EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0560

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta’ introduzzjoni strateġika li jiddeskrivi sett ta’ azzjonijiet supplimentari biex jiġi appoġġat il-varar rapidu ta’ fjuwils alternattivi

COM/2021/560 final

Brussell, 14.7.2021

COM(2021) 560 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY

Pjan ta’ introduzzjoni strateġika li jiddeskrivi sett ta’ azzjonijiet supplimentari biex jiġi appoġġat il-varar rapidu ta’ fjuwils alternattivi


1    Introduzzjoni

L-istrateġija komprensiva għal mobilità sostenibbli u intelliġenti tal-Kummissjoni Ewropea 1 tistabbilixxi l-bażi li permezz tagħha s-sistema tat-trasport tal-UE tista’ tikseb it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tagħha u ssir aktar reżiljenti għal kriżijiet futuri. Kif deskritt fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 2 , l-eżitu għandu jkun tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) tat-trasport sal-2050, f’konformità mar-rekwiżit biex tinkiseb in-newtralità klimatika fl-UE sal-2050. Għalhekk, l-istrateġija komprensiva għal mobilità sostenibbli u intelliġenti tagħmilha prijorità ewlenija li tingħata spinta lill-adozzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi, ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ta’ infrastruttura relatata għall-modi kollha tat-trasport, mingħajr aktar dewmien. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-ebda reġjun jew territorju tal-UE ma jitħalla jibqa’ lura u li d-disparitajiet reġjonali fil-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi jiġu indirizzati kif xieraq, b’mod partikolari f’reġjuni inqas żviluppati jew reġjuni bi ħtiġijiet u ċirkostanzi speċifiċi 3 .

It-tħeġġiġ tal-adozzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jrid jimxi id f’id mal-ħolqien ta’ network komprensiv tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment biex ikun jista’ jsir użu mifrux ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero fil-modi kollha tat-trasport. L-istrateġija komprensiva għal mobilità sostenibbli u intelliġenti ssaħħaħ l-ambizzjoni stabbilita mill-inizjattiva ewlenija Ewropea “Irriċarġjar u riforniment” taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 4 , li sal-2025, mill-inqas miljun minn massimu ta’ 3 miljun punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku u 500 mill-1 000 punt tar-riforniment tal-idroġenu li se jkunu meħtieġa sal-2030 għandhom jiġu installati fit-triq. Din tinnota wkoll l-ambizzjoni li jiġu appoġġati l-portijiet u l-ajruporti fit-tranżizzjoni tagħhom għal trasport multimodali b’emissjonijiet żero u baxxi, li jiġu appoġġati ċ-ċentri ta’ trasport u li jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi hija inizjattiva ta’ politika ewlenija biex tinkiseb l-ambizzjoni stabbilita fl-istrateġija komprensiva għal mobilità komprensiva sostenibbli u intelliġenti. Dan il-pjan huwa ppubblikat flimkien mal-proposta leġiżlattiva u jiddeskrivi sett ta’ azzjonijiet supplimentari biex tiġi appoġġata introduzzjoni rapida tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

L-introduzzjoni tista’ verament taċċellera billi jitjiebu l-proċeduri tal-ippjanar u tal-għoti ta’ permessi, billi jiġi pprovdut appoġġ pubbliku mmirat u billi jissolvew malajr il-kwistjonijiet tekniċi li jifdal li jitfgħu dubju fuq l-investiment. Il-Kummissjoni tat appoġġ finanzjarju bil-quddiem fil-qafas tal-baġit tal-UE biex titnieda tali infrastruttura. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandu jgħin ħafna fl-iżvilupp tas-suq filwaqt li jikkontribwixxi għall-irkupru wara l-kriżi tal-COVID. L-ippjanar u l-għoti ta’ permessi effiċjenti se jkunu wkoll fattur kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak lokali. Din il-komunikazzjoni titlob kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u l-partijiet ikkonċernati multipli biex il-każijiet ta’ prattika tajba jinfirxu malajr madwar l-UE kollha. Il-Kummissjoni diġà bdiet tappoġġa din il-ħidma kollaborattiva: fl-abbozzar ta’ dan il-pjan, il-Kummissjoni bbażat fuq l-għarfien espert ipprovdut mill-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli (STF) 5 , li jlaqqa’ flimkien atturi ewlenin tas-suq pubbliku u privat.

2    Fejn ninsabu llum?

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi jipprovdi valutazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni attwali tal-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-UE 6 . Dan juri li l-maturità tas-suq tvarja b’mod konsiderevoli, skont il-mod tat-trasport. Għalkemm xi Stati Membri żiedu l-ambizzjoni tagħhom, l-UE għad ma għandhiex kopertura komprensiva u sħiħa tan-network ta’ infrastruttura faċli biex tintuża, għall-modi kollha tat-trasport. Fir-rapport speċjali reċenti tagħha 7 dwar l-infrastruttura biex jiġu ċċarġjati l-vetturi elettriċi, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri saħqet ukoll fuq id-differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fil-varar tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u ħeġġithom isaħħu l-azzjoni.

Fit-trasport bit-triq, issa hemm momentum konsiderevoli fis-suq għall-vetturi elettriċi. Ir-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda żdiedu f’bosta swieq tal-UE fl-2020, xprunati minn żieda fid-disponibbiltà ta’ mudelli, appoġġ estiż għax-xiri u r-rekwiżit għall-manifatturi li jissodisfaw l-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u għall-vannijiet. Sa tmiem l-2020, kien hemm 2,24 miljun vettura elettrika bil-batterija u vetturi elettriċi ibridi rikarikabbli fl-Istati Membri. Il-karozzi tal-linja u t-trakkijiet kienu jammontaw għal 0,3 % u 0,03 % tal-flotta totali tal-vetturi elettriċi, rispettivament 8 . Madankollu, l-adozzjoni tal-vetturi għadha kkonċentrata ħafna fi ftit swieq. Fil-livell tal-Istati Membri individwali, il-pjan u s-sehem fil-mira li jrid jinkiseb sal-2030 ivarjaw minn inqas minn 1 % għal aktar minn 40 % tal-karozzi elettriċi fil-flotta totali tal-karozzi 9 .

Bl-istess mod bħall-adozzjoni tal-vetturi elettriċi, il-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku huwa wkoll ikkonċentrat ħafna. Sa tmiem l-2020, kien hemm aktar minn 226 000 punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku madwar l-Istati Membri, li 89 % minnhom kienu punti tal-irriċarġjar b’potenza normali (b’enerġija ta’ 22 kW jew anqas) u 11 % kienu punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja (akbar minn 22 kW) 10 . Madankollu, 70 % dik l-infrastruttura kienet maqsuma bejn tliet Stati Membri: in-Netherlands, Franza u l-Ġermanja 11 . Il-livell ta’ ambizzjoni żdied f’xi Stati Membri, iżda l-introduzzjoni ppjanata tal-infrastruttura għadha tvarja ħafna madwar l-UE.

Għall-vetturi CNG (gass naturali kkompressat), li hija teknoloġija matura, il-flotta attwali ta’ 1,2 miljun vettura mhijiex mistennija li tiżdied b’mod sinifikanti matul is-snin li ġejjin 12 . L-infrastruttura eżistenti, li tinkludi madwar 3 642 punt tar-riforniment fl-2020 13 , tidher fil-biċċa l-kbira suffiċjenti biex tissodisfa d-domanda futura. L-istess japplika għall-infrastruttura attwali tal-LPG (gass likwifikat miż-żejt): L-Istati Membri ma jantiċipaw l-ebda żieda notevoli fil-flotta attwali sal-2030 14 . Fl-2020, kien hemm madwar 332 punt tar-riforniment tal-LNG (gass naturali likwifikat) fl-UE li servew il-kurituri ewlenin tat-trasport TEN-T u flotta ta’ mhux aktar minn 6 000 trakk tal-LNG. 15 Għalkemm għad hemm xi lakuni, l-infrastruttura tar-riforniment diġà tipprovdi konnettività avvanzata tan-network. L-isfida għad-dekarbonizzazzjoni tal-gass naturali tibqa’ hemm.

Il-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu jibqgħu suq niċċa minħabba l-kostijiet tal-vetturi u tal-fjuwils li għadhom għoljin u l-effiċjenza ġenerali insuffiċjenti tal-vetturi 16 . Għalkemm xi Stati Membri stabbilew livell għoli ta’ ambizzjoni għall-introduzzjoni, ħafna minnhom ma għandhomx strateġija għall-introduzzjoni. Fl-2020, kienu qed joperaw 125 stazzjon tal-idroġenu, ikkonċentrati ħafna fi ftit Stati Membri, u flotta globali ta’ ~2 000 vettura 17 . Xi manifatturi ħabbru l-produzzjoni ta’ serje ta’ trakkijiet b’ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu għat-tieni nofs ta’ dan id-deċennju.

Ftit Stati Membri biss għandhom infrastruttura ddedikata għall-bijofjuwils (e85, ED95) li għandha tintuża f’vetturi li jużaw żewġ tipi ta’ fjuwils. Il-volum ta’ reġistrazzjonijiet ta’ dawn il-vetturi għadu stabbli, f’livell baxx ħafna. 18

Fir-rigward tat-trasport fuq l-ilma, hemm disponibbiltà limitata ta’ data dwar l-adozzjoni tal-bijofjuwils, il-bastimenti mħaddma bi fjuwil alternattiv b’mod sostenibbli u l-provvista tal-enerġija fuq l-art (OPS) 19 għall-vapuri rmiġġati 20 . L-għadd totali ta’ vapuri LNG ikkummissjonati madwar id-dinja kien ta’ madwar 300 fl-2019. Nofs dawk il-vapuri biss kienu qed joperaw; in-nofs l-ieħor għadu ordnat. L-għadd ta’ bastimenti elettriċi (inklużi dawk ibridi) li qed joperaw madwar id-dinja huwa baxx bl-istess mod: fl-2019, 160 vapur kienu qed jaħdmu u 104 oħra kienu qed jinbnew, iżda l-interess tas-suq qed jikber. Il-varar u l-użu tal-OPS għadhom baxxi. Fil-bidu tal-2021, madwar 50 port intern u marittimu fl-UE kellhom mill-inqas punt ta’ konnessjoni tal-OPS wieħed 21 . L-objettiv ewlieni tal-inizjattiva FuelEU Maritime li ġejja huwa li tistimula d-domanda għal fjuwils alternattivi fit-tbaħħir bħala parti minn pakkett biex is-settur isir konformi mal-ambizzjoni tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050. Għalhekk, ix-xejra tat-tkabbir fl-użu tal-fjuwils alternattivi u fil-vapuri b’emissjonijiet żero jew baxxi hija mistennija li taċċellera matul is-snin li ġejjin.

F’termini tal-użu ta’ fjuwils alternattivi fil-ferroviji, madwar 60 % tan-network li jservi 80 % tal-volum kollu tat-traffiku huwa elettrifikat u l-elettrifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja qed tkompli tagħmel progress. B’mod komplementari, dan l-aħħar, f’diversi Stati Membri saru l-ewwel ordnijiet tas-suq ta’ ferroviji b’ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu 22 .

Fir-rigward tal-użu ta’ fjuwils alternattivi fl-avjazzjoni, il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (bijofjuwils avvanzati u fjuwils sintetiċi rinnovabbli) fil-preżent diġà jistgħu jitħalltu sa 50 % mal-pitrolju u jistgħu jużaw l-infrastruttura eżistenti tar-riforniment. Il-ħidma kontinwa fir-riċerka u l-innovazzjoni tista’ tkompli żżid is-sehem massimu għat-taħlit. Madankollu, minħabba l-ostakli tal-kostijiet, il-produzzjoni u l-użu għadhom marġinali, u jammontaw għal 0,05 % tal-użu totali tal-fjuwil tal-ġettijiet 23 . L-inizjattiva tal-Avjazzjoni ReFuelEU li ġejja għandha l-għan li tindirizza din l-isfida. L-industrija tal-linji tal-ajru u tal-ajruporti fl-UE qed tappoġġa u tinvesti fiż-żieda tal-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli u fil-provvista tal-enerġija rinnovabbli rispettivament. L-ajruporti diġà ħadu bosta inizjattivi biex inaqqsu l-impatt tal-avjazzjoni fil-livell tal-ajruport (provvista tal-elettriku tal-inġenji tal-ajru wieqfa fil-gates u fil-pożizzjonijiet esterni fir-rampa).

L-industrija tal-avjazzjoni qed tinvesti ħafna wkoll f’teknoloġiji ġodda tal-inġenji tal-ajru elettriċi, ibridi u tal-idroġenu. L-ewwel inġenju tal-ajru żgħir li jaħdem kompletament bl-elettriku ġie ċċertifikat mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) fl-2020 24 u huma mistennija inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero ta’ CO2 għal titjiriet kummerċjali fuq distanzi qosra matul is-snin li ġejjin. Minbarra dawn l-iżviluppi, qed jiġu stabbiliti kunċetti ġodda għal inġenju tal-ajru kompletament awtonomu (droni), li jipprovdu soluzzjonijiet ġodda għall-merkanzija, iżda potenzjalment ukoll għat-trasport tal-passiġġieri 25 . L-implimentazzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ inġenji tal-ajru se tirrikjedi provvista u investiment suffiċjenti ta’ enerġija rinnovabbli fl-infrastruttura tar-riforniment u tal-irriċarġjar fl-ajruporti. Dan huwa partikolarment meħtieġ għall-produzzjoni u għall-provvista tal-idroġenu 26 .

Ħtiġijiet ta’ investiment

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jipprevedi li sal-2025 se tkun meħtieġa żieda ta’ aktar minn erba’ darbiet fl-infrastruttura tal-irriċarġjar bl-elettriku biex isservi ż-żieda mistennija fil-flotta tal-vetturi elettriċi. Dan juri l-isfida għall-UE f’termini tal-implimentazzjoni ta’ punti tal-irriċarġjar matul is-snin li ġejjin, u l-ħtieġa ta’ investiment fil-konnettività tal-grilja.

Għat-trasport bit-triq, il-kostijiet totali tal-investiment bejn l-2021 u l-2030 wara l-proposta għal Regolament ġdid dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi jammontaw għal madwar EUR 1,5 biljun fis-sena. Għall-portijiet marittimi, il-kostijiet totali tal-infrastruttura tal-OPS huma stmati li jvarjaw bejn EUR 1,2 biljun u EUR 6,5 biljun meta mqabbla mal-kost bażi għall-perjodu 2025-2050 filwaqt li EUR 3,4 biljun għandhom jintefqu fuq il-bunkering tal-LNG fit-trasport marittimu (jekk tintuża teknoloġija minn vapur għal ieħor). Għall-portijiet interni, il-kostijiet totali tal-infrastruttura fir-rigward tal-installazzjonijiet tal-OPS huma stmati li jvarjaw bejn EUR 65 miljun u EUR 412-il miljun ogħla mill-kost bażi. Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal Regolament ġdid dwar l-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi tinkludi valutazzjoni ddettaljata tal-kostijiet u tal-ħtiġijiet ta’ investiment 27 .

3    L-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

L-introduzzjoni tista’ tiġi aċċellerata billi jitjieb il-qafas ġenerali għall-ippjanar, għall-għoti ta’ permessi u għall-akkwist ta’ tali infrastruttura fl-UE u billi jiżdied u jiġi mmirat aħjar l-appoġġ pubbliku. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni għall-vetturi, għall-infrastruttura u għas-servizzi tal-użu tal-infrastruttura huma essenzjali biex tiżdied l-azzjoni tas-suq, peress li joħolqu ċertezza għall-investiment fis-suq. Il-kisba ta’ fehim komuni bikri dwar kif jistgħu jitnaqqsu l-lakuni li fadal fl-istandardizzazzjoni se tiffaċilita tali azzjoni. Dan il-pjan isib potenzjal kbir biex jappoġġa l-proposta għal Regolament ġdid dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi billi jieħu miżuri supplimentari.

3.1    Pjan, permess u akkwist aħjar

Id-distribuzzjoni tal-punti tal-irriċarġjar u r-riforniment li fil-fatt huma kummerċjalment vijabbli mhijiex mifruxa b’mod uniformi madwar l-UE. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha ta’ governanza għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ta’ dan is-suq. Billi jaġġustaw il-proċeduri tagħhom għall-għoti ta’ konċessjoni jew ta’ liċenzja, il-proċeduri tal-akkwist pubbliku jew il-proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jgħinu fit-tiswir tal-iżviluppi tas-suq f’dan il-qasam:

·L-appoġġ pubbliku għall-installazzjoni ta’ punti tal-irriċarġjar u r-riforniment għadu meħtieġ f’ħafna każijiet. L-awtoritajiet se jkollhom jippjanaw dawn ix-xogħlijiet kif suppost, filwaqt li jistipulaw ukoll ir-rekwiżiti minimi u l-istandards tas-servizz xierqa li jippermettu l-kompetizzjoni fis-suq, l-esperjenza pożittiva tal-utenti u li jevitaw l-intrappolament f’soluzzjonijiet teknoloġiċi speċifiċi.

·L-ippjanar u l-għoti ta’ permessi huma wkoll fatturi importanti li jinfluwenzaw il-veloċità u l-iskala ġenerali tal-introduzzjoni tal-infrastruttura: diġà fil-preżent, l-operaturi tal-punti ta’ ċċarġjar iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex isibu postijiet adatti f’xi każijiet. Iż-żmien meħtieġ biex jingħataw il-permessi għall-installazzjoni tal-infrastruttura jista’ jvarja b’mod konsiderevoli skont il-post, b’mod partikolari għall-konnessjonijiet tal-grilja. Fejn l-introduzzjoni b’investimenti privati ma tkunx qed isseħħ minħabba fallimenti tas-suq, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettu lill-Istati Membri jkopru xi wħud mill-kostijiet għall-kisba tal-permessi meħtieġa.

·Il-proċeduri ta’ konċessjoni jistgħu jkunu restrizzjoni ulterjuri. Il-konsultazzjonijiet fil-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli enfasizzaw li l-liċenzjar, il-konċessjonijiet u l-proċessi tal-akkwist pubbliku għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar spiss jiffavorixxu atturi akbar (għall-investimenti/konċessjonijiet fuq skala kbira) jew reġjonali (għall-investimenti lokali). Dan huwa partikolarment minnu għall-prattiki ta’ konċessjoni (speċjalment fuq l-awtostradi iżda wkoll f’żoni urbani) fejn nuqqas ta’ trasparenza u kompetizzjoni fil-proċedura tal-akkwist u durata mhux xierqa tal-konċessjonijiet tqiesu bħala l-aktar kwistjonijiet urġenti 28 .

·L-awtoritajiet pubbliċi jridu jikkunsidraw ukoll kif jallokaw bl-aħjar mod spazju dejjem aktar limitat fost l-esiġenzi f’kompetizzjoni ma’ xulxin (eż. għall-mixi jew għaċ-ċikliżmu, għar-rikreazzjoni jew għall-vetturi tal-irriċarġjar). Il-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment għandha titqies bħala parti mill-ippjanar ġenerali sostenibbli tal-mobilità urbana.

Jekk dawn il-proċeduri jsiru kif suppost, l-awtoritajiet pubbliċi jkunu f’pożizzjoni b’saħħitha biex jistimulaw u jaċċelleraw il-varar ta’ soluzzjonijiet li jibqgħu validi fil-futur, tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, kosteffiċjenti, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ta’ benefiċċju għall-grilja, verament interoperabbli u faċli għall-utent bi standards għoljin ta’ servizz. F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jitgħallem mill-esperjenza ta’ dawk li jinsabu fuq quddiem, jevita żbalji u jadotta l-prattiki li wrew li kienu ta’ suċċess.

Biex jindirizza din il-ħtieġa, il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli diġà fassal sett ta’ Rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet pubbliċi għall-akkwist, l-għoti ta’ konċessjonijiet, liċenzji u/jew l-għoti ta’ appoġġ għall-infrastruttura tal-irriċarġjar elettriku għall-karozzi u l-vannijiet tal-passiġġieri (ir-rakkomandazzjonijiet tal-STF tal-2020 għall-offerti tal-punti tal-irriċarġjar)  29 kif ukoll Manwal fil-qosor 30 .

Ir-Rakkomandazzjonijiet huma mfassla bħala linji gwida prattiċi għall-awtoritajiet pubbliċi li jew qed ifittxu li jakkwistaw infrastruttura tal-irriċarġjar jew li jagħtu konċessjonijiet għall-introduzzjoni u/jew l-operazzjoni tagħhom, possibbilment marbuta mal-għoti ta’ appoġġ mill-gvern. Ir-Rakkomandazzjonijiet jinkludu eżempji standard tal-aħjar prattika, lesti biex jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

Sottogrupp iddedikat tal-STF ġie stabbilit kmieni fl-2021 biex jiffunzjona bħala pjattaforma għall-iskambju bejn l-awtoritajiet pubbliċi dwar il-kwistjonijiet kollha biex jippromwovi u jiffaċilita l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar ta’ kwalità għolja. Dan is-“sottogrupp dwar l-aħjar prattiki tal-awtoritajiet pubbliċi biex jappoġġa l-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar” għandu, fost l-oħrajn, jaġġorna r-Rakkomandazzjonijiet u l-Manwal fil-qosor f’intervalli regolari, u jiddiskuti approċċi possibbli għall-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u ta’ konnessjoni tal-grilja. Dan għandu jipproponi wkoll rakkomandazzjonijiet addizzjonali, pereżempju biex tiġi varata infrastruttura tal-irriċarġjar għal flotot speċjalizzati u kaptivi, u jiżviluppa sett ta’ għodod Ewropew li jiġbor l-aħjar prattiki fuq bażi tematika. L-ewwel riżultati huma mistennija matul l-2022 u se jkunu disponibbli fuq Pjattaforma ta’ Għarfien iddedikata ġdida għall-awtoritajiet pubbliċi bħala parti mill-Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi (“EAFO”).

Prattika tajba fl-Istati Membri dwar l-ippjanar, l-għoti ta’ permessi u l-akkwist

Fin-Netherlands, il-Metropolitan Region Amsterdam-Electric (MRA-Electric) jappoġġa lill-muniċipalitajiet fil-provinċji tal-Olanda tat-Tramuntana, ta’ Flevoland u ta’ Utrecht fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-vetturi elettriċi. Il-muniċipalitajiet jikkondividu l-esperjenza u l-għarfien, jiżviluppaw proġetti ta’ dimostrazzjoni, jiżviluppaw dokumenti/mudelli standard biex jintużaw minn kulħadd, u jakkwistaw/jiġġestixxu b’mod konġunt l-infrastruttura tal-irriċarġjar. Il-kooperazzjoni ħolqot network interoperabbli ta’ rriċarġjar fil-bliet ewlenin u fil-muniċipalitajiet tal-madwar (żona ta’ kummerċ). Fil-bidu tal-2020, l-MRA-E ħabbar l-għażla tal-konċessjonarju tal-akbar offerta tal-UE għall-infrastruttura tal-irriċarġjar s’issa: 20 000 punt tal-irriċarġjar ġdid! Għad-dettalji, ara https://www.mra-e.nl/  

Fil-Belġju, ir-Reġjun Fjamming jorganizza offerta annwali għall-muniċipalitajiet interessati u f’isimhom permezz tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni. Il-konċessjoni reġjonali tiżgura li l-infrastruttura tissodisfa l-istess rekwiżiti u tipprevjeni networks iżgħar magħluqa (interoperabbiltà). Il-parteċipazzjoni hija volontarja: bliet akbar bħal Leuven, Ghent u Antwerp għażlu li jorganizzaw l-offerti tagħhom stess.

Fil-Ġermanja, il-gvern federali ħoloq għodda online għall-ippjanar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar imsejħa “StandortTool”, li turi b’riżoluzzjoni spazjali għolja (żoni) jekk hemmx ħtieġa żgħira jew kbira ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar addizzjonali. L-għodda tikkombina d-data dwar il-flotta eżistenti tal-vetturi, l-istokk eżistenti tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u x-xejriet tat-trasport tas-sewwieqa Ġermaniżi. Għal kull żona, l-iStandortTool tipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-konnessjoni mal-grilja b’vultaġġ medju. Meta jagħmlu dan, l-investituri potenzjali jistgħu jiksbu l-ewwel idea tal-kostijiet potenzjali tal-konnessjoni ta’ stazzjon tal-irriċarġjar mal-grilja fi kwalunkwe post partikolari. L-iStandortTool jista’ jipproġetta wkoll il-ħtiġijiet mistennija futuri (b’perjodu ta’ żmien tal-2022 u l-2030).

Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw aktar dwar dawn il-kwistjonijiet u tistedinhom jagħmlu użu mir-rakkomandazzjonijiet tal-STF. Fejn meħtieġ, l-Istati Membri huma mistiedna jsaħħu l-oqfsa ta’ politika tagħhom biex jiżguraw ippjanar, għoti ta’ permessi u akkwist aħjar.

3.2    Isir l-aħjar użu mill-ippjanar nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza

L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir 2021 (SAT 2021) identifikat l-investiment fit-trasport sostenibbli bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), pakketti ta’ riformi u investimenti li se jitħejjew mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Din titlob b’mod partikolari li fl-RRPs jiġu inklużi riformi u investimenti biex tingħata spinta lid-domanda għal vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi u tiġi aċċellerata l-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment sabiex tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika.

L-SAT 2021 ipproponiet ukoll li tinħoloq inizjattiva ewlenija Ewropea fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bl-isem ta’ “Irriċarġjar u riforniment” 31 , bil-għan li jiġu promossi teknoloġiji nodfa li jibqgħu validi fil-futur biex jiġi aċċellerat l-użu ta’ stazzjonijiet tat-trasport, tal-iċċarġjar u tar-riforniment sostenibbli, aċċessibbli u intelliġenti u jiġi estiż it-trasport pubbliku. Barra minn hekk, l-inizjattiva ewlenija “Enerġizzazzjoni” tistabbilixxi l-pedament għas-swieq ewlenin tal-idroġenu fl-Ewropa u għall-infrastruttura relatata, li se tikkontribwixxi wkoll għall-mobilità sostenibbli.

B’reazzjoni għal dan, ħafna Stati Membri qed jippjanaw li jinkludu investimenti u riformi li jikkontribwixxu għal dawk il-prijoritajiet fil-komponenti tat-trasport u tal-enerġija tal-RRPs nazzjonali tagħhom. Ta’ rilevanza partikolari f’dan il-kuntest huma l-miżuri biex jaċċelleraw it-tiġdid tat-trasport pubbliku u tal-flotot privati b’vetturi, materjal fuq ir-roti u bastimenti b’emissjonijiet żero u baxxi u biex jappoġġaw il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi tal-irriċarġjar u r-riforniment, kemm għat-toroq kif ukoll għall-portijiet. Barra minn hekk, l-RRPs joffru l-opportunità li jiġu inklużi rekwiżiti speċifiċi dwar is-simplifikazzjoni tal-għoti ta’ permessi għall-infrastruttura tal-iċċarġjar u r-riforniment tal-idroġenu, li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-ostakli amministrattivi. Jistgħu jinstabu bosta eżempji tajbin fost l-RRPs diġà ppreżentati mill-Istati Membri, li huma l-bażi tal-valur miżjud tal-investiment tal-RRP għat-tranżizzjoni lejn sistema ta’ mobilità sostenibbli u intelliġenti. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-miżuri għandhom jiġu implimentati f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u/jew fi sħubija mal-operaturi privati biex jiġu mmassimizzati l-effetti ta’ ingranaġġ.

L-Istati Membri kollha ġew imħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-finanzjament kollu li għandhom disponibbli, kemm jekk taħt il-forma ta’ appoġġ kif ukoll self li ma jitħallasx lura. Bħal fil-każ ta’ proġetti relatati mal-elettriku, huma mħeġġa interkonnessjonijiet transfruntiera ta’ proġetti ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Il-kuntatti matul il-proċess ta’ ppjanar u implimentazzjoni jistgħu jikkontribwixxu b’mod qawwi għall-massimizzazzjoni tal-benefiċċji tal-investiment appoġġat mill-RRF. Dan il-proċess ta’ skambju tal-aħjar prattiki jista’ jiġi megħjun mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) tal-Kummissjoni 32 , li għandu baġit ta’ EUR 864 miljun għall-2021-2027. Taħt dan l-istrument, l-Istati Membri jistgħu jitolbu appoġġ tekniku fost l-oħrajn biex jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż f’aspetti marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, fil-kuntest taċ-ċiklu ta’ finanzjament tat-TSI għall-2022, l-Istati Membri jistgħu jitolbu appoġġ f’konformità ma’ proġett ta’ appoġġ tekniku ewlieni propost dwar “Irriċarġjar u Riforniment”, li jiffoka fuq miżuri li jsaħħu l-introduzzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, inkluż fil-kuntest ta’ mobilità urbana sostenibbli.

Deskrizzjonijiet ċari tal-prijoritajiet u l-objettivi flimkien ma’ investimenti u proġetti ta’ riforma mfassla tajjeb jipprovdu ċ-ċarezza meħtieġa u jiżguraw impatt kbir u valur miżjud. Il-punt sa fejn l-RRPs jappoġġaw l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi se jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ jekk il-pjanijiet jikkontribwux għat-tranżizzjoni ekoloġika, li hija parti mill-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti mir-Regolament RRF.

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw ukoll għal proġetti ffinanzjati mill-Faċilità fejn minħabba fallimenti tas-suq, is-suq li jitħalla waħdu ma jrendix l-investimenti meħtieġa biex jappoġġa l-bidla għal mobilità nadifa. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida speċifika għall-għajnuna mill-Istat għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment għall-vetturi tat-triq, li għandha titqies kif xieraq 33 . Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikopru l-investiment fil-varar ta’ infrastruttura għall-provvista tal-elettriku, tal-idroġenu jew, fejn meħtieġ bħala soluzzjoni tranżitorja, gass għall-vetturi, inklużi l-vetturi elettriċi b’żewġ roti, il-karozzi, il-vannijiet, it-trakkijiet, il-karozzi tal-linja jew il-bastimenti (infrastruttura ta’ rriċarġjar jew ta’ riforniment), irrispettivament minn jekk l-infrastruttura hijiex għall-użu proprju tal-benefiċjarju, għall-infrastruttura semipubblika jew għall-infrastruttura aċċessibbli għall-pubbliku 34 .

Skont il-proġett inkwistjoni, diversi strumenti ta’ għajnuna mill-Istat huma disponibbli għall-Istati Membri 35 . Ir-Regolament għall-Eżenzjonijiet Ġenerali Sħaħ għandu jiġi emendat fi żmien xieraq biex jippermetti ċertu appoġġ għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment u jissimplifika l-implimentazzjoni ta’ tali proġetti. Għaddejja wkoll ħidma biex jiġu riveduti l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-enerġija u għall-ambjent biex jiġu inklużi regoli speċifiċi għall-valutazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment 36 .

3.3    It-tisħiħ u mira aħjar tal-finanzjament fil-livell tal-UE, l-attrattività tal-investiment privat u ż-żieda fil-kapaċità

L-UE diġà qed timmobilizza b’mod indirett u dirett investiment pubbliku addizzjonali biex tgħin fl-isfruttament ta’ fondi privati għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. F’dan il-perjodu ta’ finanzjament tal-QFP 2014-2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) kienet strumentali fl-appoġġ tal-introduzzjoni ta’ 20 450 punt tal-irriċarġjar u r-riforniment: 19 236 punt tal-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi, 130 punt tar-riforniment tal-idroġenu, 1 050 punt tar-riforniment tal-LCNG fit-triq (809 CNG u 241 LNG) u punti tar-riforniment tal-LNG jew/u tal-OPS f’7 portijiet interni u 27 port marittimu 37 . Il-baġit pluriennali tal-UE għall-2021-2027 jipprovdi żieda sostanzjali fl-appoġġ għall-introduzzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. L-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra jistgħu jużaw firxa wiesgħa ta’ fondi u strumenti finanzjarji komplementari.

Filwaqt li jimxi id f’id mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-2021-2027 (FNE II) se jindirizza t-tibdil fil-klima u se jikkontribwixxi 60 % tal-baġit ġenerali tiegħu għall-kofinanzjament ta’ inizjattivi li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi u jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn mobilità b’emissjonijiet żero. Għal dan il-għan, l-FNE II se toħloq Faċilità għall-Fjuwils Alternattivi (AFF). Din se tiffinanzja infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għal fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju permezz tal-kombinament ta’ għotjiet tal-FNE ma’ finanzjament minn istituzzjonijiet finanzjarji biex jinkiseb impatt akbar mill-investiment. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) mhux se jkun l-uniku sieħeb ta’ implimentazzjoni; banek promozzjonali nazzjonali oħra jistgħu jiffaċilitaw ukoll l-operazzjoni ta’ taħlit.

Il-faċilità l-ġdida għandha l-għan li taġġusta għall-iżviluppi tas-suq, li jirriflettu l-ħtiġijiet speċifiċi għall-infrastruttura heavy-duty tal-irriċarġjar u r-riforniment. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tiddefinixxi rata ta’ kofinanzjament fissa xierqa għall-proġetti tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi tal-elettriku 38 u tal-idroġenu għall-modi kollha tat-trasport 39 kemm fil-pakkett ġenerali tal-FNE kif ukoll fil-Pakkett ta’ koeżjoni b’rata ta’ kofinanzjament proporzjonalment allinjata 40 . Il-Kummissjoni se tappoġġa biss punti tal-irriċarġjar ta’ 150 kW jew aktar, b’mod partikolari fil-partijiet tan-network tat-toroq TEN-T li għadhom ma laħqux kopertura infrastrutturali suffiċjenti. Sabiex jiġu ssimplifikati l-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-Faċilità, għall-finanzjament tal-punti tal-irriċarġjar ultraveloċi 41 , il-Kummissjoni se tuża l-kontribuzzjonijiet ta’ unità, inkluż il-kost tal-konnessjoni tal-grilja 42 , bħala forma simplifikata ta’ finanzjament.

Fuq in-network tat-toroq TEN-T, id-disponibbiltà insuffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar ultraveloċi qed issarraf fi sfida ewlenija biex jiġi permess l-ivvjaġġar transfruntier fuq distanzi itwal. Ftit partijiet biss tan-network għandhom mill-inqas punt wieħed tal-irriċarġjar rapidu kull 60 km. Bl-istess mod, il-provvista fin-network tat-toroq tal-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu hija frammentata. It-tgħammir tal-portijiet interni u marittimi b’infrastruttura sostenibbli suffiċjenti ta’ fjuwils alternattivi jibqa’ prijorità ewlenija oħra. Sabiex tippermetti varar ġeografikament immirata ta’ punti tal-irriċarġjar ultraveloċi, il-Kummissjoni se tipprovdi analiżi tad-distakk fl-infrastruttura għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi abbażi tal-mapep TEN-Tec 43 . Fil-futur, din l-analiżi se tinkludi l-implimentazzjoni tar-rotot u l-identifikazzjoni tal-hotspots/tal-ogħla livell ta’ użu staġunali abbażi tal-fluss storiku tat-traffiku.

F’ħafna każijiet, minħabba l-konċentrazzjoni għolja ta’ utenti potenzjali, iż-żoni urbani huma mistennija jattiraw aktar investiment privat minn żoni oħra. Għalhekk, l-infrastruttura tal-irriċarġjar għall-flotta tat-trasport pubbliku hija prijorità ewlenija għall-finanzjament pubbliku, li tikkomplementa l-varar ta’ karozzi tal-linja b’emissjonijiet żero fil-bliet. Pereżempju, dan ikopri l-infrastruttura tal-irriċarġjar fl-istazzjonijiet, it-tagħmir tal-iċċarġjar ibbażat fuq l-opportunità u s-sistemi relatati tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija.

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti privati, il-Kummissjoni se tfittex b’mod attiv sinerġiji mas-sħubijiet u l-missjonijiet ta’ Orizzont Ewropa, b’mod partikolari l-Missjoni proposta dwar Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti 44 , li għandha l-għan li tagħmel 100 belt newtrali għall-klima sal-2030, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-istimulazzjoni ta’ trasport u mobilità urbani sostenibbli se tkun aspett ewlieni tal-missjoni, li se toffri opportunitajiet għall-bliet li jridu jinvestu fi trasport pubbliku b’emissjonijiet żero u f’infrastruttura assoċjata.

L-investiment li jsir fil-qafas ta’ din il-missjoni jista’ jagħti kontribut pożittiv għall-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar fil-bliet. Dan il-proċess jinkludi l-istabbiliment kemm ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll il-varar ta’ kanali u wajers f’bini u parkeġġi għall-irriċarġjar tal-vetturi privati. Bl-istess mod, is-sħubijiet ta’ Orizzont Ewropa mal-industrija u mal-Istati Membri permezz tas-sħubija għal Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa, jipprovdu opportunitajiet ta’ finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp f’dawn l-oqsma. Is-Sħubija 2Zero, is-Sħubija tal-Batteriji u l-Impriża Konġunta tal-Idroġenu Nadif 45 jinkludu enfasi speċifika fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment, f’oqsma bħall-V2G u infrastruttura jew protokolli ta’ ċċarġjar mill-ġdid fit-toroq mifruxa għall-iċċarġjar veloċi tat-trakkijiet u għar-riforniment tal-idroġenu. Il-Kummissjoni nediet ukoll inizjattiva ewlenija dwar il-batteriji, b’EUR 200 miljun addizzjonali biex tappoġġa l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-batteriji Ewropej (“Battery 2030+”). Il-Fond għall-Innovazzjoni se jappoġġa teknoloġiji innovattivi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u se jgħin lin-negozji jġibu fis-suq soluzzjonijiet industrijali biex jappoġġaw it-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika.

Il-politika ta’ koeżjoni se jkollha rwol ċentrali biex tgħin lir-reġjuni kollha fit-tranżizzjoni tagħhom lejn Ewropa aktar ekoloġika u newtrali għall-klima u biex tiżgura li l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa’ lura. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni huma disponibbli biex jappoġġaw l-investiment fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-varar, b’mod partikolari fl-Istati Membri u fir-reġjuni inqas żviluppati. Il-politika ta’ koeżjoni se toffri appoġġ, li jkopri l-modi kollha tat-trasport u l-livelli kollha tas-sistema tat-trasport, minn TEN-T għall-mobilità lokali, f’konformità mar-rekwiżiti u l-prijoritajiet speċifiċi identifikati fil-programmi nazzjonali u reġjonali.

Il-programm InvestEU 46 , b’mod partikolari permezz tat-tieqa għall-Infrastruttura Sostenibbli tiegħu, jista’ jsaħħaħ l-investiment li jibqa’ validu fil-futur madwar l-Unjoni Ewropea, jgħin fil-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u jipprovdi servizzi ta’ konsulenza lill-promoturi tal-proġetti u lill-operaturi li jaħdmu f’infrastruttura sostenibbli u f’assi mobbli. Il-garanzija ta’ InvestEU tista’ tappoġġa l-finanzjament ta’ promoturi ta’ proġetti aktar riskjużi bħall-SMEs u kumpaniji innovattivi fl-oqsma tat-trasport intelliġenti u sostenibbli. Din tista’ tappoġġa wkoll miżuri għall-promozzjoni tal-ħiliet, tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tas-servizzi relatati fil-qafas tat-tieqa “Investiment soċjali u ħiliet” ta’ InvestEU. Barra minn hekk, se jkun possibbli wkoll li l-għotja tal-FNE tiġi kkombinata mal-garanzija (InvestEU) skont l-operazzjoni ta’ taħlit ta’ InvestEU.

F’dawn l-aħħar snin, il-Grupp tal-BEI saħħaħ ukoll l-appoġġ tiegħu biex jaċċellera teknoloġiji aktar ġodda bħall-elettromobbiltà u d-diġitalizzazzjoni fil-qafas tal-Faċilità għal Trasport Iżjed Nadif 47 . Il-Grupp tal-BEI se jkompli jipprovdi firxa ta’ strutturi ta’ finanzjament biex jgħin fl-aċċellerazzjoni tal-varar ta’ assi mobbli aktar nodfa.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ħadet passi ewlenin biex tagħmel is-sistema finanzjarja aktar sostenibbli, b’mod partikolari billi fl-2020 adottat ir-Regolament dwar it-Tassonomija 48 , li stabbilixxa sistema ta’ klassifikazzjoni għal attivitajiet ekonomiċi ekoloġiċi. Dan se jiffaċilita l-espansjoni ta’ prodotti finanzjarji ekoloġiċi, bħal bonds ekoloġiċi u titolizzazzjoni ekoloġika, adatti biex jippromwovu l-investiment fil-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għall-modi kollha tat-trasport.

3.4    L-identifikazzjoni tal-isfidi teknoloġiċi pendenti u l-aċċellerazzjoni tal-istandardizzazzjoni

L-istandardizzazzjoni hija mod essenzjali biex jinħolqu ekonomiji ta’ skala u suq intern matur għal dan is-settur. Skont id-Direttiva 2014/94/UE dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, ġew adottati settijiet ewlenin ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni għall-provvista tal-elettriku, tal-idroġenu u tal-gass naturali għat-trasport bit-triq, marittimu u għan-navigazzjoni interna. Dan huwa r-riżultat tal-ħidma mwettqa mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, wara talba ta’ standardizzazzjoni tal-Kummissjoni fl-2015 (Mandat 533) 49 . Minkejja l-progress miksub u l-appoġġ għat-tkabbir tas-suq, għad hemm ħafna ħtiġijiet pendenti, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda u rekwiżiti diġitali u ta’ komunikazzjoni ogħla fil-modi kollha tat-trasport.

Huwa importanti li mil-lum l-UE jkollha network ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi “li jibqa’ validu fil-futur”. Sabiex jiġi żgurat il-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment b’mod koerenti, huwa kruċjali li jkun hemm fehim komuni tal-ħtiġijiet teknoloġiċi speċifiċi li huma meħtieġa għall-fjuwils differenti f’kull mod ta’ trasport. F’dan ir-rigward, hemm ħtieġa urġenti li jiġi konkluż l-approċċ teknoloġiku għall-varar tal-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu għall-vetturi tqal, b’mod partikolari, fuq il-forma standard finali tal-fjuwil (likwifikat jew ikkompressat, u l-livell ta’ pressjoni). Għalhekk, id-definizzjoni ta’ direzzjoni komuni tas-suq dwar l-introduzzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, filwaqt li jitqiesu l-aspetti tal-vetturi, tal-infrastruttura u tal-produzzjoni/tad-distribuzzjoni, se tkun determinanti għal varar f’waqtu b’mod olistiku.  

L-adattament tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għall-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità kien ukoll ta’ importanza kbira fuq l-aġenda. L-Att dwar l-Aċċessibbiltà 50 diġà jistabbilixxi rekwiżiti minimi fil-livell tal-UE, iżda jeħtieġ li dawn jiġu infurzati kif xieraq. Dawn jinkludu rekwiżiti fuq it-terminali ta’ pagament, ċerti servizzi u infrastruttura tat-trasport, inklużi l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar 51 . Il-Kummissjoni se tħejji linji gwida u se tiskambja prattiki tajbin, flimkien mal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli, biex tippromwovi dawn ir-rekwiżiti fl-introduzzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

Għat-trasport bit-triq, ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni ffoka fuq kwistjonijiet elettrotekniċi, bħal pereżempju plakek, sokits u speċifikazzjonijiet tas-sikurezza elettrika. Biex tinkiseb interoperabbiltà sħiħa fil-partijiet kollha tal-ekosistema tal-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi, issa hemm ħtieġa urġenti li jiġu standardizzati aktar l-interfaċċi ta’ komunikazzjoni u li jiġu żviluppati mudelli ġodda ta’ data biex il-vetturi elettriċi jiġu integrati fil-grilja, inklużi s-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija tal-bini, u jitrawwem l-iżvilupp ta’ networks tar-roaming elettroniku madwar l-UE kollha. B’mod partikolari, il-punti tal-irriċarġjar tal-elettriku u tar-riforniment tal-idroġenu għal vetturi tqal huma prijorità għall-istandardizzazzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-organizzazzjonijiet u l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex tadotta talba tal-istandardizzazzjoni ġdida:

·biex tiżgura interoperabbiltà sħiħa tal-ekosistema tal-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi, inkluża komunikazzjoni fost il-partijiet kollha ta’ din l-ekosistema (il-manifatturi tal-vetturi, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar, il-fornituri tas-servizzi tal-mobilità, il-pjattaformi tar-roaming elettroniku u l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni);

·biex tgħin iġġib teknoloġiji emerġenti fis-suq bħas-servizzi tal-irriċarġjar intelliġenti u s-servizzi tal-vettura għall-grilja (V2G), li se jkunu wkoll is-suġġett ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp u ta’ dimostrazzjoni fil-qafas tal-programm il-ġdid Orizzont Ewropa (inkluż il-Programm ta’ Ħidma adottat taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea) u l-Missjoni dwar Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti;

·biex tifformola rekwiżiti speċifiċi għall-irriċarġjar ta’ vetturi tqal, inklużi plakek u sokits ta’ amperaġġ għoli, teknoloġiji tat-tkessiħ, u interfaċċi ta’ komunikazzjoni mibnija abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej diġà żviluppati għal vetturi tqal; se jkun meħtieġ sforz speċjali fid-dawl tal-iżviluppi ta’ qabel l-implimentazzjoni tar-riċerka u tal-metodoloġija tal-ittestjar sabiex jiġu appoġġati l-kompetittività u l-affidabbiltà tar-riċerka u l-iżvilupp tal-UE u tal-industrija f’dawn it-teknoloġiji;

·biex tkopri l-iżvilupp ta’ standards għas-sistemi ta’ toroq elettriċi, imfassla biex jittrażmettu l-enerġija elettrika lill-vetturi waqt li jkunu qed jiċċaqilqu;

·biex tiffaċilita l-introduzzjoni ta’ teknoloġija tal-irriċarġjar mingħajr fili, kemm f’forma statika kif ukoll dinamika, li tikseb trasferimenti tal-enerġija suffiċjenti biex jiġu ssodisfati t-tipi differenti ta’ vetturi u l-ħtiġijiet tal-utenti; se tkun meħtieġa attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà elettromanjetika suffiċjenti ta’ dawn it-teknoloġiji mal-baned ta’ komunikazzjoni eżistenti taħt kundizzjonijiet definiti b’mod raġonevoli u realistiku;

·biex tifformola speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment tal-idroġenu li jqassmu idroġenu likwifikat u kkompressat lil vetturi tqal.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li jinbena kunsens bejn il-bosta partijiet ikkonċernati li jiffurmaw parti mill-ekosistema tal-irriċarġjar fuq it-tfassil futur ta’ qafas ta’ governanza għall-komunikazzjoni tal-vettura għall-grilja. Il-qafas għandu jkun ibbażat fuq prinċipji miftuħa u trasparenti u jirriżulta f’ekosistema Ewropea li tkun faċilment aċċessibbli għall-partijiet kollha. Il-Kummissjoni se tikkoordina biex tiżgura li l-proċess tal-iżvilupp ta’ dan il-qafas ikun effettiv u trasparenti.

Għas-settur ferrovjarju 52 , l-Aġenzija Ewropea għall-Ferroviji qed tmexxi l-iżvilupp ta’ rekwiżiti u speċifikazzjonijiet tekniċi f’kooperazzjoni mal-operaturi, mal-manifatturi tal-materjal fuq ir-roti u mal-manifatturi taċ-ċelloli tal-fjuwil. Sabiex jinkiseb dan, huwa kruċjali li jiġu kkunsidrati l-installazzjoni sikura u l-ittestjar tal-prestazzjoni. Meta jitqiesu dawn ir-rekwiżiti tekniċi, l-Aġenzija toħroġ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz ta’ vetturi ferrovjarji u tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji u ferroviji madwar l-Istati Membri. Matul is-snin li ġejjin, jeħtieġ li jingħelbu tliet ostakli teknoloġiċi speċifiċi qabel ma t-teknoloġija b’ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu tkun tista’ titqies bħala kummerċjalment vijabbli għall-ferroviji. Dawn l-ostakli huma:

·dimostrazzjoni fuq skala kbira ta’ flotot ferrovjarji b’unitajiet multipli;

·l-iżvilupp, l-inġinerija u t-tħaddim ta’ prototipi ta’ shunters jew ta’ lokomottivi tal-linja ewlenija;

·l-iżvilupp tat-teknoloġija għal sistema ottimizzata għall-ħżin tal-idroġenu għall-applikazzjonijiet ferrovjarji taċ-Ċelloli tal-Fjuwil tal-Idroġenu (FCH).

Dawn it-tliet suġġetti ta’ prijorità għolja se jkunu l-enfasi tal-ħidma tar-riċerka u l-innovazzjoni, possibbilment billi tiżdied il-koordinazzjoni bejn is-Sħubija Ewropea futura għat-trasformazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Ewropa u s-Sħubija Ewropea għall-Idroġenu Nadif.

Il-biċċa l-kbira tal-ostakli teknoloġiċi li jifdal jikkonċernaw il-potenzjal ta’ ottimizzazzjoni meħtieġ biex it-teknoloġija FCH tkun tista’ tikkompeti aħjar mal-ferroviji li jaħdmu bid-diżil jew bl-elettriku. B’mod konkret, il-potenzjal ta’ ottimizzazzjoni jiddependi direttament mill-ferrovija FCH stess, madankollu, hemm ukoll ħafna lok għal titjib u żvilupp fl-infrastruttura korrispondenti tar-riforniment tal-idroġenu kif ukoll fis-sistemi tas-servizz u tal-manutenzjoni.

Barra minn hekk, l-iżvilupp teknoloġiku fis-settur ferrovjarju qed jiffaċċja ambjent regolatorju frammentat f’termini kemm ta’ rekwiżiti tekniċi Ewropej (speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà) kif ukoll nazzjonali (NNTR – regoli tekniċi nazzjonali nnotifikati). Dan għandu impatt kbir, speċjalment peress li diversi tipi ta’ ferroviji huma meħtieġa biex ikopru s-suq Ewropew kollu. Sakemm jiġu żviluppati r-rekwiżiti tekniċi Ewropej u l-istandards speċifiċi, il-ferroviji li jaħdmu bl-FCH jistgħu jiffaċċjaw frammentazzjoni tas-suq li twassal għal kostijiet fissi ogħla, u b’hekk jiġu ppenalizzati dawk li jinsabu fuq quddiem jekk jitfassal ambjent regolatorju ġdid għat-tipi kollha ta’ użu.

Ideat ġodda jistgħu jagħmlu l-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi u tat-teknoloġija ferrovjarja avvanzata b’mod sinerġetiku. Pereżempju, f’vaguni miftuħa futuri possibbli għat-trasport tal-karozzi, komponenti ta’ konverżjoni speċifiċi, adattati għall-vultaġġ u l-frekwenzi differenti u pjuttost varjabbli tal-ferroviji elettriċi minn naħa waħda, u t-teknoloġija standardizzata ta’ rriċarġjar min-naħa tal-vetturi elettriċi, huma meħtieġa, kif ukoll soluzzjonijiet sikuri ta’ kejbils, f’konformità mal-istandards tas-sikurezza ferrovjarja.

Għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna, l-iżvilupp ta’ standards huwa fundamentali għall-bidla minn azzjoni ta’ livell għoli, bħall-ħidma fil-qafas tal-Konvenzjonijiet/Kodiċijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali 53 u l-implimentazzjoni operazzjonali jew teknika. L-importanza ta’ standards internazzjonali fil-portijiet, b’mod partikolari għall-interfaċċa bejn il-vapuri u l-art fil-portijiet marittimi internazzjonali, hija direttament relatata mal-promozzjoni tas-sikurezza u l-fiduċja fl-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli (alkoħol, ammonijaka, idroġenu, oħrajn) jew soluzzjonijiet ta’ elettrifikazzjoni (bħall-OPS u l-iċċarġjar tal-batteriji). Huwa importanti wkoll li tiġi promossa d-disponibbiltà lokali, li tista’ toħloq ħżin addizzjonali, distribuzzjoni u għalhekk ħtiġijiet infrastrutturali limitati tal-istess tip (eż. għal bijofjuwils avvanzati), b’mod partikolari rilevanti meta diversi soluzzjonijiet ta’ fjuwils ikunu jeżistu flimkien ma’ magni tal-fjuwil flessibbli.

F’dak il-kuntest, u bħala parti mit-talba ta’ standardizzazzjoni tal-Kummissjoni għall-2015 (Mandat 533) 54 , ġew żviluppati standards ta’ interoperabbiltà għan-navigazzjoni marittima u interna, b’mod partikolari għall-plakek fuq l-art. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) żviluppat ukoll f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-industrija l-“Guidance on LNG Bunkering for port authorities and administrations” 55 . Bl-istess mod, l-EMSA bħalissa qed tiżviluppa gwida dwar l-OPS. Iż-żewġ gwidi jikkomplementaw l-istandards, il-linji gwida u l-aħjar prattika tal-industrija eżistenti, bil-għan li jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika.

Il-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni li ġejjin identifikati għat-trasport fuq l-ilma jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ taqsimiet:

1)l-iżvilupp ta’ aktar speċifikazzjonijiet għall-provvista tal-elettriku, inklużi punti tal-irriċarġjar tal-batteriji mix-xatt, interfaċċa ta’ komunikazzjoni bejn il-port u l-grilja f’OPS awtomatizzata għal kull kategorija teknika ta’ bastimenti u t-tpartit u l-irriċarġjar ta’ batteriji fl-istazzjonijiet fuq l-art għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni;

2)l-iżvilupp ta’ standards ġodda għall-bunkering tal-fjuwil tal-idroġenu, l-ammonijaka u l-metanol sostenibbli għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma marittimi u interni. Dawn huma żviluppi teknoloġiċi fuq terminu medju sa twil f’konformità mal-miri għat-tnaqqis tal-gassijiet serra, li mistennija jkunu lesti sa nofs is-snin 2020.

Għat-trasport bl-ajru, ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni qed jiffoka fuq standards Ewropej ġodda biex jappoġġa infrastruttura interoperabbli għall-provvista tal-elettriku għall-avjazzjoni ġenerali 56 u għall-inġenji tal-ajru b’applikazzjonijiet speċifiċi bħall-qtugħ mill-art u inżul vertikali bl-użu ta’ potenza elettrika (eVTOL) 57 . Dawn l-istandards huma mistennija li jiġu adottati sa tmiem l-2021 u l-2022, rispettivament. B’mod ġenerali, l-istandards ġodda għandhom jibbażaw fuq l-għarfien espert eżistenti u fuq l-iżviluppi teknoloġiċi mmexxija miċ-ċertifikazzjoni reċenti tat-tip ta’ inġenji tal-ajru elettriċi żgħar. Għall-idroġenu, bħalissa ma hemm l-ebda attività ta’ standardizzazzjoni li għadha għaddejja għall-punti tar-riforniment peress li inġenji tal-ajru li jaħdmu bl-idroġenu għadhom fi proġetti ta’ ċertifikazzjoni fi stadji bikrija ħafna. L-EASA qed tikkontribwixxi għal dan il-proċess ma’ korpi tal-istandardizzazzjoni tal-UE u mhux tal-UE u ma’ korpi speċjalizzati oħra. L-istandards għall-eVTOL u għall-avjazzjoni ġenerali qed jitfasslu f’kooperazzjoni mal-industrija u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-konnessjonijiet fl-ajruporti barra mill-Unjoni Ewropea. L-ebda attività ta’ standardizzazzjoni ma għadha għaddejja għal ajruplani kbar peress li, għall-kuntrarju tal-eVTOL u tal-avjazzjoni ġenerali, għad ma hemm l-ebda proġett ta’ ajruplani elettriċi jew ibridi kbar għaċ-ċertifikazzjoni.

3.5    L-iżvilupp ta’ qafas ta’ data u governanza biex l-ekosistema tal-elettromobbiltà taħdem b’mod effettiv

B’mod partikolari fl-elettromobbiltà, id-disponibbiltà ta’ data ta’ kwalità għolja u l-aċċessibbiltà għaliha qed isiru essenzjali għal servizzi u karatteristiċi tal-prodott ġodda li jappoġġaw l-użu tas-suq tal-massa. F’suq li jinkludi miljuni ta’ vetturi u punti ta’ ċċarġjar, huwa essenzjali li l-utenti u l-infrastruttura jiġu konnessi b’mod effiċjenti billi jiġu pprovduti soluzzjonijiet mingħajr xkiel u ċċentrati fuq l-utent.

Il-Kummissjoni qed tippromwovi Azzjoni ta’ Appoġġ għall-Programm dwar “Il-ġbir tad-data relatata mal-punti ta’ rriċarġjar/riforniment għal fjuwils alternattivi u l-kodiċijiet uniċi ta’ identifikazzjoni relatati mal-atturi tal-elettromobbiltà” (PSA IDACS) mal-Istati Membri biex ittejjeb il-ġbir tad-data dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, biex tidentifika ħtiġijiet potenzjali oħra u biex ittejjeb il-ħolqien ta’ servizzi diġitali ġodda billi tiffaċilita interazzjonijiet tad-data min-negozji għall-gvern (B2G), minn negozju għal negozju (B2B) u min-negozju għall-konsumatur (B2C).

Fil-preżent, id-data bażika dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, bħall-post u d-disponibbiltà tagħhom, spiss ma tiġix kondiviża jew ma tkunx disponibbli. Din id-data trid tinħoloq, meta jkun meħtieġ, u tkun magħmula disponibbli b’mod faċli u mingħajr ebda kost, permezz ta’ arkitettura komuni tad-data. B’konsegwenza ta’ dan, l-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment trid tkun kapaċi tittratta r-rekwiżiti tad-data meħtieġa permezz ta’ infrastruttura tad-data interoperabbli li tapprova l-kondiviżjoni tad-data għall-interess pubbliku. Abbażi ta’ dan, jistgħu jiġu pprovduti servizzi diġitali avvanzati lill-konsumaturi, sabiex jippermettu b’mod konġunt il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ negozju u t-titjib tal-esperjenzi tal-utent. Dan huwa evidenti għad-data dwar il-prezzijiet: l-utenti ta’ vettura elettrika għandhom ikunu jafu x’se jħallsu fi kwalunkwe punt tal-irriċarġjar partikolari qabel ma fil-fatt isuqu lejh, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata li tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-kondiviżjoni trasparenti tad-data dwar il-prezzijiet se tappoġġa l-iżvilupp ta’ prezzijiet ġusti għar-roaming elettroniku madwar l-UE.

Il-ħolqien ta’ servizzi ġodda li se jtejbu l-kwalità ġenerali u l-faċilità għall-utent tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi se jiddependi ħafna mill-ftuħ tad-data ġġenerata (eż., l-aċċess għad-data ta’ ġol-vettura) fl-ekosistema kollha, u l-konnettività potenzjali mad-data minn setturi oħra, bħall-kummerċ elettroniku, l-assigurazzjoni, l-ibbankjar jew it-telekomunikazzjonijiet.

L-Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi (EAFO) diġà jagħmel disponibbli online data importanti dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi 58 , inkluż billi jurihom fuq mappa interattiva, b’enfasi fuq il-monitoraġġ tal-politika. Il-funzjonalità tiegħu se tittejjeb fil-futur, fost l-oħrajn billi tiġi inkluża Pjattaforma ta’ Għarfien ġdida għall-awtoritajiet pubbliċi (ara t-taqsima 3.2 ta’ hawn fuq) u taqsima tal-informazzjoni għall-konsumatur. Barra minn hekk, l-EAFO għandu l-potenzjal li jsir punt ta’ aċċess Ewropew komuni futur għall-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid ta’ data f’ħin reali dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

B’mod importanti, l-ekosistema tad-data tal-elettromobbiltà tinkludi wkoll infrastruttura tal-irriċarġjar privat, jiġifieri l-punti tal-irriċarġjar fil-bini residenzjali u tal-uffiċċji, fl-ajruporti jew fl-imħażen tal-karozzi tal-linja. Huwa kruċjali li jiġu stabbiliti sistemi xierqa għall-monitoraġġ u l-iskambju tad-data bejn l-infrastruttura pubblika u privata tal-irriċarġjar u l-grilja tal-elettriku, billi jinħoloq qafas teknoloġiku konsistenti, b’mod partikolari bil-għan li jkun permess l-irriċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali (V2G), li huwa essenzjali għall-integrazzjoni tal-vetturi elettriċi fil-grilja.

B’riżultat ta’ dan, hemm ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-infrastruttura l-ġdida tal-fjuwils alternattivi varata fl-Ewropa tkun kapaċi tittrażmetti informazzjoni f’ħin reali, tiffaċilita servizzi diġitali ġodda u l-integrazzjoni tal-vetturi elettriċi fil-grilja. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi Ewropej, abbażi ta’ sett komuni ta’ karatteristiċi teknoloġiċi u regoli ta’ governanza tas-suq li jsostnu ekosistema aġli u reżiljenti xprunata mid-data.

L-elementi essenzjali għall-ħolqien ta’ ekosistema ta’ data intelliġenti u l-qafas ta’ governanza tagħha jinkludu:

·infrastruttura tal-irriċarġjar konnessa b’mod diġitali li tista’ tipprovdi servizzi tal-irriċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali (V2G) u li tista’ tittejjeb faċilment għal dan il-għan;

·infrastruttura tal-irriċarġjar mgħammra bil-komponent meħtieġ ta’ hardware u software, u konformi mal-istandards rilevanti, li tippermetti fluss interoperabbli ta’ informazzjoni għall-istrutturi back-end u għal atturi oħra tas-suq;

·id-disponibbiltà tat-tipi ta’ data essenzjali u definiti biex jippermettu l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda li mistennija jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti għal tipi differenti ta’ vetturi (eż. LDVs meta mqabbla ma’ HDVs), inklużi proċessi ta’ lokalizzazzjoni, ta’ prenotazzjoni, ta’ pagamenti u ta’ fatturazzjoni ġusta mingħajr xkiel;

·l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ pagament armonizzati u faċli għall-utent, inklużi għażliet ta’ pagament ad hoc u bbażati fuq kuntratti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi għall-fornituri tas-servizzi tal-elettromobbiltà (EMSPs) 59 bħala faċilitaturi tan-networks tar-roaming elettroniku 60 li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti ta’ kuljum;

·l-ispeċifikazzjoni tad-dimensjonijiet tad-data meħtieġa (aggregazzjoni, kwalità, kondiviżjoni, użu mill-ġdid, eċċ.) biex ikun jista’ jinħoloq servizz diġitali avvanzat, u mappa tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi differenti tas-suq fi ħdan l-ekosistema.

B’mod simili, se jkun importanti wkoll li jiġu żviluppati ekosistemi tad-data għal fjuwils alternattivi oħra (H2 nadif, bijometan likwifikat, fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u soluzzjonijiet avvanzati oħra tal-bijofjuwils) li jissodisfaw domandi speċifiċi tas-suq, b’mod partikolari meta jużaw l-istess pipeline tal-fjuwil bħal soluzzjonijiet tal-fjuwils fossili kimikament identiċi. B’mod ġenerali, id-domanda għad-data u l-kwalità u l-frekwenza tal-flussi tal-informazzjoni se jiddependu mill-karatteristiċi intrinsiċi tal-proċess tal-irriċarġjar u r-riforniment u d-data meħtieġa biex jiġi żgurat l-użu adegwat tal-infrastruttura għal kull tip ta’ fjuwil u ta’ vettura.

F’koordinazzjoni mal-flussi ta’ ħidma li għaddejjin biex jiġu żviluppati l-ispazju tad-data dwar il-mobilità (MDS) u l-Azzjoni ta’ Appoġġ għall-Programm għall-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni biex jinġabru flimkien il-punti ta’ aċċess nazzjonali, il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli se jiddiskuti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-rekwiżiti ta’ politika għall-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ data miftuħa li tiżgura l-aċċess liberu u l-użu mill-ġdid ta’ data għall-elettromobbiltà u fjuwils alternattivi oħra sal-2023 u l-2025, rispettivament. Għal dan ir-rigward, il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli se jaħdem fuq it-tipi partikolari ta’ data statika u dinamika meħtieġa biex jinħolqu servizzi ġodda, filwaqt li jibni fuq l-eżiti tal-PSA IDACS, bħala kontribut bażiku biex jaħdem fuq att delegat possibbli, ippjanat għall-2022.

4    L-iżgurar ta’ kollaborazzjoni wiesgħa biex issir ħidma lejn aspirazzjoni komuni

It-tranżizzjoni tas-settur tat-trasport għal provvista tal-enerġija sostenibbli u nadifa ma tistax tiġi faċilment aġġustata u implimentata. L-introduzzjoni rapida tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment toħloq sfidi sinifikanti: għall-proċessi tal-ippjanar u tal-għoti ta’ permessi, għall-ippjanar tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, għall-bini ta’ servizzi interoperabbli tal-utenti mingħajr xkiel u għall-iżvilupp ta’ ekosistema tas-suq miftuħa u kompetittiva. Dan jirrikjedi kooperazzjoni wiesgħa bejn l-atturi kollha tas-suq pubbliku u privat tul il-katina tal-valur kollha, li tlaqqa’ flimkien is-setturi tal-karozzi u tal-enerġija biex jipprovdu servizzi tal-utenti diġitalizzati. Dan għandu jkun għan kondiviż kemm għall-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għall-industrija.

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni involviet mill-qrib il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli fit-tħejjija ta’ dan il-pjan ta’ introduzzjoni, filwaqt li bniet fuq il-kollaborazzjoni mill-qrib mal-Forum matul l-aħħar snin. Il-Forum huwa l-grupp ewlieni ta’ esperti tal-Kummissjoni li jaħdem fuq infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Dan ilaqqa’ flimkien rappreżentanti mill-Istati Membri kollha u minn organizzazzjonijiet ewlenin ta’ interess u atturi tal-industrija. Il-membri tal-Forum ġew mistiedna jaqsmu l-fehmiet u l-informazzjoni tagħhom dwar oqsma u azzjonijiet problematiċi ewlenin ta’ dan il-pjan f’żewġ laqgħat u fi skambji bil-miktub.

Il-Kummissjoni se tkompli dan il-proċess ta’ kooperazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati. Hija stabbiliet għadd ta’ sottogruppi esperti ġodda taħt l-awspiċji tal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli biex jakkumpanjaw il-proċess ta’ tiftix tal-fatti u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’oqsma ewlenin tal-governanza tad-data, il-protokolli u l-interfaċċi ta’ komunikazzjoni, l-ippjanar, l-għoti ta’ permessi u l-prattika ta’ konċessjoni. Is-sejbiet se jikkontribwixxu għall-iżvilupp futur tal-politika. Il-Kummissjoni se ssegwi wkoll mill-qrib l-installazzjoni ta’ punti tal-irriċarġjar u r-riforniment f’fora u proċessi rilevanti oħra, mhux l-inqas fil-kuntest tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-bini 61 . Il-Kummissjoni se tappoġġa l-ħtieġa ta’ attivitajiet addizzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni (R&I), b’mod partikolari permezz ta’ Orizzont Ewropa u s-sħubijiet tagħha mas-settur privat (sħubijiet istituzzjonalizzati u kofinanzjati) u mal-Istati Membri (kofinanzjament).

Issa hija meħtieġa kooperazzjoni transfruntiera u transsettorjali effettiva u effiċjenti bejn il-partijiet ikkonċernati kollha tas-settur pubbliku u privat dwar l-iżvilupp ta’ infrastruttura miftuħa, trasparenti u interoperabbli b’servizzi infrastrutturali mingħajr xkiel. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-atturi tas-suq kollha fil-livelli kollha ta’ governanza fid-diskussjoni dwar aktar ħtiġijiet u opportunitajiet ta’ politika.

5    Konklużjonijiet

Il-bini tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment għal sistema ta’ mobilità sostenibbli jipprovdi opportunità unika biex jiġi stimulat l-irkupru wara l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. L-investiment relatat se joħloq impjiegi li ma jistgħux jiġu esternalizzati faċilment u spiss ikunu bbażati fuq ekonomiji lokali. Hemm potenzjal kbir li tinbena ekonomija tas-suq ġdida fuq is-servizzi tal-irriċarġjar u r-riforniment li l-konsumaturi japprezzaw u li jappoġġaw mudelli ġodda ta’ negozju, filwaqt li jiġu ġġenerati benefiċċji soċjali u ambjentali konsiderevoli.

L-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment hija prijorità politika ewlenija biex jiġi żgurat li l-adozzjoni mis-suq ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi ma tiġix imfixkla minn nuqqas ta’ infrastruttura, peress li huwa mistenni tkabbir sinifikanti matul is-snin li ġejjin. Huwa importanti li din l-infrastruttura tkun teħtieġ li tibqa’ valida fil-futur, inklużi l-komponenti tekniċi rilevanti biex tappoġġa l-iskambju tad-data f’ħin reali u l-ħolqien ta’ servizzi diġitali avvanzati, sabiex ikunu jistgħu jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju u jitjiebu l-esperjenzi tal-utenti.

Dan il-pjan jidentifika għadd ta’ miżuri supplimentari biex tiġi appoġġata l-introduzzjoni aċċellerata tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-UE. Dawn huma marbuta mill-qrib ma’ politiki biex jiġu indirizzati flimkien kwistjonijiet relatati ma’ vetturi, bastimenti u inġenji tal-ajru ta’ fjuwil alternattiv, infrastrutturi, il-produzzjoni tal-enerġija, networks, data u servizzi tal-utenti. Huma jappoġġaw l-inizjattivi ta’ politika fil-qafas tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, b’mod partikolari l-proposta għar-reviżjoni tal-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief u l-proposta għal Regolament ġdid dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u barra minn hekk il-proposti għall-inizjattivi RefuelEU Aviation u FuelEU Maritime. Dawn jorbtu wkoll ma’ inizjattivi importanti ta’ politika industrijali, bħall-Alleanza tal-Batteriji, l-Alleanza tal-Idroġenu Nadif u l-Alleanza tal-Katina tal-Valur tal-Fjuwils Rinnovabbli u b’Livell Baxx ta’ Emissjonijiet tal-Karbonju futura. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq proposta biex tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u se tindirizza aspetti mill-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fir-rieżami li jmiss tagħha tar-Regolament dwar il-linji gwida TEN-T u l-pakkett il-ġdid tagħha dwar il-mobilità urbana aktar tard fl-2021.

Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġa l-introduzzjoni aċċellerata ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi tal-irriċarġjar u r-riforniment, inkluż permezz ta’ investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni. Ftehim rapidu dwar il-proposta għal Regolament ġdid dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi jista’ jiġi sostnut permezz ta’ appoġġ estensiv għall-introduzzjoni mis-suq ta’ infrastruttura fil-qafas tal-ħafna fondi u strumenti finanzjarji disponibbli fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-appoġġ għall-introduzzjoni tal-infrastruttura prijorità ewlenija fl-ippjanar ta’ miżuri fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Din tissottolinja l-benefiċċji tal-aġġornament ta’ politiki u regolamenti relatati għall-ippjanar u l-għoti ta’ permessi fil-livelli nazzjonali u lokali. Din qed taħdem ukoll flimkien mal-partijiet ikkonċernati biex tidentifika l-isfidi teknoloġiċi, tagħmel ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni meħtieġ u tistabbilixxi governanza li tiffunzjona tajjeb tal-ekosistema għall-vetturi elettriċi bil-batteriji u b’ċelloli tal-fjuwil. B’kollox, dan se jagħmel lis-settur tat-trasport tal-UE aktar kompetittiv, jiżgura li l-ebda konsumatur jew reġjun ma jitħalla jibqa’ lura, u se jmexxi ’l quddiem it-tranżizzjoni lejn mobilità sostenibbli u intelliġenti.

(1)

COM(2020) 789 final.

(2)

COM(2019) 640 final.

(3)

Bħar-reġjuni rurali u b’popolazzjoni baxxa, remoti u ultraperiferiċi, gżejjer u muntanjużi.

(4)

  https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/recovery-coronavirus/recovery-and-resilience-facility_mt . Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-qofol tal-pakkett għall-irkupru tal-UE, tikkombina l-għotjiet u s-self għal total ta’ EUR 672,5 biljun li se jitqassmu lill-Istati Membri biex jgħinu r-riformi u l-investimenti.

(5)

  https://ec.europa.eu/transport/themes/urban/stf_en

(6)

COM(2021) 103 final.

(7)

  https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR21_05/SR_Electrical_charging_infrastructure_MT.pdf

(8)

Studju tal-EAFO/ICCT: https://www.eafo.eu/sites/default/files/2021-03/EAFO%20Europe%20on%20the%20electrification%20path%20March%202021.pdf

Ġew irreġistrati żidiet ta’ reġistrazzjonijiet ġodda ta’ vetturi ~200 % u ogħla fi tmien swieq, filwaqt li ġew irreġistrati żidiet fis-suq ~100 % u ogħla fi 11-il suq. L-EAFO hija l-osservatorju tal-Kummissjoni Ewropea li tiġbor kull tip ta’ data dwar fjuwils alternattivi, vetturi, infrastruttura u politiki ta’ appoġġ fl-UE.

(9)

 COM (2021) 103 final.

(10)

  https://www.eafo.eu/sites/default/files/2021-03/EAFO%20Europe%20on%20the%20electrification%20path%20March%202021.pdf  

(11)

https://www.eafo.eu/  

(12)

SWD(2020)  331 final.

(13)

  https://www.eafo.eu/

(14)

COM (2021) 103 final.

(15)

  https://www.eafo.eu/

(16)

L-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fis-sistemi tat-trasport tal-fjuwils alternattivi fl-Unjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/fd62065c-7a0b-11ea-b75f-01aa75ed71a1

(17)

  https://www.eafo.eu/

(18)

  https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/fd62065c-7a0b-11ea-b75f-01aa75ed71a1/ u SWD(2021) 49 final.    

(19)

Provvista tal-enerġija fuq l-art (OPS) jew tal-elettriku mix-xatt.

(20)

SWD(2021) 631.

(21)

COM (2021) 103 final.

(22)

Idem.

(23)

Idem.

(24)

  L-EASA tiċċertifika l-inġenji tal-ajru elettriċi, l-ewwel ċertifikazzjoni tat-tip għal pjan kompletament elettriku madwar id-dinja | EASA (europa.eu) .

(25)

Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ajruplani elettriċi għat-taħriġ ġiet irrapportata minn diversi kumpaniji (inġenji tal-ajru żgħar u elettriċi b’żewġ sits). Dawn is-swieq niċċa ma jnaqqsux b’mod drammatiku s-CO2 jew it-tniġġis tal-arja, iżda jippermettu opportunitajiet interessanti ta’ żvilupp ta’ teknoloġija avvanzata għall-industriji Ewropej fis-swieq dinjija.

(26)

F’dan il-punt, tħabbira reċenti minn Airbus mexxiet ’il quddiem il-mira għal ajruplani tal-idroġenu użati b’mod wiesa’(>2050): https://www.reuters.com/business/aerospace-defense/airbus-tells-eu-hydrogen-wont-be-widely-used-planes-before-2050-2021-06-10/).

(27)

SWD(2021) 631.

(28)

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati 2019 | Mobilità u Trasport (europa.eu) .

(29)

  https://ec.europa.eu/transport/sites/default/files/sustainable_transport_forum_report_-_recommendations_for_public_authorities_on_recharging_infrastructure.pdf

(30)

https://ec.europa.eu/transport/sites/default/files/stf_handbook.pdf

(31)

https://ec.europa.eu/info/files/example-component-reforms-and-investments-clean-smart-and-fair-urban-mobility_mt

(32)

Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku.

(33)

https://ec.europa.eu/competition/state_aid/what_is_new/template_RFF_electric_and_hydrogen_charging_stations.pdf

(34)

Jeżistu regoli separati għall-appoġġ tax-xiri ta’ vetturi elettriċi jew vetturi tat-triq oħra b’emissjonijiet żero jew baxxi.

https://ec.europa.eu/competition/state_aid/what_is_new/template_RFF_premiums_acquisition_low_emission_vehicles.pdf .

(35)

Dawn jinkludu, pereżempju, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER), l-għajnuna kompatibbli direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u għall-Enerġija, il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jew ir-regoli relatati mal-kumpens għat-twettiq ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku.

(36)

Konsultazzjoni pubblika dwar il-Linji Gwida riveduti dwar l-Għajnuna għall-Klima, l-Enerġija u l-Ambjent (CEEAG): https://ec.europa.eu/competition-policy/public-consultations/2021-ceeag_nl .

(37)

Dawn iċ-ċifri indikattivi għadhom ma jinkludux l-għotjiet tal-FNE li qed jitħejjew wara s-sejħa għall-Faċilità ta’ Taħlit (ir-raba’ limitu).

(38)

Eż. l-infrastruttura tal-istazzjonijiet tal-karozzi tal-linja jew l-infrastruttura tal-provvista u l-operazzjonijiet fuq l-art fil-portijiet u fl-ajruporti marittimi u interni TEN-T.

(39)

Skont l-FNE II, il-kostijiet relatati mal-vetturi jew mal-bastimenti mhux se jkunu eliġibbli, ħlief fil-każ ta’ passaġġi fuq l-ilma interni u ta’ trasport marittimu fuq distanzi qosra, jekk ikun meħtieġ għadd inizjali ta’ bastimenti biex jingħata bidu għall-użu tal-infrastruttura appoġġata tal-irriċarġjar/għar-riforniment.

(40)

Il-proporzjon tar-rati ta’ kofinanzjament tal-AFF meta mqabbla mar-rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 50 % skont il-pakkett ġenerali ġie applikat b’mod proporzjonali għar-rata ta’ kofinanzjament ta’ koeżjoni tal-AFF meta mqabbla mar-rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 85 % skont il-pakkett ta’ koeżjoni.

(41)

Meta jitqies it-tnaqqis rapidu tal-kostijiet għas-segment tas-suq tal-elettromobbiltà, kif ukoll il-livell baxx ta’ informazzjoni fl-analiżi tal-letteratura dwar il-kostijiet tal-punti tal-irriċarġjar b’kapaċità tal-enerġija ta’ 350 kW, il-livell tar-rata ta’ kofinanzjament huwa aktar konservattiv. Madankollu, f’termini ta’ valur (EUR), il-kontribuzzjoni ta’ unità għal punt tal-irriċarġjar ta’ minimu ta’ 350 kW hija d-doppju tal-kontribuzzjoni ta’ unità ta’ punt tal-irriċarġjar ta’ minimu ta’ 150 kW.

(42)

Il-kontribuzzjoni ta’ unità tal-konnessjoni tal-grilja se tiddependi mill-varar ta’ minimu ta’ erba’ punti tal-irriċarġjar (filwaqt li jiġi nnotat li 350 kW jistgħu jgħoddu għal 2 ta’ 150 kW).

(43)

  https://ec.europa.eu/transport/infrastructure/tentec/tentec-portal/site/index_en.htm

(44)

https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/funding/funding-opportunities/funding-programmes-and-open-calls/horizon-europe/missions-horizon-europe/climate-neutral-and-smart-cities_mt

(45)

https://ec.europa.eu/info/files/european-partnership-towards-zero-emission-road-transport-2zero_mt ;

https://bepassociation.eu/about/batt4eu-partnership/ ; https://www.fch.europa.eu/.

(46)

  https://europa.eu/investeu/investeu-fund/about-investeu-fund_mt  

(47)

  https://www.eib.org/en/projects/sectors/transport/cleaner-transport-f acility  

(48)

  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088.

(49)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 1330 final tat-12.3.2015, dwar talba ta’ standardizzazzjoni indirizzata lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex jabbozzaw standards Ewropej għall-infrastruttura tal-karburanti alternattivi.

(50)

Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi.

(51)

F’dan il-każ, l-għoli tal-pedamenti miżjud ma’ kolonni tal-iċċarġjar għandu jitqies sabiex dan il-komponent tal-infrastruttura jiġi adattat b’mod korrett għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità.

(52)

  https://shift2rail.org/publications/study-on-the-use-of-fuel-cells-and-hydrogen-in-the-railway-environment/ .

(53)

Linji Gwida Interim dwar Operazzjoni Sikura tas-Servizz tal-Provvista tal-Enerġija fuq l-Art (OPS) fil-Port għall-Vapuri Involuti fi Vjaġġi Internazzjonali mħejjija fil-qafas tal-organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

(54)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015)1330 final tat-12 ta’ Marzu 2015.

(55)

55 http://www.emsa.europa.eu/publications/inventories/item/3207-guidance-on-lng-bunkering-to-port-authorities-and-administrations.html

(56)

 SAE AS6968 Standard ta’ Ċċarġjar Konduttiv għall-Inġenji tal-Ajru Elettriċi Ħfief.

(57)

Rekwiżiti tal-iċċarġjar ta’ livell għoli SC VTOL 2430.

(58)

  www.eafo.eu  

(59)

“fornitur ta’ servizzi ta’ elettromobbiltà” tfisser attur kummerċjali li jipprovdi servizzi lil utent finali, inkluż il-bejgħ ta’ servizz tal-irriċarġjar.

(60)

“roaming elettroniku” tfisser l-iskambju ta’ data u pagamenti bejn l-operatur ta’ punt tal-irriċarġjar u fornitur ta’ servizzi ta’ mobilità li minnu utent finali jixtri servizz tal-irriċarġjar.

(61)

COM(2020) 662 final.

Top