EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H1364

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1364 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar perkorsi legali għall-protezzjoni fl-UE: il-promozzjoni tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u perkorsi komplementari oħra

C/2020/6467

ĠU L 317, 01/10/2020, p. 13–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2020/1364/oj

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/13


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1364

tat-23 ta’ Settembru 2020

dwar mezzi legali għall-protezzjoni fl-UE: il-promozzjoni tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u mezzi komplementari oħra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-għadd ta’ refuġjati u persuni oħra li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali qed jiżdied globalment. B’riżultat ta’ dan, hemm bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li tissodisfa l-obbligu morali tagħha li tipprovdi assistenza effettiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-isforzi kollettivi tal-Unjoni biex juru solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali billi joffru mezzi legali lejn l-Unjoni u jtejbu l-ispazju ta’ protezzjoni barra mill-Unjoni.

(2)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tagħti sostenn lill-isforzi sostnuti tal-Istati Membri fil-provvediment u t-titjib ta' kanali legali u sikuri għal dawk fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. B’mod partikolari, azzjoni rakkomandata għandha l-għan li turi solidarjetà lejn pajjiżi mhux tal-UE fejn numru kbir ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali huma spostati, jikkontribwixxu għal risistemazzjoni internazzjonali u inizjattivi ta’ ammissjoni umanitarja u għal ġestjoni ġenerali aħjar tal-migrazzjoni.

(3)

L-Unjoni qed taħdem fuq l-iżvilupp u t-titjib tal-ispazju ta’ protezzjoni f’pajjiżi ta’ tranżitu, ta’ destinazzjoni jew tal-ewwel ażil sabiex tgħin kemm fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali kif ukoll ta’ migranti li huma partikolarment vulnerabbli, kif ukoll tgħin lill-komunitajiet ospitanti. Il-Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni (1) fil-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani jappoġġaw, fost l-oħrajn, iż-żamma u t-titjib tal-ispazju ta’ protezzjoni permezz tal-iżvilupp tal-kapaċità tas-sistemi nazzjonali u l-appoġġ tal-awtoritajiet u tas-soċjetà ċivili. Huma jipprovdu protezzjoni billi joffru assistenza diretta lil dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. L-azzjonijiet kollha jitwasslu mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Il-programmi jappoġġaw soluzzjonijiet dejjiema għal dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari r-risistemazzjoni, billi jiżguraw l-iskrinjar u r-reġistrazzjoni, jiffaċilitaw id-determinazzjoni effettiva tal-istatus ta’ rifuġjat kif ukoll billi jappoġġaw direttament l-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (United Nations High Commissioner for Refugees, UNHCR). L-Istati Membri huma mitluba li jkollhom rwol attiv bħala membri tal-konsorzju jew li jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji biex jappoġġaw u jimplimentaw il-Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni.

(4)

Ir-risistemazzjoni hija għodda importanti li toffri protezzjoni lil dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u li turi solidarjetà globali ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE biex tgħinhom ilaħħqu ma’ għadd kbir ta’ nies li qed jaħarbu mill-gwerra jew mill-persekuzzjoni. Hija wkoll element ewlieni tal-politika komprensiva tal-Unjoni dwar l-ażil u l-migrazzjoni: billi toffri mezzi sikuri u legali għal dawk li jeħtieġu protezzjoni, ir-risistemazzjoni tgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet, titnaqqas il-migrazzjoni irregolari u jiġi miġġieled il-mudell tan-negozju tan-networks tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Ir-risistemazzjoni hija wkoll parti importanti u integrali tal-approċċ komprensiv għall-migrazzjoni meta pajjiżi sħab jiġu involuti fuq l-ispettru kollu ta’ oqsma relatati mal-migrazzjoni.

(5)

Il-UNHCR tikkonferma li l-ħtiġijiet globali ta’ risistemazzjoni għadhom għoljin, b’1,44 miljun każ fl-2020. Dan l-ammont huwa mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin.

(6)

L-ewwel Forum Globali dwar ir-Refuġjati, li sar f’Diċembru 2019, evalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-Patt Globali dwar ir-Refuġjati (Global Compact on Refugees) tal-UNHCR (2). Immobilizza appoġġ internazzjonali wiesa’ biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema għar-refuġjati tad-dinja, inklużi soluzzjonijiet għar-risistemazzjoni u l-espansjoni tan-numru u l-firxa ta’ mezzi legali disponibbli għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. L-istrateġija ta’ tliet snin tal-UNHCR (2019–2021) dwar ir-risistemazzjoni u l-mezzi komplementari tipprovdi pjan direzzjonali biex dawn jiġu estiżi billi jiġu offruti aktar postijiet, jiġu mobilizzati aktar atturi u jinħolqu soċjetajiet aktar akkoljenti. Biex jieħdu rwol ta’ tmexxija globali dwar ir-risistemazzjoni, l-Istati Membri huma msejħa biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija u jiġġieldu kontra t-tendenza attwali ta’ tnaqqis globali fl-għadd ta’ pajjiżi li qed jirrisistemaw u tnaqqis qawwi ta’ wegħdi ta’ risistemazzjoni (3).

(7)

Mill-2015, żewġ programmi ta’ risistemazzjoni ta’ suċċess sponsorjati mill-UE, li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, għenu aktar minn 70 000 mill-persuni l-aktar vulnerabbli fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali biex isibu kenn fl-Unjoni. Bejn l-2015 u l-2018, meta x-xena ta’ risistemazzjoni globali nbidlet b’mod konsiderevoli, ir-risistemazzjonijiet annwali lejn l-Istati Membri ttriplaw, bis-sehem tal-UE ta’ risistemazzjoni globali jiżdied minn taħt id-9 % qabel l-2016 għal 41 % fl-2018. Din iż-żieda turi l-benefiċċju u l-potenzjal tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam tar-risistemazzjoni. Dan juri wkoll l-importanza ta’ finanzjament mill-baġit tal-UE, b’EUR 1 biljun iddedikati għall-appoġġ dirett tal-isforzi ta’ risistemazzjoni tal-Istati Membri għall-2015-2020.

(8)

Skont l-ewwel skema ta’ risistemazzjoni tal-UE (4), l-Istati Membri, flimkien mal-Istati Assoċjati ta’ Dublin, qablu li jirrisistemaw 22 504 persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali mil-Lvant Nofsani, mill-Qarn tal-Afrika u mill-Afrika ta’ Fuq matul perjodu ta’ sentejn (2) (2015-2017) (5). B’kollox, 19 452 persuna ġew risistemati skont din l-ewwel skema tal-UE ta’ suċċess (86 % tal-wegħdi totali).

(9)

Skont it-tieni skema ta’ risistemazzjoni tal-UE (6), l-Istati Membri qablu li jirrisistemaw 50 039 persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali mit-Turkija, il-Libanu, il-Ġordan kif ukoll minn pajjiżi tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, li jappoġġaw b’mod partikolari l-mekkaniżmi ta’ tranżitu ta’ emerġenza stabbiliti mill-UNHCR fin-Niġer (2017) u fir-Rwanda (2019). L-iskema kienet suċċess, bi 43 827 persuna risistemati (88 % tal-wegħdi totali).

(10)

Biex jimmassimizzaw l-għadd ta’ risistemazzjonijiet u jagħmlu użu tajjeb mill-finanzjament disponibbli, l-Istati Membri li għadhom ma implimentawx b’mod sħiħ il-wegħdi tagħhom skont it-tieni skema ta’ risistemazzjoni tal-UE qed jingħataw l-opportunità li jagħmlu dan fl-2020 u fl-2021 biex iwettqu l-impenji preċedenti tagħhom.

(11)

Skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija (7), aktar minn 27 000 persuna kienu ġew risistemati sa nofs Settembru 2020 (8). L-Istati Membri rrisistemaw aktar persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mit-Turkija permezz tal-iskemi nazzjonali tagħhom stess.

(12)

Jeħtieġ li l-Unjoni timxi minn skemi ta’ risistemazzjonijiet ad hoc għal skemi li joperaw fuq il-bażi ta’ qafas stabbli li jiżgura li l-iskemi ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni jkunu sostenibbli u prevedibbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni pproponiet Regolament fl-2016 li jistabbilixxi Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni (9) biex jiġu pprovduti mezzi sikuri u legali għall-protezzjoni internazzjonali ta’ dawk fil-bżonn bħala parti mir-riforma tas-sistema tal-ażil tal-Unjoni. F’Ġunju 2018 sar ftehim politiku proviżorju parzjali, li inkluda ż-żieda ta’ ammissjoni umanitarja – flimkien ma’ risistemazzjoni – fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost. L-adozzjoni rapida tal-proposta hija element importanti għal politika tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni li tkun aktar effiċjenti, ġusta u stabbli, inkluż qafas stabbli ta’ risistemazzjoni.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-isforzi ta’ risistemazzjoni jkomplu sa ma jkun hemm qafas stabbli, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jippreżentaw l-wegħdi ta’ risistemazzjoni għall-2020 waqt id-9a Forum dwar ir-Risistemazzjoni f’Lulju 2019. Dan kien ibbażat fuq il-prijoritajiet miftiehma għal dan il-perjodu u f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni globali previsti tal-UNHCR għall-2020 u r-rakkomandazzjonijiet tal-UNHCR għall-ippjanar ta’ risistemazzjoni tal-UE għall-2020, li appellaw għal 30 000 post għall-2020. Dan wassal għal ftit inqas minn 29 500 wegħda ppreżentati mill-Istati Membri. Din il-wegħda ġenerali mdaqqsa, li tammonta għal aktar minn 50 % tal-postijiet ta’ risistemazzjoni kollha magħmula disponibbli mill-istati għall-UNHCR għall-2020, tenfasizza l-impenn kontinwu tal-Istati Membri li joffru protezzjoni, isalvaw il-ħajjiet u joffru alternattivi kredibbli għal movimenti irregolari.

(14)

Fl-isfond tal-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni globali previsti għall-2020, l-istrateġija ta’ tliet snin tal-UNHCR (2019-2021) dwar ir-risistemazzjoni u l-mezzi komplementari u l-ewwel Forum Globali dwar ir-Refuġjati (Diċembru 2019), din il-wegħda sinifikanti mill-Istati Membri tafferma r-rwol tal-UE bħala mexxejja globali fil-qasam tar-risistemazzjoni.

(15)

L-għażla tar-reġjuni ta’ prijorità għal risistemazzjonijiet skont l-eżerċizzju tal-wegħdiet tal-2020 hija bbażata fuq il-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni globali previsti tal-UNHCR u l-ħtieġa li titkompla l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu r-risistemazzjonijiet mit-Turkija, il-Ġordan, il-Libanu, kif ukoll mill-pajjiżi Afrikani ewlenin matul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u li jwasslu għaliha, inklużi l-Libja, in-Niġer, iċ-Ċad, l-Eġittu, l-Etjopja u s-Sudan. Dawn jenħtieġ li jappoġġaw ukoll il-mekkaniżmi ta’ tranżitu ta’ emerġenza fin-Niġer u r-Rwanda, u jipprovdu postijiet għal risistemazzjonijiet ta’ emerġenza. L-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tinkludi l-attivazzjoni tal-Iskema ta’ Ammissjoni Umanitarja Volontarja mat-Turkija dment li l-prekondizzjonijiet kollha għal dan ikunu ġew issodisfati u l-qsim irregolari bejn it-Turkija u l-UE jintemm jew ikun tnaqqas sostanzjalment u b’mod sostenibbli.

(16)

Biex jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw il-mira ta’ 29 500 post fl-2020, madwar EUR 300 miljun saru disponibbli mill-baġit tal-Unjoni (10). Soġġett għar-regoli tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), l-Istati Membri jistgħu jikkwalifikaw għal pagament ta’ inċentiv ta’ EUR 10 000 għal kull persuna risistemata minn reġjuni ta’ prijorità jew gruppi partikolarment vulnerabbli u EUR 6 000 għal risistemazzjonijiet oħra.

(17)

Bejn Jannar u Marzu 2020, kien hemm aktar minn 3 600 wasla ta’ risistemazzjoni fl-UE bħala parti mill-eżerċizzju tal-wegħdiet tal-2020. Madankollu, it-tifqigħa tal-coronavirus wasslet għal interruzzjoni serja tal-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni. L-Istati Membri, il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (International Organization for Migration, IOM) issospendew tali operazzjonijiet sa minn nofs Marzu 2020. Fl-18 ta’ Ġunju 2020, il-UNHCR u l-IOM ħabbru t-tkomplija mill-ġdid tal-ivvjaġġar ta’ risistemazzjoni għar-refuġjati (11). Mis-sajf, diversi Stati Membri bdew jissoktaw gradwalment l-attività ta’ risistemazzjoni tagħhom.

(18)

Din it-theddida globali tas-saħħa bla preċedent u l-miżuri biex jitrażżan it-tixrid tal-virus kellhom impatt konsiderevoli fuq l-operazzjonijiet u l-proċeduri kollha relatati mar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u l-isponsorizzazzjoni komunitarja. Il-ħtieġa għall-koordinazzjoni tal-UE saret ċara biex timmassimizza l-impatt tal-miżuri meħuda.

(19)

Fil-Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-ażil u r-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni (12) tagħha, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex ikomplu juru solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u ma’ pajjiżi mhux tal-UE li jospitaw għadd kbir ta’ refuġjati billi jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, il-kontinwità tal-proċeduri relatati mar-risistemazzjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jikkunsidraw modi ġodda ta’ ħidma, bħal intervisti mill-bogħod jew risistemazzjoni bid-dossiers. Dwar dawn is-suġġetti, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (European Asylum Support Office, EASO) ipprovda appoġġ operazzjonali rapidu bis-saħħa ta’ sensiela ta’ laqgħat tematiċi online bħala parti min-Network ta’ Risistemazzjoni u ta’ Ammissjoni Umanitarja.

(20)

Filwaqt li tirrikonoxxi l-effett ta’ tfixkil tal-pandemija tal-coronavirus fuq l-implimentazzjoni tal-wegħdi li saru skont l-eżerċizzju tal-wegħdi tal-2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-perjodu ta’ implimentazzjoni lil hinn mill-2020 biex tiżgura li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw dawn il-wegħdi bis-sħiħ. Għalhekk, il-programm oriġinali ta’ sena se jiġi trasformat fi programm ta’ sentejn li jkopri l-2020-2021, li matulu l-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw 29 500 wegħda. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw programmi nazzjonali ta’ risistemazzjoni nazzjonali ffinanzjati mill-Istat, jekk possibbli.

(21)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni bla xkiel tal-isforzi ta’ risistemazzjoni tal-UE wara t-tfixkil ikkawżat mill-pandemija tal-coronavirus, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati programmi ġodda ta’ risistemazzjoni mill-2022 ’il quddiem, filwaqt li jitqiesu r-riżorsi finanzjarji allokati fil-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil 2021-2027 biex jiġu appoġġati l-wegħdi tal-Istati Membri. L-ambizzjoni tal-Unjoni hija li taqbad it-triq ta’ numri ta’ risistemazzjoni li jiżdiedu b’mod kostanti fis-snin li ġejjin.

(22)

Lil hinn mill-appoġġ finanzjarju tal-UE, diversi miżuri huma fis-seħħ biex jgħinu lill-Istati Membri jirrisistemaw il-persuni. L-EASO għandu l-għan li jgħin lill-Istati Membri jissodisfaw il-wegħdi ta’ risistemazzjoni tagħhom. Il-Faċilità ta’ Appoġġ għar-Risistemazzjoni f’Istanbul, li ilha operazzjonali minn April 2019 (fażi pilota), tappoġġa l-isforzi ta’ risistemazzjoni tal-Istati Membri mit-Turkija. Barra minn hekk, in-Network għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja, iffaċilitat mill-EASO, li ilu operattiv minn Jannar 2020, irawwem il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-Istati Membri, b’enfasi fuq suġġetti speċifiċi għall-UE. In-network kien il-forum prinċipali għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-impatt tal-pandemija tal-coronavirus permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-tagħlim bejn il-pari.

(23)

Barra minn hekk, f’konformità mal-istrateġija ta’ tliet snin tal-UNHCR (2019-2021) dwar ir-risistemazzjoni u mezzi komplementari, huwa xieraq li jiġi promoss l-istabbiliment jew l-użu ulterjuri ta’ mudelli ta’ ammissjoni umanitarja u mezzi kumplimentari oħra bħala mezz addizzjonali ta’ ammissjoni biex jiżdied in-numru ta’ postijiet offruti permezz ta’ mezzi sikuri u legali, flimkien mar-risistemazzjoni.

(24)

Ir-Regolament propost ta’ Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni jipprevedi li l-Istati Membri jingħataw fondi għal ammissjoni umanitarja.

(25)

B’riflessjoni tad-diversità tal-mudelli ta’ ammissjoni umanitarja, fl-Istati Membri u f’pajjiżi mhux tal-UE diġà teżisti firxa wiesgħa ta’ esperjenzi promettenti, li tista’ tiżdied jew tiġi replikata fi Stati Membri oħra.

(26)

Diversi Stati Membri implimentaw skemi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja (13), li jistgħu jirfdu l-mezzi tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u oħrajn kumplimentari. Fil-każijiet kollha, sponsors privati, gruppi ta’ individwi privati jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jista’ jkollhom rwol strutturat biex jilqgħu u jintegraw lil dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali.

(27)

Fil-kuntest tar-risistemazzjoni, l-iskemi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta’ postijiet ta’ risistemazzjoni u jintegraw b’suċċess lir-refuġjati biex jilqgħu l-komunitajiet ospitanti. Fuq il-bażi ta’ sħubija b’saħħitha bejn l-Istat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, individwi jew gruppi ta’ individwi u sponsors privati normalment jipprovdu appoġġ finanzjarju, prattiku u morali għall-ammissjoni jew l-integrazzjoni tar-refuġjati. Kif muri fl-istudju tal-2018 dwar il-fattibbiltà u l-valur miżjud ta’ skemi ta’ sponsorizzazzjoni (14), il-mudelli ta’ sponsorizzazzjoni Komunitarja jistgħu jieħdu diversi forom differenti. Skont id-disinn u l-objettiv tagħhom, huma jgħinu biex jiżdied in-numru ta’ postijiet ta’ dħul disponibbli għal dawk li jeħtieġu protezzjoni, jippermettu integrazzjoni aktar rapida u aktar effiċjenti, itejbu l-appoġġ pubbliku għar-refuġjati u r-risistemazzjoni u jgħinu fil-prevenzjoni ta’ movimenti ulterjuri ta’ persuni risistemati.

(28)

Forom oħra ta’ sponsorizzazzjoni Komunitarja lil hinn mir-risistemazzjoni, li jistgħu jservu ta’ mudell, jinkludu dak li xi Stati Membri u organizzazzjonijiet privati jirreferu għal “kurituri umanitarji”, jiġifieri l-mudell ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja attwalment implimentat mill-organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin fl-Italja, fi Franza u fil-Belġju f’kooperazzjoni mal-gvernijiet nazzjonali rispettivi. B'dan il-mudell, l-isponsors privati huma involuti fl-istadji kollha tal-proċess ta’ ammissjoni, mill-identifikazzjoni ta’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali għat-trasferiment tagħhom lejn l-Istat Membru kkonċernat. Huma jieħdu wkoll ir-responsabbiltà tal-isforzi ta’ akkoljenza u ta’ integrazzjoni u jġorru l-ispejjeż relatati. Mill-2016, aktar minn 2 700 persuna fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali waslu fl-Ewropa permezz ta’ din ir-rotta, l-aktar lejn l-Italja u Franza. Ir-regoli dettaljati ta’ kooperazzjoni bejn l-Istat u l-isponsors privati spiss jiġu stabbiliti f’memoranda ta’ qbil.

(29)

Meta wieħed iqis il-benefiċċji tal-isponsorizzazzjoni tal-komunità, jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tippromwovi approċċ tal-UE għall-isponsorizzazzjoni tal-komunità li tibni fuq l-esperjenza eżistenti tal-Istati Membri u li tinvolvi lill-EASO. L-Unjoni se tkompli tipprovdi appoġġ għall-bini ta’ kapaċità ta’ atturi tas-soċjetà ċivili involuti fi skemi ta’ sponsorizzazzjoni Komunitarja u tippromwovi skambji transnazzjonali dwar il-kondiviżjoni tal-għarfien sabiex jiżdiedu l-programmi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarji eżistenti, jinħolqu programmi ġodda, inkluż fl-Istati Membri li għadhom ma implimentawx tali skemi. Fl-2019, il-Kummissjoni nediet sejħa speċifika għal proposti għal dan il-għan taħt il-Programm ta’ Azzjonijiet tal-Unjoni tal-AMIF (15). Il-promozzjoni ta’ mezzi komplementari għall-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni u l-integrazzjoni ulterjuri tagħhom hija waħda mis-suġġetti inklużi fis-sejħa għal proposti għal azzjonijiet transnazzjonali dwar l-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni skont il-Programm ta’ Ħidma 2020 tal-AMIF (16).

(30)

Il-pandemija tal-coronavirus affettwat ukoll skemi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja. Fil-gwida tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-ażil u r-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex iżommu mezzi ta’ komunikazzjoni miftuħa ma’ sponsors, iżżommhom infurmati bl-iżviluppi u jkomplu jisponsorizzaw ir-reklutaġġ u l-iskrinjar biex iżidu d-disponibbiltà futura tal-hosting.

(31)

Kif enfasizzat mill-UNHCR, ir-riunifikazzjoni tal-familja hija ġeneralment rikonoxxuta bħala fattur ewlieni għal integrazzjoni b’suċċess fil-pajjiż ospitanti. Persuni spostati b’mod furzat li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali spiss jiffaċċjaw ħafna sfidi għad-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja, bħal proċessi amministrattivi twal u ta’ piż (17). Dan jista’ jwassal għal tentattivi biex jiġu evitati r-regoli permezz ta’ migrazzjoni irregolari perikoluża. Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja skont id-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja (18), l-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu programmi ta’ assistenza għar-riunifikazzjoni tal-familja li jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni u jissimplifikaw il-proċess ta’ applikazzjoni għal viża. Barra minn hekk, għall-każijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja, l-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu programmi ta’ ammissjoni umanitarja, bħal sponsorizzazzjoni privata bbażata fuq il-familja.

(32)

Biex jiġu sfruttati l-ħiliet, il-kwalifiki u l-motivazzjoni ta’ individwi fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, jenħtieġ li jiġu esplorati wkoll mezzi komplementari oħra ta’ ammissjoni, bħall-edukazzjoni jew ix-xogħol. Diversi Stati Membri jappoġġaw programmi li jiffaċilitaw l-aċċess għal mezzi legali eżistenti għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, bħal studenti jew ħaddiema. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw l-Għodda tal-UE għall-Profil tal-Ħiliet għal Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi f’tali proċeduri. Din l-għodda online apposta tgħin biex jiġu mmappjati u dokumentati l-ħiliet u l-kwalifiki ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni (19).

(33)

Huwa stmat li inqas minn tlieta fil-mija tar-rifuġjati fid-dinja kollha għandhom aċċess għall-edukazzjoni għolja (20). Anki meta jkollhom il-ħiliet u l-għarfien meħtieġ, ħafna drabi ma jkollhomx l-informazzjoni u l-mezzi finanzjarji biex japplikaw għal programmi tal-ewwel grad universitarju jew ta’ wara l-lawrja fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jtejbu l-aċċess għall-universitajiet għaż-żgħażagħ fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u għalhekk jagħmluha aktar faċli għalihom li jiġu ammessi fit-territorju tagħhom bħala studenti. Tali inizjattivi jistgħu jirrikjedu proċess proattiv ta’ għażla f’pajjiżi li mhumiex tal-UE, taħriġ fil-lingwa, flessibbiltà dwar il-kriterji ta’ ammissjoni għal programmi ta’ studju kif ukoll boroż ta’ studju u miżuri ta’ integrazzjoni dedikati mal-wasla tagħhom. Wara l-gradwazzjoni, l-istudenti li jixtiequ jibqgħu fl-Istat Membru kkonċernat f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) jenħtieġ li jibbenefikaw minn konsulenza u għajnuna biex ifittxu xogħol.

(34)

Biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ programmi bħal dawn, il-Kummissjoni se tħeġġeġ it-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju ta’ esperjenzi bejn l-Istati Membri, u se tesplora possibbiltajiet għal appoġġ finanzjarju tal-UE fit-tfassil u l-iżvilupp ta’ dawn il-perkorsi għall-istudenti.

(35)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw ulterjorment li jaħdmu fi sħubija mas-settur privat, ma’ min iħaddem, it-trade unions u s-soċjetà ċivili biex jiżviluppaw skemi innovattivi internazzjonali ta’ mobilità tax-xogħol għal dawk li għandhom bżonn ta’ protezzjoni.

(36)

L-EASO, flimkien man-Network għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja, se jgħin lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw programmi għal ammissjoni umanitarja u mezzi komplementari oħrajn.

(37)

Meta jimplimentaw programmi ta’ risistemazzjoni, ammissjoni umanitarja u mezzi kumplimentari oħra, l-Istati Membri għandhom iqisu l-obbligi stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

(38)

Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ risistemazzjoni tal-UE fl-2020 u fl-2021, jenħtieġ li l-Istati Membri meta jintalbu, jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar dawk li ġew risistemati fit-territorju tagħhom skont il-wegħdi tagħhom, u jispeċifikaw il-pajjiż minn fejn il-persuna tkun ġiet risistemata. Il-Kummissjoni se timmonitorja wkoll id-diversi proġetti u programmi għal ammissjoni umanitarja implimentati fl-Istati Membri biex tinżamm ħarsa ġenerali fuq il-mezzi legali kollha għal dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u l-għadd ta’ postijiet offruti permezz ta’ dawn il-kanali.

(39)

Jenħtieġ li din ir-rakkomandazzjoni tiġi indirizzata lill-Istati Membri. L-Istati Assoċjati ta’ Dublin huma mistiedna jikkontribwixxu għal sforzi Ewropej komuni ta’ risistemazzjoni kif ukoll għal sforzi komuni fir-rigward ta’ perkorsi komplementari oħra.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

IŻ-ŻIEDA FL-GĦADD TA’ STATI MEMBRI INVOLUTI FIR-RISISTEMAZZJONI U L-AMMISSJONI UMANITARJA

1.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkontribwixxu biex jipprovdu mezzi legali għal dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fl-ispirtu ta’ solidarjetà internazzjonali mal-pajjiżi tal-ewwel ażil jew ta’ tranżitu u jsaħħu s-solidarjetà bejn xulxin.

L-INTENSIFIKAR TAL-ISFORZI TA’ IMPLIMENTAZZJONI FOST IL-PANDEMIJA TAL-CORONAVIRUS U Ż-ŻIEDA TAR-RISISTEMAZZJONI FUQ MEDDA MEDJA TA’ ŻMIEN

2.

Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ risistemazzjoni preċedenti tal-UE u biex titnaqqas it-tranżizzjoni bejn dawn l-iskemi u l-Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri huma mistiedna jilħqu l-mira ta’ risistemazzjoni li saret skont l-eżerċizzju tal-wegħdi tal-2020 ta’ mill-inqas 29 500 persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali minn pajjiżi mhux tal-UE fuq perjodu ta’ sentejn (l-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021).

3.

L-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw il-wegħdi tagħhom li saru skont l-eżerċizzju tal-wegħdi tal-2020 malajr kemm jista’ jkun fid-dawl tal-impatt tal-pandemija tal-coronavirus. Huma mħeġġa jikkunsidraw modi innovattivi ta’ ħidma u li jadattaw il-proċeduri tagħhom biex iwieġbu għar-realtajiet li qed jinbidlu fil-post, inkluż fil-pajjiżi tal-ewwel ażil.

4.

L-Istati Membri li għadhom ma ssodisfawx il-wegħdi tagħhom skont l-iskema ta’ risistemazzjoni tal-UE għall-2018-2019 (22) huma mħeġġa jimplimentaw dawn il-wegħdi fl-2020 u l-2021 f’konformità mal-Programmi Nazzjonali tal-AMIF tagħhom.

5.

Fl-2020 u fl-2021, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu bl-attivitajiet relatati mar-risistemazzjoni tagħhom sa fejn ikun possibbli matul il-pandemija tal-coronavirus u jiffukaw il-wegħdi tagħhom:

(a)

li tiġi żgurata risistemazzjoni kontinwa mit-Turkija ta’ ċittadini Sirjani u ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat spostati mill-kunflitt Sirjan sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016; dan jinkludi l-attivazzjoni tal-Iskema ta’ Ammissjoni Umanitarja Volontarja dment li l-prekondizzjonijiet kollha għal dan ikunu ġew issodisfati u l-qsim irregolari bejn it-Turkija u l-UE jintemm jew ikun tnaqqas sostanzjalment u b’mod sostenibbli;

(b)

sabiex jiġi żgurat li tkompli r-risistemazzjoni mil-Libanu u mill-Ġordan;

(c)

biex jingħata kontribut għall-istabbilizzazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni fil-Mediterran Ċentrali billi jiġu risistemati dawk li jeħtieġu protezzjoni mil-Libja, in-Niġer, iċ-Ċad, l-Eġittu, l-Etjopja u s-Sudan, inkluż billi jiġu appoġġati l-mekkaniżmi temporanji tal-UNHCR għall-evakwazzjoni ta’ emerġenza tal-aktar gruppi vulnerabbli ta’ migranti mil-Libja li jinsabu fin-Niġer u r-Rwanda.

6.

L-Istati Membri huma mistiedna jirreaġixxu b’mod flessibbli għall-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni ta’ emerġenza madwar id-dinja. Huma mitluba jimplimentaw kemm jista’ jkun mill-wegħdi ta’ risistemazzjoni u jagħmlu użu tajjeb mill-baġit li sar disponibbli għalihom. Jenħtieġ li jimplimentaw il-programmi ta’ risistemazzjoni tagħhom f’kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR u bl-appoġġ mill-EASO, fejn xieraq.

7.

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u t-tkabbir imġedded ta’ operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni wara t-tħarbit ikkawżat mill-pandemija tal-coronavirus, l-Istati Membri huma mistiedna jikkontribwixxu għal programmi ta’ risistemazzjoni futuri tal-UE. Huma mistiedna jżidu l-programmi eżistenti tagħhom ta’ risistemazzjoni, jerġgħu jibdew bil-programmi ta’ risistemazzjoni preċedenti tagħhom jew jistabbilixxu programmi ġodda ta’ risistemazzjoni biex jespandu l-għadd ta’ postijiet ta’ ammissjoni disponibbli għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, meta jerġgħu jiġu risistemati mill-ġdid taħt kundizzjonijiet sikuri għal dawk kollha involuti.

L-IŻGURAR TA’ PROGRAMMI TA’ RISISTEMAZZJONI TA’ KWALITÀ

8.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-istadji kollha tal-proċess ta’ risistemazzjoni jitwettqu skont standard għoli ta’ kwalità, b’mod partikolari orjentazzjoni (remota) ta’ qabel it-tluq u informazzjoni wara l-wasla. Huma mistiedna jipprovdu kapaċità ta’ akkoljenza adegwata u suffiċjenti, b’kont meħud ta’ tħassib akbar dwar is-saħħa biex tiġi ggarantita l-wasla rapida ta’ persuni magħżula fl-Ewropa.

9.

L-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu programmi ta’ integrazzjoni u inklużjoni soċjali ddedikati u effettivi għall-persuni risistemati li b’mod partikolari jqisu l-vulnerabbiltà. Huma mistiedna jaħdmu mill-qrib mas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet riċeventi biex idaħħlu fis-seħħ jew jespandu skemi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja għar-risistemazzjoni li għandhom l-għan li jintegraw ir-refuġjati risistemati fis-soċjetajiet ospitanti b’mod effiċjenti, aħjar u aktar malajr.

10.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu programmi interni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex ikejlu l-effiċjenza u l-effettività tal-iskemi ta’ risistemazzjoni tagħhom u ta’ programmi ta’ integrazzjoni rilevanti.

IL-PROMOZZJONI TAL-AMMISSJONI UMANITARJA

11.

L-Istati Membri huma mistiedna jżidu n-numru ta’ ammissjonijiet fit-territorju tagħhom ta’ persuni vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Minbarra r-risistemazzjoni, jenħtieġ li jikkunsidraw b’mod partikolari li jistabbilixxu jew iżidu forom oħra ta’ mezzi legali għal persuni vulnerabbli fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali.

12.

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mitluba jiffaċilitaw l-aċċess għad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja billi jistabbilixxu programmi ta’ assistenza għar-riunifikazzjoni tal-familja li jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni u jissimplifikaw il-proċess ta’ applikazzjoni. Barra minn hekk, huma mistiedna jipprovdu mezzi biex jaċċettaw membri tal-familja ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali permezz ta’ programmi ta’ ammissjoni umanitarja bħal skemi ta’ sponsorizzazzjoni privata bbażata fuq il-familja.

13.

L-Istati Membri huma mistiedna jippromwovu approċċ tal-UE għal sponsorizzazzjoni komunitarja, fuq il-bażi tal-firxa wiesgħa ta’ mudelli ta’ ammissjoni umanitarja biex ifasslu programmi ta’ ammissjoni f’konformità mal-prijoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom u jqisu l-prijoritajiet u l-interessi esterni tal-UE.

14.

L-Istati Membri huma mistiedna jikkooperaw mill-qrib mas-soċjetà ċivili biex idaħħlu fis-seħħ jew jespandu skemi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja bħala triq umanitarja għall-ammissjoni, fejn l-isponsors privati, gruppi ta’ individwi privati jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ huma involuti fi stadji differenti tal-programm – mill-identifikazzjoni ta’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fil-pajjiż mhux tal-UE għal integrazzjoni wara l-wasla tagħhom.

15.

Fit-tfassil ta’ dawk l-iskemi komunitarji ta’ sponsorizzazzjoni, l-Istati Membri u s-sħab tagħhom jenħtieġ li jiddefinixxu kriterji tal-għażla trasparenti u mhux diskriminatorji għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Mill-bidu tal-programm, jenħtieġ li jiżguraw li r-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tas-soċjetà ċivili u tal-gvern ikunu definiti b’mod ċar fil-fażi ta’ qabel it-tluq u wara l-wasla. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-kontrolli tas-sigurtà u l-proċeduri ta’ ammissjoni u jeħtieġ li jiggarantixxu li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa u xbieki ta’ sikurezza.

16.

L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu jew jespandu skemi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja li għandhom l-għan li jiżguraw integrazzjoni u inklużjoni soċjali aħjar u aktar malajr ta’ dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali fis-soċjetajiet ospitanti u appoġġ pubbliku mtejjeb billi joħolqu soċjetajiet aktar akkoljenti u inklużivi.

17.

L-Istati Membri huma mħeġġa jżommu l-kanali ta’ komunikazzjoni miftuħa ma’ sponsors privati matul u wara l-pandemija tal-coronavirus, u biex iżommuhom involuti fl-appoġġ attiv tal-iskemi ta’ sponsorizzazzjoni.

18.

L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu użu mill-possibilitajiet varji ta’ kofinanzjament tal-UE għall-promozzjoni ta’ skemi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja.

IL-PROMOZZJONI TA’ MEZZI KOMPLEMENTARI GĦAL DAWK FIL-BŻONN TA’ PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI MARBUTA MAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL

19.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw u jappoġġaw programmi li jiffaċilitaw l-aċċess għal mezzi legali eżistenti oħra għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, bl-użu, fejn rilevanti, tal-għodod tal-UE biex jimmappjaw u jiddokumentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jipprovdu aċċess għas-suq tax-xogħol, inkluż bi programmi ta’ attivazzjoni (bħal taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet) kmieni kemm jista’ jkun. Sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mas-sħab soċjali.

20.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jtejbu l-aċċess għall-universitajiet għaż-żgħażagħ li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali billi jippermettulhom li jikkwalifikaw bħala studenti, b’kont meħud tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Fi sħubija mill-qrib mal-universitajiet, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jistabbilixxu programmi ddedikati, li jistgħu jinkludu proċess akkademiku speċifiku, aktar flessibbli, appoġġ finanzjarju u klassijiet tal-lingwa adattati, jew iżidu l-inizjattivi eżistenti tagħhom. Jenħtieġ li jipprovdu pariri u jgħinu lill-gradwati li jixtiequ jibqgħu fl-Istat Membru jfittxu xogħol.

21.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jaħdmu fi sħubija mas-settur privat u ma’ min iħaddem biex jiżviluppaw skemi ta’ mobilità tax-xogħol internazzjonali innovattivi għal dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ protezzjoni tagħhom.

22.

L-Istati Membri huma mistiedna jikkontribwixxu għal approċċ tal-UE għal sponsorizzazzjoni tal-komunità biex tirfed il-perkorsi kumplimentari għall-edukazzjoni u x-xogħol għal dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali.

IT-TISĦIĦ TAL-KOOPERAZZJONI BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-PROMOZZJONI TAR-RISISTEMAZZJONI FIL-LIVELL GLOBALI

23.

Biex jingranaw il-benefiċċji u l-potenzjal tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja, l-isponsorizzazzjoni komunitarja u l-modi komplementari, l-Istati Membri huma mistiedna jieħdu sehem fin-Network għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja tal-EASO u huma mħeġġa jikkontribwixxu b’mod attiv għal-laqgħat u l-attivitajiet tiegħu.

24.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw fi ħdan il-qafas tan-Network ta’ Risistemazzjoni u ta’ Ammissjoni Umanitarja tal-EASO biex jiffaċilitaw tkomplija f’waqtha u bla xkiel tar-risistemazzjonijiet wara li jitneħħew ir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-coronavirus jitneħħew u jiġu żviluppati modi ġodda ta’ ħidma u proċeduri ġodda biex l-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni jsiru aktar reżiljenti għal perjodu medju ta’ żmien.

25.

Biex ikomplu jespandu r-risistemazzjoni madwar id-dinja, l-Istati Membri jenħtieġ li jissieħbu ma’ pajjiżi mhux tal-UE u jgħinuhom jibnu l-programmi ta’ risistemazzjoni tagħhom permezz tal-bini u l-kondiviżjoni ta’ kapaċità u ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattika, fuq il-bażi tal-għarfien espert tal-EASO u f’kooperazzjoni mal-UNHCR u mal-IOM.

IL-MONITORAĠĠ

26.

Meta jintalbu, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-għadd ta’ persuni risistemati fit-territorju tagħhom skont il-wegħdi tagħhom, filwaqt li jispeċifikaw il-pajjiżi li minnhom ġew risistemati.

27.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu lill-Kummissjoni infurmata bl-ammissjonijiet permezz ta’ skemi ta’ ammissjoni umanitarja u mezzi kumplimentari oħra.

L-APPOĠĠ FINANZJARJU

28.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ finanzjarju disponibbli permezz tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-bqija tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tiegħu biex jissodisfaw il-wegħdi ta’ risistemazzjoni sabiex jiżguraw li l-istadji kollha tal-proċess ta’ risistemazzjoni msemmija f’din ir-Rakkomandazzjoni jitwettqu bi standard għoli ta’ kwalità.

29.

Jenħtieġ li l-Istati Membri ukoll jagħmlu użu sħiħ minn opportunitajiet oħra ta’ finanzjament tal-UE biex jappoġġaw u jtejbu r-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u mezzi komplementari oħra għal dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tagħhom fis-soċjetajiet ospitanti, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali f’konformità mal-objettivi rispettivi tagħhom.

ID-DESTINATARJI

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Ylva JOHANSSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Kofinanzjat mill-baġit tal-Unjoni u implimentat minn konsorzji mmexxija mill-Istati Membri.

(2)  https://www.unhcr.org/the-global-compact-on-refugees.html

(3)  Il-UNHCR irċieviet wegħdi ta’ risistemazzjoni minn 29 pajjiż fl-2018 meta mqabbel ma’ 35 pajjiż fl-2017; l-għadd ta’ tluq għal risistemazzjoni naqas minn 65 100 fl-2017 għal 55 680 fl-2018.

(4)  Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/914 tat-8 ta’ Ġunju 2015 dwar skema Ewropea ta’ risistemazzjoni (ĠU L 148, 13.6.2015, p. 32).

(5)  Il-konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015.

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1803 tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-titjib tal-mezzi legali għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali (ĠU L 259, 7.10.2017, p. 21).

(7)  https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/03/18/eu-turkey-statement/

(8)  Dawn ir-risistemazzjonijiet ġew parzjalment magħduda taħt l-iskemi ta’ risistemazzjoni tal-UE msemmija fil-premessi (8) u (9).

(9)  COM(2016) 468 final.

(10)  L-appoġġ finanzjarju jgħaqqad l-approprjazzjonijiet baġitarji tal-2019 u l-2020, li saru disponibbli għall-Istati Membri f’żewġ pagamenti.

(11)  https://www.unhcr.org/news/press/2020/6/5eeb85be4/joint-statement-un-refugee-chief-grandi-ioms-vitorino-announce-resumption.html?query=resettlement resumption

(12)  C(2020) 2516 final.

(13)  F’xi pajjiżi, dawn jissejħu wkoll “skemi ta’ sponsorizzazzjoni privata”.

(14)  https://op.europa.eu/fr/publication-detail/-/publication/1dbb0873-d349-11e8-9424-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-114630059

(15)  2019 Call for Proposals AMIF-2019-AG-Call, Topic 1: It-trawwim tal-integrazzjoni ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni permezz ta’ skemi ta’ sponsorizzazzjoni privata.

(16)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26.6.2020 dwar il-finanzjament ta’ Azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2020: https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/financing/fundings/migration-asylum-borders/asylum-migration-integration-fund/union-actions/docs/c4223-annex-decision-amif-awp-2020.pdf.

(17)  https://www.unhcr.org/uk/protection/basic/5f5743f84/families-together-family-reunification-for-refugees-in-the-european-union.html

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12).

(19)  https://ec.europa.eu/migrantskills/#/

(20)  Stimi tal-UNHCR: https://www.unhcr.org/tertiary-education.html

(21)  Ara l-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21), Artikolu 25.

(22)  Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/1803.


ANNESS

Ir-risistemazzjoni: Wegħdiet 2020

Stat Membru

Total ta’ postijiet 2020

Il-Belġju

758

Il-Bulgarija (*1)

[25]

Iċ-Ċekja

 

Id-Danimarka

 

Il-Ġermanja

5 500

L-Estonja

 

L-Irlanda

994

Il-Greċja

 

Spanja

1 000

Franza

5 200

Il-Kroazja

100

L-Italja

700

Ċipru

 

Il-Latvja

 

Il-Litwanja

18

Il-Lussemburgu (*1)

[50]

L-Ungerija

 

Malta (*1)

[20]

In-Netherlands

1 902

L-Awstrija

 

Il-Polonja

 

Il-Portugall

1 150

Ir-Rumanija

200

Is-Slovenja

 

Is-Slovakkja

 

Il-Finlandja

850

L-Iżvezja

5 114

Ir-Renju Unit

6 000

TOTAL

29 487


(*1)  Implimentazzjoni ta’ wegħdiet mill-iskema preċedenti (mhux magħduda taħt l-eżerċizzju tal-wegħdiet tal-2020)


Top