EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0044

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer

COM/2021/44 final

Brussell, 3.2.2021

COM(2021) 44 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY

Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer

{SWD(2021) 13 final}


Werrej

1.    Pjan dwar il-Kanċer tal-Ewropa: Introduzzjoni    

2.    Approċċ modern għall-kanċer: teknoloġiji ġodda, riċerka u innovazzjoni għas-servizz tal-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer iċċentrati fuq il-pazjent    

2.1.    It-tmexxija tal-bidla permezz tal-għarfien u r-riċerka    

2.2.    L-aħjar użu mid-data u mid-diġitalizzazzjoni fil-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer    

3.    Insalvaw il-ħajjiet permezz tal-prevenzjoni sostenibbli tal-kanċer    

3.1.    It-titjib tal-litteriżmu fis-saħħa dwar ir-riskji u d-determinanti tal-kanċer    

3.2.    Il-kisba ta’ Ewropa ħielsa mit-tabakk    

3.3.    It-tnaqqis tal-konsum tal-alkoħol li jagħmel il-ħsara    

3.4.    It-titjib tal-promozzjoni tas-saħħa permezz tal-aċċess għal dieti tajbin għas-saħħa u attività fiżika    

3.5.    It-tnaqqis tat-tniġġis ambjentali    

3.6.    It-tnaqqis tal-esponiment għal sustanzi perikolużi u għar-radjazzjoni    

3.7.    Il-prevenzjoni ta’ kanċers ikkawżati minn infezzjonijiet    

4.    It-titjib fl-identifikazzjoni bikrija tal-kanċer    

5.    L-iżgurar ta’ standards għoljin fil-kura tal-kanċer    

5.1.    L-għoti ta’ kura ta’ kwalità ogħla    

5.2.    L-iżgurar ta’ forza tax-xogħol tas-saħħa ta’ kwalità għolja    

5.3.    L-iżgurar tal-aċċess għall-mediċini essenzjali u l-innovazzjoni    

5.4.    Nibnu fuq il-wegħda ta’ mediċina personalizzata għall-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer    

6.    It-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti bil-kanċer, għas-superstiti, u għall-persuni li jindukraw    

7.    It-tnaqqis tal-inugwaljanzi tal-kanċer madwar l-UE    

8.    It-tqegħid taħt il-lenti tal-kanċer fit-tfal    

9.    Finanzjament    

10.    Kollaborazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali    

11.    Implimentazzjoni u governanza: twassil għar-riżultati flimkien    

12.    Konklużjoni    

1.Pjan dwar il-Kanċer tal-Ewropa: Introduzzjoni

B’xi mod jew ieħor, il-kanċer jikkonċernana lkoll. Fl-2020, 2,7 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea ġew dijanjostikati bil-marda, u 1,3 miljun persuna oħra tilfu ħajjithom minħabba fiha 1 . Il-marda tal-kanċer hija dijanjożi individwali li għandha impatti importanti fuq il-pazjenti, iżda li taffettwa serjament ukoll il-ħajja tal-familji u tal-ħbieb tagħhom.

Illum, l-Ewropa għandha deċimu tal-popolazzjoni tad-dinja, iżda kwart tal-każijiet tal-kanċer fid-dinja. Jekk ma niħdux azzjoni deċiżiva, il-ħajjiet li qed jintilfu minħabba l-kanċer fl-UE huma mistennija jiżdiedu b’aktar minn 24 % sal-2035 2 , u b’hekk dan ikun il-kawża ewlenija tal-mewt fl-UE. L-impatt ekonomiku ġenerali tal-kanċer fl-Ewropa huwa stmat li jaqbeż EUR 100 biljun fis-sena. Barra minn hekk, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt serju fuq il-kura tal-kanċer, fixklet il-prevenzjoni u t-trattament, dewmet id-dijanjożi u t-tilqim, u affettwat l-aċċess għall-mediċini. Mill-bidu tal-pandemija, l-għadd ta’ dijanjożi tal-kanċer naqas, u dan se jwassal għal żieda futura fil-każijiet.

L-UE ilha taħdem biex tindirizza l-kanċer għal għexieren ta’ snin u l-azzjonijiet tagħha, pereżempju dwar il-kontroll tat-tabakk u l-protezzjoni minn sustanzi perikolużi, salvaw u tawlu l-ħajjiet. Madankollu, l-aħħar pjan ta’ azzjoni Ewropew kontra l-kanċer ġie żviluppat fil-bidu tad-disgħinijiet u d-dinja rat progress kbir fit-trattament tal-kanċer minn dakinhar. Il-mediċina personalizzata – imfassla għal sitwazzjonijiet u ħtiġijiet individwali – biddlet radikalment il-pronjożi tal-pazjenti. Sadanittant, ir-riċerka u l-innovazzjoni, bħat-teknoloġiji mRNA 3 , flimkien mat-teknoloġiji diġitali, avvanzaw b’mod drammatiku l-fehim tagħna tal-bidu u tal-progressjoni tal-kanċer, tal-prevenzjoni u tad-dijanjożi.

L-Ewropa teħtieġ b’mod urġenti impenn imġedded għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-kanċer li jirrikonoxxi l-isfidi li dejjem qed jikbru, u l-opportunitajiet biex dawn jingħelbu, inkluż l-iżviluppi fil-kura tal-kanċer. Neħtieġu approċċ tal-gvern sħiħ li jiffoka fuq il-pazjent u li jimmassimizza l-potenzjal ta’ teknoloġiji u għarfien ġodda; li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-opportunitajiet għall-valur miżjud tal-UE; li jelimina l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-għarfien, il-prevenzjoni, id-dijanjożi u l-kura tal-kanċer; u li jwassal għal titjib fir-riżultati tas-saħħa għall-pazjenti.

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer huwa r-rispons tal-UE għal dawn il-ħtiġijiet. Dan jirrifletti impenn politiku biex isir dak kollu possibbli biex tittieħed azzjoni kontra l-kanċer. Il-Pjan dwar il-Kanċer, li jimmobilizza s-setgħa kollettiva tal-UE biex jixpruna l-bidla għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna, fih azzjonijiet konkreti u ambizzjużi li se jappoġġaw, jikkoordinaw u jikkomplementaw l-isforzi tal-Istati Membri biex titnaqqas it-tbatija kkawżata mill-kanċer. Dan jimmarka l-bidu ta’ era ġdida fil-prevenzjoni u fil-kura tal-kanċer, fejn il-pazjenti jkollhom aċċess għal skrinjar u trattamenti ta’ kwalità għolja u għall-aktar teknoloġiji riċenti tal-ogħla livell, b’appoġġ fil-livell tal-UE li jippermetti skala u speċjalizzazzjoni, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fil-politika tas-saħħa 4 . B’dan il-mod, ikun qed iwettaq il-linji gwida politiċi tal-President tal-Kummissjoni von der Leyen. Huwa wkoll tweġiba diretta għas-sejħiet qawwija u ċari mill-Parlament Ewropew għal azzjoni f’dan il-qasam.

L-għan tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer huwa li jindirizza l-perkors kollu tal-marda. Huwa strutturat madwar erba’ oqsma ta’ azzjoni ewlenin fejn l-UE tista’ żżid l-aktar valur: (1) il-prevenzjoni; (2) l-identifikazzjoni bikrija; (3) id-dijanjożi u t-trattament; u (4) l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer u tas-superstiti. Matul is-snin li ġejjin, se jiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, jisfrutta l-potenzjal li joffru d-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, u jimmobilizza l-istrumenti finanzjarji biex jappoġġa lill-Istati Membri.

Bl-objettivi politiċi tiegħu, appoġġati minn għaxar inizjattivi ewlenin u diversi azzjonijiet ta’ appoġġ, il-Pjan dwar il-Kanċer se jgħin lill-Istati Membri biex idawru s-sitwazzjoni kontra l-kanċer. Se jippermetti li l-għarfien esperta u r-riżorsi jiġu kondiviżi madwar l-UE - u b’hekk jiġu appoġġati l-pajjiżi, ir-reġjuni u l-bliet b’inqas għarfien u kapaċità. Se jgħin lir-riċerkaturi jiskambjaw is-sejbiet bejn Stati Membri żgħar u kbar u jkollhom aċċess għal data kruċjali dwar is-saħħa fuq il-kawżi potenzjali tal-kanċer u t-trattamenti promettenti għalih. Il-persunal mediku u l-isptarijiet se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn minjiera ta’ informazzjoni kondiviża. Fl-aħħar mill-aħħar dan se jiżgura li l-pazjenti minn madwar l-UE kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn kura u minn trattament aħjar.

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer huwa pilastru ewlieni ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha u UE aktar sigura, ippreparata aħjar u aktar reżiljenti. Dan jiddeskrivi azzjonijiet sostantivi biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kura tal-kanċer u jappoġġa titjib strutturali li jiżgura perkors tal-kanċer aktar sostenibbli. Barra minn hekk, il-programm ġdid u ambizzjuż l-UE għas-Saħħa u strumenti oħra tal-UE se jipprovdu appoġġ finanzjarju sostanzjali b’EUR 4 biljun lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jagħmlu s-sistemi tas-saħħa tagħhom aktar robusti u aktar kapaċi jindirizzaw il-kanċer.

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-esperjenza fl-iżvilupp tal-vaċċin urewna b’mod ċar li meta naħdmu lkoll flimkien, meta ngħaqqdu l-isforzi u r-riżorsi tagħna, huwa possibbli li nagħmlu progress bla preċedent. Dan jirrikjedi s-setgħa unika tal-UE li tlaqqa’, l-iffissar ta’ għanijiet, l-istabbiliment ta’ skadenzi ċari, l-impenn tal-finanzjament meħtieġ u l-konnessjoni tal-atturi prinċipali permezz ta’ sħubiji effettivi. L-applikazzjoni ta’ dan l-approċċ għall-kanċer tista’ tagħti riżultati effettivi. Billi naħdmu bħala tim u ngħaqqdu l-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-UE, nistgħu negħlbu d-dgħufijiet individwali, innaqqsu l-frammentazzjoni, u nwasslu rispons aktar effettiv u aktar ugwali għall-kanċer. Is-saħħa u s-suċċess iridu jibnu wkoll fuq l-involviment u l-komunikazzjoni mal-pubbliku usa’ biex jiġu appoġġati l-isforzi konġunti tagħna. Filwaqt li nirrikonoxxu l-valur tas-sħubiji, il-Pjan dwar il-Kanċer huwa bbażat fuq approċċ ta’ diversi partijiet ikkonċernati tas-“Saħħa fil-Politiki Kollha” u huwa r-riżultat ta’ proċess ta’ konsultazzjoni estensiv. Dan jirrifletti l-fehmiet tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati u tal-pazjenti, tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri.

Se jkun hemm firxa wiesgħa ta’ politiki tal-UE li jappoġġaw il-Pjan dwar il-Kanċer bid-diġitalizzazzjoni, bir-riċerka u bl-innovazzjoni bħala l-punt tat-tluq għal approċċ ġdid għall-kura tal-kanċer fl-UE. L-azzjonijiet se jkopru oqsma politiċi differenti, mill-impjiegi, l-edukazzjoni, il-politika soċjali u l-ugwaljanza, għall-kummerċjalizzazzjoni, l-agrikoltura, l-enerġija, l-ambjent u l-klima, għat-trasport, il-politika dwar il-koeżjoni u t-tassazzjoni. Dan se jippermetti li l-Pjan dwar il-Kanċer jindirizza l-ixprunaturi tal-kanċer fl-iskejjel tagħna u fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-laboratorji tar-riċerka, fl-irħula u fil-bliet tagħna, u fil-komunitajiet rurali tagħna; u biex jagħmel dan juża l-innovazzjoni, għażliet tajbin għas-saħħa u titjib fl-ambjent tagħna. Il-kooperazzjoni se tiġi segwita wkoll fuq livell internazzjonali fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-kollaborazzjoni fit-tul mal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tagħha.

Fuq kollox, il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer iqiegħed l-interessi u l-benesseri tal-pazjenti, tal-familji tagħhom u tal-popolazzjoni usa’ fil-qalba tiegħu, f’kull pass li jagħmel.

2.Approċċ modern għall-kanċer: teknoloġiji ġodda, riċerka u innovazzjoni għas-servizz tal-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer iċċentrati fuq il-pazjent

Aktar ma nifhmu l-proċessi bijoloġiċi, il-fatturi ta’ riskju u d-determinanti tas-saħħa li qed jixprunaw il-kanċer, aktar inkunu nistgħu nipprevjenu, nidentifikaw, nagħmlu dijanjożi u nittrattaw din il-marda. Ir-riċerka dwar il-kanċer, l-innovazzjoni u teknoloġiji ġodda jistgħu jsalvaw il-ħajjiet; iżda biex jiġu salvati kemm jista’ jkun ħajjiet, l-għarfien ġdid irid jiġi kondiviż bl-aktar mod wiesa’ possibbli, sabiex l-awtoritajiet tas-saħħa u partijiet ikkonċernati oħra jkunu jistgħu jaqilbuhom f’azzjonijiet konkreti. Matul dawn l-aħħar 20 sena għamilna progress xjentifiku kbir. Il-fehim tagħna tar-rwol tal-ġenetika u l-ġenomika u d-differenzi bejn il-ġeneri fil-kanċer żdied b’mod enormi, kif żdiedu wkoll id-diġitalizzazzjoni u s-setgħa dejjem akbar ta’ għodod analitiċi bbażati fuq il-kompjuter.

Il-kombinazzjoni intelliġenti ta’ data dwar is-saħħa u teknoloġiji ġodda tipprovdi għall-iżvilupp esponenzjali ta’ mediċina personalizzata, li ssir għodda b’saħħitha biex tindirizza l-kanċer permezz ta’ strateġiji ta’ prevenzjoni u trattament imfassla apposta sabiex il-pazjenti jirċievu t-terapiji li jaħdmu l-aħjar għalihom, u ma jinħlew l-ebda flus fuq trattamenti sperimentali.

Filwaqt li jibni fuq dak li l-UE, l-Istati Membri, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-industrija, u l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti diġà kisbu, il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se juża l-potenzjal notevoli tat-teknoloġiji ġodda u l-progress xjentifiku, inkluż l-għarfien minn komorbiditajiet, xjenzi soċjali u tal-imġiba, biex jindirizza aħjar il-kanċer tul il-perkors kollu tal-marda permezz tal-inizjattivi u l-azzjonijiet ewlenin tiegħu. L-UE tinsab f’pożizzjoni unika biex timmassimizza dan il-potenzjal billi tiġbor flimkien l-għarfien espert xjentifiku, l-għarfien, id-data u l-qawwa komputazzjonali biex tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi u personalizzati li se jkunu ta’ benefiċċju għall-pazjenti bil-kanċer.

2.1.It-tmexxija tal-bidla permezz tal-għarfien u r-riċerka 

It-tisħiħ tal-isforzi tagħna fir-riċerka u l-innovazzjoni se jippermettilna nifhmu aħjar il-fatturi tar-riskju tal-kanċer, kif ukoll it-titjib tad-dijanjożi, it-terapiji, it-trattamenti u l-politiki ta’ prevenzjoni. Bosta inizjattivi ewlenin madwar l-UE se jikkontribwixxu għal dan il-għan.

Il-Missjoni dwar il-Kanċer 5 , prevista taħt Orizzont Ewropa, se tkun komponent ewlieni tal-investiment tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-kanċer. Din se tapprofondixxi l-fehim tagħna dwar il-kumplessità tal-kanċer. Abbażi tar-riċerka u l-innovazzjoni, is-saħħa pubblika u l-iżvilupp tal-politika, din se tinforma ħafna mill-azzjonijiet ewlenin tal-Pjan dwar il-Kanċer u se tipprovdi soluzzjonijiet għall-pazjenti, inklużi dawk b’komorbiditajiet.

Barra minn hekk, l-Orizzont Ewropa se jiffinanzja l-infrastrutturi tar-riċerka, il-cloud computing u l-azzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni 6 . Dan jinkludi l-għoti ta’ aċċess lir-riċerkaturi għal infrastrutturi u għodod abilitanti rilevanti. Barra minn hekk, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija 7 se juża s-sħubiji tiegħu għall-innovazzjoni, magħrufa bħala Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni, biex jagħti soluzzjonijiet trasformattivi u ċċentrati fuq in-nies kontra l-kanċer. L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie se jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tar-riċerkaturi fil-prevenzjoni, fit-tbassir, fid-detezzjoni, fid-dijanjożi u fit-trattament tal-kanċer 8 . Għall-perjodu 2021-2025, il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) se jappoġġa r-riċerka dwar il-protezzjoni tal-pazjenti li jibbenefikaw minn terapiji dijanjostiċi u tal-kanċer li jinvolvu sorsi ta’ radjazzjoni.

Żewġ sħubiji ġodda, previsti taħt Orizzont Ewropa, se jikkapitalizzaw b’mod sħiħ fuq l-investimenti fir-riċerka u jagħtu benefiċċji tanġibbli għall-pazjenti. L-Inizjattiva dwar is-Saħħa Innovattiva proposta se tgħin biex tinħoloq ekosistema ta’ riċerka u innovazzjoni madwar l-UE kollha. Din se tippromwovi kooperazzjoni bejn l-industrija tas-saħħa, l-akkademja u partijiet ikkonċernati oħra biex l-għarfien xjentifiku jiġi tradott f’innovazzjonijiet li jindirizzaw il-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament u l-ġestjoni tal-mard, inkluż il-kanċer. Is-Sħubija proposta dwar it-Trasformazzjoni tas-Sistemi tas-Saħħa u tal-Kura, li tiġbor flimkien l-awtoritajiet tas-saħħa u tal-kura, ir-reġjuni, il-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa, se tipprovdi għarfien dwar kif jistgħu jintużaw aħjar l-opportunitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni.

Inizjattiva ewlenija 1: Fl-2021 se jitnieda Ċentru tal-Għarfien ġdid dwar il-Kanċer fi ħdan iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka biex jgħin fil-koordinazzjoni ta’ inizjattivi xjentifiċi u tekniċi relatati mal-kanċer fil-livell tal-UE. Dan se jaġixxi bħala sensar tal-għarfien, ixerred l-implimentazzjoni tal-aħjar prattika u joħroġ linji gwida biex jikkontribwixxi għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ġodda taħt il-Pjan dwar il-Kanċer. Dan se jikkontribwixxi, pereżempju, għall-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer, l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa u r-riċerka mwettqa taħt il-Missjoni dwar il-Kanċer.

2.2.L-aħjar użu mid-data u mid-diġitalizzazzjoni fil-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer 

It-trasformazzjoni diġitali tista’ ġġib benefiċċji sinifikanti għas-settur tas-saħħa. Sa 30 % tad-data maħżuna tad-dinja bħalissa hija prodotta mis-sistemi tas-saħħa. Iżda s-settur tas-saħħa għadu lura fl-isfruttament ta’ dan il-potenzjal. Dan huwa settur li huwa “rikk fid-data iżda li ma jipprovdix informazzjoni biżżejjed” 9 .

Il-kura tal-kanċer titqies bħala waħda mill-oqsma ewlenin tal-mard li tista’ tibbenefika mill-Istrateġija Diġitali Ewropea 10 , grazzi għall-isfruttament aħjar ta’ data tad-dinja reali 11 bl-użu ta’ għodod b’saħħithom bħall-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja 12 . Minkejja dan, għad hemm ostakli f’termini ta’ interoperabbiltà 13 , standards legali u etiċi, governanza, ċibersigurtà, rekwiżiti tekniċi 14 , u konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali 15 .

Ir-rekords elettroniċi tas-saħħa huma stabbiliti biex isiru għodod kruċjali fil-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer 16 . Dawn se jiżguraw li l-informazzjoni klinika tiġi kondiviża b’mod effiċjenti bejn l-onkologi, ir-radjologi u l-kirurgi, u b’hekk jittejbu t-trattament tal-pazjenti u l-possibbiltajiet ta’ sopravivenza. Ir-rekords tas-saħħa jistgħu jkopru aħjar ukoll l-esperjenzi u r-riżultati tal-pazjenti tal-onkoloġija, filwaqt li jagħtu stampa aktar ċara mill-5 % li jipparteċipaw fil-provi kliniċi. Il-kombinazzjoni tar-rekords tas-saħħa, dejjem f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE, ma’ settijiet oħra ta’ data, bħall-ġenomika, tista’ tipprovdi għarfien saħansitra aħjar dwar l-effikaċja tat-trattamenti u l-ottimizzazzjoni tagħhom 17 .

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer ifittex li jagħmel l-aħjar użu mill-potenzjal tad-data u tad-diġitalizzazzjoni. L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (EHDS), li se jiġi propost fl-2021, se jippermetti lill-pazjenti bil-kanċer jaċċessaw b’mod sigur u jikkondividu d-data dwar is-saħħa tagħhom f’format integrat fir-rekords elettroniċi tas-saħħa bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa u bejn il-fruntieri fl-UE. L-EHDS jenħtieġ li jagħti lill-prattikanti ġenerali u lill-ispeċjalisti aċċess għad-data klinika tal-pazjenti, filwaqt li jiżgura li l-pazjenti jibbenefikaw minn servizzi tas-saħħa u tal-kura tul il-perkors kollu tagħhom, u se jkun konness maċ-Ċentru tal-Għarfien dwar il-Kanċer biex jiżgura li t-tagħlim jiġi kondiviż b’mod effiċjenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll mal-Istati Membri fuq format komuni ta’ skambju għar-rekords elettroniċi tas-saħħa u biex tindirizza s-sigurtà, il-privatezza u l-interoperabbiltà tad-data.

Minbarra d-diġitalizzazzjoni tad-data dwar is-saħħa, l-użu kkombinat ta’ teknoloġiji ġodda bħall-IA u l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jista’ jgħin biex jiġu pproċessati malajr ammonti kbar ta’ data dwar is-saħħa u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ skrinjar immirati aħjar. Dan jista’ jwassal ukoll għal dijanjożi aktar rapida u aħjar billi jiġu awtomatizzati u standardizzati l-kompiti, filwaqt li jiġi evitat preġudizzju potenzjali bejn il-ġeneri u l-oriġini razzjali jew etnika. Barra minn hekk, il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jista’ jgħinna nwettqu simulazzjonijiet kumplessi ta’ interazzjonijiet molekulari u ċellulari, bħall-ittestjar virtwali tal-effettività ta’ mediċini ġodda jew ta’ mediċini bi skop ġdid.

Inizjattiva ewlenija 2: L-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer se tiġi stabbilita fl-2022 biex tiżviluppa “atlas” tal-UE ta’ immaġnijiet relatati mal-kanċer, u b’hekk l-immaġnijiet anonimizzati jsiru aċċessibbli għal firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati fl-ekosistema kollha tal-isptarijiet, tar-riċerkaturi u tal-innovaturi. Se ssegwi l-proposta biex jiġi stabbilit Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa, u se tinvolvi l-Faċilitajiet ġodda ppjanati ta’ Ttestjar u Esperimentazzjoni biex id-data tingħaqad ma’ għodod bħall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-IA, inklużi wkoll parametri referenzjarji għall-algoritmi ta’ skrinjar tal-kanċer. Bl-appoġġ taċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali, l-inizjattiva se tkompli ttejjeb il-mediċina personalizzata u tappoġġa soluzzjonijiet innovattivi, bis-saħħa ta’ akkuratezza u affidabbiltà akbar fid-dijanjostika minimament invażiva u fis-segwitu tat-trattamenti.

Barra minn hekk, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer 18 , li timmonitorja l-piż tal-kanċer fl-Ewropa, se tiġi estiża mill-2021. Din se tinkludi indikaturi ġodda dettaljati wkoll mill-istadji tal-kanċer 19 , u taqsima ġdida dwar il-kanċers fit-tfal. Il-karatteristiċi l-ġodda se jinkludu wkoll data aktar dettaljata fil-livell subnazzjonali, u b’hekk se jiffaċilitaw ir-rabtiet mad-data ambjentali 20 u soċjoekonomika. Din se tgħin fil-monitoraġġ tal-progress u tal-ħtiġijiet futuri fl-indirizzar tal-kanċer fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Din l-informazzjoni hija kruċjali għall-fehim u l-indirizzar tal-kanċer.

Inizjattivi ewlenin dwar ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni

ØJinħoloq Ċentru tal-Għarfien dwar il-Kanċer biex jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ inizjattivi xjentifiċi u tekniċi relatati mal-kanċer fil-livell tal-UE – 2021.

ØTitnieda Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ għodod ġodda megħjuna mill-kompjuter biex jittejbu l-mediċina personalizzata u s-soluzzjonijiet innovattivi – 2022.

Azzjonijiet oħra

ØTippermetti lill-pazjenti bil-kanċer jaċċessaw b’mod sigur u jikkondividu rekords elettroniċi tas-saħħa għall-prevenzjoni u t-trattament bejn il-fruntieri permezz tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa – 2021-2025.

ØTespandi is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer – 2021-2022.

ØJitnedew Sħubiji ta’ Orizzont Ewropa biex l-għarfien xjentifiku jinqaleb f’innovazzjonijiet – 2021.

3.Insalvaw il-ħajjiet permezz tal-prevenzjoni sostenibbli tal-kanċer

Il-prevenzjoni hija aktar effettiva minn kwalunkwe kura. Madwar 40 % tal-każijiet tal-kanċer fl-UE jistgħu jiġu evitati. Il-prevenzjoni hija wkoll l-aktar strateġija ta’ kontroll tal-kanċer fit-tul kosteffikaċi. Filwaqt li jibbenefika mill-approċċ tal-gvern kollu, il-Pjan dwar il-Kanċer għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar u jindirizza fatturi ta’ riskju ewlenin, bħal kanċers ikkawżati mit-tipjip, konsum ta’ alkoħol ta’ ħsara, obeżità u nuqqas ta’ attività fiżika, esponiment għat-tniġġis, sustanzi karċinoġeniċi u radjazzjoni, kif ukoll kanċers attivati minn aġenti infettivi. Il-Pjan dwar il-Kanċer iqis ukoll id-determinanti tas-saħħa, inklużi l-edukazzjoni, l-istatus soċjoekonomiku, is-sess, l-età u l-impjieg. Barra minn hekk, jenħtieġ li tingħata attenzjoni għall-inugwaljanzi fl-aċċess għall-prevenzjoni u għall-kura tal-kanċer, li jaffettwaw pereżempju lill-anzjani, lil persuni b’diżabilità, jew lil minoranzi.

L-appoġġ għall-azzjonijiet tal-Istati Membri se jiġi kkomplementat minn inizjattivi tal-UE li jiffukaw fuq il-ġenomika tal-kanċer, b’riċerka biex tiġi identifikata l-predispożizzjoni ġenetika tal-individwi biex jiżviluppaw kanċers, li tiftaħ perspettivi ġodda għal valutazzjoni tar-riskju personalizzata u prevenzjoni mmirata tal-kanċer (ara l-Kapitolu 5.4).

3.1.It-titjib tal-litteriżmu fis-saħħa dwar ir-riskji u d-determinanti tal-kanċer

It-titjib fl-aċċess għal u fil-fehim tal-fatturi ta’ riskju u tad-determinanti tas-saħħa huwa vitali biex jitjiebu l-eżiti tas-saħħa, speċjalment għal mard kumpless bħall-kanċer. Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se jniedi azzjonijiet biex jagħti lin-nies l-informazzjoni u l-għodod li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet aktar tajbin għas-saħħa. Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali u l-komunità hija parti importanti mill-Pjan dwar il-Kanċer. Dan se jinvolvi ħaddiema soċjali, għalliema u infermiera – dawn se jedukaw lill-pubbliku dwar imġiba b’saħħitha u lill-pazjenti dwar kif wieħed jgħix tajjeb wara t-trattament tal-kanċer.

Il-Kodiċi Ewropew kontra l-Kanċer se jiġi aġġornat biex iqis l-aħħar żviluppi xjentifiċi u se jżid rakkomandazzjonijiet ġodda bbażati fuq l-evidenza biex itejjeb il-litteriżmu fis-saħħa. Il-Pjan dwar il-Kanċer se jkollu l-għan li jagħmel mill-inqas 80 % tal-popolazzjoni konxja mill-Kodiċi sal-2025. L-“Applikazzjoni Mobbli tal-UE għall-Prevenzjoni tal-Kanċer”, li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-programm l-UE għas-Saħħa, se toffri lill-individwi informazzjoni dwar kif inaqqsu r-riskji tal-kanċer tagħhom. B’dan il-mod, se testendi l-kopertura tal-Kodiċi u – b’informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jibbenefika minn żviluppi ġodda fil-valutazzjoni tar-riskju tal-kanċer personalizzata – se tagħti s-setgħa lin-nies biex jieħdu ħsieb is-saħħa tagħhom stess. Se jitnieda wkoll proġett ġdid dwar “Il-Litteriżmu fis-Saħħa għall-Prevenzjoni u l-Kura tal-Kanċer” biex tiġi żviluppata u kondiviża l-aħjar prattika biex jissaħħaħ il-litteriżmu fis-saħħa fil-programmi tal-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer, b’enfasi fuq il-gruppi żvantaġġati. Dawn il-miżuri se jiġu implimentati fil-perjodu 2021-2025.

3.2.Il-kisba ta’ Ewropa ħielsa mit-tabakk

Il-konsum tat-tabakk għadu l-kawża ewlenija tal-kanċer li jista’ jiġi evitat, b’27 % tal-kanċers kollha attribwiti għall-użu tat-tabakk 21 . Billi jiġi eliminat l-użu tat-tabakk, disgħa minn kull għaxar każijiet ta’ kanċer tal-pulmun jistgħu jiġu evitati.

Permezz ta’ infurzar rigoruż tal-qafas ta’ kontroll tat-tabakk tal-UE u l-adattament tiegħu għal żviluppi u xejriet ġodda tas-suq, inklużi regoli aktar stretti dwar prodotti ġodda 22 , mill-2021, il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se jressaq azzjonijiet biex jgħin fil-ħolqien ta’ “Ġenerazzjoni Ħielsa mit-Tabakk” fejn inqas minn 5 % tal-popolazzjoni tuża t-tabakk sal-2040, meta mqabbla ma’ madwar 25 % tal-lum. L-għan interim huwa li tintlaħaq il-mira tad-WHO ta’ tnaqqis relattiv ta’ 30 % fl-użu tat-tabakk sal-2025 meta mqabbel mal-2010, li jikkorrispondi għal prevalenza tat-tipjip ta’ madwar 20 % fl-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti prijorità lill-protezzjoni taż-żgħażagħ mill-effetti dannużi tat-tabakk u tal-prodotti relatati 23 .

L-istrumenti regolatorji fil-livell tal-UE se jissaħħu biex jintlaħqu dawn l-objettivi. It-tassazzjoni fuq it-tabakk hija waħda mill-aktar strumenti effettivi biex jiġi miġġieled il-konsum tat-tabakk, b’mod partikolari biex iż-żgħażagħ jiġu skoraġġuti milli jibdew ipejpu. Se tittieħed azzjoni deċiżiva billi tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tabakk 24 u l-qafas legali dwar ix-xiri transfruntier tat-tabakk minn individwi privati 25 . Dan jinkludi ħidma bi trasparenza assoluta lejn imballaġġ sempliċi u projbizzjoni sħiħa tat-togħmiet, l-użu ta’ aġenziji eżistenti tal-UE biex tittejjeb il-valutazzjoni tal-ingredjenti, l-estensjoni tat-tassazzjoni għal prodotti ġodda tat-tabakk, u l-indirizzar tar-reklamar, il-promozzjoni u l-isponsorjar tat-tabakk fuq l-internet u l-midja soċjali.

Sal-2023, il-Kummissjoni se tipproponi li taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti Bla Tipjip kemm billi testendi l-kopertura tagħha għal prodotti emerġenti, bħal sigaretti elettroniċi u prodotti tat-tabakk imsaħħan, kif ukoll billi tespandi l-ambjenti bla tipjip, inklużi l-ispazji fuq barra. Il-Pjan dwar il-Kanċer se joħloq momentum biex tiġi infurzata aħjar il-leġiżlazzjoni fl-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri għall-kontroll tat-tabakk, speċjalment fir-rigward tal-bejgħ lill-minorenni u l-kampanji dwar it-twaqqif tat-tipjip. Dan se jwassal għal implimentazzjoni aħjar tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tad-WHO, inkluż l-obbligi dwar it-trasparenza 26 u jqis bis-sħiħ il-prinċipji tar-Reġistru ta’ Trasparenza 27 . Barra minn hekk, is-sistema ta’ traċċar u rintraċċar tal-UE se tiġi estiża għall-prodotti kollha tat-tabakk sal-2024.

3.3.It-tnaqqis tal-konsum tal-alkoħol li jagħmel il-ħsara 

Il-ħsara relatata mal-alkoħol hija tħassib maġġuri għas-saħħa pubblika fl-UE. Fl-2016, il-kanċer kien il-kawża ewlenija ta’ mwiet attribwibbli għall-alkoħol b’sehem ta’ 29 %, segwit miċ-ċirrożi tal-fwied (20 %), il-mard kardjovaskulari (19 %) u l-korrimenti (18 %) 28 . Il-Kummissjoni se żżid l-appoġġ għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati biex jimplimentaw l-aħjar prattiki u attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità biex jitnaqqas il-konsum tal-alkoħol li jagħmel il-ħsara f’konformità mal-miri tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Dan jinkludi mira biex jinkiseb tnaqqis relattiv ta’ mill-inqas 10 % fl-użu dannuż tal-alkoħol sal-2025 29 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni tal-alkoħol u dwar ix-xiri transfruntier tal-alkoħol minn individwi privati 30 , filwaqt li tiżgura li tibqa’ adattata għall-iskop li tibbilanċja l-objettivi tad-dħul pubbliku u tal-protezzjoni tas-saħħa.

Sabiex jitnaqqas l-esponiment taż-żgħażagħ għall-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva fuq il-komunikazzjonijiet kummerċjali għax-xorb alkoħoliku, inkluż fuq pjattaformi online ta’ video-sharing. Dan se jinvolvi ħidma mal-Istati Membri u mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) u mal-partijiet ikkonċernati biex iħeġġu inizjattivi awtoregolatorji u koregolatorji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrevedi l-politika ta’ promozzjoni tagħha dwar ix-xorb alkoħoliku u barra minn hekk se tipproponi indikazzjoni obbligatorja tal-lista ta’ ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq it-tikketti tax-xorb alkoħoliku qabel it-tmiem tal-2022 u tat-twissijiet dwar is-saħħa fuq it-tikketti qabel l-aħħar tal-2023. Se jingħata wkoll appoġġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw interventi qosra bbażati fuq l-evidenza 31 dwar l-alkoħol fil-kura tas-saħħa primarja, fil-post tax-xogħol u fis-servizzi soċjali.

3.4.It-titjib tal-promozzjoni tas-saħħa permezz tal-aċċess għal dieti tajbin għas-saħħa u attività fiżika 

Ir-riskju tal-kanċer jiżdied mill-effetti konġunti ta’ dieti mhux tajbin għas-saħħa u mill-inattività fiżika 32 . Dwar in-nutrizzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tnaqqas il-preżenza ta’ kontaminanti karċinoġeniċi fl-ikel. Dan se jistabbilixxi livelli massimi għal aktar minn dawn il-kontaminanti, abbażi tal-aħħar evidenza xjentifika disponibbli. Il-Pjan dwar il-Kanċer imbagħad se jiffoka fuq miżuri biex l-ikel tajjeb għas-saħħa jsir aktar disponibbli. Fl-istess ħin sejjer jesplora flimkien mal-Istati Membri inċentivi fiskali biex jiżdied il-konsum tagħhom, flimkien ma’ miżuri biex titjieb l-informazzjoni għall-konsumatur u l-litteriżmu fis-saħħa u jiġu indirizzati l-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti relatati mar-riskji tal-kanċer.

L-indirizzar tal-obeżità u tad-dijabete jibda fit-tfulija. Il-Kummissjoni se tevalwa l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE  dwar l-Obeżità fit-Tfal tal-2014-2020u tipproponi segwitu. Kif imħabbar fl-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt 33 , fl-2023 il-Kummissjoni se tipproponi wkoll rieżami tal-iskema tal-UE dwar il-frott, il-ħaxix u l-ħalib fl-iskejjel biex tagħmel prodotti tajbin għas-saħħa aktar disponibbli għat-tfal u ttejjeb il-fehim tagħhom tal-benefiċċji ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, appoġġata mill-“Applikazzjoni mobbli tal-UE għall-Prevenzjoni tal-Kanċer”. Se tipproponi wkoll tikkettar armonizzat u obbligatorju fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett dwar in-nutrizzjoni biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet dwar l-ikel li jkunu informati, tajbin għas-saħħa u sostenibbli.

Il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar huma mfassla biex jinfluwenzaw l-għażliet li jagħmlu l-konsumaturi. Il-Kummissjoni qed tippjana li fl-2022 tħejji rapport ta’ implimentazzjoni dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, inklużi dawk dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali dwar ikel u xorb mhux tajbin għas-saħħa. Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati fl-isforz tagħhom dwar ir-riformulazzjoni u dwar l-implimentazzjoni ta’ politiki effettivi biex titnaqqas il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-ikel mhux tajbin għas-saħħa, inkluż permezz ta’ Azzjoni Konġunta dwar l-Implimentazzjoni tal-Aħjar Prattiki Vvalidati fin-Nutrizzjoni. Il-Kummissjoni qed twettaq rieżami 34 tal-politika ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli, bl-għan li ttejjeb il-kontribuzzjoni tagħha għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, u f’konformità mal-bidla għal dieta aktar ibbażata fuq il-pjanti li tinkludi inqas laħam aħmar u pproċessat u inqas ikel ieħor relatat ma’ riskji ta’ kanċer 35 u aktar frott u ħaxix.

Il-miżuri ta’ tassazzjoni jistgħu jgħinu wkoll fil-promozzjoni tas-saħħa. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rati tal-VAT tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar immirat mir-rati, pereżempju biex jappoġġaw id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u sustanzjuż. Barra minn hekk, fl-2022, il-Kummissjoni se tippubblika studju li juri l-miżuri fiskali u l-politiki tal-ipprezzar fuq iz-zokkor, ix-xorb mhux alkoħoliku u x-xorb alkoħoliku. Wara dan, il-Kummissjoni se teżamina l-fattibbiltà tal-proposta ta’ miżuri fiskali ġodda fuq iz-zokkor u x-xorb mhux alkoħoliku.

Il-kampanja “HealthyLifestyle4All” imnedija fl-2021, li tinvolvi fost oħrajn setturi ewlenin li jippromwovu l-isport, l-attività fiżika u dieti tajbin għas-saħħa se tikkontribwixxi għall-miri tal-Pjan dwar il-Kanċer. L-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u lokali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili se jiġu mistiedna jgħinu fil-promozzjoni ta’ għażliet tajbin għas-saħħa li jsiru għażliet faċli u affordabbli. Biex tnaqqas l-inugwaljanzi, HealthyLifestyle4All se tiffoka fuq l-involviment ta’ persuni bi status soċjoekonomiku baxx u ta’ gruppi żvantaġġati, bħal persuni b’diżabilità jew persuni bi sfond b’minoranza razzjali jew etnika, u l-iżgurar ta’ parteċipazzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-investiment f’infrastrutturi ta’ mobilità attiva, kantins b’ikel u xorb tajjeb għas-saħħa u tiżviluppa miżuri ta’ sensibilizzazzjoni. Dawn l-isforzi se jiġu indirizzati permezz ta’ inizjattivi ewlenin tal-UE bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, l-Iskema tal-Iskola tal-UE, il-programm Erasmus u l-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, flimkien mal-politika ta’ promozzjoni tal-UE għall-prodotti agroalimentari.

Azzjonijiet u inizjattivi oħra tal-UE se jinkludu l-Gwida dwar l-Ippjanar tal-Mobilità Urbana Sostenibbli dwar il-kollegament tat-trasport u s-saħħa 36 . Barra minn hekk, fl-2021 il-Kummissjoni se tirrevedi l-Pakkett tal-Mobilità Urbana tal-2013 biex tappoġġa t-trasport u l-mobilità sostenibbli u tajbin għas-saħħa.

3.5.It-tnaqqis tat-tniġġis ambjentali

L-Ewropej bi dritt jistennew li jgħixu f’ambjenti tajbin għas-saħħa u sostenibbli. Madankollu, minkejja leġiżlazzjoni estensiva dwar it-tniġġis ambjentali, il-kawżi ambjentali huma maħsuba li huma r-raġuni ta’ aktar minn kwart ta’ miljun mewta bil-kanċer fl-Ewropa kull sena 37 . It-tniġġis ambjentali għandu effett partikolarment ta’ ħsara fuq it-tfal żgħar.

It-tniġġis tal-arja 38 huwa xprunatur ewlieni tal-mortalità, b’sustanzi li jniġġsu minn firxa wiesgħa ta’ sorsi, inkluż l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura u l-industrija - jikkontribwixxu għal 400 000 mewta prematura fis-sena, inkluż mill-kanċer tal-pulmun, il-mard tal-qalb u l-attakki ta’ puplesija 39 . Il-kontaminanti jibqgħu wkoll riskju sinifikanti. Pereżempju, is-sustanzi kimiċi bi proprjetajiet perikolużi jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, jikkawżaw kanċers, u jaffettwaw is-sistema immunitarja, respiratorja, endokrinali, riproduttiva u kardjovaskulari. Id-dgħjufija tas-sistema immunitarja tal-bniedem iżżid il-vulnerabbiltà għall-mard 40 , inkluż il-kanċer, u tnaqqas il-kapaċità tal-ġisem li jirrispondi għall-vaċċini 41 .

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se jinteraġixxi mill-qrib mal-Patt Ekoloġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu dwar it-Tniġġis Żero biex jiżdiedu l-azzjonijiet dwar il-kontaminanti fl-ilma tal-wiċċ, tal-art u tax-xorb, fil-ħamrija u fl-arja. Abbażi tal-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-kwalità tal-arja 42 , l-istandards tal-UE dwar il-kwalità tal-arja se jiġu riveduti sal-2022 biex jiġu allinjati aktar mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO 43 . Il-monitoraġġ, l-immudellar u l-pjanijiet tal-kwalità tal-arja mtejba se jgħinu lill-awtoritajiet lokali jiksbu arja aktar nadifa. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ppjanata lejn l-aħħar tal-2021 hija mistennija tkompli tnaqqas id-dħul ta’ kontaminanti fl-ilma, fl-arja u fil-ħamrija. B’mod parallel, dan l-aħħar, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tagħha, li tiddeskrivi serje ta’ miżuri mmirati lejn l-appoġġ għal bidla għal mobilità mingħajr emissjonijiet u lejn it-tnaqqis tat-tniġġis ambjentali mit-trasport.

Bid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva riveduta dwar l-Ilma tax-Xorb, se jittieħed approċċ ibbażat fuq ir-riskju aktar b’saħħtu biex il-kontaminanti jinżammu barra mill-ilma tax-xorb. Skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, il-Kummissjoni se tipproponi li tintroduċi jew tissikka l-limiti fuq il-konċentrazzjonijiet ta’ ċerti sustanzi niġġiesa fl-ilmijiet tal-wiċċ jew tal-art li jistgħu jikkontribwixxu għall-inċidenza tal-kanċer, inkluż permezz tal-konsum ta’ ħut u frott tal-baħar bil-qoxra.

3.6.It-tnaqqis tal-esponiment għal sustanzi perikolużi u għar-radjazzjoni

It-tnaqqis tal-esponiment għal sustanzi perikolużi u għar-radjazzjoni se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-prevenzjoni tal-kanċer. Huwa partikolarment importanti li tittejjeb is-sikurezza tal-prodotti għall-konsumaturi u għall-utenti professjonali u li titnaqqas l-espożizzjoni għall-karċinoġeni f’ambjenti speċifiċi bħall-post tax-xogħol, fejn 52 % tal-imwiet okkupazzjonali annwali fl-UE jistgħu jiġu attribwiti għal kanċers relatati max-xogħol.

Id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni tipproteġi lill-ħaddiema minn riskji li jirriżultaw minn esponiment fuq il-post tax-xogħol. Bħala parti mill-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, il-Kummissjoni pproponiet li taġġorna d-Direttiva, tistabbilixxi limiti ta’ esponiment okkupazzjonali ġodda jew riveduti għal tliet sustanzi importanti: akrilonitril, komposti tan-nikil, u benżen 44 . Soġġett għar-riżultat tal-konsultazzjoni kontinwa mas-sħab soċjali, il-Kummissjoni għandha l-pjan li tippreżenta proposta leġiżlattiva fl-2022 biex tkompli tnaqqas l-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos biex tipproteġihom minn riskji ta’ kanċer. Il-Qafas Strateġiku l-ġdid dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2021-2027 se jistabbilixxi impenji b’saħħithom biex jitnaqqas l-esponiment okkupazzjonali għas-sustanzi kimiċi. L-EU-OSHA se tiżviluppa ulterjorment l-istħarriġ dwar l-esponiment tal-ħaddiema dwar fatturi tar-riskju tal-kanċer fl-Ewropa 45 biex tgħin fit-tnaqqis tal-kanċer relatat max-xogħol.

Il-Kummissjoni se tesplora wkoll miżuri dwar l-esponiment għar-radjazzjoni ultravjola, inkluż minn sunbeds, li jżidu r-riskju tal-melanoma, l-aktar forma serja ta’ kanċer tal-ġilda. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni jonizzanti, b’mod partikolari r-radon 46 , li jikkawża għadd sostanzjali ta’ kanċers tal-pulmun. Il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom se jtejjeb l-għarfien dwar l-esponiment għar-radon, u l-kontromiżuri biex inaqqas l-akkumulazzjoni tiegħu fl-abitazzjonijiet. Ir-riżultati huma mistennija fl-2025.

Finalment, l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt l-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà 47 se tagħmilha possibbli li s-sustanzi kimiċi perikolużi jiġu ttrattati b’mod aktar rapidu, u li jonqos b’mod effettiv l-esponiment tal-konsumaturi u tal-professjonisti għal sustanzi karċinoġeniċi, jew għal sustanzi kimiċi perikolużi oħrajn li jinterferixxu mas-sistemi endokrinali u immuni. Se tappoġġa wkoll aġenda ta’ riċerka u innovazzjoni għas-sustanzi kimiċi għall-iżvilupp ta’ alternattivi sikuri u sostenibbli. Fl-aħħar nett, il-kapaċitajiet tal-UE għall-valutazzjoni tar-riskju kimiku jenħtieġ li jissaħħu permezz tat-tnedija tas-Sħubija tal-Orizzont Ewropa dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji mis-Sustanzi Kimiċi.

3.7.Il-prevenzjoni ta’ kanċers ikkawżati minn infezzjonijiet 

Ħafna kanċers jistgħu jiġu evitati u l-ħajjiet jistgħu jiġu salvati permezz tat-tilqim.

Inizjattiva ewlenija 3: B’fondi ddedikati taħt il-programm l-UE għas-Saħħa u strumenti oħra ta’ finanzjament, il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jestendu t-tilqim ta’ rutina kontra l-papillomavirus uman tal-bniet u tas-subien – sabiex jiġi eliminat il-kanċer ċervikali u kanċers oħra kkawżati mill-papillomavirus uman. L-objettiv huwa li sal-2030 jitlaqqmu mill-inqas 90 % tal-popolazzjoni fil-mira tal-UE tal-bniet u li jiżdied b’mod sinifikanti t-tilqim tas-subien 48 . L-Istati Membri se jkollhom rwol kritiku biex jilħqu din il-mira.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tgħin biex jiġi żgurat l-aċċess għat-tilqim kontra l-epatite B u għat-trattamenti għall-prevenzjoni ta’ kanċers tal-fwied u tal-istonku assoċjati mal-virus tal-epatite C u l-infezzjonijiet ta’ Helicobacter pylori. Se tipproponi wkoll Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kanċers prevenibbli b’vaċċin biex tgħin tindirizza r-riskji tal-kanċer assoċjati mal-infezzjonijiet tal-virus tal-epatite B u tal-papilloma uman. B’mod parallel, kif imħabbar mill-Istrateġija Farmaċewtika tal-UE, il-Kummissjoni se teżamina s-sistema ta’ inċentivi u obbligi biex tagħti spinta lill-innovazzjoni u tiżgura aċċess aħjar għall-mediċini u l-vaċċini tal-ewwel linja.

Inizjattivi ewlenin dwar il-prevenzjoni

ØTelimina l-kanċers ikkawżati mill-papillomavirus uman permezz tal-appoġġ tal-UE għall-Istati Membri dwar it-tilqim bil-għan li jlaqqmu mill-inqas 90 % tal-popolazzjoni fil-mira tal-UE tal-bniet u li jżidu b’mod sinifikanti t-tilqim tas-subien sal-2030 – 2021-2030

Azzjonijiet oħra

ØIttejjeb il-litteriżmu fis-saħħa dwar ir-riskju tal-kanċer billi taġġorna l-Kodiċi Ewropew kontra l-Kanċer – 2021-2025.

ØToħloq “Ġenerazzjoni Ħielsa mit-Tabakk”, inkluż ir-rieżami tad-Direttivi dwar il-Prodotti tat-Tabakk u t-Tassazzjoni fuq it-Tabakk u l-qafas legali dwar ix-xiri transfruntier tat-tabakk; taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti Bla Tipjip, u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk – 2021-2025.

ØTirrieżamina l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq l-alkoħol u x-xiri transfruntier ta’ prodotti tal-alkoħol, u tipproponi tikkettar obbligatorju ta’ ingredjenti u kontenut ta’ nutrijenti, flimkien ma’ twissijiet tas-saħħa fuq ix-xorb alkoħoliku – 2021-2023.

ØTnaqqas il-konsum tal-alkoħol li jagħmel il-ħsara permezz ta’ appoġġ għall-bini tal-kapaċità u l-aħjar prattika; tnaqqas l-esponiment taż-żgħażagħ għall-kummerċjalizzazzjoni online u għar-reklamar ta’ prodotti tal-alkoħol; timplimenta interventi qosra bbażati fuq l-evidenza – 2021-2025.

ØTindirizza dieti mhux sani, obeżità u inattività fiżika billi tnaqqas il-kontaminanti karċinoġeniċi fl-ikel; tindirizza l-obeżità fit-tfulija u tirrevedi l-iskema tal-UE għall-frott, il-ħxejjex u l-ħalib fl-iskejjel; tappoġġa lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati dwar ir-riformulazzjoni ta’ u dwar politiki effettivi biex titnaqqas il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-ikel mhux tajbin għas-saħħa; tipproponi tikkettar dwar in-nutrizzjoni obbligatorju fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, armonizzat; tniedi l-impenn politiku “HealthyLifestyle4All” – 2021-2024.

ØTallinja l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE mal-linji gwida tad-WHO u tippromwovi mobilità sostenibbli u intelliġenti – 2022 - 2023.

ØTnaqqas l-esponiment għal sustanzi karċinoġeniċi permezz tal-emenda għad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni – 2021-2025.

ØTadotta Qafas Strateġiku ġdid dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali biex jitnaqqas l-esponiment tal-ħaddiema għas-sustanzi kimiċi – 2021-2027.

ØTniedi s-Sħubija tal-Orizzont Ewropa dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji mis-Sustanzi Kimiċi – 2021.

4.It-titjib fl-identifikazzjoni bikrija tal-kanċer

L-identifikazzjoni bikrija permezz tal-iskrinjar toffri l-aħjar ċans fil-ġlieda kontra l-kanċer u biex jiġu salvati l-ħajjiet. Mill-2020, 25 Stat Membru tal-UE kienu introduċew fil-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom għall-Kontroll tal-Kanċer programmi ta’ skrinjar ibbażati fuq il-popolazzjoni għall-kanċer tas-sider, 22 għall-kanċer ċervikali u 20 għall-kanċer kolorettali. Madankollu, ħafna programmi ma ġewx implimentati bis-sħiħ, u għad hemm inugwaljanzi inaċċettabbli fi ħdan u bejn l-Istati Membri. Pereżempju, il-kopertura tal-popolazzjoni fil-mira tvarja minn 6 % għal 90 % għall-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, u minn madwar 25 % għal 80 % għall-iskrinjar tal-kanċer ċervikali 49 .

Biex tiggwida aktar azzjoni tal-UE dwar l-iskrinjar tal-kanċer bl-aktar evidenza riċenti, fl-2021 il-Kummissjoni se tniedi ħidma biex tħejji t-tielet rapport dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer 50 . Flimkien ma’ dan, fuq perjodu ta’ żmien medju, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer aġġornata se tibda tiġbor b’mod regolari indikaturi biex timmonitorja u tivvaluta l-programmi ta’ skrinjar tal-kanċer.

Inizjattiva ewlenija 4: Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se jressaq Skema ġdida ta’ Skrinjar tal-Kanċer appoġġata mill-UE biex tgħin lill-Istati Membri jiżguraw li d-90 % tal-popolazzjoni tal-UE li jikkwalifikaw għal skrinjar tal-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali 51 jiġu offruti skrinjar sal-2025. L-iskema se tkun appoġġata minn finanzjament mill-UE u se tiffoka fuq it-titjib fi tliet oqsma ewlenin: l-aċċess, il-kwalità u d-dijanjostika.

Dwar l-aċċess, il-Kummissjoni se tagħmel proposta sal-2022 biex taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer biex tiżgura li din tirrifletti l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli. Se tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-iskrinjar immirat tal-kanċer lil hinn mill-kanċer tas-sider, kolorettali u ċervikali biex jinkludi kanċers addizzjonali, bħall-kanċer tal-prostata, tal-pulmun u tal-istonku. Din il-ħidma se tiġi infurmata b’parir mill-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea 52 , imħejji sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2022. Se tqis l-aħħar żviluppi fit-teknoloġiji tal-iskrinjar tal-kanċer, u tivvaluta l-avvanzi fil-mediċina personalizzata, l-IA, il-big data u teknoloġiji oħra, kif ukoll l-assigurazzjoni tal-kwalità operattiva.

Din l-evidenza se tikkontribwixxi wkoll għall-ħidma taċ-Ċentru tal-Għarfien dwar il-Kanċer, li se jipprovdi linji gwida ġodda u skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità dwar l-iskrinjar tal-kanċer, id-dijanjożi, it-trattament, ir-riabilitazzjoni, is-segwitu u l-kura palljativa għall-kanċer kolorettali u ċervikali, flimkien mal-Inizjattiva kontinwa tal-Kummissjoni dwar il-Kanċer tas-Sider. Dawn se jinkludu programmi volontarji ta’ akkreditazzjoni u ċertifikazzjoni għaċ-Ċentri tal-Kanċer u l-programmi ta’ skrinjar, filwaqt li jaġġornaw kontinwament il-linji gwida eżistenti dwar il-kanċer tas-sider.

Biex ittejjeb id-dijanjostika, l-Iskema ta’ Skrinjar tal-Kanċer se tikkontribwixxi għall-Inizjattiva Ewropea l-ġdida dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer, billi ssaħħaħ id-disponibbiltà tad-data tal-iskrinjar u tippromwovi metodi ġodda biex ittejjeb il-kwalità u l-veloċità tal-programmi ta’ skrinjar bl-użu tal-IA.

Sabiex tissaħħaħ l-Iskema l-ġdida tal-UE għall-Iskrinjar tal-Kanċer, il-Missjoni prevista dwar il-Kanċer se tiġġenera evidenza dwar l-ottimizzazzjoni tal-programmi eżistenti tal-iskrinjar tal-kanċer ibbażati fuq il-popolazzjoni, tiżviluppa approċċi ġodda għall-iskrinjar u l-identifikazzjoni bikrija, u tipprovdi għażliet biex testendi l-iskrinjar għal kanċers ġodda. L-iskema l-ġdida se tiġi mnedija fl-Istati Membri b’finanzjament mill-programm l-UE għas-Saħħa, b’appoġġ mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, u b’self mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jista’ jappoġġa wkoll investimenti fl-identifikazzjoni bikrija. Ir-rata ta’ sopravivenza għall-kanċer ċervikali, tas-sider u kolorettali hija indikatur ewlieni ta’ kemm huma effettivi s-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-kura tal-kanċer u tirrifletti kemm l-effiċjenza fl-identifikazzjoni bikrija kif ukoll l-effettività tat-trattament 53 .

Inizjattivi ewlenin dwar l-identifikazzjoni bikrija

ØTiżviluppa Skema ġdida tal-UE għall-Iskrinjar tal-Kanċer biex jiġi żgurat li sal-2025, 90 % tal-popolazzjoni fil-mira tiġi offruta skrinjar għall-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali – 2021-2025.

Azzjonijiet oħra

ØTaġġorna u tesplora l-espansjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer – 2022.

ØTiżviluppa linji gwida ġodda u skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għall-iskrinjar, id-dijanjożi, it-trattament, ir-riabilitazzjoni, is-segwitu u l-kura palljativa għall-kanċer kolorettali u ċervikali, inklużi programmi ta’ akkreditazzjoni u ċertifikazzjoni, filwaqt li taġġorna kontinwament il-linji gwida eżistenti dwar il-kanċer tas-sider – 2021-2025.

ØTaġġorna s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer biex timmonitorja u tivvaluta l-programmi ta’ skrinjar tal-kanċer – 2021-2022.

5.L-iżgurar ta’ standards għoljin fil-kura tal-kanċer 

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se jfittex li jiżgura li n-nies fl-UE jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva u kurattiva ta’ kwalità tajba, kif mitlub mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 54 . Il-kura tal-kanċer ta’ kwalità għolja tiddependi fuq għadd ta’ fatturi bħal forza tax-xogħol ta’ kwalità għolja li taħdem f’timijiet multidixxiplinari, fuq aċċess f’waqtu għal servizzi speċjalizzati tal-kanċer li jipprovdu trattament ottimali u ta’ kwalità assigurata, kif ukoll fuq id-disponibbiltà ta’ mediċini essenzjali u innovazzjoni.

5.1.L-għoti ta’ kura ta’ kwalità ogħla

Fir-rigward tal-aċċess għal kura tal-kanċer ta’ kwalità għolja, u b’mod partikolari għal dijanjożi u trattament f’waqthom, il-pazjenti għadhom jiffaċċjaw differenzi sostanzjali fl-istandards tal-kura, li jwasslu għal disparitajiet inaċċettabbli madwar l-UE. Pereżempju, ir-rati ta’ sopravivenza wara t-trattament għall-kanċer tas-sider ivarjaw b’20 % bejn il-pajjiżi u s-sopravivenza ta’ ħames snin għall-kanċer tal-kolon tvarja minn 49 % għal 68 % 55 .

Inizjattiva ewlenija 5: Sal-2025, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Network tal-UE li jgħaqqad Ċentri Nazzjonali Komprensivi tal-Kanċer rikonoxxuti f’kull Stat Membru 56 . Dan se jiffaċilita l-użu ta’ dijanjożi u trattament ta’ kwalità garantita, inklużi t-taħriġ, ir-riċerka u l-provi kliniċi madwar l-UE. Din il-kollaborazzjoni transfruntiera se ttejjeb l-aċċess tal-pazjenti għal dijanjostika u kura ta’ kwalità għolja u għat-trattamenti innovattivi l-aktar riċenti. Dan jista’ jgħin ukoll fil-mobilità tal-pazjenti biex jiġi żgurat it-trattament adegwat għall-pazjenti b’kundizzjonijiet kumplessi. Il-proġett il-ġdid ta’ “Immappjar tal-Kapaċità tat-Trattament tal-Kanċer tal-UE” se jgħin biex jiġu mmappjati u kondiviżi l-kapaċitajiet u l-għarfien espert differenti disponibbli madwar l-UE.

Din l-azzjoni se tgħin biex tingħata kura ta’ kwalità ogħla u biex tnaqqas l-inugwaljanzi madwar l-UE, filwaqt li tippermetti lill-pazjenti jibbenefikaw mid-dijanjożi u mit-trattament qrib id-dar. Il-Pjan dwar il-Kanċer għandu l-għan li jiżgura li sal-2030, 90 % tal-pazjenti eliġibbli jkollhom aċċess għal dawn iċ-ċentri.

In-Network tal-UE se jkun appoġġat mill-erba’ Networks Ewropej ta’ Referenza eżistenti ffukati fuq il-kanċer rari 57 u minn grupp ta’ Networks ta’ Referenza ġodda. Dawn in-Networks ta’ Referenza l-ġodda se jħarsu lejn kundizzjonijiet tal-kanċer li huma speċifiċi, ta’ sfida, u li se jibbenefikaw minn kooperazzjoni transfruntiera u minn għarfien espert tal-UE. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-mard metastatiku, il-komorbiditajiet fil-kura tal-kanċer, il-kanċers kumplessi bi pronjożi fqira, il-kanċers pedjatriċi u kundizzjonijiet speċifiċi relatati mal-ġenomika fil-kura tal-kanċer, il-kura palljativa u s-sopravivenza. In-networks se jikkollegaw l-esperti, jaqsmu l-għarfien espert madwar l-UE u jipprovdu tweġibiet, ċertezza u tama għall-pazjenti fejn qabel ma kien hemm l-ebda.

5.2.L-iżgurar ta’ forza tax-xogħol tas-saħħa ta’ kwalità għolja

Il-kura tal-kanċer ta’ kwalità għolja tiddependi fuq forza tax-xogħol ta’ kwalità għolja. Il-pazjenti jistħoqqilhom l-aħjar kura possibbli, u l-professjonisti tas-saħħa jeħtieġu appoġġ biex jiżguraw li jkunu jistgħu jirċievu taħriġ u jibqgħu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom matul il-ħajja professjonali tagħhom. Dan l-appoġġ jenħtieġ li jqis id-dimensjoni qawwija tal-ġeneri fil-forza tax-xogħol tas-saħħa u tal-kura. Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se juża taħriġ u edukazzjoni kontinwa, inkluż dwar il-ħiliet diġitali, l-IA, il-ġenomika, u mediċina personalizzata biex tinbena forza tax-xogħol multidixxiplinarja aktar b’saħħitha dwar il-kanċer.

Il-Kummissjoni se tniedi “Programm ta’ taħriġ interspeċjalizzat dwar il-kanċer” fl-2021. B’enfasi fuq l-onkoloġija, il-kirurġija u r-radjoloġija, il-programm se jaħdem biex iwassal forza tax-xogħol fil-qasam tal-kanċer mobbli u b’aktar ħiliet permezz ta’ taħriġ transfruntier u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni. It-taħriġ se jinkludi wkoll enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tal-pazjenti, inkluż l-appoġġ mentali, psikosoċjali u nutrizzjonali, flimkien mal-għoti tas-setgħa lill-pazjenti. Dan se jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw lakuni fil-ħiliet u jgħammru lill-forza tax-xogħol tas-saħħa tagħhom b’persunal imħarreġ fil-prevenzjoni tal-kanċer, l-identifikazzjoni bikrija, id-dijanjożi, it-trattament, ir-riabilitazzjoni u s-sopravivenza.

Il-programm se jgħin biex tiġi ottimizzata l-kollaborazzjoni fost l-ispeċjalisti tal-kanċer u fl-aħħar mill-aħħar id-dijanjożi tal-benefiċċji, it-trattament u s-segwitu għall-pazjenti bil-kanċer. Dan se jikkontribwixxi għall-ħidma tas-sħubija fuq skala kbira tal-Patt għall-Ħiliet fis-settur tas-saħħa mħabbra fl-Aġenda għall-ħiliet għal kompetittività sostenibbli, ġustizzja soċjali u reżiljenza 58 li għandha l-għan li tiżgura opportunitajiet ta’ taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa biex dawn itejbu l-ħiliet u jitħarrġu mill-ġdid. Jikkomplementa wkoll it-taħriġ kontinwu offrut permezz tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u l-programm Erasmus+.

5.3.L-iżgurar tal-aċċess għall-mediċini essenzjali u l-innovazzjoni

L-iżviluppi riċenti fid-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer tejbu b’mod drammatiku r-rati ta’ sopravivenza u l-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti bil-kanċer. Madankollu, il-kostijiet finanzjarji huma għoljin, u jvarjaw b’mod sinifikanti madwar l-UE. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ mediċini tal-kanċer żdied b’mod konsiderevoli, b’konsegwenzi serji għall-pazjenti. L-eliminazzjoni ta’ dawn l-isfidi hija għan importanti għall-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, u għall-Kummissjoni kollha kemm hi.

Bħala medja, iridu jgħaddu kważi 15-il sena biex jiġu żviluppati mediċini ġodda. L-adattament tal-prodotti mediċinali eżistenti għal skop differenti jista’ jkun strateġija vijabbli biex jitnaqqsu l-perjodi ta’ żmien, jitnaqqsu l-kostijiet tal-iżvilupp u jitjiebu r-rati ta’ suċċess.

L-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa li ġiet adottata reċentement, u r-riforma mħabbra tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika bażika, se jipproponu modi kif jitjieb l-aċċess għall-prodotti mediċinali, inkluż għal mediċini ġeneriċi u bijosimili. L-Istrateġija bdiet ukoll inizjattivi biex tiżgura l-ktajjen tal-provvista u twieġeb għan-nuqqasijiet ta’ mediċini, u se tfittex li tagħti spinta lill-innovazzjoni biex tindirizza l-ħtiġijiet mhux issodisfati tal-pazjenti, filwaqt li tiżgura li t-trattamenti jibqgħu affordabbli.

Fl-2021, il-Kummissjoni se tniedi pjattaforma tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għall-mediċini tal-kanċer biex tappoġġa l-adattament tal-mediċini eżistenti għal skop differenti. Se tfassal u tittestja mudelli għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib fost il-partijiet ikkonċernati u se tisfrutta, tiġbor flimkien u taqsam id-data eżistenti bl-użu ta’ għodod diġitali ġodda. Filwaqt li jibni fuq l-esperjenzi tal-adattament tal-mediċini għal skop differenti biex jittrattaw il-COVID-19 59 , se jitnieda proġett addizzjonali li juża l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja biex jittestja malajr il-molekuli eżistenti u l-kombinazzjonijiet ġodda ta’ mediċini. Billi tibda bil-kanċers bi pronjożi fqira u kanċers rari, din il-ħidma se tinvolvi l-analiżi u l-isfruttament ta’ trattamenti innovattivi u promettenti ġodda. 

Inizjattiva ewlenija 6: L-inizjattiva l-ġdida “Dijanjostika u Trattament tal-Kanċer għal Kulħadd”, li għandha titnieda sal-aħħar tal-2021, se tgħin biex jitjieb l-aċċess għal dijanjożi u trattamenti innovattivi tal-kanċer. Din se tuża t-teknoloġija ta’ “sekwenzjar tal-ġenerazzjoni li jmiss” għal profili ġenetiċi rapidi u effiċjenti taċ-ċelloli tat-tumuri, li tippermetti liċ-Ċentri tal-Kanċer jaqsmu l-profili tal-kanċer u japplikaw l-istess approċċi dijanjostiċi u terapewtiċi jew approċċi simili għal pazjenti bi profili tal-kanċer komparabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, l-inizjattiva se tgħin biex jiġu ottimizzati d-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer u jitnaqqas l-aċċess mhux ugwali għall-mediċina personalizzata fil-kura tal-kanċer, li jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-pazjenti.

Il-qafas legali l-ġdid għall-provi kliniċi se jibda japplika sal-aħħar tal-2021. Dan se jintroduċi sistema kkoordinata ħafna, robusta u aġli għall-valutazzjoni u s-sorveljanza tal-provi kliniċi fl-UE. Il-proċeduri ssimplifikati se jiffaċilitaw it-twettiq tal-provi li jgħinu biex iwasslu l-innovazzjoni lill-pazjenti. L-adozzjoni f’waqtha tal-proposta għal Regolament dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA) mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew tgħin biex jiġi żgurat aċċess rapidu għal dijanjożi u trattamenti innovattivi tal-kanċer. Il-qafas permanenti għall-kooperazzjoni tal-UE dwar l-HTA jista’ jipprovdi lill-Istati Membri b’rapporti tal-HTA ta’ kwalità għolja u f’waqthom, u jippermettilhom jaqsmu r-riżorsi, l-għarfien espert u l-kapaċità. Dan huwa partikolarment rilevanti għal proċeduri u trattamenti dijanjostiċi tal-kanċer speċjalizzati ħafna.

Biex tappoġġa s-sigurtà tal-provvista ta’ radjuisotopi għad-dijanjożi u l-kura tal-kanċer, u biex ittejjeb il-kwalità u s-sikurezza tat-teknoloġija tar-radjazzjoni fil-mediċina, il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ azzjoni ġdid skont l-Aġenda Strateġika għall-Applikazzjonijiet tar-Radjazzjoni Jonizzanti Medika tat-teknoloġija nukleari u tar-radjazzjoni (SAMIRA). Se tipprovdi wkoll gwida dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE, u tappoġġa l-edukazzjoni ta’ professjonisti mediċi fir-radjoloġija, ir-radjoterapija u l-mediċina nukleari, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-“Programm ta’ taħriġ interspeċjalizzat”.

5.4.Nibnu fuq il-wegħda ta’ mediċina personalizzata għall-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer

Kull pazjent huwa differenti, u l-ebda kanċer ma huwa l-istess. Il-prevenzjoni u t-trattament tal-kanċer bl-aktar mod effettiv possibbli jitolbu approċċ personalizzat imfassal għall-karatteristiċi tal-pazjent u tal-marda. Il-mediċini tal-kanċer personalizzati jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-pronjożi għall-pazjenti bil-kanċer u jistgħu jnaqqsu r-riskju ta’ effetti avversi. Dawn jenħtieġ li jkunu parti mill-futur tal-mediċini tal-kanċer. Barra minn hekk, il-kapaċità li tiġi aċċessata data ġenomika transfruntiera fl-UE se tagħti lir-riċerkaturi u lit-tobba l-kapaċità li janalizzaw u jqabblu l-informazzjoni ġenetika u klinika tal-pazjenti. Dan se jgħin fit-tbassir tal-iżvilupp potenzjali tal-kanċers, biex tiġi identifikata l-marda qabel, u biex tittieħed deċiżjoni dwar l-aktar trattamenti effettivi.

Is-Sħubija l-ġdida dwar il-Mediċina Personalizzata, li għandha tiġi stabbilita fl-2023 u ffinanzjata taħt Orizzont Ewropa, se tidentifika prijoritajiet għar-riċerka u l-edukazzjoni fil-mediċina personalizzata, tappoġġa proġetti ta’ riċerka dwar il-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer, u tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-introduzzjoni ta’ approċċi personalizzati tal-mediċina fil-prattika medika ta’ kuljum. Bħala azzjoni preparatorja għas-Sħubija, il-Kummissjoni se tistabbilixxi pjan direzzjonali għall-prevenzjoni personalizzata, l-identifikazzjoni ta’ lakuni fir-riċerka u l-innovazzjoni, u se tappoġġa approċċ biex jiġu identifikati l-anomaliji bijoloġiċi magħrufa kollha li jwasslu għas-suxxettibbiltà għall-kanċer, inklużi l-kanċers ereditarji.

Biex tappoġġa lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-evoluzzjoni rapida tal-ġenomika fil-prevenzjoni, fid-dijanjożi u fit-trattament tal-kanċer, fl-2021 il-Kummissjoni se tniedi l-proġett “Ġenomika għas-Saħħa Pubblika”. Il-proġett se jikkomplementa l-Inizjattiva ta’ 1+ Miljun Ġenomi 60 , li għandha l-kanċer fost il-każijiet ta’ użu ewlieni tagħha, u huwa mistenni jagħti aċċess sikur għal ammonti kbar ta’ data ġenomika għal skopijiet ta’ riċerka, prevenzjoni u mediċina personalizzata. L-azzjonijiet fil-qafas tal-proġett, iffinanzjati mill-programm l-UE għas-Saħħa, se jimmiraw ukoll li jidentifikaw il-predispożizzjoni ġenetika tal-individwi biex jiżviluppaw kanċers, jiftħu perspettivi ġodda għall-valutazzjoni tar-riskju personalizzata u għall-prevenzjoni mmirata tal-kanċer. Barra minn hekk, dan se jgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw linji gwida u rakkomandazzjonijiet biex jiddeterminaw aħjar lil min jittestjaw u għal xiex, jorganizzaw servizzi tas-saħħa biex jimplimentaw l-ittestjar ġenetiku, u jipprovdu 61 edukazzjoni u taħriġ speċifiċi għall-ħaddiema tas-saħħa biex javvanzaw il-fehim tagħna tal-kontroll tal-kanċer.

Inizjattiva ewlenija 7: Flimkien mal-proġett “Ġenomika għas-Saħħa Pubblika”, l-Inizjattiva Ewropea biex Nifhmu l-Kanċer (UNCAN.eu), ippjanata li titnieda taħt il-Missjoni mbassra dwar il-Kanċer biex iżżid il-fehim ta’ kif jiżviluppaw il-kanċers, se tgħin ukoll biex jiġu identifikati individwi f’riskju għoli ta’ kanċers komuni bl-użu tat-teknika tal-punteġġi tar-riskju poliġeniku 62 . Dan jenħtieġ li jiffaċilita approċċi personalizzati għall-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer, li jippermettu li jittieħdu azzjonijiet biex jitnaqqas ir-riskju jew biex jiġi identifikat il-kanċer malajr kemm jista’ jkun.

Sa mill-2021, in-networks ġodda u eżistenti ta’ infrastrutturi tar-riċerka bijomedika se jipprovdu wkoll appoġġ imfassal apposta lir-riċerkaturi li jaħdmu fuq trattamenti personalizzati tal-kanċer. Dan se jinkludi l-użu liberu ta’ metodoloġiji, teknoloġiji, għodod u tagħmir avvanzati biex jaħdmu fuq terapiji ġodda tal-kanċer li jvarjaw mill-iskoperta inizjali sa prodotti mediċinali ġodda ta’ terapija avvanzata u r-radjoterapija. Dan se jinkludi wkoll appoġġ biex jiġi esplorat u żviluppat aktar il-qasam tat-tilqim terapewtiku u personalizzat għall-kanċer, li għamel qabża kbira ’l quddiem bl-approvazzjoni riċenti ta’ vaċċini bbażati fuq l-mRNA għall-COVID-19 li turi li din it-teknoloġija l-ġdida hija lesta għal użu usa’. Il-pazjenti b’melanoma avvanzata, u kanċers fir-ras u fl-għonq, pereżempju, diġà ġew ittrattati b’suċċess b’teknoloġija tal-mRNA.

Il-pjattaformi l-ġodda, ospitati fuq il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa 63 , barra minn hekk se jappoġġaw ir-riċerka dwar il-kanċer interdixxiplinari u jippermettu l-għoti ta’ trattamenti personalizzati avvanzati. Din il-kollaborazzjoni se tippermetti lir-riċerkaturi jaċċessaw, janalizzaw u jipproċessaw data ta’ riċerka bejn id-dixxiplini u l-fruntieri nazzjonali, inkluż permezz tan-Networks ta’ Referenza Ewropej u n-Network tal-UE ta’ Ċentri Komprensivi tal-Kanċer filwaqt li jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-mediċina personalizzata se tibbenefika wkoll mill-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Il-kombinazzjoni ta’ data dwar is-saħħa ta’ individwu ma’ monitoraġġ f’ħin reali permezz ta’ apparat intelliġenti u farmakokinetiku se tifforma l-bażi biex jinħoloq tewmi diġitali (jiġifieri rappreżentazzjoni virtwali) ta’ kull persuna. Dan se jisfrutta l-potenzjal ta’ approċċi personalizzati tal-mediċina, u jtejjeb l-istrateġiji mmirati ta’ skrinjar u prevenzjoni, id-dijanjożi rapida u kunċetti terapewtiċi individwalizzati.

Biex tesplora aktar il-potenzjal tal-innovazzjoni tat-teknoloġija diġitali dwar it-trattament tal-kanċer, mill-2021 il-Kummissjoni se tappoġġa proġetti kollaborattivi ġodda li jlaqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-għarfien espert biex jagħmlu użu minn approċċi ġodda għall-analitika tad-data, bl-użu ta’ Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u IA. Dawn il-proġetti se jappoġġaw l-isforzi biex tiġi avvanzata l-mediċina personalizzata, billi inizjalment jiffokaw fuq il-kanċers bi pronjożi dgħajfa bħal kanċers pankreatiċi, jew tal-għonq u tar-ras. Barra minn hekk, fl-2021, l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi se tniedi proġetti dwar l-użu tal-IA biex tipprovdi appoġġ għad-deċiżjonijiet immexxi mid-data lill-professjonisti tas-saħħa, lill-persuni li jindukraw u lill-pazjenti fil-prevenzjoni, fid-dijanjożi u fit-trattament, kif ukoll proġetti biex tingħeleb ir-reżistenza għall-mediċina tal-kanċer u fuq il-valur miżjud tat-terapija tal-protoni fil-kanċer tal-esofagu.

Inizjattivi ewlenin dwar il-kura tal-kanċer

ØTistabbilixxi Network tal-UE li jgħaqqad iċ-Ċentri Nazzjonali Komprensivi tal-Kanċer rikonoxxuti f’kull Stat Membru biex jittejjeb l-aċċess għal dijanjożi u kura ta’ kwalità għolja – 2021-2025.

ØTniedi l-inizjattiva “Dijanjostika u Trattament tal-Kanċer għal Kulħadd” biex ittejjeb l-aċċess għal dijanjożi u trattament innovattivi tal-kanċer – 2021-2025.

ØTniedi l-UNCAN.eu biex tgħin tidentifika individwi f’riskju għoli ta’ kanċers komuni – 2021-2025.

Azzjonijiet oħra

ØTniedi “Programm ta’ taħriġ interspeċjalizzat” li jiffoka fuq l-onkoloġija, il-kirurġija u r-radjoloġija biex jiġu ottimizzati d-dijanjożi u t-trattament tal-pazjenti bil-kanċer – 2021-2025.

ØTistabbilixxi grupp ta’ Networks ta’ Referenza ġodda dwar tipi speċifiċi ta’ kanċer – 2022-2025.

ØToħloq pjattaforma tal-UE biex tappoġġa l-adattament ta’ mediċini eżistenti għal skop differenti – 2021-2025.

ØTadotta l-proposta għal Regolament dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa – 2021.

ØTippreżenta l-Pjan ta’ Azzjoni SAMIRA biex tiżgura l-kwalità u s-sikurezza tat-teknoloġija tar-radjazzjoni u l-provvista ta’ radjuisotopi ta’ importanza medika għad-dijanjożi u t-trattament – 2021-2025.

ØTistabbilixxi Sħubija dwar il-Mediċina Personalizzata - 2023.

ØTiżviluppa pjan direzzjonali lejn il-prevenzjoni personalizzata – 2023-2025

ØTniedi l-proġett “Ġenomika għas-Saħħa Pubblika” biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-evoluzzjoni rapida tal-ġenomika – 2021-2025.

ØTniedi proġett ġdid bl-użu ta’ Computing ta’ Prestazzjoni Għolja biex tittestja b’mod rapidu l-molekuli eżistenti u l-kombinazzjonijiet ġodda ta’ mediċini – 2023-2025.

ØTgħin lir-riċerkaturi li jaħdmu fuq trattamenti personalizzati tal-kanċer permezz ta’ appoġġ imfassal apposta u permezz ta’ pjattaformi diġitali ġodda – 2021-2027.

ØTappoġġa proġetti kollaborattivi dwar id-dijanjostika u t-trattament tal-kanċer bl-użu ta’ Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u IA – 2021-2027.

6.It-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti bil-kanċer, għas-superstiti, u għall-persuni li jindukraw

Bis-saħħa tal-avvanzi fl-identifikazzjoni bikrija, fit-terapiji effettivi u fil-kura ta’ appoġġ, ir-rati ta’ sopravivenza żdiedu b’mod drammatiku. In-numru ta’ superstiti tal-kanċer qed jikber kull sena, u issa huwa stmat li jlaħħaq aktar minn 12-il miljun fl-Ewropa. Din iċ-ċifra tinkludi madwar 300 000 superstitu tal-kanċer fit-tfal, numru li huwa mistenni wkoll li jiżdied b’mod sostanzjali fis-snin li ġejjin. Filwaqt li din hija raġuni għal sens ta’ ottimiżmu, is-superstiti, il-familji tagħhom u l-persuni li jindukraw jistgħu jesperjenzaw sfidi sinifikanti. Dawn l-isfidi spiss jistgħu jiġu evitati jew imnaqqsa permezz tal-kooperazzjoni bejn is-sistemi tas-saħħa u tal-kura soċjali u kif ukoll mal-impjegaturi. F’dan il-kuntest, ma jenħtieġx li niffukaw aktar fuq “kemm jgħixu” n-nies wara d-dijanjożi, iżda pjuttost fuq “kemm jgħixu tajjeb u għal kemm snin”. Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer għandu l-għan mhux biss li jiżgura li l-pazjenti bil-kanċer ma jmutux bil-marda tagħhom, iżda li jgħixu ħajja twila, ħajja sodisfaċenti, ħielsa mid-diskriminazzjoni u minn ostakli inġusti.

Inizjattiva ewlenija 8: Iffinanzjata mill-programm l-UE għas-Saħħa, il-Kummissjoni se tniedi l-“Inizjattiva għal Ħajja Aħjar għall-Pazjenti bil-Kanċer”. Għandha l-għan li tipprovdi, sal-2022, “Kard Intelliġenti tas-Superstiti tal-Kanċer” biex tiġbor fil-qosor l-istorja klinika tagħhom u tiffaċilita u timmonitorja l-kura ta’ segwitu inkluża l-esperjenza proprja tal-pazjenti. Din il-“Kard” personalizzata u volontarja, fil-forma ta’ Kard elettronika jew applikazzjoni portabbli u interoperabbli, se tgħaqqad lill-pazjent mal-professjonisti tas-saħħa biex ittejjeb il-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni madwar is-segwitu mediku. Din se tiġi kkomplementata bil-ħolqien ta’ “Ċentru Diġitali Ewropew għall-Pazjenti bil-Kanċer” virtwali fil-qafas tal-Missjoni dwar il-Kanċer prevista ta’ Orizzont Ewropa, biex jiġi appoġġat approċċ standardizzat għall-iskambju volontarju tad-data tal-pazjenti u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tas-saħħa tas-superstiti sal-2023.

L-aktar kwistjonijiet komuni li jiffaċċjaw is-superstiti jirriżultaw minn ġestjoni insuffiċjenti tal-effetti fit-tul u tard tat-trattament; koordinazzjoni fqira u nuqqas ta’ komunikazzjoni fost il-fornituri tal-kura tas-saħħa; ħtiġijiet psikosoċjali mhux issodisfati, u kwistjonijiet relatati mar-riabilitazzjoni, id-diffikultà emozzjonali, ir-rikorrenza tat-tumuri, u l-mard metastatiku. Is-superstiti tal-kanċer jiffaċċjaw ukoll ostakli biex jerġgħu lura għax-xogħol. L-istudji jindikaw li s-sitwazzjoni professjonali tal-persuni ddijanjostikati bil-kanċer spiss tiddeterjora b’mod konsiderevoli snin wara d-dijanjożi. Il-miżuri li jiffaċilitaw l-integrazzjoni soċjali u l-integrazzjoni mill-ġdid fuq il-post tax-xogħol, inkluża valutazzjoni bikrija u adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-pazjenti bil-kanċer jenħtieġ li jkunu partijiet integrali tal-perkors tal-pazjent  64 . Barra minn hekk, minħabba l-istorja medika tagħhom, ħafna superstiti tal-kanċer f’remissjoni fit-tul spiss jesperjenzaw trattament inġust fl-aċċess għas-servizzi finanzjarji. Dawn spiss jiffaċċjaw premiums għoljin b’mod projbittiv, għalkemm ikunu ilhom imfejqa għal ħafna snin, anke għexieren ta’ snin 65 .

Il-Kummissjoni se trawwem l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fil-promozzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet biex tgħin lis-superstiti tal-kanċer jerġgħu jingħaqdu fis-suq tax-xogħol, b’appoġġ ta’ finanzjament possibbli mill-Fond Soċjali Ewropew Plus. Fl-2022, il-Kummissjoni se tniedi studju ġdid relatat mar-ritorn għax-xogħol tas-superstiti tal-kanċer, l-immappjar tal-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi u l-protezzjoni soċjali u l-identifikazzjoni tal-ostakli u l-isfidi li fadal.

In-nuqqasijiet fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali jistgħu jqiegħdu l-benesseri tal-individwi f’riskju, iżidu l-inċertezza ekonomika kemm għall-pazjenti kif ukoll għas-superstiti, u jistgħu jwasslu għal eżiti tas-saħħa aktar foqra. Fil-Qafas Strateġiku dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali li ġej, il-Kummissjoni se teżamina r-riskji psikosoċjali u l-gruppi żvantaġġati, inkluż is-superstiti tal-kanċer. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni biex jiġu implimentati l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 66 se jkopri l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, il-promozzjoni tas-saħħa u tal-kura għall-ħaddiema kollha, inkluż dawk li huma affettwati minn kanċer. Barra minn hekk, il-Green Paper dwar it-Tixjiħ 67 riċenti se tniedi dibattitu wiesa’, inkluż dwar l-aċċess, il-kwalità u l-affordabbiltà tal-kura u l-impatti fit-tul fuq is-sistemi tal-protezzjoni soċjali.

Ir-rwol ta’ persuni li jindukraw b’mod informali, b’mod partikolari membri tal-familja, huwa kruċjali biex jappoġġa u jipprovdi kura lill-pazjenti bil-kanċer. Attivitajiet ta’ kura bħal dawn ta’ spiss isiru b’sagrifiċċji, inklużi diffikultajiet fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-attivitajiet ta’ kura, it-telf ta’ introjtu kurrenti minħabba t-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol u l-impatti fit-tul fuq l-introjtu tax-xjuħija tagħhom. Dan jipperpetwa wkoll l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri. Barra minn hekk, ir-responsabbiltajiet tal-persuni li jindukraw jistgħu jaffettwaw ukoll il-benesseri fiżiku tagħhom - u b’mod partikolari s-saħħa mentali tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li l-Istati Membri jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, li tintroduċi liv għall-persuni li jindukraw u l-possibbiltà li jintalbu arranġamenti flessibbli tal-ħin tax-xogħol. L-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030 li jmiss għandha l-għan li tippromwovi akkomodazzjoni raġonevoli fuq ix-xogħol għall-persuni b’diżabilità. F’dan ir-rigward, se jkun importanti li jingħata aktar appoġġ biex jiġu adattati l-mudelli tax-xogħol għal dawk il-pazjenti bil-kanċer u s-superstiti li jitqiesu bħala persuni b’diżabilità.

Permezz tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, il-Kummissjoni se teżamina mill-qrib il-prattiki fil-qasam tas-servizzi finanzjarji (inkluża l-assigurazzjoni) mill-perspettiva ta’ ġustizzja għas-superstiti tal-kanċer f’remissjoni fit-tul. Fit-terminu qasir, il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tindirizza l-aċċess għal prodotti finanzjarji għas-superstiti tal-kanċer. Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha wkoll fi djalogu man-negozji biex tiżviluppa kodiċi ta’ kondotta biex tiżgura li l-iżviluppi fit-trattamenti tal-kanċer u l-effettività mtejba tagħhom jiġu riflessi fil-prattiki kummerċjali tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji biex jiġi żgurat li tintuża biss informazzjoni neċessarja u proporzjonata meta tiġi vvalutata l-eliġibbiltà tal-applikanti għal prodotti finanzjarji, b’mod partikolari l-kreditu u l-assigurazzjoni marbuta ma’ ftehimiet ta’ kreditu jew ta’ self. 

Inizjattivi ewlenin dwar il-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti bil-kanċer u l-persuni li jindukraw

ØTniedi l-“Inizjattiva għal Ħajja Aħjar għall-Pazjenti bil-Kanċer”, inkluża “Kard Intelliġenti għas-Superstiti tal-Kanċer” u l-ħolqien ta’ “Ċentru Diġitali Ewropew għall-Pazjenti bil-Kanċer” virtwali biex jappoġġa l-iskambju tad-data tal-pazjenti u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tas-saħħa tas-superstiti – 2021-2023.

Inizjattivi oħra:

ØTiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw – 2021-2022.

ØTindirizza l-aċċess ġust għas-superstiti tal-kanċer għas-servizzi finanzjarji (inkluża l-assigurazzjoni), permezz ta’ kodiċi ta’ kondotta u riflessjoni dwar is-soluzzjonijiet fit-tul – 2021-2023.

7.It-tnaqqis tal-inugwaljanzi tal-kanċer madwar l-UE

Għadd ta’ indikaturi juru differenzi kbar fil-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Dawn l-inugwaljanzi jistgħu jidhru fl-aċċess għal programmi ta’ prevenzjoni, fir-rati ta’ identifikazzjoni bikrija tal-kanċer, fid-dijanjożi, fit-trattament, fis-sopravivenza u fil-miżuri biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer u tas-superstiti. Pereżempju, ir-rati ta’ mortalità mill-kanċer kolorettali huma sostanzjalment ogħla fost l-irġiel milli fost in-nisa 68 . Id-differenzi fis-sopravivenza u fl-aċċess għall-kura jistgħu jiġu spjegati mid-differenzi bejn il-ġeneri, kombinazzjoni ta’ esponiment aktar baxx għall-fatturi ta’ riskju, aċċess aħjar għal programmi ta’ skrinjar u servizzi tas-saħħa, u kapaċità aħjar biex jiġu assorbiti l-konsegwenzi soċjali u finanzjarji tal-kanċer. Barra minn hekk, jistgħu jiġu osservati wkoll diskrepanzi persistenti għan-nisa 69 , għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità u għall-gruppi żvantaġġati u marġinalizzati, bħal persuni bi sfond razzjali jew etniku ta’ minoranza u l-persuni li jgħixu fil-faqar.

Dawn l-inugwaljanzi mhumiex aċċettabbli f’Unjoni Ewropea tas-Saħħa li tfittex li tipproteġi lil kulħadd. Jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda pazjent bil-kanċer tal-ewwel u tat-tieni klassi fl-UE. Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer għandu l-għan li jindirizza dawn l-inugwaljanzi matul il-perkors kollu tal-marda. Dan se jindirizza dawn il-kwistjonijiet ukoll flimkien mal-azzjonijiet taħt l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa u l-Istrateġija tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà tal-UE li ġejja.

Inizjattiva ewlenija 9: Fl-2021, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Reġistru tal-Inugwaljanzi tal-Kanċer. Dan se jidentifika xejriet, disparitajiet u inugwaljanzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. Flimkien ma’ valutazzjonijiet kwalitattivi regolari tas-sitwazzjoni speċifika għall-pajjiż, ir-Reġistru se jidentifika sfidi u oqsma speċifiċi ta’ azzjoni biex jiggwida l-investiment u l-interventi fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali skont il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer.

Bosta azzjonijiet deskritti fil-Pjan dwar il-Kanċer se jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn u fi ħdan l-Istati Membri tal-UE. Ir-Rakkomandazzjonijiet aġġornati tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer se jagħtu pariri lill-Istati Membri dwar l-aħħar approċċi għall-iskrinjar tal-kanċer, flimkien ma’ skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u akkreditazzjoni għall-iskrinjar u t-trattament tal-kanċer tas-sider, kolorettali u ċervikali. In-Network tal-UE ta’ Ċentri Komprensivi tal-Kanċer se jappoġġa lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ mill-inqas Ċentru Nazzjonali Komprensiv tal-Kanċer wieħed sal-2025 70 , filwaqt li jiżgura li 90 % tal-pazjenti eliġibbli jkollhom aċċess għal dawn iċ-Ċentri sal-2030.

Biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw mill-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, pereżempju permezz tal-użu ta’ unitajiet mobbli tal-kura tas-saħħa għall-iskrinjar tal-kanċer, jew dijanjostika fil-laboratorju. Dan huwa partikolarment importanti għal dawk li jgħixu fl-aktar komunitajiet fil-bżonn u iżolati b’aċċess ristrett għal ċentri urbani kbar. Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jipprovdu servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-kanċer, b’enfasi fuq il-prevenzjoni tal-mard u d-dijanjożi bikrija. L-unitajiet mobbli, b’persunal b’tim multidixxiplinari, iżuru l-komunitajiet fuq bażi regolari u jikkollegaw ma’ faċilitajiet tas-saħħa stabbiliti. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll l-użu ta’ teknoloġiji mobbli avvanzati mill-fornituri tal-kura tas-saħħa permezz tal-programmi futuri l-UE għas-Saħħa u Ewropa Diġitali. Il-programm Ewropa Diġitali jappoġġa l-użu ta’ konnettività rapida f’konformità mal-miri tas-Soċjetà Ewropea tal-Gigabits għall-2025 71 . L-UE se toffri finanzjament ta’ prijorità lil proġetti li jinvolvu faċilitajiet tas-saħħa b’missjoni ta’ servizz pubbliku. Finalment, bl-appoġġ tal-għoti ta’ mobilità affordabbli, aċċessibbli u ġusta għal kulħadd, l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti se tgħin biex tgħaqqad aħjar lin-nies u lill-pazjenti f’żoni remoti ma’ sptarijiet u ċentri tal-kura tas-saħħa.

Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tolqot aktar lill-aktar gruppi żvantaġġati fis-soċjetà tagħna, inklużi l-pazjenti bil-kanċer. Il-miżuri ta’ iżolament u ta’ konteniment minħabba l-pandemija tal-COVID-19 affettwaw il-kura ta’ segwitu u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. L-UE qed taħdem biex tiżgura aċċess kontinwu u ekwu għall-kura, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, u l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer huwa parti ewlenija minn dawn l-isforzi.

L-azzjonijiet f’dan il-qasam jinkludu t-tisħiħ u l-integrazzjoni tat-telemediċina u l-monitoraġġ mill-bogħod fis-sistemi tas-saħħa u tal-kura billi jiġu appoġġati azzjonijiet ta’ riċerka, innovazzjoni u użu b’fondi tal-UE. Dan se jgħin biex jipproteġi lill-pazjenti bil-kanċer li huma immunokompromessi mill-esponiment għal mard infettiv bħall-COVID-19. Dawn l-iżviluppi jistgħu jappoġġaw ukoll lil pazjenti f’żoni remoti jew rurali. Barra minn hekk, il-mudell ta’ konsultazzjoni virtwali tan-Networks ta’ Referenza Ewropej se jiġi promoss biex jappoġġa l-kondiviżjoni tal-għarfien fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Permezz tal-EHDS, il-Kummissjoni se taħdem biex tneħħi l-ostakli għall-provvista transfruntiera ta’ servizzi tas-saħħa diġitali. Il-miżuri se jinkludu wkoll taħriġ u edukazzjoni kontinwa għall-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kanċer.

Inizjattiva ewlenija dwar l-inugwaljanzi

ØTniedi Reġistru tal-Inugwaljanzi tal-Kanċer biex jiġu mmappjati x-xejriet fid-data ewlenija dwar il-kanċer biex jiġu identifikati l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni – 2021-2022.

Azzjonijiet oħra

ØIssaħħaħ u tintegra t-telemediċina u l-monitoraġġ mill-bogħod fis-sistemi tas-saħħa u tal-kura; tippromwovi l-mudell ta’ konsultazzjoni virtwali tal-ERNs – 2021-2023.

ØIttejjeb ir-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-effettività ġenerali tas-sistemi tas-saħħa Ewropej biex jiġi ssalvagwardjat il-forniment tal-kura tal-kanċer fi kriżijiet tas-saħħa futuri – 2021-2025.

ØTintegra l-azzjoni ta’ ugwaljanza f’oqsma oħrajn indirizzati mill-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer bħall-iskrinjar u l-kura tal-kanċer ta’ kwalità għolja – 2021-2025.

8.It-tqegħid taħt il-lenti tal-kanċer fit-tfal

L-Unjoni Ewropea tista’ u jenħtieġ li tagħmel aktar biex tipproteġi lit-tfal tagħna mill-kanċer. Fl-2020, aktar minn 15 500 tifel u tifla u adolexxenti ġew dijanjostikati bil-kanċer, b’aktar minn 2 000 pazjent żagħżugħ li tilfu ħajjithom minħabba l-kanċer 72 . Fil-fatt, il-kanċer huwa l-kawża prinċipali tal-mewt bil-mard fit-tfal li għandhom aktar minn sena. Madankollu, jeżistu differenzi importanti bejn il-kanċers fit-tfal u fl-adulti f’termini tat-tip ta’ kanċer, kemm jinfirex, u kif jiġi ttrattat. Pereżempju, sakemm jiġu dijanjostikati, 80 % tal-kanċers pedjatriċi diġà jkunu nfirxu għal partijiet oħra tal-ġisem, meta mqabbla ma’ madwar 20 % tal-kanċers fl-adulti.

Inizjattiva ewlenija 10: Fl-2021, il-Kummissjoni se tniedi l-“Inizjattiva ta’ Għajnuna għat-Tfal bil-Kanċer” biex tiżgura li t-tfal ikollhom aċċess għal detezzjoni, dijanjożi, trattament u kura rapidi u ottimali. Din l-inizjattiva se tiġi ffinanzjata taħt il-programm futur l-UE għas-Saħħa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dijanjożi bikrija u għal trattament ta’ kwalità permezz tan-Network il-ġdid ta’ Ċentri Komprensivi tal-Kanċer. Din se tappoġġa t-taħriġ u se tippermetti l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u standards ta’ kura għat-tfal bil-kanċer, filwaqt li tikkomplementa l-azzjonijiet implimentati min-Networks ta’ Referenza Ewropej il-ġodda.

Sa 30 % tat-tfal affettwati mill-kanċer isofru konsegwenzi severi fit-tul. Hekk kif in-numru ta’ superstiti tal-kanċer fit-tfal ikompli jikber, il-kura komprensiva, it-trattament u s-segwitu huma essenzjali biex jgħinu lill-pazjenti żgħażagħ jagħmlu rkupru tajjeb u jgawdu mill-aħjar kwalità tal-ħajja 73 . Il-“Kard Intelliġenti għas-Superstiti tal-Kanċer” il-ġdida se tindirizza wkoll l-ispeċifiċitajiet tas-superstiti tal-kanċer fit-tfal, inkluż il-monitoraġġ fit-tul tal-eżiti u t-tossiċità potenzjali tat-trattamenti, ir-riabilitazzjoni, l-appoġġ psikoloġiku, il-moduli edukattivi, il-konnettività mal-persunal tal-kura tas-saħħa, u informazzjoni dwar l-istorja klinika tal-passat. Il-Kard se tgħin ukoll biex tfassal kura ta’ segwitu għall-pazjenti tfal, bl-input ta’ persuni li jindukraw u bi qbil mal-familja. Lil hinn mil-livell individwali, is-Sistema Ewropea mtejba ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer b’taqsima ġdida, imfassla speċifikament u ddedikata għall-kanċers fit-tfal se tiffaċilita l-monitoraġġ u aktar riċerka. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tar-Regolamenti Orfni u Pedjatriċi se tiġi riveduta biex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-istudju u l-awtorizzazzjoni ta’ mediċini ġodda tal-kanċer għall-użu fit-tfal.

Fl-2022, il-Kummissjoni se tistabbilixxi “Network tal-UE għas-Superstiti Żgħażagħ tal-Kanċer” ġdid biex tikkomplementa l-azzjonijiet taħt l-“Inizjattiva ta’ Għajnuna għat-Tfal bil-Kanċer”, li se jgħaqqad lis-superstiti tal-kanċer żgħażagħ u lill-familji tagħhom kif ukoll lil persuni li jindukraw b’mod informali u formali. In-Network se jgħin fit-tisħiħ tas-segwitu fit-tul fil-pjanijiet għall-kura tal-kanċer fil-livell nazzjonali u reġjonali. It-tfal, l-adolexxenti u s-superstiti adulti żgħażagħ se jiġu nnominati bħala rappreżentanti tan-Network fl-Istati Membri. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi limitat l-impatt ta’ tfixkil tal-kanċer fuq l-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ affettwati mill-kanċer, jew bħala pazjenti jew bħala persuni li jindukraw.

Il-pazjenti żgħażagħ bil-kanċer se jiġu appoġġati wkoll taħt il-Missjoni dwar il-Kanċer ta’ Orizzont Ewropa prevista. Pereżempju, l-inizjattiva ppjanata “Il-kanċers fit-tfal u l-kanċers fl-adolexxenti u fl-adulti żgħażagħ: aktar kura u kura aħjar” tista’ żżid il-fehim tal-bidu u l-progressjoni tal-kanċer u tagħti spinta lit-trasformazzjoni tal-kura tal-kanċer pedjatriku b’evidenza bbażata fuq l-informazzjoni biex tavvanza l-appoġġ għad-dijanjostika, it-trattament u s-sopravivenza.

Inizjattiva ewlenija dwar il-kanċer pedjatriku

ØTniedi l-“Inizjattiva ta’ Għajnuna għat-Tfal bil-Kanċer” biex tiżgura li t-tfal ikollhom aċċess għal detezzjoni, dijanjożi, trattament u kura rapidi u ottimali – 2021.

Inizjattivi oħra

ØTistabbilixxi “Network tal-UE għas-Superstiti Żgħażagħ tal-Kanċer” – 2021-2022.

ØTniedi l-inizjattiva “Il-kanċers fit-tfal u l-kanċers fl-adolexxenti u fl-adulti żgħażagħ” biex iżżid il-fehim dwar il-kanċer pedjatriku – 2022-2025.

9.Finanzjament

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se jiġi implimentat, attivat u appoġġat bl-użu tal-firxa sħiħa ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-Kummissjoni u qed jiġi allokat total ta’ EUR 4 biljun għal azzjonijiet li jindirizzaw il-kanċer. Sehem sostanzjali mill-programm futur l-UE għas-Saħħa, li jammonta għal EUR 1,25 biljun, se jintuża biex jappoġġa azzjonijiet u inizjattivi deskritti fil-Pjan dwar il-Kanċer. Pereżempju, inizjattivi ewlenin li se jirċievu appoġġ jinkludu l-“Applikazzjoni Mobbli tal-UE għall-Prevenzjoni tal-Kanċer”, in-“Network tal-UE ta’ Ċentri Komprensivi tal-Kanċer”, l-Inizjattiva “Għajnuna għat-Tfal bil-Kanċer”, l-Inizjattiva “Ħajja Aħjar għall-Pazjenti bil-Kanċer”, iċ-“Ċentru tal-Għarfien dwar il-Kanċer” u t-“Taħriġ Interspeċjalizzat tal-UE”.

L-appoġġ finanzjarju se jingħata wkoll permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament oħra tal-UE, li jirriflettu l-approċċ tal-gvern sħiħ u d-diversità tal-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer. Pereżempju, il-Programm Qafas Orizzont Ewropa għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 74 jista’ jipprovdi total massimu ta’ EUR 2 biljun biex jappoġġa l-Missjoni mbassra dwar il-Kanċer u proġetti ta’ riċerka oħrajn relatati mal-kanċer inkluż għall-infrastrutturi tar-riċerka u s-Sħubiji. Erasmus+, l-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija u l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jistgħu jipprovdu sa total ta’ EUR 500 miljun għal proġetti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka fil-qasam tal-kanċer 75 . Il-programm Ewropa Diġitali se jipprovdi appoġġ finanzjarju sa EUR 250 miljun għal proġetti relatati mal-kanċer, u se jappoġġa investimenti diġitali usa’, bħal dawk relatati mad-data elettronika, iċ-ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali, li minnhom se jibbenefika s-settur tas-saħħa.

Il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew Plus) se jipprovdu appoġġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom biex itejbu r-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-effettività tas-sistemi tas-saħħa tagħhom. F’dan il-kuntest, il-finanzjament se jappoġġa azzjonijiet li jvarjaw mill-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, it-titjib tal-aċċess għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u l-iskrinjar, u t-trattament, kif ukoll proġetti ta’ riċerka u żvilupp relatati mal-onkoloġija. Il-fondi jistgħu, pereżempju, jiġu investiti f’tagħmir u infrastruttura fi swali tal-onkoloġija u f’ċentri ta’ prevenzjoni, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tat-telemediċina, tal-applikazzjonijiet u tal-għodod tas-Saħħa elettronika, jew fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol tas-saħħa għall-kura tal-kanċer. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-interventi se jiġu implimentati fi programmi nazzjonali jew reġjonali, b’mod konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-programmi Interreg taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali joffru wkoll possibbiltajiet ta’ finanzjament transfruntier jew transnazzjonali 76 .

Peress li l-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni huma taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tagħhom se jkunu responsabbli biex jistabbilixxu l-prijoritajiet fuq il-bażi tal-ħtiġijiet eżistenti, u jwettqu dawn l-investimenti. L-Istati Membri huma mħeġġa ħafna biex jagħmlu użu sħiħ mill-għażliet kollha biex jimplimentaw il-miżuri inklużi fil-Pjan dwar il-Kanċer.

Fil-qafas tal-baġit u l-pjan ta’ rkupru tal-UE tan-“Next Generation EU”, qed tinħoloq Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza mingħajr preċedent, b’baġit ta’ EUR 672,5 biljun f’appoġġ u self li ma jitħallasx lura, biex tiffinanzja r-riformi u l-investimenti. Il-Faċilità se tappoġġa l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u se tgħin biex jingħeleb l-impatt ekonomiku u soċjali tagħha. L-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw investimenti li jistgħu jinkludu l-infrastruttura tas-saħħa, it-tagħmir, it-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa, il-kapaċità tal-manifattura għall-mediċini u l-apparati mediċi, b’mod partikolari jekk ikunu marbuta mal-indirizzar tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi, li jiggwidaw ir-riformi u l-investiment li għandhom jiġu appoġġati mill-Faċilità, inkluż fil-kura tal-kanċer.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Strument ta’ Appoġġ Tekniku 77 , biex tipprovdi appoġġ prattiku lill-Istati Membri kollha tal-UE li jesprimu interess f’riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jsaħħu t-tkabbir.

L-investimenti relatati mal-kanċer mill-Istati Membri u minn entitajiet pubbliċi u privati jistgħu jiġu mmobilizzati wkoll permezz ta’ garanziji baġitarji tal-UE, pereżempju permezz tal-programm InvestEU. Dan se joffri self u finanzjament ta’ ekwità għall-investimenti fl-isptarijiet, fil-kura primarja u l-faċilitajiet tal-kura tal-komunità, fis-Saħħa elettronika, fil-forza tax-xogħol tal-qasam tal-kura tas-saħħa, u fi prodotti tas-saħħa, servizzi u mudelli ta’ kura innovattivi. Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE għall-investiment fil-kanċer, il-Kummissjoni se tistabbilixxi mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-għarfien biex tinforma lill-Istati Membri dwar il-mekkaniżmi ta’ finanzjament differenti tal-UE u kif dawn jistgħu jintużaw.

10.Kollaborazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali

Il-Kummissjoni għandha kollaborazzjoni fit-tul ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WHO u l-OECD dwar kwistjonijiet tas-saħħa inkluż dwar il-kanċer. Din il-kooperazzjoni se tkompli tiġi segwita pereżempju mad-WHO, fi ħdan il-qafas ta’ kollaborazzjoni miftiehem riċentement dwar mard mhux komunikabbli 78 , li għandu fokus ewlieni fuq il-kanċer. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-ħidma tagħha ma’ aġenziji u atturi speċjalizzati bħall-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tad-WHO 79 , jew in-Network Ewropew tar-Reġistri tal-Kanċer 80 biex tiffaċilita l-kollaborazzjoni biex tittieħed azzjoni kontra l-kanċer anke lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Barra minn hekk, appoġġ kontinwu tal-UE għat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa f’pajjiżi sħab u kopertura tas-saħħa universali li qed tavvanza inkluż il-kura tas-saħħa primarja, jikkontribwixxu direttament għat-titijb tal-prevenzjoni, id-detezzjoni, it-trattament u l-kura tal-kanċer.

Il-pajjiżi terzi se jibbenefikaw mill-ħidma u l-azzjonijiet taħt il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, b’mod partikolari permezz ta’ riċerka kollaborattiva fi ħdan il-qafas ta’ Orizzont Ewropa. Biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi globali bħall-kanċer, il-kooperazzjoni internazzjonali se tissaħħaħ b’mod sinifikanti fi ħdan Orizzont Ewropa biex jiġi żgurat l-aċċess għat-talent, l-għarfien, l-għarfien espert, l-esperti bejn il-pari, il-faċilitajiet u s-swieq madwar id-dinja. Barra minn hekk, ir-riżultati u l-evidenza ġġenerati mill-Pjan dwar il-Kanċer, b’mod partikolari l-aħjar prattiki, il-lezzjonijiet meħuda, il-linji gwida jew il-programmi ta’ skrinjar, se jkunu disponibbli u jistgħu jiġu implimentati u adattati għall-kuntesti nazzjonali ta’ pajjiżi terzi. L-akkompanjament ta’ pajjiżi sħab f’kampanji dwar il-kanċer u sensibilizzazzjoni li tassoċja d-Delegazzjonijiet tal-UE, l-atturi internazzjonali u l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti fil-prattika huwa fundamentali għal impatt effettiv. Pereżempju, il-linji gwida, jew ir-reviżjonijiet sistematiċi prodotti permezz tal-Inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kanċer tas-Sider 81 diġà jintużaw, jew se jintużaw f’bosta pajjiżi barra mill-UE 82 .

11.Implimentazzjoni u governanza: twassil għar-riżultati flimkien

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-Grupp ta’ Implimentazzjoni tal-Pjan dwar il-Kanċer tal-UE, biex tallinja l-azzjonijiet u l-politiki fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra tal-UE. Il-grupp se jiltaqa’ regolarment biex jiddiskuti u jirrevedi l-implimentazzjoni tal-Pjan dwar il-Kanċer u tal-Missjoni prevista dwar il-Kanċer ta’ Orizzont Ewropa. Dan se jaħdem mill-qrib ma’:

·il-kumitati tal-Parlament Ewropew li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-kanċer;

·l-Istati Membri (permezz tal-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard mhux Komunikabbli);

·il-Bord tal-Missjoni dwar il-Kanċer li jiffunzjona bħala grupp konsultattiv xjentifiku; u

·grupp ta’ kuntatt tal-partijiet ikkonċernati, li jikkonsisti b’mod partikolari minn gruppi ta’ pazjenti, stabbilit fil-qafas tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni se tiltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ dawn l-istituzzjonijiet u l-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati f’intervalli regolari, mill-inqas darbtejn fis-sena. Dan l-approċċ se jippermetti lill-istituzzjonijiet u lill-partijiet ikkonċernati tal-UE jaħdmu flimkien b’mod aktar konsistenti u jagħmlu s-sjieda tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer kompletament inklużiva.

L-implimentazzjoni tal-Pjan dwar il-Kanċer se tiġi mmonitorjata permezz ta’ pjan direzzjonali ta’ implimentazzjoni u indikaturi tal-progress. Il-pjan direzzjonali u l-indikaturi se jirriflettu l-azzjonijiet inklużi fil-Pjan dwar il-Kanċer u se jiġu riveduti regolarment mill-Grupp ta’ Implimentazzjoni. Filwaqt li tibni fuq is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer awmentata, il-Kummissjoni se tiġbor u tippubblika regolarment ukoll data rilevanti biex timmonitorja x-xejriet u tikkontribwixxi għar-Reġistru tal-Inugwaljanzi tal-Kanċer. Dan se jgħin ukoll biex jiġi mmonitorjat il-progress għall-azzjonijiet kollha fil-Pjan dwar il-Kanċer, inkluż l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, l-ambjent, u s-saħħa lil hinn mill-kanċer.

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se jiġi rieżaminat sal-aħħar tal-2024. Ir-reviżjoni se tivvaluta jekk l-azzjoni meħuda hijiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi, jew jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali.

12.Konklużjoni

L-Ewropa tista’ tagħmel aktar b’mod kollettiv. F’Unjoni tas-Saħħa Ewropea b’saħħitha, l-indirizzar tal-kanċer jeħtieġ li jsir prijorità politika, operattiva u xjentifika kondiviża. L-Ewropej jistennew u jistħoqqilhom li jgħixu f’soċjetà li tipproteġihom minn kanċers li jistgħu jiġu evitati, li tiżgura l-identifikazzjoni bikrija, u li tipprovdi kura tal-kanċer ekwa, affordabbli, ta’ kwalità għolja u sostenibbli lil dawk li jeħtiġuha. Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer huwa strateġija ambizzjuża li toffri soluzzjonijiet speċifiċi biex jintlaħqu dawn l-aspettattivi. L-għan tagħha huwa, l-ewwel u qabel kollox, li tipprevjeni l-kanċer, u li tiżgura li l-pazjenti bil-kanċer, is-superstiti, il-familji tagħhom u l-persuni li jindukraw ikunu jistgħu jgawdu kwalità tal-ħajja għolja.

Il-pandemija tal-COVID-19 sfidat lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-popolazzjoni b’modi mingħajr preċedent. Madankollu, mit-tagħlimiet kollha li nkisbu fl-2020, l-aktar ċar huwa li ċ-ċittadini poġġew is-saħħa l-ewwel fost il-prijoritajiet tagħhom, u li jistennew li l-Ewropa tagħmel aktar biex tipproteġiha. Il-pandemija wriet li hemm saħħa enormi fil-kollaborazzjoni, fis-solidarjetà u fl-unità tal-iskop. Din il-lezzjoni tapplika wkoll b’mod qawwi għall-prevenzjoni, għat-trattament u għall-kura tal-kanċer. Is-suċċess tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer jirrikjedi sforz tas-soċjetà sħiħa li jsegwi l-approċċ tas-“saħħa fil-politiki kollha”.

Il-kura tal-kanċer ma għadhiex ir-responsabbiltà tas-settur tas-saħħa waħdu. Teħtieġ l-involviment u l-impenn minn firxa wiesgħa ta’ setturi u partijiet ikkonċernati. B’għaxar inizjattivi ewlenin u diversi azzjonijiet ta’ appoġġ li jindirizzaw il-perkors kollu tal-marda, dan huwa pjan għall-Ewropa. Huwa inklużiv, u jagħti lil kulħadd ikkonċernat sehem fis-suċċess tiegħu; u, fuq kollox, huwa ċċentrat fuq in-nies, u jiffoka l-ħin kollu fuq il-ħtiġijiet tal-pazjenti.

Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri, lill-partijiet ikkonċernati u liċ-ċittadini kollha madwar l-UE biex jingħaqdu flimkien u jiżguraw li l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer jagħti riżultati. Flimkien, nistgħu nreġġgħu lura x-xejra dejjem tikber tal-kanċer madwar l-UE u niżguraw futur aktar b’saħħtu, ġust u aktar sostenibbli għal kulħadd, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Flimkien, nistgħu neliminaw il-biża’ u l-inċertezza li jiġu mad-dijanjożi tal-kanċer – u nibdluhom b’għarfien, b’dinjità ta’ determinazzjoni u bit-tama. Flimkien, nistgħu nagħmlu differenza u negħlbu l-kanċer.

(1)      L-aktar stimi riċenti mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer (ECIS) għall-pajjiżi tal-EU-27. Id-dijanjożi l-ġodda jkopru t-tipi kollha ta’ kanċer, minbarra l-kanċer tal-ġilda mhux melanoma.
(2)       https://gco.iarc.fr/tomorrow/en/ .
(3)      L-mRNA (Aċidu ribonuklejku messaġġier) hija l-molekula li tidderieġi liċ-ċelloli fil-ġisem sabiex joħolqu l-proteini. Din tista’ tintuża biex jinħolqu vaċċini li jimpedixxu jew li jikkuraw mard speċifiku bħal ċerti tipi ta’ kanċer jew viruses bħall-COVID-19.
(4)      Ara l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(5)    Il-Bord tal-Missjoni dwar il-Kanċer, grupp ta’ esperti indipendenti tal-Kummissjoni, ħejja deskrizzjoni bi 13-il rakkomandazzjoni għall-kunsiderazzjoni li se sservi bħala bażi għall-implimentazzjoni tal-Missjoni dwar il-Kanċer, https://ec.europa.eu/info/publications/conquering-cancer-mission-possible_en .
(6)       https://ec.europa.eu/research/eic/index.cfm .
(7)       https://eit.europa.eu .
(8)      L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) huma l-programm ewlieni tal-UE għall-mobilità u għat-taħriġ tar-riċerkaturi permezz tal-iżvilupp ta’ programmi dottorali, riċerka kollaborattiva u skemi ta’ fellowship, u jikkontribwixxu għal riċerka eċċellenti, https://ec.europa.eu/research/mariecurieactions/node_en .
(9)      OECD (2019), Is-Saħħa fis-Seklu 21:  Putting Data to Work for Stronger Health Systems (It-Tħaddim tad-Data għal Sistemi tas-Saħħa Aktar b’Saħħithom), Studji tal-Politika dwar is-Saħħa tal-OECD, Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi, https://doi.org/10.1787/e3b23f8e-en .
(10)       https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/content/european-digital-strategy .
(11)      Id-data tad-dinja reali hija data relatata mas-saħħa li ġejja minn popolazzjoni umana diversa f’ambjenti tal-ħajja reali. Tali data tista’ tinkludi rekords tas-saħħa mediċi, reġistri, bijobanek, data amministrattiva, stħarriġ dwar is-saħħa, studji ta’ osservazzjoni, data tal-assigurazzjoni tas-saħħa, data ġġenerata minn applikazzjonijiet mobbli eċċ.
(12)      Magħruf ukoll bħala supercomputing, dan jirreferi għal sistemi tal-informatika b’potenza komputazzjonali estremament għolja li huma kapaċi jsolvu problemi ferm kumplessi u impenjattivi. https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/policies/high-performance-computing .
(13)      F’dan ir-rigward, il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà se jsostni dawn l-isforzi, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=CELEX:52017DC0134 .
(14)      Couespel, N., et al., Strengthening Europe in the fight against cancer (It-tisħiħ tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-kanċer), studju għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, id-Dipartiment Tematiku għall-Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja, il-Parlament Ewropew, il-Lussemburgu, 2020.
(15)       https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj .
(16)      Rekord elettroniku tas-saħħa huwa ġabra ta’ rekords mediċi lonġitudinali jew ta’ dokumentazzjoni simili dwar individwu, b’format diġitali (ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/243 tas-6 ta’ Frar 2019 dwar format tal-iskambju tar-Rekords Elettroniċi tas-Saħħa Ewropej).
(17)    Agarwala, V. et al. (2018), Real-World Evidence In Support Of Precision Medicine: Clinico-Genomic Cancer Data As A Case Study, Health Affairs, Vol. 37/5, pp. 765-772.
(18)      Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer (ECIS) se ssir parti miċ-Ċentru tal-Għarfien dwar il-Kanċer, https://ecis.jrc.ec.europa.eu/ .
(19)      L-istadji tal-kanċer jiddeskrivu l-estensjoni ta’ tumur, u jqisu d-daqs tiegħu, l-invażjoni ta’ organi fil-qrib, u l-preżenza f’organi oħra aktar imbiegħda (kanċer metastatiku).
(20)    Pereżempju bid-data mill-programm ta’ Bijomonitoraġġ tal-Bniedem tal-UE ( https://www.hbm4eu.eu/ ) jew data ambjentali disponibbli permezz tal-Pjattaforma ta’ Informazzjoni għall-Monitoraġġ Kimiku ( https://ipchem.jrc.ec.europa.eu /).
(21)      L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa, 18.02.2020 fuq https://www.euro.who.int/en/health-topics/disease-prevention/tobacco/news/news/2020/2/tobacco-use-causes-almost-one-third-of-cancer-deaths-in-the-who-european-region .  
(22)      Pereżempju: prodotti tat-tabakk ġodda, sigaretti elettroniċi, prodotti erbali għat-tipjip.
(23)      Skont id-data tal-Ewrobarometru, it-tendenza nqalbet għar-rati tat-tipjip taż-żgħażagħ (età ta’ bejn 15 u 24 sena) li naqsu għal 20 % fl-2020, minn 25 % fl-2014, wara l-ogħla livell ta’ 29 % fl-2017.
(24)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE.
(25)      L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2008/118/KE.
(26)      Il-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-WHO, l-Artikolu 5(3), https://www.who.int/fctc/text_download/en/ .
(27)       https://ec.europa.eu/transparencyregister/public/homePage.do .
(28)      Għall-Istati Membri tal-UE, ir-Renju Unit, in-Norveġja u l-Iżvizzera: https://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0009/386577/fs-alcohol-eng.pdf
(29)      Bejn l-2010 u l-2016 fl-Unjoni Ewropea, intlaħaq biss tnaqqis ta’ 1,5 % fil-konsum totali: Skeda informattiva tad-WHO dwar l-SDGs: Il-konsum tal-alkoħol u l-iżvilupp sostenibbli (2020).
(30)     https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/ study_assessing_articles_32_and_36_of_council_directive_2008118ec_concerning_the_general_arrangements_for_excise_duty.pdf .
(31)      Interventi qosra (BI) għall-alkoħol urew li huma effettivi fil-ġestjoni tal-konsum tal-alkoħol għal persuni li jixorbu l-alkoħol li jagħmel il-ħsara, li mhumiex qed ifittxu trattament. L-interventi qosra huma diskussjoni li għandha l-għan li tqajjem il-kuxjenza tal-individwi dwar l-imġiba riskjuża tagħhom bħala mod kif dawn jiġu mmotivati jbiddluha.
(32)      Wild CP, Weiderpass E, Stewart BW, edituri (2020). World Cancer Report: Cancer Research for Cancer Prevention, Lyon, Franza: L-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer. http://publications.iarc.fr/586 .
(33)      https://ec.europa.eu/food/farm2fork_en
(34)      L-Inizjattiva tal-Kummissjoni għar-rieżami tal-politika dwar il-promozzjoni għall-prodotti tal-ikel agrikoli tal-UE, ir-Regolament (UE) 1144/2014 https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12782-Information-and-promotion-measures-for-agricultural-and-food-products-in-the-internal-market-and-in-non-EU-countries .
(35)     https://monographs.iarc.fr/wp-content/uploads/2018/06/mono114.pdf .
(36)       https://www.eltis.org/sites/default/files/linking_transport_and_health_in_sumps.pdf .  
(37)      Id-data dwar il-mortalità għas-sena 2012 u l-grupp ta’ pajjiżi tar-Reġjun Ewropew bi dħul għoli tad-WHO; ara https://www.eea.europa.eu/publications/healthy-environment-healthy-lives.
(38)      https://www.eea.europa.eu/publications/healthy-environment-healthy-lives.
(39)      Mill-inqas mewta waħda minn kull tmienja fl-Ewropa hija kkawżata mit-tniġġis ambjentali u minn kwalità ħażina tal-arja, Rapport tal-EEA Nru 21/2019.
(40)      Erickson, BE: Linking pollution and infectious disease (2019), c&en – Chemical & Engineering News, Volum 97, Ħarġa 11.
(41)      Sustanzi bħall-perfluworoottansulfonat u l-aċidu perfluworoottanojku huma assoċjati ma’ tnaqqis fir-rispons tal-antikorpi għat-tilqim; EFSA, Opinjoni xjentifika dwar il-PFAS.
(42)      Il-Kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali SWD(2019) 427.
(43)       https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/ambient-(outdoor)-air-quality-and-health .
(44)       https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020PC0571 .
(45)       https://osha.europa.eu/en/facts-and-figures/workers-exposure-survey-cancer-risk-factors-europe .
(46)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti.
(47)      COM(2020) 667 final. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità”.
(48)      Fuq il-bażi tat-tliet pilastri ewlenin tal-istrateġija globali, id-WHO tirrakkomanda sett ta’ miri jew stadji importanti li kull pajjiż jenħtieġ li jilħaq sal-2030 biex jasal fit-triq lejn l-eliminazzjoni tal-kanċer ċervikali matul dan is-seklu:     https://www.who.int/news/item/19-08-2020-world-health-assembly-adopts-global-strategy-to-accelerate-cervical-cancer-elimination .
(49)       https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/state/docs/2018_healthatglance_rep_en.pdf .
(50)       https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:32003H0878 .
(51)      It-tliet tipi ta’ kanċer indirizzati mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer li, fl-2003, kienu l-uniċi li kellhom il-prerekwiżit li jiġu indirizzati mill-iskrinjar ibbażat fuq il-popolazzjoni.
(52)       https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/strategy/support-policy-making/scientific-support-eu-policies/group-chief-scientific-advisors_en .
(53)      L-azzjoni hija mistennija tgħin biex tiżdied ir-rata ta’ sopravivenza netta ta’ ħames snin tal-pazjenti b’kanċer ċervikali, tas-sider u kolorettali sal-2025. Dan se jnaqqas ukoll l-inugwaljanzi eżistenti fir-rati ta’ sopravivenza bejn l-Istati Membri tal-UE.
(54)      Il-prinċipju 16 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(55)       https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/state/docs/2018_healthatglance_rep_en.pdf .
(56)    L-istabbiliment ta’ Ċentri nazzjonali Komprensivi tal-Kanċer u n-networking tagħhom fil-livell tal-UE qed jiġu rakkomandati mill-Bord tal-Missjoni dwar il-Kanċer ta’ Orizzont Ewropa u mill-Azzjoni Konġunta tal-UE CanCon, https://cancercontrol.eu/ .
(57)       https://ec.europa.eu/health/ern_mt .
(58)       https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223&langId=mt .
(59)     https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/using-european-supercomputing-treat-coronavirus .
(60)       https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/european-1-million-genomes-initiative .
(61)      Policy Paper on Public Health Genomics in Cancer (Dokument ta’ Politika dwar il-Ġenomika tas-Saħħa Pubblika fil-Kanċer), https://cancercontrol.eu/archived/uploads/PolicyPapers27032017/Policy_Paper_1_Genomics.pdf .
(62)      Il-kanċer huwa marda li tista’ tiġi affettwata minn bidliet f’wieħed jew f’ħafna mill-ġeni, spiss flimkien ma’ fatturi ambjentali. Il-“punteġġ ta’ riskju poliġeniku” jista’ jinforma lin-nies dwar ir-riskju tagħhom li jiżviluppaw marda, abbażi tal-għadd totali ta’ bidliet ġenetiċi relatati ma’ mard speċifiku, inklużi xi tipi ta’ kanċers.
(63)       https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/strategy/goals-research-and-innovation-policy/open-science/eosc_en .
(64)       Azzjoni Konġunta dwar il-Kontroll tal-Kanċer (CanCon ): https://cancercontrol.eu/archived/uploads/images/Guide/042017/CanCon_Guide_7_Survivorship_LR.pdf .
(65)      L-organizzazzjonijiet tal-pazjenti jirreferu għal din il-kwistjoni bħala l-hekk imsejjaħ “Dritt li wieħed ikun minsi”, li madankollu jenħtieġ li ma jiġix imfixkel mal-istess terminoloġija użata fil-kuntest tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.
(66)       https://ec.europa.eu/info/european-pillar-social-rights-0/european-pillar-social-rights-20-principles_mt .
(67)      COM (2021) 50 final, 27.01.2021.
(68)      https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/state/docs/2020_healthatglance_rep_en.pdf.
(69)      Dan huwa pereżempju minħabba riżorsi finanzjarji komparattivament aktar baxxi li n-nisa għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jassorbu l-konsegwenzi monetarji tal-kanċer u inqas riżorsi ta’ ħin għat-trattament u l-irkupru, minħabba d-differenza persistenti bejn il-ġeneri fil-pagi, fil-qligħ u fil-pensjonijiet u r-responsabbiltajiet sproporzjonati ta’ kura tan-nisa, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020DC0152.
(70)      Għal Stati Membri akbar, huwa rrakkomandat Ċentru wieħed għal kull 5 miljun abitant.
(71)      “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits” (COM(2016) 587 final).
(72)      L-aktar stimi riċenti mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer (ECIS) għall-pajjiżi tal-EU-27.
(73)       https://siope.eu/media/wp-content/uploads/2013/09/European_Standards_final_2011.pdf .
(74)      Minbarra l-Missjoni proposta dwar il-Kanċer, Orizzont Ewropa jiffinanzja proġetti ta’ riċerka u pilota taħt l-oqsma tematiċi fir-raggruppament “Saħħa” b’baġit ta’ EUR 8,2 biljun.
(75)      Minħabba n-natura minn isfel għal fuq ta’ dawn il-programmi, il-finanzjament ma jistax jiġi pprovdut permezz ta’ sejħiet iddedikati. Għalhekk, dan l-ammont indikattiv jirrifletti l-baġit ta’ proġetti preċedenti relatati mal-kanċer fil-perjodu 2014-2020.
(76)      Eż. taħt il-programm Interreg ta’ kooperazzjoni transfruntiera għall-Euregio Meuse-Rhine (Aachen-Maastricht-Liège), l-isptarijiet universitarji jikkooperaw dwar it-trattament tal-kanċer: https://www.oncocare.eu/ jew dwar mard rari: https://www.emradi.eu/en/about-emradi .
(77)      L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) huwa s-suċċessur għall-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP)
(78)      Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa “A deeper and result oriented partnership for health in Europe” (Sħubija aktar profonda u orjentata lejn ir-riżultati għas-saħħa fl-Ewropa) tal-14 ta’ Settembru 2020.
(79)       https://www.iarc.who.int/ .
(80)       https://www.encr.eu/ .
(81)       https://healthcare-quality.jrc.ec.europa.eu/european-breast-cancer-guidelines  
(82)      Il-Bahrain, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, il-Messiku, it-Tuneżija.
Top

Brussell, 3.2.2021

COM(2021) 44 final

ANNESS

tal-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer

{SWD(2021) 13 final}


LISTA TA’ AZZJONIJIET 1  

Nru

AZZJONIJIET

Skeda ta’ żmien

APPROĊĊ MODERN GĦALL-KANĊER: TEKNOLOĠIJI ĠODDA, RIĊERKA U INNOVAZZJONI GĦAS-SERVIZZ TA’ PREVENZJONI U KURA TAL-KANĊER IĊĊENTRATI FUQ IL-PAZJENT (2)

1

Inizjattiva Ewlenija: Jinħoloq “Ċentru tal-Għarfien dwar il-Kanċer” biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni ta’ inizjattivi xjentifiċi u tekniċi relatati mal-kanċer fil-livell tal-UE.

2021

2

Inizjattiva Ewlenija: Titnieda “Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer” biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ għodod ġodda megħjuna mill-kompjuter biex jittejbu l-mediċini personalizzati u s-soluzzjonijiet innovattivi.

2022

3

Azzjonijiet li jappoġġaw il-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer permezz ta’ riċerka ġdida dwar il-kanċer u permezz ta’ ekosistema innovattiva:

(1) Tippermetti lill-pazjenti bil-kanċer jaċċessaw u jikkondividu b’mod sikur rekords elettroniċi tas-saħħa għall-prevenzjoni u għat-trattament minn fruntiera għall-oħra permezz tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa;

(2) Tiżviluppa repożitorju ta’ tewmin diġitali fil-kura tas-saħħa, inkluż għal trattament aktar individwali tal-kanċer;

(3) Tespandi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer (ECIS);

(4) Tniedi s-sħubijiet ta’ Orizzont Ewropa: l-Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva u s-Sħubija dwar it-Trasformazzjoni tas-Sistemi tas-Saħħa u tal-Kura.

2021-2025

INSALVAW IL-ĦAJJIET PERMEZZ TAL-PREVENZJONI SOSTENIBBLI TAL-KANĊER (3)

4

Inizjattiva Ewlenija: Jitlaqqmu mill-inqas 90 % tal-popolazzjoni fil-mira tal-bniet tal-UE u jiżdied b’mod sinifikanti tat-tilqim tas-subien u l-investiment fl-infrastrutturi relatati biex infittxu neliminaw il-kanċers ikkawżati mill-virus tal-papilloma uman.

2021-2030

It-titjib tal-litteriżmu fis-saħħa rigward ir-riskji u l-fatturi determinanti tal-kanċer (3.1)

5

Taġġorna u ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer:

(1) Tiżviluppa u tniedi l-“Applikazzjoni Mobbli tal-UE għall-Prevenzjoni tal-Kanċer”;

(2) Tappoġġa l-proġett “Litteriżmu fis-Saħħa għall-Prevenzjoni u l-Kura tal-Kanċer”.

2021-2025

Il-kisba ta’ Ewropa ħielsa mit-Tabakk (3.2)

6

Tinħoloq “Ġenerazzjoni Ħielsa mit-Tabakk”: permezz tar-reviżjoni ta’

(1) Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk; 

(2) Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tabakk; u

(3) l-qafas legali dwar ix-xiri transfruntier tat-tabakk minn individwi privati fid-dawl ta’ proposti leġiżlattivi; u

(4) Taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip;

(5) Tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk.

2021-2025

It-tnaqqis tal-konsum tal-alkoħol ta’ ħsara (3.3)

7

Jingħata appoġġ intensifikat tal-UE lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati bl-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki u l-bini tal-kapaċità biex titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol:

(1) Jitwettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq l-alkoħol u x-xiri transfruntier tal-prodotti tal-alkoħol;

(2) Proposta għat-tikkettar obbligatorju tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq it-tikketta tax-xorb alkoħoliku, kif ukoll it-twissijiet tas-saħħa;

(3) Jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ interventi qosra bbażati fuq l-evidenza;

(4) Jitnaqqas l-esponiment taż-żgħażagħ għall-kummerċjalizzazzjoni online tax-xorb alkoħoliku permezz tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

2021-2025

It-titjib tal-promozzjoni tas-saħħa permezz tal-aċċess għal dieti tajbin għas-saħħa u l-attività fiżika (3.4)

8

(1) Rieżami tal-iskema tal-UE għall-frott, il-ħxejjex u l-ħalib fl-iskejjel;

(2) Proposta għal tikkettar dwar in-nutrizzjoni mandatorju fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett;

(3) Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) inkluż dawk dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali dwar l-ikel u x-xorb li mhumiex tajbin għas-saħħa;

(4) Tiġi żviluppata u implimentata gwida għall-kodiċi ta’ prattika dwar it-tnaqqis tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ ikel mhux tajjeb għas-saħħa lit-tfal, inkluż il-kummerċjalizzazzjoni online permezz tad-dispożizzjonijiet tal-AVMSD u Azzjoni Konġunta tal-aħjar prattiki fin-nutrizzjoni(“Best ReMap”);

(5) Pubblikazzjoni ta’ studju li jimmappja l-miżuri fiskali u l-politiki ta’ pprezzar għaż-zokkor, is-soft drinks u x-xorb alkoħoliku.

2021-2025

9

Aktar tnaqqis tal-preżenza ta’ kontaminanti karċinoġeniċi fl-ikel billi jiġu stabbiliti limiti ta’ livell massimu għal aktar minn dawn il-kontaminanti.

2021-2025

10

(1) Appoġġ lil HealthyLifestyle4All għall-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa għall-ġenerazzjonijiet kollha;

(2) Inizjattivi taħt il-Gwida dwar l-Ippjanar tal-Mobbiltà Urbana Sostenibbli dwar il-kollegament tat-trasport u s-saħħa;

(3) Reviżjoni tal-Pakkett tal-Mobilità Urbana biex jiġu promossi u appoġġati t-trasport u l-mobbiltà sostenibbli u b’saħħithom.

2021-2023

It-tnaqqis tat-tniġġis ambjentali (3.5)

11

Allinjament aktar mill-qrib tal-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE mal-linji gwida tad-WHO.

2021-2023

12

Miżuri lejn il-mobilità mingħajr emissjonijiet u t-tnaqqis tat-tniġġis ambjentali mit-trasport skont l-Istrateġija ta’ Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti.

2021-2025

It-tnaqqis tal-esponiment għas-sustanzi perikolużi u r-radjazzjoni (3.6)

13

Jiġi adottat Qafas Strateġiku ġdid dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2021-2027.

2021-2027

14

Jitnaqqas l-esponiment tal-ħaddiema għal sustanzi karċinoġeniċi permezz tal-emendi tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni.

2021-2025

15

Jiġu riveduti l-limiti tal-UE għall-asbestos biex ikompli jitnaqqas l-esponiment tal-ħaddiema.

2022-2024

16

Jitwettaq stħarriġ dwar l-esponiment tal-ħaddiema għall-fatturi ta’ riskju għall-kanċer .

2021-2024

17

Jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni jonizzanti, b’mod partikolari mir-Radon.

2021-2025

18

Jiġu esplorati miżuri biex jipprevjenu l-esponiment għar-radjazzjoni ultravjola inkluż mis-sodod għat-tixmix. 

2023

19

Titnieda Sħubija dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji mis-Sustanzi Kimiċi ta’ Orizzont Ewropa biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE għall-valutazzjoni tar-riskju kimiku.

2021-2025

Il-prevenzjoni ta’ kanċers ikkawżati minn infezzjonijiet (3.7)

20

(1) Jitnaqqas il-kanċer tal-fwied ikkawżat mill-virus tal-Epatite B (permezz ta’ tilqim u investiment f’infrastrutturi relatati) u l-prevenzjoni tal-kanċer tal-fwied ikkawżat mill-virus tal-Epatite Ċ u l-kanċer tal-istonku kkawżat mill-Helicobacter pylori (permezz ta’ trattament b’mediċini kontra l-viruses u kontra l-mikrobi rispettivament);

(2) Tiġi proposta Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kanċers li jistgħu jiġu evitati b’vaċċin.

2021-2030

IT-TITJIB TAL-IDENTIFIKAZZJONI BIKRIJA TA’ KANĊER (4)

21

Inizjattiva Ewlenija: “Skema tal-UE għall-Iskrinjar tal-Kanċer” ġdida:

(1) Ir-Rieżami tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrinjar għall-kanċer, inkluż l-aġġornament tagħha u l-proposta għal estensjoni possibbli għal kanċers oħrajn;

(2) Inizjattiva Ewropea dwar it-Teħid ta’ Immaġnijiet tal-Kanċer li tappoġġa l-iżvilupp ta’ għodod ġodda megħjuna mill-kompjuter biex jittejbu l-mediċini personalizzati u s-soluzzjonijiet innovattivi;

(3) L-iżvilupp ta’Linji gwida u skemi dwar il-Garanzija tal-Kwalità rigward l-iskrinjar, id-dijanjosi, it-trattament, ir-riabilitazzjoni, il-kura ta’ segwitu u l-kura palljativa tal-kanċer għall-kanċer kolorettali u ċervikali, u l-aġġornament tal-linji gwida eżistenti rigward il-kanċer tas-sider, inkluż il-programm ta’ akkreditazzjoni/ċertifikazzjoni.

2021-2025

22

Tiġi aġġornata s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer biex tissorvelja u tivvaluta l-programmi tal-iskrinjar tal-kanċer.

2021-2022

L-IŻGURAR TA’ STANDARDS GĦOLJIN FIL-KURA TAL-KANĊER (5)

23

Inizjattiva Ewlenija: (1) Toħloq “Ċentru(i) Nazzjonali Komprensiv(i) tal-Kanċer” fl-Istati Membri kollha u n-network tal-UE sal-2025;

(2) Networks ta’ Referenza Ġodda tal-kanċer dwar il-kanċer u l-kundizzjonijiet tal-kanċer flimkien mal-erba’ NRE eżistenti;

(3) Il-proġett tal-kanċer tal-UE “Immappjar Diġitali tal-Kapaċità u l-Ħila tat-Trattament”.

2021-2025

24

Inizjattiva Ewlenija: L-inizjattiva “Dijanjostika u Trattament tal-Kanċer għal Kulħadd” biex jitjieb l-aċċess għal dijanjożi u trattamenti innovattivi tal-kanċer.

2021-2025

25

Inizjattiva Ewlenija: Titnieda l-Inizjattiva Ewropea biex Nifhmu l-Kanċer (UNCAN.eu).

2021-2025

26

Tiġi appoġġata l-“Forza tax-xogħol tal-Kanċer”, permezz tal-programm “Taħriġ interspeċjalizzat”.

2021-2025

27

Tinħoloq “Pjattaforma tal-UE biex jitjieb l-aċċess għall-mediċini tal-kanċer” biex jingħata appoġġ għall-użu mill-ġdid ta’ molekuli eżistenti b’dimensjoni armonizzata u sostenibbli tal-UE.

2021-2025

28

Jiġi implimentat il-qafas legali għall-provi kliniċi.

2021-2022

29

Jiġi adottat ir-Regolament dwar il-“Valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa”. 

2021

30

Jiġi ppreżentat il-pjan ta’ Azzjoni SAMIRA biex jiżgura l-kwalità u s-sikurezza tat-teknoloġija tar-radjazzjoni u l-provvista ta’ isotopi radjuattivi ta’ importanza medika għad-dijanjożi u t-trattament.

2021-2025

31

(1) Titwaqqaf Sħubija dwar il-Mediċina Personalizzata biex jiġu identifikati l-prijoritajiet għar-riċerka u l-edukazzjoni fil-mediċina personalizzata, biex jiġu appoġġati l-proġetti tar-riċerka rilevanti għall-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer;

(2)Jiġi żviluppat pjan direzzjonali lejn il-prevenzjoni personalizzata.

2023-2025

32

Jitnieda l-proġett “Ġenomika għas-Saħħa Pubblika” flimkien mal-Inizjattiva ta’ 1+ Miljun Ġenomi, biex jiġi żgurat l-aċċess għal ammonti kbar ta’ data ġenomika għar-riċerka, il-prevenzjoni u l-mediċina personalizzata.

2021-2025

33

(1) Jitnieda proġett ġdid li juża Computing ta’ Prestazzjoni Għolja biex jittestja b’mod rapidu l-molekuli eżistenti u l-kombinazzjonijiet ta’ mediċini ġodda;

(2) Jingħata appoġġ għal proġetti kollaborattivi dwar id-dijanjostiċi u t-trattament tal-kanċer permezz ta’ Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-IA;

(3) Tingħata assistenza lir-riċerkaturi li jaħdmu fuq trattamenti personalizzati tal-kanċer permezz ta’ appoġġ imfassal apposta u pjattaformi diġitali ġodda.

2021 - 2027

IT-TITJIB TAL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA GĦALL-PAZJENTI BIL-KANĊER, GĦAS-SUPERSTITI U GĦALL-PERSUNI LI JINDUKRAWHOM (6)

34

Inizjattiva Ewlenija: L-inizjattiva “Ħajja aħjar għall-pazjenti bil-kanċer”:

(1) Tinħoloq “Kard Intelliġenti tas-Superstiti tal-Kanċer imfassla apposta”;

(2) Jinħoloq “Ċentru Diġitali Ewropew għall-Pazjenti bil-Kanċer” li jappoġġa l-iskambju tad-data tal-pazjenti u l-monitoraġġ tal-kundizzjoni tas-saħħa tas-superstiti.

2021-2023

35

Jiġi indirizzat l-aċċess ġust għas-servizzi finanzjarji għas-superstiti tal-kanċer permezz tal-iżvilupp ta’ Kodiċi ta’ Kondotta u proċess ta’ riflessjoni dwar is-soluzzjonijiet fit-tul.

2021-2023

36

(1) Jitnieda studju li jindirizza l-kwistjonijiet marbuta mar-ritorn għax-xogħol; 

(2) Jiġu indirizzati fi ħdan l-Istrateġija dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030 id-drittijiet tal-pazjenti bil-kanċer u s-superstiti li huma kkunsidrati bħala persuni b’diżabilità;

(3) Tiġi żgurata l-implimentazzjoni bis-sħiħ tad-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw.

2021-2022

IT-TNAQQIS TAL-INUGWALJANZI TAL-KANĊER MADWAR L-UE (7)

37

Inizjattiva Ewlenija: Jiġi stabbilit Reġistru tal-Inugwaljanzi tal-Kanċer biex jiġu identifikati l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni.

2021-2022

38

(1) Tissaħħaħ is-saħħa elettronika, it-telemediċina u s-sistemi ta’ monitoraġġ mill-bogħod; (2) jiġi promoss il-mudell ta’ konsultazzjonijiet virtwali tan-NRE.

2021-2023

39

Tittejjeb ir-reżiljenza, tal-aċċessibbiltà u tal-effettività tas-sistemi tas-saħħa tal-UE biex jiġi ssalvagwardjat il-forniment tal-kura tal-kanċer fi kriżijiet futuri tas-saħħa.

2021-2025

40

Integrazzjoni tal-azzjoni ta’ ugwaljanza fl-oqsma indirizzati mill-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer bħall-iskrinjar u l-kura tal-kanċer ta’ kwalità għolja.

2021-2025

NAGĦTU ATTENZJONI PARTIKOLARI LILL-KANĊER FIT-TFULIJA (8)

41

Inizjattiva Ewlenija:Inizjattiva ta’ Għajnuna għat-Tfal bil-Kanċer”:

Jinħoloq “Network tal-UE għas-Superstiti Żgħażagħ tal-Kanċer”.

2021-2023

42

Jitnieda l-proġett “Il-kanċers fit-tfal u l-kanċers fl-adolexxenti u fl-adulti żgħażagħ: ikkura aktar u kkura aħjar” biex tingħata spinta lit-trasformazzjoni tal-kura tal-kanċer pedjatriku.

2022-2025

(1)

 Il-miżuri ppreżentati f’dan il-pjan ta’ azzjoni jeħtieġ li jittieħdu kollha f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, inklużi l-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt kif xieraq.

Top