EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0093

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar

COM/2021/93 final

Brussell, 4.3.2021

COM(2021) 93 final

2021/0050(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar

{SEC(2021) 101 final} - {SWD(2021) 41 final} - {SWD(2021) 42 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta

Id-dritt għal paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE minquxa fit-Trattat ta’ Ruma. Ir-rekwiżit li tiġi żgurata paga ugwali huwa stipulat ukoll fid-Direttiva 2006/54/KE (id-“Direttiva Riformulata”) 1 , kif ikkomplementata fl-2014 minn Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza fil-pagi (ir-“Rakkomandazzjoni tal-2014”) 2 . Minkejja dan il-qafas legali, l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi ta’ dan il-prinċipju fil-prattika għadhom sfida fl-UE. In-nuqqas ta’ trasparenza fil-pagi ġie identifikat bħala wieħed mill-ostakli ewlenin 3 . Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa 4 fl-UE għadha ta’ madwar 14 %. Id-differenza fil-pagi għandha impatt fit-tul fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nisa, ir-riskju akbar tagħhom ta’ esponiment għall-faqar u fuq id-differenza persistenti bejn il-pagi tal-pensjonijiet, li hija ta’ 33 % fl-UE 5 . Il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha jagħmluha saħansitra aktar urġenti li tiġi indirizzata din il-kwistjoni, peress li l-kriżi laqtet b’mod speċjali lill-ħaddiema nisa 6 .

Il-Parlament Ewropew talab ripetutament għal aktar azzjoni fil-livell tal-UE biex tittejjeb l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-pagi ugwali. Il-Kunsill appella għal azzjoni kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni. F’Ġunju 2019, talab lill-Kummissjoni biex tiżviluppa miżuri konkreti biex tittejjeb it-trasparenza fil-pagi 7 .

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jinkludi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-dritt għal paga ugwali fost l-20 prinċipju tiegħu 8 . Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-2017-2019 dwar l-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa 9 , il-Kummissjoni vvalutat il-ħtieġa għal aktar miżuri legali biex jittejjeb l-infurzar tal-prinċipju ta’ paga ugwali u l-opportunitajiet għat-titjib tat-trasparenza fil-pagi. Fil-linji gwida politiċi tagħha 10 , il-President von der Leyen ħabbret li l-Kummissjoni se tressaq miżuri vinkolanti ġodda ta’ trasparenza fil-pagi. Dan l-impenn ġie affermat mill-ġdid fl-istrateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020-2025 11 .

L-inizjattiva ssegwi l-evalwazzjoni retrospettiva tal-Kummissjoni 12 tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti (l-“evalwazzjoni tal-2020”) u diversi rapporti oħra dwar il-kwistjoni 13 . Dawk il-valutazzjonijiet ikkonkludew li d-dritt għal paga ugwali mhuwiex applikat b’mod adegwat u lanqas infurzat fil-prattika u li t-trasparenza fil-pagi hija nieqsa f’ħafna Stati Membri.

Għanijiet tal-proposta

L-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza l-infurzar inadegwat persistenti tad-dritt fundamentali għal paga ugwali u li tiżgura li dan id-dritt jiġi rispettat madwar l-UE, billi tistabbilixxi standards ta’ trasparenza fil-pagi biex il-ħaddiema jingħataw is-setgħa li jitolbu d-dritt tagħhom għal paga ugwali.

Id-direttiva proposta ssegwi dawn l-għanijiet billi:

tistabbilixxi t-trasparenza fil-pagi fl-organizzazzjonijiet;

tiffaċilita l-applikazzjoni tal-kunċetti ewlenin relatati mal-paga ugwali, inklużi “paga” u “xogħol ta’ valur ugwali”; u

ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ infurzar.

It-trasparenza fil-pagi tippermetti lill-ħaddiema jidentifikaw u jagħtu prova ta’ diskriminazzjoni possibbli bbażata fuq il-ġeneru. Hija tixħet dawl ukoll fuq il-preġudizzju bejn il-ġeneri fis-sistemi tal-pagi u l-klassifikazzjoni tal-impjiegi li ma jivvalutawx ix-xogħol tan-nisa u l-irġiel b’mod newtrali għall-ġeneru, jew li jonqsu milli jagħtu valur lil ċerti ħiliet okkupazzjonali li fil-biċċa l-kbira jitqiesu bħala kwalitajiet femminili. Peress li dan il-preġudizzju spiss ma jkunx konxju, it-trasparenza fil-pagi tista’ tgħin biex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjoni fost l-impjegaturi u tgħinhom jidentifikaw differenzi diskriminatorji fil-pagi bbażati fuq il-ġeneru li ma jistgħux jiġu spjegati minn fatturi diskrezzjonali validi u spiss ma jkunux intenzjonati. It-trasparenza fil-pagi hija għalhekk għodda essenzjali biex jitneħħew id-dubji dwar paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u biex tiġi appoġġata l-eliminazzjoni tal-preġudizzju bejn il-ġeneri fil-prattiki tal-pagi. Tista’ trawwem ukoll bidla fl-attitudnijiet lejn il-pagi tan-nisa billi titqajjem kuxjenza u tistimula dibattitu dwar ir-raġunijiet għad-differenzi strutturali fil-pagi bejn il-ġeneri. Lil hinn mis-sempliċi konformità mal-prinċipju ta’ paga ugwali, tista’ tikkostitwixxi wkoll skattatur għar-reviżjoni tal-politiki tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod aktar ġenerali fil-livell tal-kumpaniji, u tippromwovi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Filwaqt li tibni fuq id-Direttiva Riformulata u r-Rakkomandazzjoni tal-2014, din il-proposta tintroduċi regoli ġodda u aktar dettaljati biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-20 prinċipju tiegħu huma l-boxxla tal-UE biex tibni Ewropa aktar ġusta u biex tippromwovi kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol aħjar għal kulħadd. Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni ambizzjuż biex tiżgura l-implimentazzjoni tiegħu madwar l-UE.

Din id-direttiva proposta hija parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri u inizjattivi li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-abilitazzjoni ekonomika tan-nisa. Id-diskriminazzjoni fil-pagi u l-preġudizzju fl-istrutturi tal-pagi huma biss waħda mill-kawżi ewlenin ta’ din id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ta’ 14 %, minbarra kawżi u fatturi oħra, bħas-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, xogħol full time mqabbel max-xogħol part time kif ukoll restrizzjonijiet mhux imħallsa relatati mal-kura. Anke mingħajr dawn il-kawżi u fatturi, għad hemm l-hekk imsejħa differenza “mhux spjegata” bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, li tammonta għal żewġ terzi tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-Istati Membri tal-UE, u li din l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li l-istorja tal-impjiegi, inkluża d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, flimkien mat-tfassil tas-sistema tal-pensjonijiet, taffettwa d-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa.

Din l-inizjattiva hija parti minn approċċ multidimensjonali, inkluż, fost l-oħrajn, id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata 14 , inizjattivi settorjali biex jiġu miġġielda l-isterjotipi u jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri, u direttiva proposta dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji kbar elenkati fl-UE 15 .

Id-Direttiva proposta hija kompletament konformi mal-impenn tal-UE għall-aġenda 2030 tan-NU u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-NU, b’mod partikolari l-SDG 5 dwar il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet kollha 16 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija koerenti mal-inizjattiva li għandha l-għan li żżid ir-rappurtar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja rilevanti mill-kumpaniji 17 . Hija konsistenti mal-inizjattiva tal-UE dwar il-pagi minimi 18 u mal-inizjattiva li ġejja dwar il-governanza korporattiva sostenibbli 19 u appoġġata minnhom.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi li l-UE tadotta miżuri biex tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, inkluż il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali”.

L-Artikolu 157(3) TFUE huwa l-bażi ġuridika għad-Direttiva Riformulata u għar-Rakkomandazzjoni tal-2014. Għalhekk iservi wkoll bħala l-bażi ġuridika għall-miżuri vinkolanti ta’ trasparenza fil-pagi skont din l-inizjattiva, li jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-infurzar aħjar tal-prinċipju ta’ paga ugwali skont l-Artikolu 157 tat-TFUE u d-Direttiva Riformulata.

Sussidjarjetà

L-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-UE ta’ paga ugwali diġà ġiet stabbilita fil-livell tal-UE fit-Trattat tal-1957 li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (l-Artikolu 119 tat-Trattat tal-KEE, imbagħad l-Artikolu 141 tal-KE u issa l-Artikolu 157 tat-TFUE), li juri l-istatus tiegħu bħala valur fundamentali tal-UE. Inizjalment, il-prinċipju kellu funzjoni primarjament ekonomika, fis-sens li l-għan kien li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Fl-1976, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet l-għan soċjali tal-Artikolu 119 tal-KEE u l-effett dirett orizzontali tiegħu 20 . Aktar tard, il-Qorti żiedet li “l-għan ekonomiku segwit mill-Artikolu 119 tat-Trattat, jiġifieri l-eliminazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi stabbiliti fi Stati Membri differenti, huwa sekondarju għall-għan soċjali segwit mill-istess dispożizzjoni, li tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ dritt fundamentali tal-bniedem” 21 .

Kif intwera fl-evalwazzjoni tal-2020, sforzi komparabbli madwar l-UE biex tiġi promossa paga ugwali x’aktarx li ma jimmaterjalizzawx mingħajr inizjattiva fil-livell tal-UE. Hemm bżonn ta’ approċċ ikkoordinat, li n-nuqqas tiegħu jipperikola l-kisba fil-livell nazzjonali ta’ ugwaljanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, skont l-Artikolu 157(1) tat-TFUE.

Il-fatt li l-miżuri nazzjonali dwar it-trasparenza fil-pagi huma frammentati u skarsi, iżid ir-riskju li l-kompetizzjoni tiġi mfixkla minħabba livelli differenti ta’ standards soċjali. Hemm riskju li n-negozji jikkompetu fuq kundizzjonijiet mhux ekwi, u dan ifixkel l-operat tas-suq intern. Hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat livell simili ta’ protezzjoni għall-ħaddiema madwar l-UE u kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi fis-suq intern.

Id-Direttiva proposta hija bbażata fuq armonizzazzjoni minima tas-sistemi tal-Istati Membri u tippermettilhom jistabbilixxu standards ogħla jekk jiddeċiedu li jagħmlu hekk. Hija tippermettilhom espliċitament li jafdaw l-implimentazzjoni f’idejn l-imsieħba soċjali, sakemm ikunu f’kull ħin kapaċi jiggarantixxu t-twettiq tar-riżultati meħtieġa minn din id-direttiva. Dan l-approċċ ikkombinat, li jippermetti l-implimentazzjoni tat-taħlita ta’ drittijiet u obbligi sostantivi stabbiliti f’din id-Direttiva bi ftehim kollettiv, jirrispetta l-karatteristiċi differenti tad-djalogu soċjali nazzjonali u s-sistemi ta’ negozjar kollettiv u l-awtonomija tas-sħab soċjali.

Proporzjonalità

L-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi li “[s]kont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m’għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati”.

Ir-rakkomandazzjoni tal-2014 ma laħqitx l-objettiv ta’ implimentazzjoni aktar effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali permezz tat-trasparenza fil-pagi; dan huwa minħabba n-natura mhux vinkolanti tagħha u l-implimentazzjoni limitata li rriżultat mill-Istati Membri 22 . It-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva jenħtieġ li għalhekk jiġi kkomplementat u appoġġat mid-direttiva proposta. L-adozzjoni ta’ miżuri legali vinkolanti hija tweġiba proporzjonata għall-ħtieġa ċara ta’ azzjoni prattika biex jinżamm il-prinċipju ta’ paga ugwali u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rrispettat b’mod sħiħ peress li l-miżuri tat-trasparenza fil-pagi u tal-infurzar huma mfassla b’tali mod li jiksbu l-objettiv tat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel. Minn naħa, il-proposta tiżgura li l-ħaddiema jkollhom id-dritt għall-informazzjoni li abbażi tagħha jkunu jistgħu jidentifikaw id-diskriminazzjoni fil-pagi abbażi tal-ġeneru u jiddefendu d-dritt tagħhom għal paga ugwali u, min-naħa l-oħra, tqis l-ispejjeż u l-piżijiet possibbli għall-impjegaturi, speċjalment il-kumpaniji mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

Kif indikat fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja, il-kostijiet assoċjati huma mistennija li jkunu moderati 23 . Dawn huma ġġustifikati fid-dawl tal-benefiċċji akkumulati u fit-tul: il-benefiċċju ewlieni huwa l-protezzjoni sħiħa ta’ valur fundamentali tal-UE. Barra minn hekk, tikkontribwixxi għall-ambizzjonijiet soċjali usa’ tal-UE kif stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Barra minn hekk, benefiċċji oħra jistgħu jiġu minn impjieg aktar sigur, żamma tal-forza tax-xogħol u ħaddiema u ditti aktar produttivi. Għalhekk, se jkollha impatt pożittiv fuq il-profittabbiltà tan-negozju u l-funzjonament tas-suq intern.

Il-proposta tħalli lill-Istati Membri l-għażla li jżommu jew jistabbilixxu standards aktar favorevoli għall-ħaddiema permezz ta’ provvista aktar proattiva ta’ informazzjoni u rappurtar dwar il-pagi. Hija tqis ukoll id-diversità tal-mudelli tas-suq tax-xogħol madwar l-UE u tippermetti lill-Istati Membri jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, peress li l-objettiv tat-titjib tat-trasparenza fil-pagi ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ (minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi komuni) jintlaħaq aħjar fil-livell tal-UE, l-UE tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (stabbiliti fl-Artikoli 5(3) u 5(4) tat-TFUE).

L-għażla tal-istrument

Strument legali fil-forma ta’ direttiva li tistabbilixxi qafas biex tittejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-paga ugwali permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi msaħħa ta’ infurzar huwa meqjus bħala l-istrument xieraq. Dan jagħmilha possibbli li jissaħħu d-dispożizzjonijiet eżistenti filwaqt li jħalli diskrezzjoni lill-Istati Membri dwar kif jimplimentaw id-drittijiet u l-obbligi l-ġodda filwaqt li jitqies il-kuntest nazzjonali tagħhom. Dan l-approċċ huwa konformi ma’ dak adottat fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħra fid-dritt tal-UE dwar l-impjieg u d-diskriminazzjoni 24 .

Ġie deċiż li d-Direttiva riformulata ma tiġix emendata jew sostitwita minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tagħha biex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fl-impjieg u fix-xogħol; kapitolu awtonomu dwar it-trasparenza fil-pagi u dispożizzjonijiet ta’ infurzar relatati ma jkunx jaqbel mal-istruttura eżistenti ta’ dik id-direttiva u jkun sproporzjonat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Riformulata li jirregolaw aspetti oħra ta’ trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet tal-impjieg u x-xogħol.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-evalwazzjoni tal-2020 tal-qafas legali dwar paga ugwali, b’mod partikolari l-partijiet rilevanti tad-Direttiva Riformulata u r-Rakkomandazzjoni tal-2014, ikkonkludiet li d-Direttiva Riformulata hija kkunsidrata rilevanti mill-partijiet ikkonċernati kollha u li l-konformità magħha fl-Istati Membri u fis-setturi kollha hija bejn medja u għolja. Madankollu, l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju tal-paga ugwali u l-infurzar ta’ dan il-prinċipju fil-prattika jibqgħu sfida. Tista’ tkun aktar effettiva jekk il-kunċetti legali ta’ “paga” u “xogħol ta’ valur ugwali” jiġu ċċarati abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-kunċetti mhumiex definiti b’mod uniformi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u għad hemm inċertezzi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni. Id-disponibbiltà ta’ kriterji ċari madwar l-UE tikkontribwixxi għall-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali.

Fir-rigward tal-effiċjenza, l-evalwazzjoni tal-2020 ma sabitx evidenza ta’ piż amministrattiv sinifikanti marbut mal-implimentazzjoni tad-Direttiva Riformulata u tar-Rakkomandazzjoni tal-2014. Il-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi proposti fir-Rakkomandazzjoni tal-2014 kienu jinvolvu biss spejjeż limitati għall-impjegaturi. Kostijiet intanġibbli jistgħu jirriżultaw minn nuqqas ta’ sodisfazzjon possibbli (u b’hekk produttività aktar baxxa) fost il-ħaddiema li jsiru konxji minn differenzi kbar fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, filwaqt li jista’ jkun hemm ukoll impatt pożittiv fuq is-sodisfazzjon tax-xogħol u l-involviment tal-ħaddiema, u b’hekk tiżdied l-attraenza tal-impjegatur. In-nuqqas ta’ trasparenza fil-pagi dgħajjef il-kapaċità tal-individwi li jidentifikaw u jisfidaw id-diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri. Barra minn hekk, il-ħaddiema li kienu jressqu lment dwar diskriminazzjoni fil-pagi kienu jiffaċċjaw diversi ostakli għall-aċċess għall-ġustizzja u kienu f’riskju ta’ stigmatizzazzjoni u ritaljazzjoni mill-impjegatur.

L-evalwazzjoni tal-2020 ikkonfermat li d-Direttiva Riformulata ġġib valur miżjud ċar għall-UE, u tiġġenera azzjoni li kieku ma kinitx tittieħed biex tippromwovi l-prinċipju ta’ paga ugwali fl-Istati Membri. Madankollu, il-valur miżjud tal-UE kien limitat minn implimentazzjoni insuffiċjenti u diversa tad-direttiva u konfużjoni (speċjalment fil-qrati u fost l-impjegaturi u l-ħaddiema) madwar kunċetti legali ċentrali għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ paga ugwali.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

(a)Kumitat Konsultattiv dwar l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel 25

F’opinjoni adottata f’Diċembru 2017 26 , il-Kumitat Konsultattiv indika trasparenza akbar dwar il-pagi bħala l-ewwel pass biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali. Huwa enfasizza nuqqas ta’ trasparenza fi tliet livelli:

il-kumpaniji rarament jippubblikaw l-iskali tas-salarji u l-kriterji għall-iffissar tal-pagi jibqgħu mhux ċari;

ma hemm l-ebda infurzar legali ċar tat-trasparenza fil-pagi; u

il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali mhuwiex komplut.

Il-Kumitat appella għal azzjoni biex tittejjeb it-trasparenza fil-pagi billi jiġi stabbilit dritt individwali li tintalab u tinkiseb informazzjoni dwar il-livelli tal-paga kemm individwali kif ukoll aggregati, sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol kontenzjużi. Dan id-dritt jista’ jingħata wkoll lir-rappreżentanti tal-union lokali jew lil rappreżentanti oħra tal-ħaddiema.

(b)Konsultazzjonijiet pubbliċi u stħarriġiet immirati

Saret konsultazzjoni pubblika 27 mill-11 ta’ Jannar sal-5 ta’ April 2019, sabiex jinġabru informazzjoni, fehmiet u esperjenzi dwar problemi li jirriżultaw minn lakuni u dgħufijiet ta’ miżuri nazzjonali u tal-UE dwar it-trasparenza fil-pagi. Fittxet ukoll evidenza dwar sa liema punt ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 kienet għenet biex issaħħaħ l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali minqux fl-Artikolu 157 tat-TFUE u fid-Direttiva Riformulata. Fl-aħħar nett, ir-rispondenti wieġbu għal mistoqsijiet li jħarsu ’l quddiem dwar aspetti rilevanti tal-inizjattiva ta’ trasparenza, inkluża l-ħtieġa għal aktar azzjoni fil-livell tal-UE biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-pagi abbażi ta’ ġeneru 28 .

Bi tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika sussegwenti (mill-5 ta’ Marzu sal-28 ta’ Mejju 2020), l-awtoritajiet nazzjonali, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-individwi privati taw il-fehmiet tagħhom dwar id-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru, it-trasparenza fil-pagi u l-isfidi relatati mal-infurzar tad-dritt għal paga ugwali għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali 29 .

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni organizzat tliet stħarriġiet immirati tal-Istati Membri, tas-sħab soċjali u tal-impjegaturi 30 .

Valutazzjoni tal-impatt

Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja din il-proposta 31 :

jiddeskrivi l-problemi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-qafas legali attwali u l-infurzar tiegħu;

jistabbilixxi għażliet ta’ politika biex jiġu indirizzati dawn il-problemi; u

jivvaluta l-impatt soċjali u ekonomiku tal-għażliet ta’ politika.

L-għażliet ta’ politika jinvolvu l-ħolqien ta’ trasparenza fil-livell ta’ ħaddiema individwali, il-ħolqien ta’ trasparenza fil-livell tal-impjegatur u l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas legali eżistenti. L-għażliet jipprovdu xenarji differenzjati li jvarjaw minn intervent massimu (f’termini ta’ kopertura tal-forza tax-xogħol u tal-organizzazzjonijiet) sa intervent minimu (li jibbilanċja d-dritt fundamentali tal-ħaddiema għal paga ugwali mal-piż u l-ispejjeż possibbli tal-miżuri previsti għall-impjegaturi).

Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-kombinazzjoni tal-miżuri proposti hawnhekk kienet l-aktar proporzjonata u koerenti fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi ta’ din l-inizjattiva.

L-impatti nazzjonali speċifiċi se jiddependu fuq għadd ta’ fatturi, inkluż il-firxa tal-aġġustamenti leġiżlattivi meħtieġa u l-kuntest soċjoekonomiku usa’. B’mod ġenerali, jistgħu jkunu mistennija benefiċċji f’termini ta’ għarfien akbar fost l-impjegaturi, għoti tas-setgħa lill-ħaddiema permezz ta’ infurzar aħjar tad-dritt tagħhom għal paga ugwali għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali, tnaqqis fil-preġudizzju bejn il-ġeneri fl-istrutturi tal-pagi, l-indirizzar tas-sottovalutazzjoni sistematika tax-xogħol tan-nisa, u fl-aħħar mill-aħħar tnaqqis fis-sehem tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa possibbilment minħabba diskriminazzjoni fil-pagi. L-effetti fil-livell makroekonomiku jistgħu jkunu mistennija wkoll għalkemm ma jistgħux jiġu stmati bi preċiżjoni, peress li d-daqs preċiż tad-diskriminazzjoni fil-pagi (u għalhekk il-kontribuzzjoni tagħha għad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa) mhuwiex disponibbli. Ugwaljanza akbar fil-pagi tista’ tagħti spinta lill-qligħ gross totali fil-livell tal-UE u tnaqqas l-inugwaljanza fid-dħul tas-suq fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, ir-rata ta’ “f’riskju ta’ faqar” hija mistennija li tonqos, bir-riskju ta’ faqar jitnaqqas l-aktar għal unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed (li n-nisa jirrappreżentaw 85 % minnhom). B’mod ġenerali, l-inizjattiva tista’ twassal għal żieda fid-dħul tal-gvern minn taxxi diretti u kontribuzzjonijiet soċjali u żieda fid-domanda aggregata wara ż-żieda fil-qligħ gross totali.

It-tneħħija tal-preġudizzji bejn il-ġeneri fil-prattiki tal-istabbiliment tal-pagi tal-impjegaturi se jkollha effett pożittiv fuq is-sodisfazzjon tax-xogħol u l-involviment tal-ħaddiema, it-tnejn kruċjali f’kuntest ta’ wara l-kriżi. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-impjegatur permezz ta’ żamma aħjar tat-talent, reputazzjoni mtejba u konsegwentement profitti potenzjali ogħla. Miżuri ta’ infurzar imtejba se jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja u l-infurzar tad-drittijiet mogħtija skont id-dritt tal-UE. Regoli aktar ċari se jippromwovu l-fehim u s-sensibilizzazzjoni tal-qafas legali u jsaħħu l-konsistenza fl-applikazzjoni tiegħu.

L-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt ġie approvat mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (Regulatory Scrutiny Board, RSB) fis-27 ta’ Jannar 2021. L-opinjonijiet tal-Bord, il-valutazzjoni tal-impatt finali u s-sommarju eżekuttiv tiegħu huma ppubblikati flimkien ma’ din il-proposta.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-Kummissjoni ħarset lejn modi kif tissimplifika u tnaqqas il-piżijiet, b’mod partikolari għal kumpaniji iżgħar. Il-miżuri f’din il-proposta, li huma bbażati fuq prattiki nazzjonali fl-UE u bnadi oħra, huma mfassla biex isaħħu d-dritt għal paga ugwali filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet possibbli u jqisu s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli fl-UE bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19. Il-proposta għalhekk tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, minħabba l-isforz potenzjali meħtieġ biex tinħareġ u tiġi rrappurtata informazzjoni dwar il-pagi, l-obbligu ta’ rappurtar japplika biss għal impjegaturi b’mill-inqas 250 ħaddiem. Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi se tapplika biss għall-impjegaturi li fir-rigward tagħhom, wara r-rapport annwali tagħhom, ikun hemm raġuni qawwija biex wieħed jemmen li jistgħu jeżistu problemi ta’ inugwaljanzi fil-pagi bejn il-ġeneri. L-analiżi turi li l-miżuri proposti f’din id-direttiva jinvolvu kostijiet modesti u ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza ta’ modi orħos biex jintlaħqu l-istess objettivi bl-istess effikaċja.

Drittijiet fundamentali

L-għanijiet ta’ din il-proposta huma konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 23, li jistipula li “l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga”, u l-Artikolu 31, li jistipula li “kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”.

Barra minn hekk, l-Artikolu 27 tal-Karta jistipula li “[i]l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma teħtieġx riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

L-Istati Membri jridu jittrasponu din id-direttiva fi żmien sentejn mill-adozzjoni tagħha u jikkomunikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. F’konformità mal-Artikolu 30 tad-direttiva, huma jistgħu jafdaw it-traspożizzjoni f’idejn is-sħab soċjali permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

Biex jivvalutaw kemm din l-inizjattiva tilħaq l-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha b’mod effettiv, l-Istati Membri se jirrapportaw dwar l-applikazzjoni tagħha wara tmien snin. Il-Kummissjoni se tadotta rapport fuq dik il-bażi.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 – Skop u suġġett

Din id-dispożizzjoni tispeċifika l-għan u s-suġġett tad-Direttiva. Id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi li jsaħħu l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi msaħħa ta’ infurzar.

Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva, jiġifieri persuni intitolati li jibbenefikaw mid-drittijiet ipprovduti minn din id-Direttiva.

Artikolu 3 – Definizzjonijiet

Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi t-termini u l-kunċetti, u tiċċara minn qabel kif għandhom jinftiehmu fil-kuntest tad-Direttiva.

Dawn it-termini u l-kunċetti jinkludu d-definizzjonijiet eżistenti rilevanti tad-Direttiva Riformulata (il-paga, id-diskriminazzjoni diretta, id-diskriminazzjoni indiretta) iżda wkoll kunċetti ġodda relatati speċifikament mad-dritt għal paga ugwali, bħal-livelli tal-pagi, id-diskrepanza fil-pagi, il-paga medjana, id-differenza fil-paga medjana, il-faxxa tal-pagi kwartili, u l-kategoriji tal-ħaddiema.

Il-kunċett ta’ “paga” jinkludi s-salarju u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kif ukoll jekk in natura, li l-ħaddiema jirċievu direttament jew indirettament (“komponenti komplementari jew varjabbli”), fir-rigward tal-impjieg tagħhom mingħand l-impjegatur tagħhom. Dan jinkludi kwalunkwe benefiċċju addizzjonali bħal bonusijiet, kumpens għas-sahra, faċilitajiet tal-ivvjaġġar (inklużi karozzi pprovduti minn min iħaddem u karti tal-ivvjaġġar), allowances għall-akkomodazzjoni, kumpens għal attendenza f’taħriġ, pagamenti f’każ ta’ tkeċċija, ħlas tal-mard statutorju, kumpens statutorju meħtieġ u pensjonijiet okkupazzjonali. Għandu jinkludi l-elementi kollha ta’ remunerazzjoni dovuti bil-liġi jew bi ftehim kollettiv.

Id-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru tista’ tinvolvi intersezzjoni ta’ diversi assi ta’ diskriminazzjoni: Fuq il-bażi tal-ġeneru minn naħa waħda, u l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (kif protetti skont id-Direttiva 2000/43/KE jew id-Direttiva 2000/78/KE) min-naħa l-oħra. Definizzjoni ġdida għandha l-għan li tiċċara li, fil-kuntest tad-diskriminazzjoni bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, jenħtieġ li titqies din il-kombinazzjoni, u b’hekk jitneħħa kwalunkwe dubju li jista’ jeżisti f’dan ir-rigward taħt il-qafas legali eżistenti. Dan jiżgura li l-qrati jew awtoritajiet kompetenti oħra jieħdu kont debitu ta’ kwalunkwe sitwazzjoni ta’ żvantaġġ li tirriżulta minn diskriminazzjoni intersezzjonali, b’mod partikolari għal finijiet sostantivi u proċedurali, inkluż ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, biex jiddeċiedu dwar il-komparatur xieraq, biex jivvalutaw il-proporzjonalità, u biex jiddeterminaw, fejn rilevanti, il-livell ta’ kumpens mogħti jew is-sanzjonijiet imposti. Każ partikolari ta’ tali intersezzjonalità jirreferi għas-sitwazzjoni tan-nisa migranti li jistgħu jirriskjaw forom multipli ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, jew ir-reliġjon jew it-twemmin tagħhom.

Artikolu 4 – xogħol ugwali u xogħol ta’ valur ugwali

Ir-rispett għad-dritt għal paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, imnaqqax fit-Trattat, jirrikjedi li l-impjegatur ikollu strutturi tal-pagi li jiżguraw li n-nisa u l-irġiel jitħallsu bl-istess mod għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali. Sabiex il-ħaddiema u l-impjegaturi jkunu jistgħu jivvalutaw x’jikkostitwixxi xogħol ta’ valur ugwali, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu għodod jew metodoloġiji biex jivvalutaw u jqabblu l-valur tax-xogħol skont sett ta’ kriterji oġġettivi li jinkludu rekwiżiti edukattivi, professjonali u ta’ taħriġ, ħiliet, sforz u responsabbiltà, ix-xogħol imwettaq u n-natura tal-kompiti involuti. Dan jipprovdi l-bażi biex jiġi vvalutat jekk il-ħaddiema humiex meqjusa li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli u li qegħdin iwettqu xogħol ta’ valur ugwali u se jgħin lill-impjegaturi biex jikkategorizzaw aħjar u jirremuneraw il-pożizzjonijiet tax-xogħol abbażi ta’ kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru.

Id-disponibbiltà ta’ kriterji ċari fil-livell nazzjonali se tgħin lill-ħaddiema jistabbilixxu komparatur validu u jevalwaw jekk humiex ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-komparatur li jwettaq xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

Din id-dispożizzjoni tinkorpora wkoll żewġ kjarifiki stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel nett, il-Qorti ċċarat 32 li sabiex jiġi sttabbilit jekk ħaddiema humiex f’sitwazzjoni komparabbli, il-paragun ma għandux ikun neċessarjament limitat għal sitwazzjonijiet fejn nisa u rġiel jaħdmu għall-istess impjegatur. Il-ħaddiema jistgħu jkunu f’sitwazzjoni komparabbli anki meta ma jkunux jaħdmu għall-istess impjegatur, kull meta l-kundizzjonijiet tal-paga jkunu jistgħu jiġu attribwiti għal sors wieħed li jistabbilixxi dawk il-kundizzjonijiet (eż. li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet statutorji, ftehimiet kollettivi tax-xogħol relatati mal-paga applikabbli għal diversi kumpaniji, jew meta t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg jiġu stabbiliti ċentralment għal aktar minn kumpanija waħda fi ħdan korporazzjoni azzjonarja jew konglomerat). Il-Qorti ċċarat ukoll li l-paragun ma għandux ikun limitat għall-ħaddiema impjegati fl-istess żmien bħall-attur 33 . L-inkorporazzjoni ta’ dawn il-kjarifiki se ttejjeb l-applikazzjoni fil-prattika tal-prinċipju tal-paga ugwali.

Barra minn hekk, f’każ li ma jeżisti l-ebda komparatur fil-ħajja reali, għandu jiġi permess paragun ma’ komparatur ipotetiku jew bl-użu ta’ evidenza oħra (statistika jew informazzjoni oħra disponibbli) li tippermetti li tiġi preżunta d-diskriminazzjoni allegata. Il-possibbiltà li jintuża komparatur ipotetiku se tippermetti lil ħaddiem juri li ma ġiex ittrattat bl-istess mod li bih komparatur ipotetiku ta’ ġeneru ieħor kien jiġi ttrattat.

Fl-aħħar nett, din id-dispożizzjoni tfakkar ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva Riformulata, li meta sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol jintużaw biex jiddeterminaw il-paga, dawn għandhom ikunu bbażati fuq l-istess kriterji newtrali għall-ġeneru kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa biex jeskludu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru. Dan ifisser li l-kriterji biex jiġi evalwat il-valur ta’ impjieg jew pożizzjoni għandhom jiġu deskritti u definiti b’mod applikabbli kemm għall-impjiegi kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa b’mod oġġettiv u newtrali.

Kapitolu II – Trasparenza fil-pagi

Artikolu 5 – Trasparenza fil-pagi qabel l-ingaġġ

Sa issa, ma jeżisti l-ebda standard minimu dwar it-trasparenza fil-pagi qabel l-ingaġġ fil-livell tal-UE. Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-impjegaturi jindikaw il-livell ta’ paga inizjali jew il-firxa tagħha (abbażi ta’ kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru) li jridu jitħallsu lill-ħaddiem futur għal pożizzjoni jew impjieg speċifiku. Din l-informazzjoni tista’ tingħata f’avviż ta’ post tax-xogħol battal jew inkella qabel l-intervista tax-xogħol mingħajr ma l-applikant ikollu jitlobha (pereżempju, fl-istedina għall-intervista jew direttament mill-imsieħba soċjali).

Barra minn hekk, din tipprojbixxi lill-impjegaturi milli jistaqsu lill-ħaddiema prospettivi dwar il-paga tagħhom fir-relazzjoni tax-xogħol preċedenti tagħhom.

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiżgura li l-ħaddiema jkollhom l-informazzjoni meħtieġa biex jinnegozjaw il-pagi tagħhom b’mod bilanċjat u ġust meta jidħlu f’relazzjoni ta’ impjieg. Din tiżgura wkoll li d-diskriminazzjoni u l-preġudizzji eżistenti fil-pagi ma jibqgħux jirrepetu ruħhom maż-żmien, speċjalment meta l-ħaddiema jibdlu l-impjieg. Dan ma jillimitax is-setgħa ta’ negozjar tal-impjegatur, tal-ħaddiem jew tas-sħab soċjali biex jinnegozjaw salarju barra mill-firxa indikata. Din il-miżura ta’ trasparenza tindirizza wkoll id-diskriminazzjoni intersezzjonali fejn nuqqas ta’ trasparenza fl-iffissar tal-pagi jippermetti prattiki diskriminatorji għal diversi raġunijiet ta’ diskriminazzjoni.

Artikolu 6 – Trasparenza fl-iffissar tal-pagi u l-politika ta’ avvanz fil-karriera

Sabiex tiġi żgurata n-newtralità għall-ġeneru fl-iffissar tal-pagi u fl-avvanz fil-karriera, din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-impjegaturi jipprovdu lill-ħaddiema deskrizzjoni tal-kriterji newtrali għall-ġeneru użati biex jiddefinixxu l-paga u l-avvanz fil-karriera tagħhom. Fejn xieraq, biex jiġi evitat piż mhux raġonevoli fuq l-intrapriżi mikro u żgħar, impjegatur jista’ jkollu flessibbiltà fil-mod kif jikkonforma ma’ dan l-obbligu b’kont meħud tad-daqs tiegħu, abbażi tan-numru ta’ impjegati.

Artikolu 7 – Dritt għall-informazzjoni

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipprovdi lill-ħaddiema bl-informazzjoni meħtieġa biex jivvalutaw jekk humiex imħallsa b’mod mhux diskriminatorju meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra fl-istess organizzazzjoni li jwettqu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali – u biex jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali jekk meħtieġ.

Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq ir-Rakkomandazzjoni eżistenti tal-2014 tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza fil-pagi. Hija tagħti d-dritt lill-ħaddiema li jitolbu informazzjoni mingħand l-impjegatur tagħhom dwar il-livell tal-paga individwali tagħhom u dwar il-livelli tal-paga medja, imqassma skont il-ġeneru, għal kategoriji ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

L-impjegatur huwa obbligat li jinforma lill-ħaddiema kollha, fuq bażi annwali, dwar id-dritt tagħhom li jirċievu din l-informazzjoni u li jipprovdi l-informazzjoni mitluba f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u f’formati aċċessibbli għall-ħaddiema b’diżabilità fuq talba tagħhom.

Sabiex jiġu indirizzati rappreżalji possibbli jew biża’ ta’ rappreżalji mill-impjegatur min-naħa tal-ħaddiema, id-dispożizzjoni tippermettilhom jitolbu l-informazzjoni permezz tar-rappreżentanti tagħhom jew permezz ta’ korp tal-ugwaljanza.

Sabiex tgħin aktar lill-vittmi possibbli tad-diskriminazzjoni fil-pagi abbażi tal-ġeneru, id-dispożizzjoni tipprojbixxi klawżoli ta’ kunfidenzjalità sakemm l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-pagi jkollu l-għan li jinforza d-dritt ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali. Min-naħa l-oħra, l-impjegaturi jistgħu jitolbu li l-użu ta’ kwalunkwe informazzjoni miksuba jibqa’ limitat għall-infurzar tad-dritt għal paga ugwali.

Artikolu 8 – Rappurtar dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-impjegaturi b’mill-inqas 250 ħaddiem jagħmlu disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli ċerta informazzjoni bħad-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel fl-organizzazzjoni tagħhom, anke f’komponenti komplementari jew varjabbli (ara l-ispjegazzjoni tal-Artikolu 3 hawn fuq), lil hinn mis-salarju bażiku ordinarju.

L-informazzjoni pprovduta taħt l-ittri (a) sa (f) fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu hija bbażata fuq informazzjoni li hija faċilment disponibbli f’organizzazzjoni u tagħti stampa ġenerali tad-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi fl-organizzazzjoni, eż. id-distribuzzjoni ta’ ħaddiema skont il-ġeneru fil-faxex ta’ paga kwartili tinforma dwar il-proporzjon ta’ nisa fl-ogħla/fl-inqas pożizzjonijiet imħallsa. Il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tippermetti ċertu tqabbil bejn l-impjegaturi, li joħloq inċentivi għal min iħaddem biex jipprevjeni diskrepanzi potenzjali fil-pagi, jistimula dibattitu dwar l-ugwaljanza fil-pagi u jagħti bidu għal azzjoni.

L-informazzjoni msemmija fl-ittra (g) fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel skont il-kategoriji ta’ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali, hija speċifika għall-impjegatur u aktar sensittiva miċ-ċifri ġenerali tad-diskrepanza fil-pagi. Il-kategorizzazzjoni tal-ħaddiema li jwettqu xogħol ta’ valur ugwali hija bbażata fuq kombinazzjoni u piż ta’ kriterji, li huma rilevanti għall-impjegatur speċifiku kkonċernat. Id-differenzi fil-paga skont il-kategorija għalhekk mhumiex komparabbli fost min iħaddem, u din hija r-raġuni għaliex din l-informazzjoni ma għandhiex issir pubblika. L-impjegaturi jenħtieġ li jipprovdu din l-informazzjoni lill-ħaddiema kollha u lir-rappreżentanti tagħhom, u l-ispettorat tax-xogħol u l-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni fuq talba. L-informazzjoni dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel skont il-kategoriji ta’ ħaddiema se tkun strumentali biex jissaħħaħ approċċ awtoregolatorju mill-impjegaturi u tippermetti lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom jeħtieġu konformità mal-prinċipju ta’ paga ugwali. Din l-informazzjoni sservi wkoll biex tiskatta t-tnedija ta’ valutazzjoni konġunta tal-pagi kif stipulat fl-Artikolu 9.

Bħala miżura alternattiva għar-rappurtar dwar il-pagi mill-impjegaturi, speċjalment biex jiġi limitat il-piż possibbli tar-rappurtar dwar il-pagi, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jafdaw entità eżistenti biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa minn data amministrattiva bħal data pprovduta minn impjegaturi lill-awtoritajiet tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali u jagħmlu l-informazzjoni disponibbli minflok l-impjegaturi. Id-dispożizzjoni teħtieġ ukoll li l-korp ta’ monitoraġġ maħtur skont l-Artikolu 26 jiġbor id-data li jirċievi mingħand l-impjegaturi, filwaqt li jiżgura aċċess wiesa’ li jippermetti paragun tad-data ta’ impjegaturi, setturi u reġjuni individwali fl-Istat Membru kkonċernat.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, l-ispettorati tax-xogħol u l-korpi tal-ugwaljanza għandhom id-dritt li jitolbu lill-impjegatur għal kjarifiki u dettalji dwar tali informazzjoni, inklużi spjegazzjonijiet dwar kwalunkwe differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. L-impjegatur huwa meħtieġ li jwieġeb għal talbiet bħal dawn fi żmien raġonevoli billi jipprovdi tweġiba sostanzjata. F’każ li d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi ma jkunux iġġustifikati minn fatturi oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, l-impjegatur huwa meħtieġ jirrimedja s-sitwazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol u/jew il-korp tal-ugwaljanza.

Artikolu 9 – Valutazzjoni konġunta tal-pagi

Meta r-rappurtar dwar il-pagi li jsir skont l-Artikolu 8 juri differenza fil-paga medja bejn ħaddiema nisa u rġiel fl-organizzazzjoni ta’ mill-inqas 5 fil-mija fi kwalunkwe kategorija ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali li ma tkunx ġiet iġġustifikata permezz ta’ fatturi oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, l-impjegatur ikkonċernat għandu jkun obbligat li jagħmel valutazzjoni tal-paga. L-impjegatur huwa meħtieġ jiġġustifika kwalunkwe differenza fil-paga fi kwalunkwe kategorija ta’ ħaddiema, inklużi differenzi taħt il-5 fil-mija, permezz ta’ fatturi oġġettivi u newtrali għall-ġeneru u jirrimedja s-sitwazzjoni skont l-Artikolu 8(7).

Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi għandha titwettaq mill-impjegaturi f’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema; Jekk rappreżentanti formali tal-ħaddiema jkunu assenti fl-organizzazzjoni, l-impjegatur jenħtieġ li jaħtar ħaddiem wieħed jew aktar għal dan il-għan.

Ir-rekwiżit ta’ valutazzjoni konġunta tal-pagi għandu l-għan li jiskatta azzjoni obbligatorja min-naħa tal-impjegaturi biex jeżaminaw il-prattiki tal-iffissar tal-pagi tagħhom u jindirizzaw kwalunkwe preġudizzju potenzjali bejn il-ġeneri fl-istrutturi tal-pagi li jiksru l-prinċipju ta’ paga ugwali. Il-kooperazzjoni bejn l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema tiżgura approċċ appoġġat u twassal għal azzjoni komuni.

Id-differenzi fil-livelli medji tal-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel f’kull kategorija ta’ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali jridu jkunu oġġettivament ġustifikati, kif stabbilit b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-impjegatur. Meta d-differenzi ma jkunux jistgħu jiġu ġġustifikati b’fatturi oġġettivi, l-impjegatur ikun meħtieġ jieħu miżuri ta’ rimedju; meta jkunu saru valutazzjonijiet preċedenti, l-impjegatur ikun meħtieġ jinkludi rapport dwar l-effettività ta’ kwalunkwe miżura meħuda skont dawk il-valutazzjonijiet. Il-miżuri għandhom jittieħdu f’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol, u/jew il-korp tal-ugwaljanza u għandhom jinkludu l-istabbiliment ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru biex jiġi żgurat li tiġi eskluża kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta fil-pagi abbażi tal-ġeneru.

Artikolu 10 – Protezzjoni tad-data

Id-dispożizzjoni tippreskrivi li l-ipproċessar potenzjali u/jew l-iżvelar ta’ data personali skont il-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi skont din id-Direttiva jenħtieġ li jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR ) 34 .

Tispeċifika li kwalunkwe data personali miġbura mill-impjegaturi skont l-Artikoli 7, 8 jew 9, ma għandhiex tintuża għal xi skop ieħor ħlief biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

Hija prevista salvagwardja addizzjonali f’każ li d-divulgazzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikoli 7, 8 u 9 twassal għall-iżvelar, direttament jew indirettament, tal-paga ta’ koħaddiem identifikabbli. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li f’każ bħal dan, l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għandha tkun limitata għar-rappreżentanti tal-ħaddiema jew għall-korp tal-ugwaljanza. Dawn għandhom jagħtu parir lill-ħaddiem dwar talba possibbli, mingħajr ma jiżvelaw il-livelli attwali tal-paga ta’ ħaddiema individwali li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali. Peress li ċerta informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi tista’ tkun diġà disponibbli għall-pubbliku, pereżempju fis-settur pubbliku, l-Istati Membri għandhom jitħallew jimplimentaw din is-salvagwardja f’konformità mal-prattika nazzjonali.

Artikolu 11 – Djalogu soċjali

L-involviment tas-sħab soċjali fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-relazzjonijiet tax-xogħol huwa importanti. Huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw il-punti pożittivi u d-dgħufijiet ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex tiġi evitata u miġġielda d-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru. Dawn għandhom rwol ewlieni, pereżempju, fl-istabbiliment ta’ metodi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru. Għaldaqstant, dan l-artikolu jeħtieġ li l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali u skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi skont din id-Direttiva jiġu diskussi mas-sħab soċjali. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ miżuri ta’ politika differenti mmirati lejn l-iżvilupp ta’ sħubija soċjali attiva.

Kapitolu III – Rimedji u infurzar

Artikolu 12 – Difiża tad-drittijiet

Din id-dispożizzjoni, li hija mibnija fuq l-Artikolu 17 tad-Direttiva Riformulata, tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà ta’ proċeduri ġudizzjarji għall-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi skont din id-Direttiva. Hija ssaħħaħ l-aċċess għall-ġustizzja billi tiċċara li r-rikors minn qabel għal proċedimenti mhux ġudizzjarji jista’ jikkonsisti f’konċiljazzjoni jew proċedimenti quddiem korp tal-ugwaljanza. Fi kwalunkwe każ, l-aċċess għall-ġustizzja m’għandux jiġi mfixkel minn proċedimenti amministrattivi intermedji obbligatorji.

Artikolu 13 – Proċeduri f’isem il-vittmi jew b’appoġġ għalihom

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, korpi tal-ugwaljanza u rappreżentanti tal-ħaddiema jew entitajiet legali oħra li għandhom interess li jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jistgħu jidħlu fi proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva għall-infurzar tal-obbligi skont din il-proposta. Dawn l-entitajiet għandu jkollhom id-dritt li jaġixxu f’tali proċeduri jew f’isem ħaddiem, jew b’appoġġ għalih, bl-approvazzjoni tal-ħaddiem. Speċjalment il-korpi tal-ugwaljanza bħalissa ma għandhomx id-dritt li jressqu talbiet fil-qorti fl-Istati Membri kollha.

Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tintroduċi wkoll id-dritt għall-korpi tal-ugwaljanza u r-rappreżentanti tal-ħaddiema li jressqu talbiet f’isem aktar minn ħaddiem wieħed, bl-approvazzjoni tal-ħaddiema. Dan għandu l-għan li jegħleb l-ostakli proċedurali u dawk relatati mal-ispejjeż li jiffaċċjaw il-vittmi tad-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi meta jippruvaw jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali u l-miżuri ta’ trasparenza skont din il-proposta. Il-possibbiltà li jitressqu talbiet kollettivi hija limitata għall-korpi rikonoxxuti, jiġifieri l-korpi tal-ugwaljanza u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Artikolu 14 – Dritt għal kumpens

Rekwiżit imsaħħaħ għall-kumpens jipprovdi inċentivi għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi biex jitolbu ġustizzja u jiddefendu d-dritt tagħhom għal paga ugwali. Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe ħaddiem li jkun sofra dannu kkawżat minn ksur ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali jkollu d-dritt li jitlob u jikseb kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat b’mod li jkun dissważiv u proporzjonat għad-dannu mġarrab.

Din id-dispożizzjoni, li hija mibnija fuq l-Artikolu 18 tad-Direttiva Riformulata, tirrikjedi, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ħaddiem diskriminat jitqiegħed fil-pożizzjoni li kien ikun fiha kieku ma seħħet l-ebda diskriminazzjoni. Dan jinkludi l-irkupru sħiħ tal-paga b’lura u bonusijiet jew pagamenti in natura relatati, kumpens għal opportunitajiet mitlufa u preġudizzju morali. Fl-aħħar nett, din tipprovdi li l-kumpens jew ir-riparazzjoni ma jistgħux jiġu ristretti bl-istabbiliment ta’ limitu massimu minn qabel.

Artikolu 15 – Rimedji oħra

Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tad-dritt għal paga ugwali, din id-dispożizzjoni tiżgura li l-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu ordnijiet ta’ inibizzjoni li jistabbilixxu ksur ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali u biex iwaqqfu tali ksur. Barra minn hekk, il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jitolbu lill-konvenut biex jieħu miżuri strutturali jew organizzattivi biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu relatati ma’ pagi ugwali.

Sabiex tiġi żgurata konformità rapida, il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu ħlas rikorrenti ta’ penali.

Artikolu 16 – Trasferiment tal-oneru tal-provi

Kif diġà stabbilit fl-Artikolu 19 tad-Direttiva Riformulata, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li f’każijiet ta’ diskriminazzjoni prima facie, huwa l-konvenut li għandu jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ paga ugwali. Barra minn hekk, fi proċedimenti legali jew amministrattivi li jikkonċernaw diskriminazzjoni diretta jew indiretta, u f’konformità mal-ġurisprudenza eżistenti 35 , din id-Direttiva ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-ħaddiem: f’każ li l-impjegatur ma jkunx ikkonforma mal-obbligi tat-trasparenza fil-pagi stabbiliti mid-Direttiva, l-oneru tal-provi jenħtieġ li jiġi ttrasferit fuq il-konvenut mingħajr ma jkun meħtieġ li l-ħaddiem jistabbilixxi saħansitra każ prima facie ta’ diskriminazzjoni.

It-tisħiħ tat-trasferiment tal-oneru tal-provi mhux biss jiffaċilita l-infurzar mill-ħaddiema tad-dritt tagħhom għal paga ugwali iżda wkoll jipprovdi inċentiv addizzjonali għall-impjegaturi biex jikkonformaw mal-obbligi ta’ trasparenza tagħhom skont din id-Direttiva.

Artikolu 17 – Aċċess għall-evidenza

Dan l-artikolu jipprovdi li l-qrati nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħra jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut biex jiżvela evidenza rilevanti li tinsab fil-kontroll tiegħu, waqt proċedimenti li jikkonċernaw talba għal diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi. B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jordnaw l-iżvelar ta’ evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jqisu li dan ikun rilevanti għat-talba filwaqt li jkollhom miżuri effettivi biex jipproteġu din l-informazzjoni. Informazzjoni kunfidenzjali tista’ tieħu l-forma ta’ parir legali mogħti lill-maniġment, protokoll ta’ laqgħa tal-azzjonisti, data personali eċċ. meħtieġa għall-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali għal diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi.

Artikolu 18 – Perjodi ta’ preskrizzjoni

Perjodi qosra ta’ preskrizzjoni u ostakli proċedurali relatati ġew identifikati bħala wieħed mill-ostakli li jżommu lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi milli jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali. Din hija r-raġuni għaliex din id-Direttiva tistabbilixxi standards komuni dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni biex jitressqu talbiet għal diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi.

Hija tipprovdi li l-perjodu ta’ preskrizzjoni biex jitressqu talbiet taħt din il-proposta għandhom ikunu mill-inqas tliet snin u m’għandhomx jibdew jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-prinċipju ta’ paga ugwali jew xi ksur tad-drittijiet jew l-obbligi taħt din id-Direttiva u l-attur ikun jaf dwar il-ksur. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jenħtieġ li jiġi sospiż jew interrott hekk kif l-attur jieħu azzjoni billi jippreżenta talba jew iressaq it-talba għall-attenzjoni tal-impjegatur, tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, tal-ispettorat tax-xogħol jew tal-korp tal-ugwaljanza.

Artikolu 19 – Spejjeż legali u ġudizzjarji

L-ispejjeż tal-litigazzjoni jikkostitwixxu ostaklu proċedurali ewlieni li joħloq diżinċentiv serju għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri biex jitolbu d-dritt tagħhom għal paga ugwali, li jwassal għal protezzjoni u infurzar insuffiċjenti tad-dritt għal paga ugwali. Sabiex jiġi żgurat aċċess akbar għall-ġustizzja u sabiex il-ħaddiema jiġu inċentivati jinfurzaw id-dritt tagħhom, din id-dispożizzjoni tiżgura li l-atturi li jirbħu kawża dwar diskriminazzjoni fil-pagi jkollhom id-dritt li jirkupraw l-onorarji legali u tal-esperti u l-ispejjeż mingħand il-konvenut. Hija tispeċifika, min-naħa l-oħra, li l-konvenuti li jipprevalu fuq talba għal diskriminazzjoni fil-pagi ma għandux ikollhom dritt simili, jiġifieri li jirkupraw kwalunkwe tariffa legali u tal-esperti mingħand l-attur(i), ħlief meta t-talba tkun saret in mala fede, kienet frivola jew fejn in-nuqqas ta’ rkupru jkun meqjus mhux raġonevoli fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ (eż. fil-każ ta’ mikrointrapriżi b’sitwazzjoni finanzjarja dgħajfa).

Artikolu 20 – Penali

Din id-dispożizzjoni ssaħħaħ l-istandards minimi eżistenti dwar il-penali li għandhom jiġu applikati għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet u l-obbligi relatati ma’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali billi żżid l-effett ta’ deterrent għall-impjegaturi li jinvolvu ruħhom f’imġiba illegali. Fl-istess ħin, penali sinifikanti għandhom effett preventiv biex jistimulaw lill-impjegaturi biex jikkonformaw b’mod proattiv mal-obbligi tagħhom.

Kwalunkwe penali stabbilita fl-Istati Membri għandha tinkludi multi, li l-ammont tagħhom għandu jqis għadd ta’ elementi aggravanti bħall-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur kif ukoll kwalunkwe intenzjoni jew negliġenza serja min-naħa tal-impjegatur.

Dan l-Artikolu jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu penali speċifiċi applikati għal ksur ripetut tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali. Tali penali jistgħu jinkludu, pereżempju, ir-revoka ta’ benefiċċji pubbliċi jew l-esklużjoni, għal ċertu perjodu ta’ żmien, minn kwalunkwe għoti ta’ inċentivi finanzjarji jew ta’ kreditu.

Artikolu 21 – kwistjonijiet ta’ paga ugwali f’kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet

Skont id-Direttiva 2014/23/UE 36 , id-Direttiva 2014/24/UE 37 , u d-Direttiva 2014/25/UE 38 , l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li, fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet, l-operaturi ekonomiċi (inkluża l-katina tas-sottokuntrattar minn hemm ’il quddiem) jikkonformaw mal-obbligi relatati mal-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. Dan ifisser li jenħtieġ li b’mod partikolari jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom mekkaniżmi li jiffissaw il-pagi li ma jwasslux għal differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel li ma tistax tiġi ġġustifikata minn fatturi newtrali għall-ġeneru fi kwalunkwe kategorija ta’ ħaddiema li jwettqu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

Barra minn hekk, fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-obbligi, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw li l-awtoritajiet kontraenti jintroduċu, kif xieraq, penali u kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni li jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-paga ugwali fit-twettiq ta’ kuntratti u konċessjonijiet pubbliċi. Din id-dispożizzjoni tiċċara wkoll li r-raġunijiet għall-esklużjoni fakultattiva eżistenti skont id-Direttiva 2014/23/UE, id-Direttiva 2014/24/UE, u d-Direttiva 2014/25/UE jistgħu jintużaw biex jeskludu operatur li jikser il-prinċipju tal-paga ugwali.

L-obbligi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jaqgħu fi ħdan l-obbligi applikabbli fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol stabbiliti fl-Artikoli 18(2) u 71(1) tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku, l-Artikoli 36(2) u 88(1) tad-Direttiva 2014/25/UE dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u l-Artikoli 30(3) u 42(1) tad-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni. Il-kjarifika u r-referenza espliċita għad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq huma maħsuba biex jappoġġaw u jsaħħu l-implimentazzjoni tagħhom fir-rigward tad-dritt għal paga ugwali.

Artikolu 22 – Vittimizzazzjoni u protezzjoni kontra trattament anqas favorevoli

Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom jenħtieġ li ma jiġux trattati b’mod inqas favorevoli wara li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali jew kwalunkwe dritt previst f’din id-direttiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jintroduċu, fil-livell nazzjonali, miżuri biex jipproteġu lill-ħaddiema, inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema, kontra t-tkeċċija jew kwalunkwe trattament negattiv ieħor mill-impjegaturi wara lment jew wara proċedimenti legali mmirati lejn l-infurzar tal-konformità ma’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-paga ugwali għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali.

Artikolu 23 – Relazzjoni mad-Direttiva 2006/54/KE

Din id-dispożizzjoni tiċċara r-relazzjoni mad-Direttiva 2006/54/KE fir-rigward tal-miżuri ta’ infurzar. Il-miżuri ta’ infurzar ta’ din id-Direttiva għandu japplika għal proċedimenti li jikkonċernaw kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE minflok l-Artikoli 17, 18, 19, 24 u 25 ta’ dik id-Direttiva.

KAPITOLU IV – Dispożizzjonijiet orizzontali

Artikolu 24 – Livell ta’ protezzjoni

Din hija dispożizzjoni standard li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni minn dak garantit mid-Direttiva. Hija tipprekludi wkoll lill-Istati Membri milli jnaqqsu l-livell ta’ protezzjoni fir-rigward tal-kwistjoni tal-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali. 

Artikolu 25 – Korpi tal-ugwaljanza

Il-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza għandhom rwol kruċjali fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-diskriminazzjoni u tal-ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva Riformulata diġà tipprovdi li l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru korp jew korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ ta’ trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru, inkluż fir-rigward tal-paga. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza għandhom ikunu ugwalment kompetenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dan jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jieħdu miżuri attivi biex jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u l-ispettorati tax-xogħol u biex jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom ir-riżorsi xierqa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-rispett għad-dritt għal paga ugwali. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jallokaw ammonti rkuprati bħala multi skont l-Artikolu 20 lill-korpi tal-ugwaljanza għal dak il-għan.

Artikolu 26 – Monitoraġġ u sensibilizzazzjoni

Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tad-dritt għal paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu korp ta’ monitoraġġ iddedikat. Dan il-korp, li jista’ jkun parti minn korp eżistenti li jsegwi objettivi simili, jenħtieġ li jkollu kompiti speċifiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi previsti f’din id-Direttiva u jiġbor ċerta data għall-monitoraġġ tal-inugwaljanzi fil-pagi u l-impatt tal-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi. L-Istati Membri se jkollhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-funzjonament xieraq ta’ tali korp.

Il-funzjonijiet ewlenin tal-korp ta’ monitoraġġ jenħtieġ li jkunu li jaggrega d-data u r-rapporti prodotti skont il-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi previsti f’din id-Direttiva u, fejn rilevanti, jiżgura l-pubblikazzjoni tagħhom b’mod faċli għall-utent. Jenħtieġ li jindirizza wkoll il-kawżi tad-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel u tipprovdi għodod biex jiġu analizzati u vvalutati l-inugwaljanzi fil-pagi. Minbarra dan, jenħtieġ li jkun responsabbli wkoll li jipprovdi lill-Kummissjoni b’data annwali dwar l-għadd u t-tipi ta’ kawżi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi mressqa quddiem il-qrati u ta’ lmenti mressqa quddiem l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, inklużi l-korpi tal-ugwaljanza. Fl-aħħar nett, il-kompitu tiegħu jenħtieġ li jkun li jqajjem kuxjenza fost l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, is-sħab soċjali u l-pubbliku ġenerali sabiex jippromwovi l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali u trasparenza fil-pagi.

Artikolu 27 – Negozjar u azzjoni kollettivi

Din id-Direttiva tirrikonoxxi d-diversità tal-mudelli tas-suq tax-xogħol madwar l-UE inkluż ir-rwol tas-sħab soċjali fi Stati Membri differenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-suġġett ta’ din id-Direttiva. Din id-dispożizzjoni għalhekk tafferma mill-ġdid li d-Direttiva ma taffettwa bl-ebda mod id-dritt tas-sħab soċjali li jinnegozjaw, jikkonkludu u jinfurzaw ftehimiet kollettivi, kif ukoll li jieħdu azzjoni kollettiva.

Artikolu 28 – Statistika

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 39 jirrikjedi li l-Istati Membri jikkompilaw statistika ta’ kull erba’ snin dwar il-qligħ strutturali (SES) fil-livell mikro li tipprovdi data armonizzata għall-kalkolu tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Fl-intervall ta’ erba’ snin bejn żewġ SES, l-Istati Membri jittrażmettu, fuq bażi volontarja, data annwali dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi mqassma skont il-ġeneru, is-settur ekonomiku, il-ħin tax-xogħol (full-time/part-time), il-kontroll ekonomiku (sjieda pubblika/privata) u l-età. Anke jekk id-diskriminazzjoni fil-pagi hija biss komponent wieħed tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, huwa meħtieġ titjib fil-frekwenza tad-data disponibbli biex ikun jista’ jsir monitoraġġ annwali. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tagħmel il-kompilazzjoni tad-data annwali dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa obbligatorja sabiex jiġi żgurat sett sħiħ ta’ data kull sena.

Artikolu 29 – Tixrid ta’ informazzjoni

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura s-sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri dwar id-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva, kif ukoll dwar drittijiet oħra diġà eżistenti fl-istess qasam.

Artikolu 30 – Implimentazzjoni

Dan l-Artikolu jipprevedi li, b’kont meħud tad-diversità tal-mudelli tas-suq tax-xogħol madwar l-UE u l-livell ta’ involviment tas-sħab soċjali f’xi Stati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta’ regoli rilevanti għal kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva, dment li r-riżultati mfittxija minn din id-Direttiva jkunu ggarantiti f’kull ħin.

Artikolu 31 – Traspożizzjoni

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-perjodu massimu li għandhom l-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali u biex jikkomunikaw it-testi rilevanti lill-Kummissjoni. Dan il-perjodu huwa stabbilit għal sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

Artikolu 32 – Rapportar u rieżami

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva sa mhux aktar tard minn tmien snin wara d-dħul fis-seħħ, biex b’hekk il-Kummissjoni tkun tista’ tirrevedi l-applikazzjoni tad-Direttiva.

Artikolu 33 – Dħul fis-seħħ

Din hija dispożizzjoni standard li tistipula li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

Artikolu 34 – Destinatarji

Din hija dispożizzjoni standard dwar id-destinatarji, li tagħmilha ċara li d-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

2021/0050 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 40 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxu d-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala wieħed mill-valuri u l-kompiti essenzjali tal-Unjoni.

(2)L-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) jipprovdu li l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fl-attivitajiet kollha tagħha.

(3)L-Artikolu 157(1) tat-TFUE jobbliga lil kull Stat Membru biex jiżgura li jiġi applikat il-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali.

(4)L-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

(5)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 41 , ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, jinkorpora fost il-prinċipji tiegħu l-ugwaljanza fit-trattament u l-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel, u d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali.

(6)Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 tistipula li għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali, trid tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq bażi ta’ ġeneru fir-rigward tal-aspetti u l-kundizzjonijiet kollha tar-remunerazzjoni. B’mod partikolari, meta tintuża sistema ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi biex tiġi ddeterminata l-paga, din jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u għalhekk jenħtieġ li tkun imfassla b’tali mod li teskludi kull diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru.

(7)L-evalwazzjoni tal-2020 43 sabet li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali hija mxekkla minn nuqqas ta’ trasparenza fis-sistemi tal-pagi, nuqqas ta’ ċertezza legali dwar il-kunċett ta’ “xogħol ta’ valur ugwali”, u minn ostakli proċedurali ffaċċjati minn vittmi ta’ diskriminazzjoni. Il-ħaddiema ma għandhomx l-informazzjoni li huma jeħtieġu biex jirnexxielhom jagħmlu talba għal paga ugwali u b’mod partikolari l-informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi għal kategoriji ta’ ħaddiema li jwettqu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali. Ir-rapport sab li trasparenza ikbar tista’ tippermetti li jiġi żvelat preġudizzju u diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru fl-istrutturi tal-pagi ta’ intrapriża jew organizzazzjoni. Din tippermetti wkoll lill-impjegati, lill-impjegaturi u lis-sħab soċjali jieħdu azzjoni xierqa biex jinfurzaw id-dritt għal paga ugwali.

(8)Wara evalwazzjoni bir-reqqa tal-qafas eżistenti dwar paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali 44 u proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ u inklużiv 45 , l-istrateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020-2025 46 ħabbret miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi.

(9)Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi hija kkawżata minn diversi fatturi, li wħud minnhom jistgħu jiġu attribwiti għal diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi tal-ġeneru fil-pagi. Nuqqas ġenerali ta’ trasparenza dwar il-livelli tal-pagi fl-organizzazzjonijiet isostni sitwazzjoni fejn id-diskriminazzjoni l-preġudizzju fil-pagi bbażati fuq il-ġeneru jistgħu ma jiġux individwati jew, meta jkun hemm suspett tagħhom, huwa diffiċli li jiġu ppruvati. Għalhekk, huma meħtieġa miżuri vinkolanti biex tittejjeb it-trasparenza fil-pagi, biex l-organizzazzjonijiet jiġu mħeġġa jirrevedu l-istrutturi tal-pagi tagħhom biex jiżguraw paga ugwali għan-nisa u l-irġiel li jagħmlu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, u biex il-vittmi tad-diskriminazzjoni jkunu jistgħu jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali. Dan jeħtieġ li jiġi kkomplementat minn dispożizzjonijiet li jiċċaraw il-kunċetti legali eżistenti (bħall-kunċett ta’ “paga” u “xogħol ta’ valur ugwali”) u miżuri li jtejbu l-mekkaniżmi ta’ infurzar u l-aċċess għall-ġustizzja.

(10)L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa jenħtieġ li tissaħħaħ billi tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi. Hija ma tipprekludix li l-impjegaturi jagħtu paga differenti lil ħaddiema li jagħmlu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, newtrali għall-ġeneru u ħielsa mill-preġudizzji bħalma huma l-prestazzjoni u l-kompetenza.

(11)Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-ħaddiema kollha, inklużi ħaddiema part-time, ħaddiema b’kuntratt fiss jew persuni b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija temporanja, li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif iddefinit mil-liġi, ftehimiet kollettivi u/jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru, filwaqt li tikkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”). Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti stabbiliet kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem 47 . Dment li jissodisfaw dawn il-kriterji, il-ħaddiema domestiċi, il-ħaddiema fuq talba, il-ħaddiema intermittenti, il-ħaddiema li jitħallsu b’vawċers, il-ħaddiema tal-pjattaforma, it-trainees u l-apprendisti jenħtieġ li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg jenħtieġ li tkun iggwidata mill-fatti relatati mat-twettiq effettiv tax-xogħol u mhux mid-deskrizzjoni mill-partijiet tar-relazzjoni.

(12)Sabiex jitneħħew l-ostakli għall-vittmi tad-diskriminazzjoni fil-paga fuq il-bażi tal-ġeneru biex jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali u biex l-impjegaturi jiġu ggwidati biex jiżguraw ir-rispett ta’ dan id-dritt, il-kunċetti ewlenin relatati mal-paga ugwali, bħal “paga” u “xogħol ta’ valur ugwali”, jenħtieġ li jiġu ċċarati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti. Dan għandu jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawn il-kunċetti, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(13)Il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali għan-nisa u l-irġiel jenħtieġ li jiġi rrispettat fir-rigward tal-paga jew tas-salarju u kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kif ukoll jekk in natura, li l-ħaddiema jirċievu direttament jew indirettament, għall-impjieg tagħhom mill-impjegatur. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti 48 , il-kunċett ta’ “paga” jenħtieġ li jinkludi mhux biss is-salarju, iżda wkoll benefiċċji addizzjonali bħal bonusijiet, kumpens għas-sahra, faċilitajiet tal-ivvjaġġar (inklużi karozzi pprovduti mill-impjegatur u kards tal-ivvjaġġar), benefiċċji għall-akkomodazzjoni, kumpens għall-attendenza għat-taħriġ, ħlasijiet f’każ ta’ tkeċċija, benefiċċji tal-mard statutorju, kumpens mitlub mil-liġi u pensjonijiet tax-xogħol. Jenħtieġ li jinkludi l-elementi kollha ta’ remunerazzjoni dovuti bil-liġi jew bi ftehim kollettiv.

(14)L-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE jipprovdi li ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq bażi ta’ ġeneru, b’mod partikolari b’rabta mal-paga. Id-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru fejn il-ġeneru tal-vittma jkollu rwol kruċjali tista’ tieħu ħafna forom differenti fil-prattika. Tista’ tinvolvi intersezzjoni ta’ diversi assi ta’ diskriminazzjoni jew inugwaljanza meta l-ħaddiem ikun membru ta’ grupp wieħed jew aktar protetti kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, minn naħa waħda, u l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (kif protetti skont id-Direttiva 2000/43/KE jew id-Direttiva 2000/78/KE), min-naħa l-oħra. In-nisa migranti huma fost il-gruppi li jiffaċċjaw forom multipli ta’ diskriminazzjoni bħal dawn. Din id-direttiva jenħtieġ għalhekk li tiċċara li, fil-kuntest tad-diskriminazzjoni bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, tali kombinazzjoni jenħtieġ li titqies, u b’hekk jitneħħa kwalunkwe dubju li jista’ jeżisti f’dan ir-rigward fil-qafas legali eżistenti. Dan jenħtieġ li jiżgura li l-qrati jew awtoritajiet kompetenti oħra jieħdu kont debitu ta’ kwalunkwe sitwazzjoni ta’ żvantaġġ li tirriżulta minn diskriminazzjoni intersezzjonali, b’mod partikolari għal finijiet sostantivi u proċedurali, inkluż ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, biex jiddeċiedu dwar il-komparatur xieraq, biex jivvalutaw il-proporzjonalità, u biex jiddeterminaw, fejn rilevanti, il-livell ta’ kumpens mogħti jew is-sanzjonijiet imposti.

(15)Sabiex jiġi rispettat id-dritt għal paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, l-impjegaturi jrid ikollhom fis-seħħ mekkaniżmi li jiffissaw il-pagi jew strutturi tal-pagi li jiżguraw li ma jkunx hemm differenzi fil-pagi bejn il-ħaddiema rġiel u nisa li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali li mhumiex ġustifikati minn fatturi oġġettivi u newtrali għall-ġeneru. Dawn l-istrutturi tal-pagi jenħtieġ li jippermettu t-tqabbil tal-valur ta’ impjiegi differenti fl-istess struttura organizzattiva. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti, il-valur tax-xogħol jenħtieġ li jkun ivvalutat u pparagunat skont kriterji oġġettivi, bħal rekwiżiti edukattivi, professjonali u dawk ta’ taħriġ, ħiliet, sforz u responsabbiltà, ix-xogħol li jsir u n-natura tal-kompiti involuti 49 .

(16)L-identifikazzjoni ta’ komparatur validu hija parametru importanti biex jiġi ddeterminat jekk xogħol jistax jitqies ta’ valur ugwali. Din tippermetti lill-ħaddiem juri li kien ittrattat b’mod inqas favorevoli mill-komparatur ta’ ġeneru differenti li jagħmel xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali. F’sitwazzjonijiet fejn ma jeżisti l-ebda komparatur fil-ħajja reali, għandu jiġi permess l-użu ta’ komparatur ipotetiku, li jippermetti lil ħaddiem juri li ma ġiex ittrattat bl-istess mod li kien jiġi ttrattat komparatur ipotetiku ta’ ġeneru ieħor. Dan ineħħi ostaklu importanti għall-vittmi potenzjali tad-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi, speċjalment fis-swieq ta’ impjiegi li huma segregati ħafna skont il-ġeneru fejn rekwiżit li jinstab komparatur tal-ġeneru oppost jagħmilha kważi impossibbli li titressaq talba għal paga ugwali. Barra minn hekk, il-ħaddiema ma għandhomx jiġu preklużi milli jużaw fatti oħra li minnhom tista’ tiġi preżunta diskriminazzjoni allegata, bħal statistika jew informazzjoni oħra disponibbli. Dan jippermetti li l-inugwaljanzi fil-pagi bbażati fuq il-ġeneru jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv f’setturi u professjonijiet segregati skont il-ġeneru.

(17)Il-Qorti ċċarat 50 li sabiex jiġi deċiż jekk ħaddiema humiex f’sitwazzjoni komparabbli, il-paragun ma għandux ikun neċessarjament limitat għal sitwazzjonijiet fejn nisa u rġiel ikunu jaħdmu għall-istess impjegatur. Il-ħaddiema jistgħu jkunu f’sitwazzjoni komparabbli anki meta ma jkunux jaħdmu mal-istess impjegatur kull meta l-kundizzjonijiet tal-paga jkunu jistgħu jiġu attribwiti għal sors wieħed li jistabbilixxi dawk il-kundizzjonijiet. Dan jista’ jkun il-każ meta l-kundizzjonijiet tal-paga jkunu rregolati minn dispożizzjonijiet statutorji jew ftehimiet kollettivi tax-xogħol relatati mal-paga applikabbli għal diversi kumpaniji, jew meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu stabbiliti ċentralment għal aktar minn organizzazzjoni jew negozju wieħed f’kumpanija azzjonarja jew konglomerat. Barra minn hekk, il-Qorti ċċarat li l-paragun ma għandux ikun limitat għall-ħaddiema impjegati fl-istess żmien tal-attur 51 .

(18)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw għodod u metodoloġiji speċifiċi biex jappoġġaw u jiggwidaw il-valutazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi xogħol ta’ valur ugwali. Dan għandu jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(19)Is-sistemi ta’ klassifikazzjoni u evalwazzjoni tax-xogħol jistgħu jirriżultaw f’diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru, jekk ma jintużawx b’mod newtrali għall-ġeneru, b’mod partikolari meta jassumu sterjotipi tradizzjonali tal-ġeneru. F’każ bħal dan, dawn jikkontribwixxu għad-differenza bejn fil-pagi u jipperpetwawha billi jevalwaw l-impjiegi ddominati mill-irġiel u n-nisa b’mod differenti f’sitwazzjonijiet fejn il-valur tax-xogħol imwettaq ikun tal-istess valur. Meta jintużaw sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru, dawn ikunu effettivi fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ paga trasparenti u jkunu strumentali biex jiżguraw li d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi tal-ġeneru tiġi eskluża. Huma jidentifikaw diskriminazzjoni indiretta fil-pagi relatata mas-sottovalutazzjoni tal-impjiegi li tipikament isiru min-nisa. Huma jagħmlu dan billi jkejlu u jqabblu l-impjiegi li l-kontenut tagħhom ikun differenti iżda ta’ valur ugwali u b’hekk jappoġġaw il-prinċipju ta’ xogħol ta’ valur ugwali.

(20)In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-firxa prevista tal-paga ta’ pożizzjoni tax-xogħol joħloq asimmetrija tal-informazzjoni li tillimita s-setgħa tan-negozjar tal-applikanti. L-iżgurar tat-trasparenza għandu jippermetti lill-ħaddiema prospettivi jieħdu deċiżjoni infurmata dwar is-salarju mistenni mingħajr ma jillimita b’xi mod is-setgħa ta’ negozjar tal-impjegatur jew tal-ħaddiem biex jinnegozjaw salarju anke barra mill-medda indikata. Dan jiżgura wkoll bażi espliċita u ħielsa minn preġudizzju skont il-ġeneru għall-iffissar tal-pagi u jfixkel is-sottovalutazzjoni tal-paga meta mqabbla mal-ħiliet u l-esperjenza. Din il-miżura ta’ trasparenza tindirizza wkoll id-diskriminazzjoni intersezzjonali meta nuqqas ta’ trasparenza fl-iffissar tal-pagi jippermetti prattiki diskriminatorji għal diversi raġunijiet ta’ diskriminazzjoni. L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-applikanti qabel l-impjieg, jekk ma tkunx ippubblikata f’avviż ta’ post tax-xogħol battal, tista’ tiġi pprovduta lill-applikant qabel l-intervista tax-xogħol mill-impjegatur jew b’mod differenti, pereżempju mill-imsieħba soċjali.

(21)Sabiex titwaqqaf it-tkomplija tad-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel li taffettwa lill-ħaddiema individwali matul iż-żmien, l-impjegaturi jenħtieġ li ma jitħallewx jistaqsu dwar l-istorja tal-paga preċedenti tal-applikant għal impjieg.

(22)Il-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi għandhom jipproteġu d-dritt tal-ħaddiema għal paga ugwali filwaqt li jillimitaw kemm jista’ jkun l-ispejjeż u l-piż għall-impjegatur u jagħtu attenzjoni speċifika lill-intrapriżi mikro u żgħar. Fejn xieraq, il-miżuri jenħtieġ li jitfasslu skont id-daqs tal-impjegaturi filwaqt li jitqies in-numru ta’ impjegati tal-impjegatur.

(23)L-impjegaturi jenħtieġ li jagħmlu aċċessibbli għall-ħaddiema deskrizzjoni tal-kriterji użati biex jiddeterminaw il-livelli tal-pagi u l-progressjoni tal-karriera. L-impjegatur jenħtieġ li jkollu flessibbiltà fil-mod kif jikkonforma ma’ dan l-obbligu filwaqt li jitqies id-daqs tal-organizzazzjoni.

(24)Il-ħaddiema kollha jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jiksbu informazzjoni, fuq talba tagħhom, dwar il-paga tagħhom u dwar il-livell tal-paga, imqassma skont il-ġeneru, għall-kategorija ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali. L-impjegaturi jridu jinfurmaw lill-ħaddiema dwar dan id-dritt fuq bażi annwali. L-impjegaturi jistgħu wkoll, fuq inizjattiva tagħhom stess, jagħżlu li jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr ma l-ħaddiema jkollhom bżonn jitolbuha.

(25)L-impjegaturi b’mill-inqas 250 ħaddiem jenħtieġ li jirrapportaw regolarment dwar il-pagi, b’mod xieraq u trasparenti, bħall-inklużjoni tal-informazzjoni fir-rapport tal-ġestjoni tagħhom. Il-kumpaniji soġġetti għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 jistgħu jagħżlu wkoll li jirrappurtaw dwar il-pagi flimkien ma’ kwistjonijiet oħra relatati mal-ħaddiema fir-rapport tal-ġestjoni tagħhom.

(26)Ir-rappurtar dwar il-pagi jenħtieġ li jippermetti lill-impjegaturi jevalwaw u jimmonitorjaw l-istrutturi u l-politiki tal-pagi tagħhom, u b’hekk ikunu jistgħu jikkonformaw b’mod proattiv mal-prinċipju ta’ paga ugwali. Fl-istess ħin, id-data diżaggregata skont il-ġeneri għandha tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lil partijiet ikkonċernati oħra jimmonitorjaw id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fis-setturi (segregazzjoni orizzontali) u l-funzjonijiet (segregazzjoni vertikali). L-impjegaturi jistgħu, jekk iridu, jakkumpanjaw id-data ppubblikata bi spjegazzjoni ta’ kwalunkwe differenza jew diskrepanza bejn il-ġeneri fil-pagi. F’każijiet fejn id-differenzi fil-paga medja għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali bejn ħaddiema nisa u rġiel ma jkunux jistgħu jiġu ġġustifikati b’fatturi oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, l-impjegatur jenħtieġ li jieħu miżuri biex ineħħi l-inugwaljanzi.

(27)Biex jitnaqqas il-piż fuq l-impjegaturi, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiġbru u jgħaqqdu d-data meħtieġa permezz tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom li jippermetti komputazzjoni tad-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel għal kull impjegatur. Tali ġbir ta’ data jista’ jkun jeħtieġ l-interkonnessjoni ta’ data minn diversi amministrazzjonijiet pubbliċi (bħal ispettorati tat-taxxa u uffiċċji tas-sigurtà soċjali) u jkun possibbli jekk tkun disponibbli data amministrattiva li tqabbel id-data tal-impjegaturi (livell tal-kumpanija/organizzazzjoni) mad-data tal-ħaddiema (livell individwali), inklużi l-benefiċċji fi flus kontanti u in natura. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiġbru din l-informazzjoni mhux biss għal dawk l-impjegaturi koperti mill-obbligu ta’ rapportar dwar il-pagi skont din id-Direttiva, iżda wkoll fir-rigward tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-Istati Membri jenħtieġ li tissostitwixxi l-obbligu tar-rappurtar tal-pagi fuq dawk l-impjegaturi koperti mid-data amministrattiva sakemm jinkiseb ir-riżultat maħsub mill-obbligu tar-rappurtar.

(28)Sabiex l-informazzjoni dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel fil-livell organizzattiv tkun disponibbli b’mod wiesa’, l-Istati Membri jenħtieġ li jafdaw lill-korp ta’ monitoraġġ maħtur skont din id-Direttiva biex jaggrega d-data dwar id-differenza fil-pagi li jirċievi mingħand l-impjegaturi mingħajr ma jqiegħed piż addizzjonali fuq dawn tal-aħħar. Il-korp ta’ monitoraġġ jenħtieġ li jagħmel din id-data pubblika, u b’hekk jippermetti li titqabbel id-data ta’ impjegaturi, setturi u reġjuni individwali tal-Istat Membru kkonċernat.

(29)Il-valutazzjonijiet konġunti tal-pagi jenħtieġ li jiskattaw ir-rieżami u r-reviżjoni tal-istrutturi tal-pagi f’organizzazzjonijiet b’mill-inqas 250 ħaddiem li juru inugwaljanzi fil-pagi. Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi jenħtieġ li ssir mill-impjegaturi f’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema; jekk ma jkunx hemm rappreżentanti tal-ħaddiema, dawn jenħtieġ li jiġu nnominati għal dan il-għan. Il-valutazzjonijiet konġunti tal-pagi għandhom iwasslu għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi.

(30)Kwalunkwe proċessar jew pubblikazzjoni ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva jenħtieġ li tkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 53 . Jenħtieġ li jiżdiedu salvagwardji speċifiċi biex jipprevjenu l-iżvelar dirett jew indirett ta’ informazzjoni ta’ koħaddiem identifikabbli. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-ħaddiema ma jinżammux milli jiżvelaw b’mod volontarju l-paga tagħhom għall-fini tal-infurzar tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew xogħol li għalih jiġi attribwit valur ugwali.

(31)Huwa importanti li s-sħab soċjali jiddiskutu u jagħtu attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet ta’ pagi ugwali fin-negozjar kollettiv. Il-karatteristiċi differenti tad-djalogu soċjali nazzjonali u s-sistemi ta’ negozjar kollettiv madwar l-Unjoni u l-awtonomija u l-libertà kuntrattwali tas-sħab soċjali kif ukoll il-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u tal-impjegatur jenħtieġ li jiġu rrispettati. Għalhekk, l-Istati Membri, skont is-sistema u l-prattiki nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa, bħal programmi li jappoġġaw is-sħab soċjali, gwida prattika kif ukoll parteċipazzjoni attiva tal-gvern fi djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Miżuri bħal dawn jenħtieġ li jinkoraġġixxu lis-sħab soċjali biex jagħtu l-attenzjoni dovuta lil kwistjonijiet ta’ pagi ugwali, inklużi diskussjonijiet fil-livell adatt ta’ negozjar kollettiv u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru.

(32)Il-ħaddiema jenħtieġ li jkollhom il-proċeduri meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-ġustizzja. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel l-użu tal-konċiljazzjoni jew l-intervent ta’ korp tal-ugwaljanza obbligatorju jew soġġett għal inċentivi jew penali jenħtieġ li ma żżomx lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-qorti.

(33)L-involviment ta’ korpi ta’ ugwaljanza, minbarra partijiet ikkonċernati oħrajn, huwa strumentali biex il-prinċipju ta’ paga ugwali jkun applikat b’mod effettiv. Is-setgħat u l-mandati tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza għalhekk jenħtieġ li jkunu adegwati sabiex ikopru bis-sħiħ id-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi, inkluż kwalunkwe trasparenza fil-pagi jew kwalunkwe dritt u obbligu ieħor stabbilit b’din id-Direttiva. Sabiex jingħelbu l-ostakli proċedurali u dawk relatati mal-ispejjeż li jiffaċċjaw il-ħaddiema li jemmnu li qed issir diskriminazzjoni kontrihom meta jfittxu li jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali, il-korpi tal-ugwaljanza, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet, il-korpi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jew entitajiet legali oħra b’interess li jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrappreżentaw lil individwi. Huma jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li jassistu lill-ħaddiema f’isimhom jew f’appoġġ għalihom, li jippermetti lill-ħaddiema li jkunu sofrew diskriminazzjoni biex b’mod effettiv jitolbu d-drittijiet tagħhom u l-prinċipju ta’ paga ugwali jiġi infurzat.

(34)Il-korpi tal-ugwaljanza u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrappreżentaw ukoll ħaddiem wieħed jew aktar li jemmnu li saret diskriminazzjoni kontrihom abbażi tal-ġeneru bi ksur tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali. It-tressiq ta’ pretensjonijiet f’isem diversi ħaddiema jew f’appoġġ għalihom huwa mod kif jiġu ffaċilitati l-proċedimenti li altrimenti ma kinux jitressqu minħabba ostakli proċedurali u finanzjarji jew biża’ ta’ vittimizzazzjoni u anke meta l-ħaddiema jkunu qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni għal raġunijiet multipli li jista’ jkun diffiċli li jiġu sseparati. It-talbiet kollettivi għandhom il-potenzjal li jikxfu diskriminazzjoni sistemika u joħolqu l-viżibilità tal-paga ugwali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà kollha kemm hi. Il-possibbiltà ta’ rimedju kollettiv tħeġġeġ il-konformità proattiva mal-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi, toħloq pressjoni mill-pari u żżid l-għarfien u r-rieda tal-impjegaturi li jaġixxu b’mod preventiv.

(35)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-allokazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti lill-korpi tal-ugwaljanza għat-twettiq effettiv u adegwat tal-kompiti tagħhom relatati mad-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru. Meta l-kompiti jiġu allokati lil aktar minn korp wieħed, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawn ikunu kkoordinati b’mod adegwat.

(36)Il-kumpens jenħtieġ li jkopri b’mod sħiħ it-telf u d-dannu li jkun hemm bħala riżultat tad-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi 54 . Dan jenħtieġ li jinkludi l-irkupru sħiħ tal-paga b’lura u bonusijiet jew pagamenti in natura relatati, kumpens għal opportunitajiet mitlufa u preġudizzju morali. Jenħtieġ li ma jkun permess l-ebda limitu massimu ffissat minn qabel għal tali kumpens.

(37)Minbarra l-kumpens, jenħtieġ li jiġu pprovduti rimedji oħrajn. Il-qrati jenħtieġ li, pereżempju, ikunu jistgħu jirrikjedu li impjegatur jieħu miżuri strutturali jew organizzattivi biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-pagi ugwali. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, obbligu li jirrieżamina il-mekkaniżmu tal-iffissar tal-pagi abbażi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni newtrali għall-ġeneru; li joħloq pjan ta’ azzjoni biex jiġu eliminati d-diskrepanzi misjuba u li jnaqqas kwalunkwe differenza mhux ġustifikata fil-pagi; li jagħti informazzjoni u jżid l-għarfien tal-ħaddiema dwar id-dritt tagħhom għal paga ugwali; li jistabbilixxi taħriġ obbligatorju għall-persunal tar-riżorsi umani dwar il-pagi ugwali u dwar l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru. 

(38)Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti 55 , id-Direttiva 2006/54/KE stabbiliet dispożizzjonijiet biex tiżgura li l-oneru tal-provi jaqa’ fuq il-konvenut meta jkun hemm każ prima facie ta’ diskriminazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux preklużi milli jintroduċu, fi kwalunkwe stadju xieraq tal-proċedimenti, regoli ta’ evidenza li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiem li jressaq pretensjoni. Fi kwalunkwe proċediment legali jew amministrattiv li jikkonċerna diskriminazzjoni diretta jew indiretta, f’każ li l-impjegatur ma jkunx ikkonforma mal-obbligi tat-trasparenza fil-pagi stabbiliti mid-Direttiva, l-oneru tal-provi jenħtieġ li jiġi ttrasferit awtomatikament fuq il-konvenut, irrispettivament minn jekk il-ħaddiem jurix każ prima facie ta’ diskriminazzjoni fil-pagi.

(39)Għalkemm huwa neċessarju biss li tiġi stabbilita preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni qabel ma l-oneru tal-provi jgħaddi għal fuq l-impjegatur, mhux dejjem ikun faċli għall-vittmi u l-qrati li jkunu jafu kif jistabbilixxu anke sempliċiment dik il-preżunzjoni. Il-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi għandhom il-potenzjal li jappoġġaw l-użu tal-inverżjoni tal-oneru tal-provi, billi jgħinu lill-ħaddiema jiddeterminaw il-livelli tal-paga medja għan-nisa u l-irġiel li jwettqu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali. Li l-ħaddiema jkunu jistgħu jipprovdu evidenza prima facie li tippermetti li d-diskriminazzjoni tkun preżunta, malajr iwassal għall-inverżjoni tal-oneru tal-provi għall-benefiċċju tal-ħaddiem.

(40)F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli nazzjonali dwar it-termini għall-infurzar tad-drittijiet skont din id-Direttiva għandhom ikunu tali li ma jkunux jistgħu jiġu perċepiti li jagħmluha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet. Il-perjodi ta’ preskrizzjoni joħolqu ostakli speċifiċi għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti standards minimi komuni. Dawk l-istandards jenħtieġ li jiddeterminaw meta jibda jiddekorri l-perjodu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ żmien tiegħu u ċ-ċirkustanzi li fihom jiġi interrott jew sospiż u jipprovdu li l-perjodu ta’ preskrizzjoni biex jitressqu talbiet ikun mill-inqas tliet snin.

(41)L-ispejjeż tal-litigazzjoni joħolqu diżinċentiv serju għall-vittmi tad-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi biex jitolbu d-dritt tagħhom għal paga ugwali, li jwassal għal protezzjoni u infurzar insuffiċjenti tad-dritt għal paga ugwali. Sabiex jitneħħa dan l-ostakolu proċedurali b’saħħtu għall-ġustizzja, l-atturi li jirbħu l-kawża jenħtieġ li jitħallew jirkupraw l-ispejjeż proċedurali tagħhom mingħand il-konvenut. Min-naħa l-oħra, l-atturi jenħtieġ li ma jinżammux responsabbli għall-ispejjeż tal-proċedimenti tal-konvenut li jkun rebaħ il-kawża sakemm it-talba ma tkunx saret b’mala fide, ma tkunx evidentement frivola jew sakemm in-nuqqas ta’ rkupru mill-konvenut ma jkunx jitqies mhux raġonevoli mill-qrati jew minn awtoritajiet kompetenenti oħra fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, pereżempju fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ mikrointrapriżi.

(42)L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu penali proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew dispożizzjonijiet nazzjonali li diġà jkunu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u li jkunu relatati mad-dritt għal paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali. Tali penali jenħtieġ li jinkludu multi, li għandhom jiġu stabbiliti f’livell minimu b’kunsiderazzjoni xierqa tal-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, ta’ kwalunkwe intenzjoni possibbli li ssir diskriminazzjoni jew negliġenza serja, u ta’ kwalunkwe fattur aggravanti jew attenwanti ieħor li jista’ japplika fiċ-ċirkustanzi tal-każ, pereżempju, fejn id-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi tkun waħda minn diversi raġunijiet ta’ diskriminazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw li jallokaw l-ammonti rkuprati bħala multi lill-korpi tal-ugwaljanza bil-għan li jwettqu b’mod effettiv il-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-infurzar tad-dritt għal paga ugwali, inkluż li jressqu talbiet għal diskriminazzjoni fil-pagi jew jgħinu u jappoġġaw lill-vittmi biex iressqu tali talbiet.

(43)L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu penali speċifiċi għal ksur ripetut ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat ma’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali biex jirriflettu s-severità tal-att u jiskoraġġixxu aktar ksur bħal dan. Tali penali jistgħu jinkludu tipi differenti ta’ diżinċentivi finanzjarji bħar-revoka ta’ benefiċċji pubbliċi jew l-esklużjoni, għal ċertu perjodu ta’ żmien, minn kwalunkwe għoti ta’ inċentivi finanzjarji jew minn kwalunkwe offerta pubblika.

(44)L-obbligi fuq l-impjegaturi li jirriżultaw minn din id-Direttiva huma parti mill-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol li l-Istati Membri jridu jiżguraw il-konformità tagħhom skont id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 56 , id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 57 , id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 58 fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Sabiex jikkonformaw ma’ dawn l-obbligi sa fejn huwa kkonċernat id-dritt għal paga ugwali, l-Istati Membri jenħtieġ li b’mod partikolari jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi, fit-twettiq ta’ kuntratt pubbliku jew konċessjoni, ikollhom mekkaniżmi li jiffissaw il-pagi li ma jwasslux għal differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel li ma tistax tiġi ġġustifikata minn fatturi newtrali għall-ġeneru fi kwalunkwe kategorija ta’ ħaddiema li jwettqu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw li l-awtoritajiet kontraenti jintroduċu, kif xieraq, penali u kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni li jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-paga ugwali fit-twettiq ta’ kuntratti u konċessjonijiet pubbliċi. Huma jistgħu jqisu wkoll in-nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ paga ugwali mill-offerent jew minn wieħed mis-sottokuntratturi tiegħu meta jikkunsidraw l-applikazzjoni tar-raġunijiet għall-esklużjoni jew deċiżjoni li ma jingħatax kuntratt lill-offerent li jissottometti l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża.

(45)L-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għal paga ugwali teħtieġ protezzjoni ġudizzjarja u amministrattiva adegwata kontra kwalunkwe trattament avvers bħala reazzjoni għal tentattiv biex jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-ħaddiema relatati mal-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, għal kwalunkwe lment lil min iħaddem jew għal kwalunkwe proċediment legali jew amministrattiv immirat lejn l-infurzar tal-konformità mad-dritt għal paga ugwali.

(46)Sabiex jittejjeb l-infurzar tal-prinċipju ta’ paga ugwali, din id-Direttiva jenħtieġ li ssaħħaħ l-għodod u l-proċeduri ta’ infurzar eżistenti fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet dwar paga ugwali stabbiliti fid-Direttiva 2006/54/KE.  

(47)Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u għalhekk tirrispetta l-prerogattiva tal-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli. Id-drittijiet miksuba skont il-qafas legali eżistenti għandhom ikomplu jibqgħu japplikaw, sakemm ma jiddaħħlux dispożizzjonijiet iktar favorevoli minn din id-Direttiva. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tistax tintuża biex tnaqqas id-drittijiet eżistenti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali eżistenti f’dan il-qasam, u lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tad-drittijiet tal-ħaddiema fir-rigward ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali.

(48)Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tad-dritt għal paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu jew jaħtru korp ta’ monitoraġġ iddedikat. Dan il-korp, li jista’ jkun parti minn korp eżistenti li jsegwi objettivi simili, jenħtieġ li jkollu kompiti speċifiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi previsti f’din id-Direttiva u jiġbor ċerta data għall-monitoraġġ tal-inugwaljanzi fil-pagi u l-impatt tal-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi.

(49)Il-kumpilazzjoni ta’ statistika tal-pagi mqassma skont il-ġeneru u l-forniment lill-Kummissjoni (l-Eurostat) bi statistika akkurata u kompluta hija essenzjali għall-analiżi u l-monitoraġġ tal-bidliet fid-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fuq livell tal-Unjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 59 jirrikjedi li l-Istati Membri jikkompilaw statistika ta’ kull erba’ snin dwar il-qligħ strutturali fil-livell mikro li tipprovdi data armonizzata għall-kalkolu tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Statistika annwali ta’ kwalità għolja tista’ żżid it-trasparenza u ttejjeb il-monitoraġġ u s-sensibilizzazzjoni dwar l-inugwaljanza fil-pagi bejn il-ġeneri. Id-disponibbiltà u l-komparabbiltà ta’ dan it-tip ta’ data huma strumentali għall-valutazzjoni tal-iżviluppi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fl-Unjoni kollha kemm hi.

(50)Din id-Direttiva timmira li tikseb implimentazzjoni aħjar u aktar effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol li għalih jiġi attribwit valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz tal-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi komuni li għandhom japplikaw għall-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet kollha madwar l-Unjoni Ewropea. Billi dan l-objettiv ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għandu għalhekk jinkiseb fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva, li sempliċiment tistabbilixxi standards minimi, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(51)Ir-rwol tas-sħab soċjali huwa ta’ importanza ewlenija fit-tfassil tal-mod kif il-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi jiġu implimentati fl-Istati Membri, speċjalment f’dawk b’kopertura għolja ta’ negozjar kollettiv. L-Istati Membri għalhekk għanu jkollhom il-possibbiltà li jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva kollha jew ta’ parti minnha, sakemm jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-riżultati mixtieqa minn din id-Direttiva jkunu garantiti f’kull ħin.

(52)Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri għandhom jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna jevalwaw l-impatt tal-att ta’ traspożizzjoni tagħhom fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jiżguraw li dawn ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, filwaqt li joqogħdu speċifikament attenti għall-mikrointrapriżi, li jtaffu l-piż amministrattiv, u li jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet.

(53)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 60 u ta opinjoni fi XX XXXX.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 

Suġġett 

Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali minqux fl-Artikolu 157 tat-TFUE u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE, b’mod partikolari permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi msaħħa ta’ infurzar.

Artikolu 2 

Kamp ta’ Applikazzjoni 

1.Din id-Direttiva tapplika għall-impjegaturi fis-setturi pubbliċi u privati. 

2.Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema kollha li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni tax-xogħol kif iddefiniti mil-liġi, minn ftehimiet kollettivi u/jew mill-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru b’kunsiderazzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 3 

Definizzjonijiet

1.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“paga” tfisser il-paga jew is-salarju ordinarju bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kontanti kif ukoll jekk in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament (“komponenti kumplimentari jew varjabbli”) mingħand l-impjegatur tiegħu għal xogħolu;

(b)“livell tal-paga” tfisser il-paga annwali grossa u l-paga grossa fis-siegħa korrispondenti;

(c)“differenza fil-pagi” tfisser id-differenza fil-livelli tal-paga medja bejn il-ħaddiema nisa u rġiel tal-impjegatur, espressa bħala perċentwal tal-livell tal-paga medja tal-ħaddiema rġiel;

(d)“livell tal-paga medjana” tfisser il-paga tal-ħaddiem li jkollu nofs il-ħaddiema jaqilgħu aktar u nofs anqas milli jaqla’ hu;

(e)“differenza fil-paga medjana” tfisser id-differenza bejn il-livell tal-paga medjana tal-ħaddiema nisa u l-livell tal-paga medjana tal-ħaddiema rġiel espressa bħala perċentwal tal-livell tal-paga medjana tal-ħaddiema rġiel;

(f)“faxxa tal-pagi kwartili” tfisser kull wieħed minn erba’ gruppi ugwali ta’ ħaddiema li huma maqsuma fihom skont il-livelli tal-pagi tagħhom – mill-aktar baxx sal-ogħla;

(g)“kategorija ta’ ħaddiema” tfisser ħaddiema li jwettqu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali raggruppati mill-impjegatur tal-ħaddiema abbażi ta’ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva u speċifikati mill-impjegatur ikkonċernat;

(h)“diskriminazzjoni diretta” tfisser is-sitwazzjoni fejn persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif persuna oħra tiġi trattata, ġiet trattata jew tkun ittrattata f’sitwazzjoni komparabbli minħabba l-ġeneru;

(i)“diskriminazzjoni indiretta” tfisser is-sitwazzjoni fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tpoġġi lill-persuni ta’ wieħed mill-ġeneri fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tal-ġeneru l-ieħor, sakemm dik id-dispożizzjoni, dak il-kriterju jew dik il-prattika ma tkunx iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u meħtieġa;

(j)“korp tal-ugwaljanza” tfisser il-korp jew korpi maħtura skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE, għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru;

(k)“ispettorat tax-xogħol” tfisser il-korp jew korpi nazzjonali li għandhom funzjoni ta’ spezzjoni fis-suq tax-xogħol fi Stat Membru.

2.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-diskriminazzjoni tinkludi:

(a)fastidju u fastidju sesswali, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/54/KE, kif ukoll kwalunkwe trattament inqas favorevoli bbażat fuq iċ-ċaħda ta’ tali mġiba minn persuna jew is-sottomissjoni tagħha għaliha, meta tali fastidju jew trattament ikun relatat mal-eżerċizzju tad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva jew ikun riżultat tiegħu;

(b)istruzzjoni biex issir diskriminazzjoni kontra persuni minħabba l-ġeneru;

(c)kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara relatat ma’ tqala jew ma’ leave tal-maternità fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE 61 ;

3.Id-diskriminazzjoni fil-pagi skont din id-Direttiva tinkludi diskriminazzjoni bbażata fuq taħlita ta’ ġeneru u kwalunkwe raġuni jew bażi oħra ta’ diskriminazzjoni protetta skont id-Direttiva 2000/43/KE jew id-Direttiva 2000/78/KE.

Artikolu 4

Xogħol ugwali u xogħol ta’ valur ugwali

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impjegaturi jkollhom strutturi tal-pagi li jiżguraw li n-nisa u l-irġiel jitħallsu ndaqs għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali.  

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jiġu stabbiliti għodod jew metodoloġiji għall-valutazzjoni u t-tqabbil tal-valur tax-xogħol f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’dan l-Artikolu. Dawn l-għodod jew metodoloġiji jistgħu jinkludu sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru.

3.L-għodod jew il-metodoloġiji għandhom jippermettu l-valutazzjoni, fir-rigward tal-valur tax-xogħol, ta’ jekk il-ħaddiema humiex f’sitwazzjoni komparabbli, abbażi ta’ kriterji oġġettivi li għandhom jinkludu rekwiżiti edukattivi, professjonali u ta’ taħriġ, ħiliet, sforz u responsabbiltà, ix-xogħol imwettaq u n-natura tal-kompiti involuti. Ma għandhomx jinkludu jew ikunu bbażati fuq kriterji li jkunu bbażati, kemm direttament kif ukoll indirettament, fuq il-ġeneru tal-ħaddiema.

4.Kull meta d-differenzi fil-pagi jkunu jistgħu jiġu attribwiti għal sors wieħed li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluża l-paga, il-valutazzjoni dwar jekk il-ħaddiema jkunux qed iwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali ma għandhiex tkun limitata għal sitwazzjonijiet li fihom ħaddiema nisa u rġiel jaħdmu għall-istess impjegatur iżda tista’ tiġi estiża għal dak is-sors uniku. L-evalwazzjoni lanqas ma għandha tkun limitata għal ħaddiema impjegati fl-istess żmien bħall-ħaddiem ikkonċernat. F’każ li ma jkun jista’ jiġi stabbilit l-ebda komparatur reali, għandu jiġi permess paragun ma’ komparatur ipotetiku jew l-użu ta’ evidenza oħra li tippermetti li tiġi preżunta d-diskriminazzjoni allegata.

5.Meta tintuża sistema ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjiegi biex tiġi ddeterminata l-paga, din għandha tkun ibbażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u mfassla b’tali mod li teskludi kull diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru.

 
KAPITOLU II

Trasparenza fil-pagi

Artikolu 5

Trasparenza fil-pagi qabel l-ingaġġ

1.L-applikanti għall-impjieg għandu jkollhom id-dritt li jirċievu mingħand l-impjegatur prospettiv informazzjoni dwar il-livell inizjali jew il-medda tal-paga, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, li tkun se tiġi attribwita għall-pożizzjoni kkonċernata. Din l-informazzjoni għandha tiġi indikata f’avviż ippubblikat dwar il-post battal jew tingħata lill-applikant b’xi mod ieħor qabel l-intervista tax-xogħol mingħajr ma l-applikant ikollu jistaqsi għaliha.

2.Impjegatur ma għandux, la bil-fomm u lanqas bil-miktub, personalment jew permezz ta’ rappreżentant, jistaqsi lill-applikanti dwar il-paga tagħhom fir-relazzjonijiet ta’ impjieg preċedenti tagħhom.

Artikolu 6

Trasparenza fl-iffissar tal-pagi u l-politika ta’ avvanz fil-karriera

L-impjegatur għandu jagħmel faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema tiegħu deskrizzjoni tal-kriterji użati biex jiddetermina l-livelli tal-pagi u l-avvanz tal-karriera għall-ħaddiema. Dawn il-kriterji għandhom ikunu newtrali għall-ġeneru.

Artikolu 7

Dritt għall-informazzjoni

1.Il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar il-livell tal-paga individwali tagħhom u l-livelli tal-paga medja, imqassma skont il-ġeneru, għal kategoriji ta’ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol bħalhom jew xogħol ta’ valur ugwali għal tagħhom, skont il-paragrafi 3 u 4.

2.L-impjegaturi għandhom jinformaw lill-ħaddiema kollha, fuq bażi annwali, bid-dritt tagħhom li jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.L-impjegaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’perjodu ta’ żmien raġonevoli fuq talba tal-ħaddiem. L-informazzjoni għandha tingħata f’formati aċċessibbli għall-ħaddiema b’diżabilità fuq talba tagħhom.

4.Il-ħaddiema għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 permezz tar-rappreżentanti tagħhom jew ta’ korp tal-ugwaljanza.

5.Il-ħaddiema għandhom jitħallew jiżvelaw il-paga tagħhom bl-iskop tal-infurzar tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali.

6.L-impjegaturi jistgħu jitolbu li kwalunkwe ħaddiem li jkun kiseb informazzjoni skont dan l-Artikolu ma għandux juża dik l-informazzjoni għal kwalunkwe skop ieħor ħlief li jiddefendi d-dritt tiegħu għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali u li ma jxerridx l-informazzjoni mod ieħor.

Artikolu 8

Rappurtar dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel

1.L-impjegaturi b’mill-inqas 250 ħaddiem għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar l-organizzazzjoni tagħhom, skont il-paragrafi 2, 3 u 5:

(a)id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel kollha;

(b)id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel kollha f’komponenti kumplimentari jew varjabbli;

(c)id-differenza fil-paga medjana bejn il-ħaddiema nisa u rġiel kollha; 

(d)id-differenza fil-paga medjana bejn il-ħaddiema nisa u rġiel kollha f’komponenti kumplimentari jew varjabbli;

(e)il-proporzjon ta’ ħaddiema nisa u rġiel li jirċievu komponenti komplementari jew varjabbli;

(f)il-proporzjon ta’ ħaddiema nisa u rġiel f’kull faxxa tal-pagi kwartili;

(g)id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel skont il-kategoriji ta’ ħaddiema mqassma skont is-salarju bażiku ordinarju u l-komponenti kumplimentari jew varjabbli.

2.L-akkuratezza tal-informazzjoni għandha tiġi kkonfermata mill-maniġment tal-impjegatur.

3.L-impjegatur għandu jippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (f) fuq bażi annwali b’mod faċli għall-utent fuq is-sit web tiegħu jew inkella għandu jagħmilha disponibbli għall-pubbliku. L-informazzjoni mill-erba’ snin preċedenti, jekk tkun disponibbli, għandha tkun aċċessibbli wkoll fuq talba. Barra minn hekk, l-impjegatur għandu jaqsam din l-informazzjoni mal-korp ta’ monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 6.

4.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jikkumpilaw l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (f) huma stess, abbażi ta’ data amministrattiva bħal data pprovduta mill-impjegaturi lill-awtoritajiet tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali. Din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata skont il-paragrafu 6.

5.Min iħaddem għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punt (g) lill-ħaddiema kollha u lir-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll lill-korp ta’ monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 6. Huwa għandu jipprovdiha lill-ispettorat tax-xogħol u lill-korp tal-ugwaljanza fuq talba tagħhom. L-informazzjoni mill-erba’ snin preċedenti, jekk tkun disponibbli, għandha tiġi pprovduta wkoll fuq talba.

6.L-Istati Membri għandhom jinkarigaw lill-korp ta’ monitoraġġ maħtur skont l-Artikolu 26 biex jiġbor id-data li jirċievi mingħand l-impjegaturi skont il-paragrafu 1, il-punti (a) sa (f) u biex jiżgura li din id-data tkun pubblika u tippermetti tqabbil bejn l-impjegaturi, is-setturi u r-reġjuni tal-Istat Membru kkonċernat b’mod faċli għall-utent.

7.Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, l-ispettorati tax-xogħol u l-korpi tal-ugwaljanza għandu jkollhom id-dritt li jitolbu aktar kjarifiki u dettalji mingħand l-impjegatur rigward kwalunkwe data pprovduta, inklużi spjegazzjonijiet dwar kwalunkwe differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. L-impjegatur għandu jwieġeb għal din it-talba fi żmien raġonevoli billi jipprovdi tweġiba sostanzjata. Fejn id-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi ma jkunux iġġustifikati minn fatturi oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, l-impjegatur għandu jirrimedja s-sitwazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol u/jew il-korp tal-ugwaljanza.

Artikolu 9 

Valutazzjoni konġunta tal-pagi

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-impjegaturi b’mill-inqas 250 ħaddiem iwettqu, f’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom, valutazzjoni konġunta tal-pagi meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)ir-rappurtar dwar il-pagi mwettaq skont l-Artikolu 8 juri differenza fil-livell tal-paga medja bejn il-ħaddiema nisa u rġiel ta’ mill-inqas 5 fil-mija fi kwalunkwe kategorija ta’ ħaddiema;

(b)l-impjegatur ma jkunx iġġustifika din id-differenza fil-livell tal-paga medja permezz ta’ fatturi oġġettivi u newtrali għall-ġeneru.

2.Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi għandha tinkludi dan li ġej:

(a)analiżi tal-proporzjon ta’ ħaddiema nisa u rġiel f’kull kategorija ta’ ħaddiema;

(b)informazzjoni dettaljata dwar il-medja tal-livelli tal-pagi tal-ħaddiema nisa u rġiel u komponenti komplementari jew varjabbli għal kull kategorija ta’ ħaddiema;

(c)l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe differenza fil-livelli tal-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel f’kull kategorija ta’ ħaddiema;

(d)ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi fil-livelli tal-pagi u ġustifikazzjonijiet oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, jekk ikun hemm, kif stabbilit b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-impjegatur;

(e)miżuri biex jiġu indirizzati differenzi bħal dawn jekk ma jkunux ġustifikati abbażi ta’ kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru;

(f)rapport dwar l-effettività ta’ kwalunkwe miżura msemmija f’valutazzjonijiet konġunti preċedenti dwar il-pagi.

3.L-impjegaturi għandhom jagħmlu l-valutazzjonijiet konġunti tal-pagi disponibbli għall-ħaddiema, għar-rappreżentanti tal-ħaddiema, għall-korp ta’ monitoraġġ maħtur skont l-Artikolu 26, għall-korp tal-ugwaljanza u għall-ispettorat tax-xogħol.

4.Jekk il-valutazzjoni konġunta tal-pagi tiżvela differenzi fil-paga medja għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali bejn ħaddiema nisa u rġiel li ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, l-impjegatur għandu jirrimedja s-sitwazzjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol, u/jew il-korp tal-ugwaljanza. Din l-azzjoni għandha tinkludi l-istabbiliment ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru biex jiġi żgurat li tiġi eskluża kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta fil-pagi abbażi tal-ġeneru.

Artikolu 10

Protezzjoni tad-data

1.Sa fejn kwalunkwe informazzjoni pprovduta skont il-miżuri meħuda skont l-Artikoli 7, 8, u 9 tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, din għandha tiġi pprovduta f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

2.Kwalunkwe data personali miġbura mill-impjegaturi skont l-Artikoli 7, 8 jew 9, ma għandhiex tintuża għal xi skop ieħor ħlief biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

3.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 7, 8 u 9 iwassal għall-iżvelar, direttament jew indirettament, tal-paga ta’ koħaddiem identifikabbli, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jew il-korp tal-ugwaljanza biss għandu jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni. Ir-rappreżentanti jew il-korp tal-ugwaljanza għandhom jagħtu pariri lill-ħaddiema dwar pretensjoni possibbli skont din id-Direttiva mingħajr ma jiżvelaw il-livelli attwali tal-pagi ta’ ħaddiema individwali li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali. Il-korp ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 26 għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni mingħajr restrizzjoni.

Artikolu 11 

Djalogu soċjali 

Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali u skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi skont din id-Direttiva jiġu diskussi mas-sħab soċjali.

KAPITOLU III

Rimedji u infurzar

Artikolu 12

Difiża tad-drittijiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara rikors possibbli għal konċiljazzjoni, proċeduri ġudizzjarji għall-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali jkunu disponibbli għall-ħaddiema kollha li jħossuhom li ġew trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema u għal dawk li jaġixxu f’isimhom, anke wara li r-relazzjoni tax-xogħol li fiha jkun allegat li seħħet id-diskriminazzjoni tkun intemmet.

Artikolu 13

Proċeduri f’isem il-ħaddiema jew b’appoġġ għalihom

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet, il-korpi tal-ugwaljanza u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jew entitajiet legali oħra li, skont il-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali, ikollhom interess leġittimu li jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva sabiex jinfurzaw kwalunkwe wieħed mid-drittijiet jew obbligi relatati mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali. Huma jistgħu jaġixxu f’isem jew b’appoġġ għal ħaddiem li jkun vittma ta’ ksur ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, bl-approvazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

2.Il-korpi tal-ugwaljanza u r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom ukoll id-dritt li jaġixxu f’isem diversi ħaddiema jew b’appoġġ għalihom, bl-approvazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

Artikolu 14

Dritt għal kumpens

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe ħaddiem li jkun sofra ħsara bħala riżultat ta’ ksur ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali għandu jkollu d-dritt li jitlob u jikseb kumpens sħiħ jew riparazzjoni sħiħa, kif iddeterminat mill-Istat Membru, għal dik il-ħsara.

2.Il-kumpens jew ir-riparazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiżgura kumpens reali u effettiv għat-telf u l-ħsara mġarrba, b’mod li jkun dissważiv u proporzjonat għall-ħsara mġarrba.

3.Il-kumpens għandu jqiegħed lill-ħaddiem li jkun sofra ħsara fil-pożizzjoni li fiha kienet tkun dik il-persuna kieku ma ġietx iddiskriminata abbażi tal-ġeneru jew li kieku ma seħħ l-ebda ksur ta’ xi wieħed mid-drittijiet jew obbligi relatati ma’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’valur ugwali. Dan għandu jinkludi l-irkupru sħiħ tal-paga b’lura u tal-bonusijiet jew tal-pagamenti in natura relatati, kumpens għal opportunitajiet mitlufa u għal preġudizzju morali. Għandu jinkludi wkoll id-dritt għal imgħax fuq l-arretrati.

4.Il-kumpens jew ir-riparazzjoni ma tistax tkun limitata mill-iffissar ta’ limitu ogħla preċedenti.

Artikolu 15

Rimedji oħra

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti legali mmirati biex jiżguraw l-infurzar ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali, il-qrati jew awtoritajiet kompetenti oħra jkunu jistgħu jordnaw, fuq talba tal-attur u bi spejjeż tal-konvenut:

(a)ordni ta’ inibizzjoni li tistabbilixxi ksur ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali u li twaqqaf il-ksur;

(b)ordni ta’ inibizzjoni li tordna lill-konvenut biex jieħu miżuri strutturali jew organizzattivi biex jikkonforma ma’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali jew biex iwaqqaf il-ksur tiegħu.

In-nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe waħda minn dawn l-ordnijiet għandu, fejn xieraq, ikun soġġett għal ħlas rikorrenti ta’ penali, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità.

Artikolu 16

Trasferiment tal-oneru tal-provi

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, skont is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, sabiex jiżguraw li, meta ħaddiema li jħossuhom li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ paga ugwali ma jkunx ġie applikat għalihom, jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jkun preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-konvenut li jagħti prova li ma kienx hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta b’rabta mal-pagi.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi kwalunkwe proċediment legali jew amministrattiv li jikkonċerna diskriminazzjoni diretta jew indiretta, fejn impjegatur ikun naqas milli jikkonforma ma’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet jew l-obbligi relatati mat-trasparenza fil-pagi stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-Direttiva, għandu jkun l-impjegatur li jagħti prova li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni bħal din.

3.L-attur għandu jibbenefika minn kull dubju li jista’ jibqa’.

4.Din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli probatorji li jkunu aktar favorevoli għall-attur fi proċedimenti istitwiti biex jinfurzaw kwalunkwe wieħed mid-drittijiet jew l-obbligi relatati ma’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali.

5.L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċedimenti fejn ikun il-kompitu tal-qorti jew tal-korp kompetenti li jinvestiga l-fatti tal-każ.

6.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-proċeduri kriminali, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor mid-dritt nazzjonali.

Artikolu 17

Aċċess għall-evidenza

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-proċedimenti li jikkonċernaw talba rigward paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali, il-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut biex jiżvela kwalunkwe evidenza rilevanti li tkun tinsab fil-kontroll tiegħu.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw l-iżvelar ta’ evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jikkunsidrawha rilevanti għat-talba. Huma għandhom jiżguraw li, meta jordnaw l-iżvelar ta’ tali informazzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex jipproteġu tali informazzjoni.

3.Dan l-Artikolu ma għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu regoli li jkunu aktar favorevoli għall-atturi.

Artikolu 18

Perjodi ta’ preskrizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli applikabbli għal perjodi ta’ preskrizzjoni biex jitressqu talbiet rigward paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perjodu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ żmien tiegħu u ċ-ċirkustanzi li taħthom jiġi interrott jew sospiż.

2.Il-perjodi ta’ preskrizzjoni ma għandhomx jibdew jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali jew il-ksur tad-drittijiet jew l-obbligi taħt din id-Direttiva u qabel ma l-attur ikun jaf, jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jaf, dwar il-vjolazzjoni jew ksur.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodi ta’ limitazzjoni għat-tressiq ta’ talbiet jiġu stabbiliti għal mill-inqas tliet snin.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perjodu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont id-dritt nazzjonali, jiġi interrott, malli l-attur jieħu azzjoni billi jressaq ilment jew jippreżenta t-talba għall-attenzjoni tal-impjegatur, tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, tal-ispettorat tax-xogħol jew tal-korp tal-ugwaljanza.

Artikolu 19

Spejjeż legali u ġudizzjarji

L-atturi li jirbħu kawża dwar diskriminazzjoni fil-pagi għandu jkollhom id-dritt li jirkupraw mingħand il-konvenut, minbarra kwalunkwe dannu ieħor, onorarji raġonevoli legali u tal-esperti u l-ispejjeż. Il-konvenuti li jirbħu kawża dwar diskriminazzjoni fil-pagi ma għandux ikollhom id-dritt li jirkupraw kwalunkwe onorarju legali u tal-esperti mingħand l-attur u l-ispejjeż, sakemm it-talba ma tkunx saret b’mala fide, ma tkunx frivola b’mod ċar jew sakemm tali nuqqas ta’ rkupru ma jitqiesx bħala manifestament mhux raġonevoli fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ.

Artikolu 20

Penali

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu applikati multi għal ksur tad-drittijiet u l-obbligi relatati ma’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali. Huma għandhom jistabbilixxu livell minimu għal tali multi li jiżgura effett ta’ deterrent reali. L-ammont tal-multi għandu jieħu inkunsiderazzjoni:

(a)is-serjetà u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)kwalunkwe intenzjoni jew negliġenza serja min-naħa tal-impjegatur;

(c)kwalunkwe fattur aggravanti jew attenwanti ieħor applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-każ.

3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu imposti f’każ ta’ ksur ripetut tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, bħar-revoka ta’ benefiċċji pubbliċi jew l-esklużjoni, għal ċertu perjodu ta’ żmien, minn kwalunkwe għoti ta’ inċentivi finanzjarji.

4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-penali previsti jiġu applikati fil-prattika b’mod effettiv.

Artikolu 21

Kwistjonijiet ta’ paga ugwali f’kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet

1.     Il-miżuri xierqa li jieħdu l-Istati Membri skont l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 2014/25/UE, għandhom jinkludu miżuri biex jiżguraw li, fit-twettiq ta’ kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet, l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi relatati mal-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

2.    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li l-awtoritajiet kontraenti jintroduċu, kif xieraq, penali u kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni li jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-paga ugwali fit-twettiq ta’ kuntratti u konċessjonijiet pubbliċi. Fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri jaġixxu skont l-Artikolu 38(7)(a) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24/UE, jew l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25/UE flimkien mal-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24/UE, huma jistgħu jeskludu jew jistgħu jintalbu mill-Istati Membri jeskludu kwalunkwe operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist pubbliku meta jkunu jistgħu juru bi kwalunkwe mezz xieraq il-ksur tal-obbligi msemmija fil-paragrafu 1, relatati jew ma’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tat-trasparenza fil-pagi jew ma’ diskrepanza fil-pagi ta’ aktar minn 5 fil-mija fi kwalunkwe kategorija ta’ ħaddiema li mhijiex ġustifikata mill-impjegatur abbażi ta’ kriterji oġġettivi, newtrali għall-ġeneru. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt jew obbligu ieħor stabbilit fid-Direttiva 2014/23/UE, id-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/25/UE.

Artikolu 22

Vittimizzazzjoni u protezzjoni kontra trattament anqas favorevoli

1.Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minħabba li jkunu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom relatati mal-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

2.L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom il-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-ħaddiema, inklużi dawk li huma rappreżentanti tal-ħaddiema kif previst mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, kontra s-sensja jew trattament negattiv ieħor mill-impjegatur bħala reazzjoni għal ilment fl-impriża jew għal kwalunkwe proċediment legali mmirat lejn l-infurzar tal-konformità ma’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

Artikolu 23

Relazzjoni mad-Direttiva 2006/54/KE

Il-Kapitolu III ta’ din id-Direttiva għandu japplika għal proċedimenti li jikkonċernaw kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE.

 
KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet orizzontali

Artikolu 24

Livell ta’ protezzjoni

1.L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha taħt l-ebda ċirkustanza tikkostitwixxi raġunijiet għat-tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni fl-oqsma koperti b’din id-Direttiva.

Artikolu 25

Korpi tal-ugwaljanza

1.Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-ispettorati tax-xogħol jew ta’ korpi oħra li jinfurzaw id-drittijiet tal-ħaddiema, inklużi s-sħab soċjali, il-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza stabbiliti skont id-Direttiva 2006/54/KE għandhom ikunu kompetenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri attivi biex jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u korpi nazzjonali li għandhom funzjoni ta’ spezzjoni fis-suq tax-xogħol.

3.L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-korpi għall-ugwaljanza bir-riżorsi adegwati meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tar-rispett għad-dritt għal paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jallokaw ammonti rkuprati bħala multi skont l-Artikolu 20 lill-korpi tal-ugwaljanza għal dak il-għan.

Artikolu 26

Monitoraġġ u sensibilizzazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-monitoraġġ konsistenti tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali u l-infurzar tar-rimedji kollha disponibbli.

2.Kull Stat Membru għandu jaħtar korp (“korp ta’ monitoraġġ”) għall-monitoraġġ u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-funzjonament xieraq ta’ tali korp. Il-korp ta’ monitoraġġ jista’ jkun parti minn korpi jew strutturi eżistenti fil-livell nazzjonali.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti tal-korp ta’ monitoraġġ jinkludu dan li ġej:

(a)li jqajjem kuxjenza fost l-impriżi u l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, is-sħab soċjali u l-pubbliku ġenerali għall-fini tal-promozzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali u d-dritt għal trasparenza fil-pagi;

(b)li jindirizza l-kawżi tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u jfassal għodod li jgħinu fl-analiżi u l-valutazzjoni tal-inugwaljanzi fil-pagi;

(c)li jiġbor id-data li tasal mingħand l-impjegaturi skont l-Artikolu 8(6), u jippubblika din id-data b’mod faċli għall-utent;

(d)li jiġbor ir-rapporti konġunti ta’ valutazzjoni tal-paga skont l-Artikolu 9(3);

(e)li jaggrega d-data dwar l-għadd u t-tipi ta’ pretensjonijiet ta’ diskriminazzjoni fil-pagi mressqa quddiem il-qrati u lmenti mressqa quddiem l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, inklużi l-korpi tal-ugwaljanza.

4.L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (c), (d) u (e) lill-Kummissjoni kull sena.

 
Artikolu 27

Negozjar u azzjoni kollettivi

Din id-Direttiva ma għandha bl-ebda mod taffettwa d-dritt li jiġu nnegozjati, konklużi u infurzati ftehimiet kollettivi u li tittieħed azzjoni kollettiva skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali.

Artikolu 28

Statistika

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) b’data aġġornata dwar id-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi kull sena u fil-ħin. Din l-istatistika għandha tkun diżaggregata skont il-ġeneru, is-settur ekonomiku, il-ħin tax-xogħol (full-time/part-time), il-kontroll ekonomiku (sjieda pubblika/privata) u l-età u tiġi kkalkulata fuq bażi annwali. 

Artikolu 29

Tixrid ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri attivi biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw skont din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ, jinġiebu għall-attenzjoni tal-persuni kkonċernati fit-territorju kollu tagħhom permezz tal-mezzi kollha xierqa.

Artikolu 30

Implimentazzjoni  

L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, fejn il-partijiet soċjali flimkien jitolbu dan, sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-riżultati mixtieqa minn din id-Direttiva jkunu garantiti f’kull ħin.

Artikolu 31

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [sentejn wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

2.Meta jinformaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw din l-informazzjoni wkoll b’sommarju tar-riżultati tal-valutazzjoni tagħhom dwar l-impatt tal-att ta’ traspożizzjoni tagħhom fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u b’referenza għal fejn tali valutazzjoni tiġi ppubblikata.

3.Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 32

Rapportar u rieżami

1.Sa [tmien snin wara d-dħul fis-seħħ] l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha dwar kif din id-Direttiva ġiet applikata u x’kien l-impatt tagħha fil-prattika.

2.Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tipproponi, fejn xieraq, emendi leġiżlattivi.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 34

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23). Id-Direttiva kkonsolidat id-direttivi eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qasam tal-impjiegi, u tinkorpora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri d-Direttiva 75/117/KEE dwar il-paga ugwali, id-Direttiva 86/378/KEE (kif emendata bid-Direttiva 96/97/KE) dwar it-trattament ugwali fi skemi ta’ sigurtà soċjali okkupazzjonali, id-Direttiva 76/207/KEE (emendata bid-Direttiva 2002/73/KE) dwar it-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa, u d-Direttiva 97/80/KE (emendata bid-Direttiva 98/52/KE) dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess.
(2)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/124/UE tas-7 ta’ Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 112).
(3)    Ara l-evalwazzjonijiet u r-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni rispettivament SWD(2020)50 u COM(2013) 861 final .
(4)    L-indikatur tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa jkejjel id-differenza bejn il-qligħ gross medju fis-siegħa tal-impjegati rġiel u nisa mħallsa bħala perċentwal tal-medja tal-qligħ gross fis-siegħa tal-impjegati rġiel imħallsa, Eurostat, sdg_05_20 .
(5)     https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/DDN-20200207-1
(6)    https://www.eurofound.europa.eu/publications/policy-brief/2020/women-and-labour-market-equality-has-covid-19-rolled-back-recent-gains
(7)    Il-Konklużjonijiet tal-EPSCO, Ġunju 2019, (dok. 10349/19).
(8)    Il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali huwa intiż sabiex iwassal drittijiet ġodda u aktar effettivi għaċ-ċittadini mibnija fuq 20 prinċipju ewlieni, Ara aktar: https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt  
(9)    COM (2017) 678 final, ara wkoll ir- rapport ta’ implimentazzjoni relatat (COM (2020) 101 final).  
(10)     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_en.pdf  
(11)    COM(2020)152 final.
(12)    SWD(2020)50.
(13)    Rapport ta’ implimentazzjoni dwar id-Direttiva 2006/54/KE (SWD(2013) 512 final); valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja r-Rakkomandazzjoni dwar it-Trasparenza fil-Pagi (SWD(2014) 59 final); rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (COM(2017) 671 final).
(14)    Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).
(15)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52012PC0614
(16)     https://ec.europa.eu/info/strategy/international-strategies/sustainable-development-goals_mt
(17)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12129-Revision-of-Non-Financial-reporting-directive
(18)    COM(2020) 682 final.
(19)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12548-Sustainable-corporate-governance  
(20)    Il-Kawża 43/75, Gabrielle Defrenne v Société anonyme belge de navigation aérienne Sabena (Defrenne II) ; Il-Kawża 43/75, ECLI:EU:C:1976:56, il-paragrafi 8-10.
(21)    Il-Kawża 50/96, Deutsche Telekom AG v Lilli Schröder, ECLI:EU:C:2000:72, p. 57.
(22)

   SWD(2020)50.

(23)    L-ispiża stmata tal-valutazzjoni tal-impatt relatata mad-dritt individwali għall-informazzjoni kienet ta’ EUR 20 għal kull talba unika (l-ispiża totali għal kull kumpanija għalhekk tiddependi fuq l-għadd ta’ talbiet), filwaqt li l-ispiża globali għar-rappurtar tal-paga tal-impjegaturi tammonta għal bejn minimu ta’ EUR 379-508 u massimu ta’ EUR 721-890 għal kull impjegatur skont id-daqs. Skont id-differenzi attwali fil-pagi li jeħtieġu valutazzjoni konġunta tal-pagi, l-ispiża medja għal kull impjegatur biex titwettaq valutazzjoni bħal din ġiet stmata bejn minimu ta’ EUR 1 180-1 724 u massimu ta’ EUR 1 911 u EUR 2 266. Ara SWD (2021) 41, p. 74.
(24)    Pereżempju, id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 1) u d-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8).
(25)    Il-Kumitat Konsultattiv ġie stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/590/KE rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel. Huwa jassisti lill-Kummissjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-UE mmirati lejn il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel. Irawwem ukoll skambji kontinwi ta’ esperjenza, politiki u prattiki rilevanti bejn l-Istati Membri u l-partijiet varji involuti.
(26)

    https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/adopted_opinion_gpg.pdf

(27)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/1839-Evaluation-of-the-provisions-in-the-Directive-2006-54-EC-implementing-the-Treaty-principle-on-equal-pay-/public-consultation  
(28)    Għal sommarju tat-tweġibiet, ara l-Anness 2 tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2020.
(29)    Għal sommarju tat-tweġibiet, ara l-Anness 2 tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja din il-proposta.
(30)    Għal sommarju tat-tweġibiet, ara l-Anness 2 tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja din il-proposta.
(31)    SWD (2021) 41.
(32)    Il-Kawża C-320/00 Lawrence et, ECLI:EU:C:2002:498.
(33)    Il-Kawża 129/79 Macarthys, ECLI: ECLI:UE:C:1980:103.
(34)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(35)    Il-Kawża C-109/88, Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund I Danmark vs Dansk Arbejdsgiverforening, għal Danfoss, ECLI:EU:C:1989:383.
(36)

   Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.

(37)

   Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(38)

   Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(39)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta’ Marzu 1999 li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol (ĠU L 63, 12.3.1999, p. 6).
(40)    ĠU C , p.
(41)     https://ec.europa.eu/info/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt  
(42)    Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).
(43)     SWD(2020)50 . Ara wkoll ir-Rapport tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, COM (2013)861 final.
(44)

   Evalwazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti fid-Direttiva 2006/54/KE li timplimenta l-prinċipju tat-Trattat dwar “paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali”, SWD(2020)50; Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2017-2019 tal-UE dwar l-indirizzar tad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, COM(2020)101.

(45)

    https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2020-33490_mt

(46)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2020-2025” tal-5 ta’ Marzu 2020, COM(2020)152 final.
(47)    Il-Kawża C-66/85, Deborah Lawrie-Blum v Land Baden-Württemberg, ECLI:EU:C:1986:284; Il-Kawża C-428/09, Union Syndicale Solidaires Isère v Premier ministre et, ECLI:EU:C:2010:612; Il-Kawża C-229/14, Ender Balkaya v Kiesel Abbruch- und Recycling Technik GmbH, ECLI:EU:C:2015:455; Il-Kawża C-413/13, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, ECLI:EU:C:2014:2411; Il-Kawża C-216/15, Betriebsrat der Ruhrlandklinik gGmbH v Ruhrlandklinik gGmbH, ECLI:EU:C:2016:883; Il-Kawża C-658/18, UX v Governo della Repubblica italiana, ECLI:EU:C:2020:572.
(48)    Pereżempju, il-Kawża C-58/81, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ECLI:EU:C:1982:215; Il-Kawża C-171/88 Ingrid Rinner-Kühn vs FWW Spezial-Gebäudereinigung GmbH & Co. KG, ECLI:EU:C:1989:328; Il-Kawża C-147/02, Michelle K. Alabaster vs Woolwich plc u Secretary of State for Social Security, ECLI:EU:C:2004:192; Il-Kawża C-342/93 Gillespie et ECLI:EU:C:1996:46; Il-Kawża C-278/93 Edith Freers u Hannelore Speckmann vs Deutsche Bundespost, ECLI:EU:C:1996:83; Il-Kawża C-12/81, Eileen Garland vs British Rail Engineering Limited, ECLI:EU:C:1982:44; Il-Kawża C-360/90, Arbeiterwohlfahrt der Stadt Berlin e.V. vs Monika Bötel, ECLI:EU:C:1992:246; Il-Kawża C-33/89, Maria Kowalska vs Freie und Hansestadt Hamburg, ECLI: EU:C:1990:265.
(49)    Pereżempju, il-Kawża C-400/93, Royal Copenhagen, ECLI:EU:C:1995:155; Il-Kawża C-309/97 Angestelltenbetriebsrat der Wiener Gebietskrankenkasse, ECLI:EU:C:1999:241; Il-Kawża C-381/99 Brunnhofer, ECLI:EU:C:2001:358; Il-Kawża C-427/11, Margaret Kenny et vs Minister for Justice, Equality and Law Reform et [2013] ECLI:EU:C:2013:122, il-paragrafu 28.
(50)    Il-Kawża C-320/00 Lawrence, ECLI:EU:C:2002:498.
(51)    Il-Kawża 129/79 Macarthys, ECLI:EU:C:1980:103.
(52)    Id-Direttiva 2013/34/UE, kif emendata bid-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).
(53)    Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(54)

   Il-Kawża C-407/14, María Auxiliadora Arjona Camacho vs Securitas Seguridad España SA, ECLI:EU:C:2015:831, para. 45.

(55)    Il-Kawża C-109/88, Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund I Danmark vs Dansk Arbejdsgiverforening, għal Danfoss, ECLI:EU:C:1989:383.
(56)    Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.
(57)    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(58)    Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(59)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta’ Marzu 1999 li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol (ĠU L 63, 12.3.1999, p. 6).
(60)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(61)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).
Top