EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2299

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2299 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mit-Tajlandja maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/9874

OJ L 458, 22.12.2021, p. 530–532 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/2299/oj

22.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 458/530


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2299

tal-21 ta’ Diċembru 2021

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mit-Tajlandja maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jeħtiġilhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stipulata f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mit-Tajlandja liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, tali sejbiet ta’ ekwivalenza jenħtieġ li japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mit-Tajlandja liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fl-4 ta’ Novembru 2021, it-Tajlandja pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan skont is-sistema intitolata “MOHPROMT” (jew “Mor Prom”). It-Tajlandja infurmat lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħha qed jinħarġu f’konformità ma’ standard u sistema teknoloġika li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, it-Tajlandja infurmat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mit-Tajlandja f’konformità mas-sistema “MOHPROMT” (jew “Mor Prom”). fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

It-Tajlandja infurmat ukoll lill-Kummissjoni li hija taċċetta ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

(5)

Fl-24 ta’ Novembru 2021, wara talba mit-Tajlandja, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mit-Tajlandja huma f’konformità ma’ sistema, il-“MOHPROMT” (jew “Mor Prom”), li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mit-Tajlandja f’konformità mas-sistema “MOHPROMT” (jew “Mor Prom”), fihom id-data meħtieġa.

(6)

Minbarra dan, it-Tajlandja infurmat lill-Kummissjoni li qed toħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawn il-vaċċini bħalissa jinkludu Comirnaty, Spikevax, Vaxzevria, COVID-19 Vaccine Janssen, BBIBP-CorV u CoronaVac.

(7)

It-Tajlandja infurmat ukoll lill-Kummissjoni li qed toħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku u għat-testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 (4).

(8)

Barra minn hekk, it-Tajlandja infurmat lill-Kummissjoni li qed toħroġ ċertifikati interoperabbli tal-fejqan. Dawk iċ-ċertifikati huma validi għal mhux aktar minn 180 jum wara d-data tal-ewwel test pożittiv.

(9)

Minbarra dan, it-Tajlandja infurmat lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi fit-Tajlandja jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati u kkonfermati t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew l-istatus tal-fejqan tad-detentur u mhux se tinżamm wara.

(10)

L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mit-Tajlandja f’konformità mas-sistema “MOHPROMT” (jew “Mor Prom”) jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġin f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma ssodisfati.

(11)

Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mit-Tajlandja f’konformità mas-sistema “MOHPROMT” (jew “Mor Prom”) jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li t-Tajlandja tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew tħassarha, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(14)

Sabiex it-Tajlandja tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mit-Tajlandja f’konformità mas-sistema “MOHPROMT” (jew “Mor Prom”) għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

It-Tajlandja għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (ĠU C 24, 22.1.2021, p. 1).


Top