burden survey

Il-Kummissjoni hi impenjata li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tilħaq l-objettivi tagħha u tevita spejjeż bla bżonn, kemm meta tipproponi l-leġiżlazzjoni kif ukoll meta tirrevediha.

F’konformità mal-impenn meħud fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, l-Istħarriġ tal-Piż Annwali tal-2018 jippreżenta stħarriġ tal-isforzi tal-Unjoni fl-2018 biex tissimplifika l-leġiżlazzjoni, tevita r-regolamentazzjoni żejda u tnaqqas il-piżijiet regolatorji.

Dan l-objettiv hu responsabbiltà maqsuma bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill (fl-emendar u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni) u l-Istati Membri (fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha). Minkejja l-isforzi kontinwi biex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun kemm jista’ jkun effiċjenti, il-lezzjonijiet ta’ implimentazzjoni u l-esperjenzi taċ-ċittadini, in-negozji u l-Istati Membri jindikaw li dan mhux dejjem ikun il-każ. L-ispejjeż imposti mil-leġiżlazzjoni mhux dejjem ikunu totalment neċessarji biex jinkisbu l-objettivi jew il-leġiżlazzjoni fis-seħħ mhux dejjem tkun aġġornata.

Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) jipprovdi rispons għal dawn il-kwistjonijiet u ġie integrat kompletament fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul l-aħħar sena: kull meta tiġi evalwata jew riveduta liġi eżistenti, issa l-Kummissjoni tfittex sistematikament li tidentifika kwalunkwe opportunità biex tnaqqas il-piż filwaqt li tissalvagwardja l-objettivi ta’ politika. Taħt il-Kummissjoni attwali, REFIT wassal għal aktar minn 150 inizjattiva ġdida ffukati fuq is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Dan l-istħarriġ jippreżenta eżempji ta’ proposti ewlenin fl-2018. 

Eżempju reċenti hu proposta għall-emendar tar-regoli tal-VAT attwali fejn l-ispejjeż għall-konformità għan-negozji ż-żgħar huma mistennija jitnaqqsu għal EUR 56.1 biljun fis-sena, tnaqqis ta’ 18% meta mqabbel mal-preżent. Taħt proposta tal-Kummissjoni għal tieqa marittima unika, fil-perjodu 2020-2030 hu stmat li l-operaturi tat-tbaħħir se jiffrankaw bejn EUR 625 u EUR 720 miljuni.

Fit-twettiq tal-ħidma tagħha, il-Kummissjoni bbenefikat mill-osservazzjonijiet tal-Pjattaforma REFIT, li ħarġet 31 rakkomandazzjoni fl-aħħar 12-il xahar. Fl-2018, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll sett ta’ proposti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali post-2020, li, fost oħrajn, għandhom l-għan li jissimplifikaw b’mod sinifikanti l-proċeduri biex il-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi jiġu ffaċilitati biex l-impatt tagħhom fuq il-post ikun aħjar.

Documents

26 NOVEMBRU 2018
2018 Annual Burden survey