EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0318(04)

Avviż tal-kummissjoni Linji Gwida Interpretattivi rigward ir-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa b’rabta mal-COVID-19 2020/C 89 I/01

C/2020/1830

OJ C 89I, 18.3.2020, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 89/1


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida Interpretattivi rigward ir-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa b’rabta mal-COVID-19

(2020/C 89 I/01)

Il-passiġġieri u l-industrija Ewropea tat-trasport intlaqtu ħażin mit-tifqigħa tal-COVID-19. Il-miżuri ta’ konteniment tal-awtoritajiet, bħar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, il-lockdowns u ż-żoni ta’ kwarantina, jimplikaw li t-trasport jista’ jkun wieħed mis-setturi affettwati bl-aktar mod qawwi minn din il-pandemija. Is-sitwazzjoni hija stressanti għal ħafna passiġġieri, billi l-arranġamenti tagħhom tal-ivvjaġġar ġew ikkanċellati u/jew issa ma jixtiqux jew mhumiex se jitħallew jivvjaġġaw.

L-Unjoni Ewropea (l-UE) hija l-unika post fid-dinja li fih iċ-ċittadini huma protetti b’ġabra sħiħa ta’ drittijiet tal-passiġġieri, irrispettivament minn jekk jivvjaġġawx bl-ajru, bil-ferrovija, bix-xarabank, bil-kowċ jew bil-vapur.

Minħabba s-sitwazzjoni mingħajr preċedent li l-Ewropa qed tesperjenza minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni Ewropea tinsab konvinta li jkun ta’ għajnuna li f’dan il-kuntest jiġu ċċarati d-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bl-ajru, bil-ferrovija, bix-xarabank, bil-kowċ jew bil-vapur, u li tixħet ukoll ftit dawl fuq l-obbligi korrispondenti għat-trasportaturi.

1.   GĦAN

Dawn il-linji gwida interpretattivi għandhom l-għan li jiċċaraw kif ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri japplikaw fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, b’mod partikolari fir-rigward tal-kanċellazzjonijiet u d-dewmien.

Il-linji gwida jikkomplementaw il-linji gwida li diġà ġew ippubblikati mill-Kummissjoni (1) u huma mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-linji gwida jkopru l-leġiżlazzjoni li ġejja dwar id-drittijiet tal-passiġġieri:

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (3);

Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (4),

Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (5).

Dawn il-linji gwida ma jkoprux id-Direttiva (UE) 2015/2302 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta. (6)

2.   GWIDA GĦALL-MODI TAT-TRASPORT DIFFERENTI

2.1.   Id-dritt li wieħed jagħżel bejn rimborż u l-għoti ta’ rotta oħra

L-erba’ Regolamenti fihom dispożizzjonijiet speċifiċi għal dan id-dritt fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ ċertu dewmien.

Fir-rigward tal-għoti ta’ rotta oħra (7), iċ-ċirkostanzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 jista’ jkollhom inċidenza fuq id-dritt li wieħed jagħżel rotta oħra “mal-ewwel opportunità”. (8) Jista’ jkun li t-trasportaturi jsibuha impossibbli li jagħtu rotta oħra lill-passiġġieri lejn id-destinazzjoni maħsuba tagħhom f’perjodu qasir ta’ żmien. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm nuqqas ta’ ċarezza għal ċertu żmien rigward meta se jkun possibbli li l-passiġġieri jingħataw rotta oħra. Pereżempju, din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta meta Stat Membru jissospendi t-titjiriet jew iwaqqaf il-ferroviji, ix-xarabanks, il-kowċis jew il-vapuri li jkunu ġejjin minn ċerti pajjiżi. Għalhekk, skont il-każ, “l-ewwel opportunità” għal rotta oħra tista’ tkun soġġetta għal dewmien konsiderevoli u/jew għal inċertezza konsiderevoli. Għalhekk, jista’ jkun li l-passiġġier jippreferi li jingħata rimborż tal-prezz tal-biljett jew li jingħata rotta oħra fi stadju aktar tard u “skont il-konvenjenza tal-passiġġier”. Id-dettalji huma stipulati aktar ’l isfel għal kull mod tat-trasport.

2.2.   Sitwazzjonijiet fejn il-passiġġieri ma jistgħux jivvjaġġaw jew ikunu jridu jikkanċellaw vjaġġ

Ir-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ma jindirizzawx sitwazzjonijiet fejn il-passiġġieri ma jistgħux jivvjaġġaw jew ikunu jridu jikkanċellaw vjaġġ fuq inizjattiva tagħhom stess. Li passiġġier jiġi rimborżat jew le f’dawn il-każijiet jiddependi fuq it-tip ta’ biljett (jekk ikunx rimborżabbli, jew jekk jinkludix il-possibbiltà ta’ prenotazzjoni mill-ġdid) kif speċifikat fit-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasportatur.

Jidher li diversi trasportaturi qed joffru vawċers lill-passiġġieri li ma għadhomx aktar beħsiebhom jivvjaġġaw (jew li mhumiex awtorizzati jivvjaġġaw) minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Il-passiġġieri jistgħu jużaw dawn il-vawċers għal vjaġġ ieħor mal-istess trasportatur, fi żmien speċifiku stabbilit mit-trasportatur.

Din is-sitwazzjoni għandha titqies differenti minn sitwazzjoni fejn it-trasportatur jikkanċella l-vjaġġ u joffri biss vawċer minflok l-għażla bejn rimborż u l-għoti ta’ rotta oħra. Jekk it-trasportatur jipproponi li joffri vawċer, dik l-offerta ma tistax taffettwa d-dritt tal-passiġġier li jagħżel li jingħata rimborż minflok.

2.3.   Regoli nazzjonali speċifiċi fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19

F’ċerti każijiet, ġew adottati regoli nazzjonali speċifiċi fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 li joħolqu l-obbligu għat-trasportaturi li jagħtu rimborż lill-passiġġieri jew li joħorġu vawċer lill-passiġġieri f’każ li l-passiġġieri ma setgħux jaqbdu titjira li tkun ġiet operata.

Tali miżuri nazzjonali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, u ma jiġux indirizzati f’dawn il-linji gwida, li jittrattaw biss l-interpretazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-passiġġieri adottati mill-Unjoni.

3.   DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI TAL-AJRU (IR-REGOLAMENT (KE) Nru 261/2004)

3.1.   Informazzjoni għall-passiġġieri

Apparti r-regoli dwar l-informazzjoni dwar id-drittijiet disponibbli, ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar informazzjoni dwar tfixkil fl-ivvjaġġar. Madankollu, id-drittijiet għal kumpens f’każ ta’ kanċellazzjoni huma marbuta man-nuqqas tat-trasportatur li javża biżżejjed bil-quddiem. Għalhekk, dan l-aspett huwa kopert mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn taħt dwar id-drittijiet għal kumpens.

3.2.   Dritt għal rimborż jew l-għoti ta’ rotta oħra

Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mil-linji tal-ajru (irrispettivament mill-kawża), l-Artikolu 5 jobbliga lit-trasportatur tal-ajru li jopera biex joffri lill-passiġġieri l-għażla bejn:

a)

ir-rimborż (rifużjoni);

b)

l-għoti ta’ rotta oħra mal-ewwel opportunità, jew

c)

l-għoti ta’ rotta oħra f’data aktar tard għall-konvenjenza tal-passiġġier.

Fir-rigward tar-rimborż, fil-każijiet fejn il-passiġġier jirriserva t-titjira ’l barra mill-pajjiż u t-titjira ta’ ritorn separatament u t-titjira ’l barra mill-pajjiż tiġi kkanċellata, il-passiġġier huwa biss intitolat għar-rimborż tat-titjira kkanċellata, jiġifieri hawnhekk it-titjira ’l barra mill-pajjiż.

Madankollu, fil-każ li t-titjira ’l barra mill-pajjiż u t-titjira ta’ ritorn jkunu parti mill-istess prenotazzjoni, anki jekk ikunu operati minn trasportaturi tal-ajru differenti, jenħtieġ li l-passiġġieri jingħataw żewġ opzjonijiet jekk it-titjira ’l barra mill-pajjiż tiġi kkanċellata: li jiġu rimborżati għall-biljett kollu (jiġifieri ż-żewġ titjiriet) jew li jingħataw rotta oħra fuq titjira oħra għat-titjira ’l barra mill-pajjiż (il-Linji Gwida Interpretattivi, il-Punt 4.2).

Fir-rigward tal-għoti ta’ rotta oħra, u kif spjegat hawn fuq, “mal-ewwel opportunità”, fiċ-ċirkostanzi tat-tifqigħa tal-COVID-19, tista’ timplika dewmien konsiderevoli, u l-istess jista’ japplika għad-disponibbiltà ta’ informazzjoni konkreta dwar tali “opportunità” minħabba l-livell għoli ta’ inċertezza li qed jaffettwa t-traffiku tal-ajru.

Jista’ jkun il-każ li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ikollha tqis dawn iċ-ċirkostanzi. Madankollu, fi kwalunkwe każ:

L-ewwel nett, jenħtieġ li l-passiġġieri jiġu informati dwar id-dewmien u/jew l-inċertezzi jekk jagħżlu l-għoti ta’ rotta oħra minflok ir-rimborż.

It-tieni nett, jekk minkejja dan, passiġġier jagħżel l-għoti ta’ rotta oħra mal-ewwel opportunità, jeħntieġ li t-trasportatur jitqies li jkun issodisfa l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni lejn il-passiġġier jekk, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, kemm jista’ jkun malajr u fi żmien xieraq, ikun ikkomunika t-titjira disponibbli għall-għoti ta’ rotta oħra.

3.3.   Dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament, li jipprovdi d-dettalji rilevanti kollha, it-trasportatur tal-ajru li jopera jrid joffri attenzjoni lill-passiġġieri li jiġu affettwati minn kanċellazzjoni ta’ titjira, mingħajr ħlas. Din l-attenzjoni tikkonsisti minn ikliet u xorb b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew; akkomodazzjoni f’lukanda jekk ikun meħtieġ, u trasport għall-post ta’ akkomodazzjoni. Barra minn hekk, l-ajruporti jridu jipprovdu assistenza lill-passiġġieri b’diżabbiltà u lill-passiġġieri b’mobbiltà ridotta f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 (9).

Ta’ min ifakkar li meta l-passiġġier jagħżel ir-rimborż tal-kost sħiħ tal-biljett, id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud jintemm. L-istess jiġri meta l-passiġġier jagħżel l-għoti ta’ rotta oħra f’data aktar tard għall-konvenjenza tal-passiġġier (l-Artikolu 5(1)(b) flimkien mal-Artikolu 8(1)(c)).

Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud ikompli japplika sakemm il-passiġġieri jkollhom jistennew għall-għoti ta’ rotta oħra mal-ewwel konvenjenza (l-Artikolu 5(1)(b) flimkien mal-Artikolu 8(1)(b)).

L-intenzjoni sottostanti tar-Regolament hija li l-bżonnijiet tal-passiġġieri li jkunu qed jistennew għat-titjira ta’ ritorn tagħhom jew għal rotta oħra jiġu indirizzati b’mod xieraq. Il-limitu ta’ attenzjoni adegwata jkollu jiġi vvalutat abbażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-passiġġieri fiċ-ċirkustanzi u l-prinċipju tal-proporzjonalità (jiġifieri: skont il-ħin ta’ stennija). Jenħtieġ li l-prezz imħallas għall-biljett jew it-tul tal-inkonvenjenza mġarrba ma jinterferixxux mad-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud (il-Linji Gwida Interpretattivi, il-Punt 4.3.2).

Skont ir-Regolament, l-operatur tat-trasport tal-ajru huwa obbligat li jissodisfa l-obbligu li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud anke meta l-kanċellazzjoni ta’ titjira hija kkawżata minn ċirkustanzi straordinarji, jiġifieri ċirkustanzi li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

Ir-Regolament ma fih xejn li jirrikonoxxi kategorija separata ta’ avvenimenti “partikolarment straordinarji”, lil hinn miċ-“ċirkostanzi straordinarji” imsemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament. Għalhekk, it-trasportatur tal-ajru mhuwiex eżentat mill-obbligi kollha tiegħu, inkluż dawk skont l-Artikolu 9 tar-Regolament, anki matul perjodu ta’ żmien twil. Il-passiġġiera huma partikolarment vulnerabbli f’dawn iċ-ċirkostanzi u avvenimenti. (10) F’avvenimenti eċċezzjonali, l-intenzjoni tar-Regolament hija li tiżgura li tiġi pprovduta attenzjoni adegwata, b’mod partikolari lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew li jingħataw rotta oħra skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament.

3.4.   Dritt għall-kumpens

Ir-Regolament 261/2004 jipprevedi wkoll kumpensi b’somma fissa f’xi ċirkostanzi. Dan ma japplikax għall-kanċellazzjonijiet li jkunu saru aktar minn 14-il jum qabel jew meta l-kanċellazzjoni tkun ikkawżata minn “ċirkostanzi straordinarji” li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Għad-dettalji, ara l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7 tar-Regolament.

Il-Kummissjoni tqis li, meta l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu miżuri maħsuba biex irażżnu l-pandemija tal-COVID-19, dawn il-miżuri, skont in-natura u l-oriġini tagħhom, mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportaturi u huma barra mill-kontroll reali tagħhom.

L-Artikolu 5(3) jirrinunzja d-dritt għal kumpens bil-kundizzjoni li l-kanċellazzjoni inkwistjoni “hija kkawżata” minn ċirkostanzi straordinarji, li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

Jenħtieġ li din il-kundizzjoni titqies bħala ssodisfata, meta l-awtoritajiet pubbliċi jew jipprojbixxu direttament ċerti titjiriet jew jipprojbixxu l-moviment tal-persuni b’mod li jeskludi, de facto, it-titjira inkwistjoni li trid tiġi operata.

Din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfata wkoll, meta l-kanċellazzjoni tat-titjira sseħħ f’ċirkostanzi fejn il-moviment korrispondenti ta’ persuni ma jkunx kompletament ipprojbit, iżda jkun limitat għal persuni li jibbenefikaw minn derogi (pereżempju ċittadini jew residenti tal-Istat ikkonċernat).

Meta l-ebda persuna bħal din ma tieħu titjira partikolari, din tal-aħħar tibqa’ vojta jekk ma tiġix ikkanċellata. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jista’ jkun leġittimu li trasportatur ma jistenniex sa tard ħafna, iżda li jikkanċella t-titjira fil-ħin (u anke mingħajr ma jkun ċert dwar id-drittijiet tal-passiġġieri varji biex jivvjaġġaw), sabiex jittieħdu miżuri organizzattivi xierqa, inkluż f’termini tal-attenzjoni għall-passiġġieri dovuta mit-trasportatur. Fil-każijiet bħal dawn, u skont iċ-ċirkostanzi, kanċellazzjoni xorta tista’ titqies bħala “ikkawżata” mill-miżura meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi. Għal darb’oħra, skont iċ-ċirkustanzi, dan jista’ wkoll ikun il-każ fir-rigward tat-titjiriet fid-direzzjoni opposta għat-titjiriet ikkonċernati direttament mill-projbizzjoni fuq il-moviment tal-persuni.

Meta l-linja tal-ajru tiddeċiedi li tikkanċella titjiera u turi li din id-deċiżjoni kienet ġustifikata għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-ekwipaġġ, jenħtieġ li t-tali kanċellazzjoni titqies ukoll bħala “ikkawżata” minn ċirkostanzi straordinarji.

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq mhumiex eżawrjenti u ma jistgħux ikunu eżawrjenti minħabba li ċirkostanzi speċifiċi oħrajn b’rabta mal-COVID-19 jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3).

4.   DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI TAL-FERROVIJI (IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1371/2007)

4.1.   Dritt ta’ informazzjoni

Qabel ma jbigħu biljett, l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti jridu jipprovdu lill-passiġġieri, fuq talba, informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġ - inkluż informazzjoni dwar kwalunkwe attività li x’aktarx li tfixkel jew tittardja s-servizzi. L-impriżi ferrovjarji jridu wkoll jipprovdu lill-passiġġieri informazzjoni matul il-vjaġġ - inkluż informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ dewmien, sigurtà u sikurezza. Barra minn hekk, meta l-impriżi ferrovjarji u l-awtoritajiet kompetenti, responsabbli għall-kuntratti ferrovjarji tas-servizz pubbliku, jiddeċiedu li ma jkomplux servizz ferrovjarju, dawn iridu jagħmlu d-deċiżjoni pubblika u dan qabel l-implimentazzjoni tagħha. Id-dettalji tad-dritt tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar huma stabbiliti fl-Artikolu 8 u fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1371/2011.

4.2.   Dritt għal rimborż jew għat-tkomplija tal-vjaġġ / għoti ta’ rotta oħra

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 jistabbilixxi d-drittijiet fir-rigward ta’ din il-kwistjoni. Fil-qosor jista’ jinżamm dan li ġej. Meta jista’ jkun raġonevolment mistenni li d-dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni finali se jkun aktar minn 60 minuta, il-passiġġieri għandhom l-għażla bejn ir-rimborż tal-prezz tal-biljett jew it-tkomplija tal-vjaġġ jew l-għoti ta’ rotta oħra. B’mod partikolari:

a)

id-dritt għar-rimborż jikkonċerna l-kost tal-biljett għall-parti jew għall-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux u għall-partijiet tal-vjaġġ li jkunu diġà saru jekk il-vjaġġ ma jkunx għadu qed iservi l-iskop li għalih il-passiġġier kien qed jippjanah, u (fejn rilevanti) flimkien ma’ servizzi ta’ ritorn lejn l-ewwel punt tat-tluq;

b)

it-tkomplija tal-vjaġġ jew l-għoti ta’ rotta oħra li jridu jsiru taħt kondizzjonijiet tat-trasport komparabbli. Skont l-għażla tal-passiġġier, dawn għandhom isiru mal-ewwel opportunità jew f’ħin ieħor skont il-konvenjenza tiegħu.

Fir-rigward tat-tkomplija tal-vjaġġ / tal-għoti ta’ rotta oħra, u kif spjegat hawn fuq, “mal-ewwel opportunità”, fiċ-ċirkostanzi tat-tifqigħa tal-COVID-19, tista’ timplika dewmien konsiderevoli, u l-istess jista’ japplika għad-disponibbiltà ta’ informazzjoni konkreta dwar tali “opportunità” minħabba l-livell għoli ta’ inċertezza li qed jaffettwa t-traffiku tal-ferroviji.

L-ewwel nett, jenħtieġ li l-passiġġieri jiġu informati dwar id-dewmien u/jew l-inċertezzi meta jingħataw l-għażla bejn iż-żewġ possibbiltajiet.

It-tieni nett, jekk minkejja dan, passiġġier jagħżel it-tkomplija tal-vjaġġ jew l-għoti ta’ rotta oħra mal-ewwel opportunità, jenħtieġ li t-trasportatur jitqies li jkun issodisfa l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni lejn il-passiġġier jekk, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, kemm jista’ jkun malajr u fi żmien xieraq, ikun ikkomunika l-ferrovija disponibbli għat-tkomplija tal-vjaġġ jew għall-għoti ta’ rotta oħra.

4.3.   Dritt għal assistenza

Fil-każ ta’ dewmien fil-wasla jew fit-tluq, il-passiġġieri għandhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-ħin stmat tat-tluq u tal-wasla malli din l-informazzjoni ssir disponibbli. Fil-każ li dewmien jaqbeż is-60 minuta, il-passiġġieri għandhom ukoll id-dritt li jirċievu ikliet u xarbiet b’limiti raġonevoli; akkomodazzjoni fejn isir meħtieġ soġġorn ta’ lejl wieħed jew aktar fejn u meta jkun fiżikament possibbli; trasport lejn l-istazzjon ferrovjarju jew lejn il-punt tat-tluq alternattiv jew lejn id-destinazzjoni finali, fejn u meta jkun fiżikament possibbli, jekk il-ferrovija tkun imblukkata fuq il-binarji. Id-dettalji huma stabbiliti fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007.

Skont ir-Regolament, l-impriża ferrovjarja hija obbligata li tissodisfa l-obbligi ta’ hawn fuq anki meta l-kanċellazzjoni ta’ ferrovija tkun ikkawżata minn ċirkostanzi bħal dawk marbuta mal-COVID-19. Ir-Regolament ma fih xejn li jippermetti li jiġi konkluż li, fiċ-ċirkostanzi partikolari, l-impriża ferrovjarja hija eżentata mill-obbligu tagħha li tipprovdi assistenza f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE), li tista’ tkun meħtieġa anki matul perjodu twil fejn rilevanti. L-intenzjoni tar-Regolament hija li jiġi żgurat li tiġi pprovduta assistenza adegwata, b’mod partikolari lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew li jingħataw rotta oħra mal-ewwel opportunità skont l-Artikolu 16. Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 jipprevedi li l-assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa trid tiġi adattata għall-ħtiġijiet ta’ dawk il-passiġġieri, inkluż fir-rigward tal-informazzjoni msemmija hawn fuq.

4.4.   Dritt għall-kumpens

Meta l-passiġġieri ma jkunux għażlu r-rimborż iżda jitolbu għat-tkomplija tal-vjaġġ jew għal rotta oħra, il-passiġġieri għandhom ukoll id-dritt għal kumpens. Għal dewmien ta’ 60 sa 119-il minuta, il-kumpens jammonta għal 25 % tal-prezz tal-biljett, filwaqt li għal dewmien ta’ 120 minuta u aktar il-kumpens huwa ta’ 50 % tal-prezz tal-biljett. Id-dettalji huma stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007.

B’differenza minn modi oħra ta’ trasport, l-eżistenza ta’ ċirkostanzi straordinarji, jekk ikun hemm, ma taffettwax id-dritt għall-kumpens fil-każijiet ta’ dewmien (inkluż dawk ikkawżati minn kanċellazzjonijiet). (11)

5.   DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI TAX-XARABANKS (IR-REGOLAMENT (KE) Nru 181/2011) (12)

5.1.   Dritt tal-passiġġiera li jkunu infurmati

Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament, it-trasportaturi u l-korpi ta’ ġestjoni tat-terminals, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, jridu jipprovdu lill-passiġġieri b’informazzjoni adegwata matul il-vjaġġ kollu tagħhom. L-Artikolu 20 tar-Regolament fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-informazzjoni li għandha tingħata f’każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien tat-tluq.

5.2.   Dritt għat-tkomplija tal-vjaġġ/għall-għoti ta’ rotta oħra jew għal rimborż

F’każ ta’ servizzi ta’ xarabank regolari b’distanza skedata ta’ 250 km jew aktar, ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 jipprevedi l-għoti ta’ rotta oħra jew rimborż f’ċerti każijiet kif speċifikat fl-Artikolu 19. Għalhekk, b’mod partikolari, fejn trasportatur raġonevolment jistenna li t-tluq ta’ servizz regolari minn terminal jiġi kkanċellat jew ittardjat għal aktar minn 120 minuta, il-passiġġieri għandhom id-dritt li jagħżlu bejn it-tkomplija jew l-għoti ta’ rotta oħra lejn id-destinazzjoni finali mingħajr ebda spiża addizzjonali mal-ewwel opportunità b’kundizzjonijiet komparabbli jew rimborż tal-prezz sħiħ tal-biljett. Dan jista’ jiġi kkombinat, fejn rilevanti, ma’ servizz ta’ ritorn mingħajr ħlas mal-ewwel opportunità sal-ewwel punt ta’ tluq stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport. L-istess għażla hija disponibbli għall-passiġġier jekk it-tluq jiġi kkanċellat jew ikun se jittardja minn waqfa tax-xarabank.

Fir-rigward tat-tkomplija tal-vjaġġ/l-għoti ta’ rotta oħra, u kif spjegat hawn fuq, “l-ewwel opportunità”, fiċ-ċirkostanzi tat-tifqigħa COVID-19, tista’ timplika dewmien konsiderevoli, u l-istess jista’ japplika għad-disponibbiltà ta’ informazzjoni konkreta dwar tali “opportunità” minħabba l-livell għoli ta’ inċertezza li taffettwa t-traffiku tax-xarabanks u l-kowċis.

L-ewwel nett, il-passiġġieri jenħtieġ li jiġu infurmati dwar dewmien u/jew inċertezzi meta jiġu offruti l-għażla bejn it-tkomplija tal-vjaġġ/l-għoti ta’ rotta oħra u rimborż.

It-tieni, jekk minkejja dan, passiġġier jagħżel xorta waħda l-għoti ta’ rotta oħra mal-ewwel opportunità, it-trasportatur jenħtieġ li jitqies bħala li jkun issodisfa l-obbligu tiegħu li jipprovdi informazzjoni lill-passiġġier jekk, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, kemm jista’ jkun malajr u fi żmien xieraq, ikun ikkomunika s-servizz disponibbli għat-tkomplija jew għall-għoti ta’ rotta oħra.

5.3.   Dritt għal assistenza

Id-drittijiet għall-assistenza huma stipulati b’mod dettaljat fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 181/2011, u dawn li ġejjin jistgħu jinżammu fil-qosor. Meta t-tluq ta’ servizz fuq distanza twila b’tul skedat ta’ aktar minn 3 sigħat jiġi kkanċellat jew ittardjat għal aktar minn 90 minuta, il-passiġġieri huma intitolati għal ikliet ħfief, ikliet jew xarbiet, b’mod raġonevoli skont il-ħin ta’ stennija, dment li jkunu disponibbli fuq ix-xarabank jew fit-terminal jew li jkunu jistgħu jiġu fornuti b’mod raġonevoli. Trid tingħata akkomodazzjoni jekk il-passiġġieri jkollhom jibqgħu mal-lejl — sa massimu ta’ 2 iljieli, b’rata massima ta’ EUR 80 għal kull lejl — u l-passiġġieri jridu jingħataw ukoll trasport lejn l-akkomodazzjoni u trasport ta’ ritorn lejn it-terminal.

Dan ir-Regolament ma fih xejn li jippermetti li jiġi konkluż li t-trasportatur jista’ jiġi eżentat mill-obbligi tiegħu kollha, inklużi dawk tal-assistenza. L-intenzjoni tar-Regolament hija li tiżgura li tiġi pprovduta assistenza adegwata, b’mod partikolari lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew biex jingħataw rotta oħra skont l-Artikolu 21.

5.4.   Dritt għall-kumpens

Fil-każ tas-servizzi tax-xarabanks, il-passiġġier għandu dritt għal kumpens skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 181/2011. Dan jammonta għal 50 % tal-prezz tal-biljett f’każ li s-servizz jiġi kanċellat, iżda jkun disponibbli biss jekk it-trasportatur jonqos milli joffri lill-passiġġier l-għażla bejn rimborż u l-għoti ta’ rotta oħra.

6.   DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI MARITTIMI U TA’ PASSAĠĠI FUQ L-ILMA INTERNI (IR-REGOLAMENT (UE) 1177/2010)

6.1.   Dritt għal informazzjoni

Kif speċifikat aktar fid-dettall fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010, il-passiġġieri jridu jiġu infurmati dwar is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin skedat tat-tluq u l-ħin stmat tat-tluq u l-ħin stmat tal-wasla malli dik l-informazzjoni tkun disponibbli.

6.2.   Dritt għal għoti ta’ rotta oħra jew rimborż

Meta trasportatur raġonevolment jistenna li servizz tal-passiġġieri jiġi kkanċellat jew ittardjat fit-tluq minn terminal ta’ port għal aktar minn 90 minuta, it-trasportatur għandu joffri lill-passiġġieri għażla bejn żewġ possibiltajiet:

il-bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, taħt kundizzjonijiet komparabbli, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità u mingħajr ebda spiża addizzjonali;

ir-rimborż tal-prezz tal-biljett u, fejn rilevanti, servizz ta’ ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel punt tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità.

Id-dettalji huma stipulati fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) 1177/2010.

It-tkomplija tal-vjaġġ/l-għoti ta’ rotta oħra, u kif spjegat hawn fuq, “mal-ewwel opportunità” tista’ taħt iċ-ċirkostanzi tat-tifqigħa COVID-19 timplika dewmien konsiderevoli, u l-istess jista’ japplika għad-disponibbiltà ta’ informazzjoni konkreta dwar tali “opportunità” minħabba l-livell għoli ta’ inċertezza li taffettwa t-traffiku fuq il-baħar u fuq l-passaġġi fuq l-ilma interni.

L-ewwel nett, jenħtieġ li l-passiġġieri jiġu infurmati dwar dewmien u/jew inċertezzi meta jiġu offruti l-għażla bejn għoti ta’ rotta oħra u rimborż.

It-tieni nett, f’każ li passiġġier xorta jagħżel l-għoti ta’ rotta oħra mal-ewwel opportunità, jenħtieġ li t-trasportatur jitqies li jkun issodisfa l-obbligu ta’ informazzjoni tiegħu lejn il-passiġġier jekk dan ikun ikkomunika fuq l-inizjattiva tiegħu stess, kemm jista’ jkun malajr u fi żmien xieraq, is-servizz disponibbli għall-għoti ta’ rotta oħra.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ rotta oħra u r-rimborż kif ukoll il-kumpens ma japplikawx għall-bastimenti tal-kruċieri (l-Artikolu 2(1)(c)).

6.3.   Dritt għal assistenza

Taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010, il-passiġġieri huma intitolati għal 1) assistenza fil-forma ta’ ikliet ħfief, ikliet jew xorb, fi proporzjon mal-ħin ta’ stennija, sakemm ikunu disponibbli jew raġonevolment jistgħu jkunu fornuti u 2) akkomodazzjoni lill-passiġġieri jekk soġġorn ta’ lejl wieħed jew aktar jew soġġorn addizzjonali ma’ dak maħsub mill-passiġġieri jsir neċessarju — għal massimu ta’ tliet iljieli, b’rata massima ta’ EUR 80 għal kull lejl — u 3) trasport għall-akkomodazzjoni u ritorn lejn it-terminal.

6.4.   Dritt għal kumpens

Mingħajr ma jitilfu d-dritt għat-trasport, il-passiġġieri jistgħu jitolbu kumpens mingħand it-trasportatur jekk ikunu qed jiffaċċaw dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport. Il-livell minimu ta’ kumpens għandu jkun ta’ 25 % tal-prezz tal-biljett għal dewmien li jvarja, skont it-tul taż-żmien skedat tal-vjaġġ. Jekk id-dewmien jaqbeż id-doppju ta’ dak it-tul ta’ żmien skedat, il-kumpens għandu jkun 50 % tal-prezz tal-biljett. Id-dettalji huma stipulati fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) 1177/2010.

L-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 jipprevedi ċerti eżenzjonijiet mid-dritt għal kumpens, fost affarijiet oħra, minħabba ċirkostanzi straordinarji.

Il-Kummissjoni tqis li, meta l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu miżuri maħsuba biex irażżnu l-pandemija tal-COVID-19, tali miżuri huma min-natura u l-oriġini tagħhom mhux inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportaturi u huma barra mill-kontroll propju tagħhom.

L-Artikolu 20(4) jirrinunzja d-dritt għal kumpens bil-kundizzjoni li l-kanċellazzjoni inkwistjoni “tiġi kkawżata” minn ċirkostanzi straordinarji, li jxekklu l-prestazzjoni tas-servizz tal-passiġġieri u li ma setgħetx tiġi evitata anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

Jenħtieġ li l-kundizzjoni titqies bħala ssodisfata, meta l-awtoritajiet pubbliċi jew jipprojbixxu direttament ċerti servizzi tat-trasport jew jipprojbixxu l-moviment ta’ persuni b’mod li jeskludi, de facto, is-servizz tat-trasport inkwistjoni li għandu jiġi operat.

Din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfata wkoll, meta l-kanċellazzjoni sseħħ f’ċirkostanzi fejn il-moviment korrispondenti ta’ persuni ma jkunx kompletament ipprojbit, iżda jkun limitat għal persuni li jibbenefikaw minn derogi (pereżempju ċittadini jew residenti tal-istat ikkonċernat).

Meta l-ebda persuna bħal din ma tivvjaġġa, il-bastiment jew il-vapur jibqa’ vojt jekk is-servizz ma jiġix ikkanċellat. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jista’ jkun leġittimu li trasportatur ma jistenniex sa tard ħafna, iżda li jikkanċella s-servizz ta’ trasport fil-ħin (u anke mingħajr ma jkun ċert dwar id-drittijiet biex jivvjaġġaw tal-passiġġieri varji), sabiex jittieħdu miżuri organizzattivi xierqa, inkluż mil-lat ta’ attenzjoni għall-passiġġieri dovuta mit-trasportatur. F’każijiet ta’ dan it-tip, u skont iċ-ċirkostanzi, kanċellazzjoni xorta tista’ titqies bħala “kkawżata” mill-miżura meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, skont iċ-ċirkustanzi, dan jista’ jkun il-każ ukoll fir-rigward tas-servizzi tat-trasport fid-direzzjoni opposta għas-servizzi direttament ikkonċernati mill-projbizzjoni fuq il-moviment tal-persuni.

Meta t-trasportatur jiddeċiedi li jikkanċella servizz ta’ trasport u juri li din id-deċiżjoni kienet ġustifikata għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-ekwipaġġ, jenħtieġ li tali kanċellazzjoni titqies ukoll bħala “kkawżata” minn ċirkostanzi straordinarji.

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq mhumiex eżawrjenti minħabba li ċirkostanzi speċifiċi oħra fir-rigward ta’ COVID-19 jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20(4).


(1)  Avviż tal-Kummissjoni — Linji Gwida Interpretattivi għar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 214, 15.6.2016, p. 5.);

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU C 220, 4.7.2015, p. 1).

(2)  ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.

(4)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1.

(5)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1.

(6)  Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1).

(7)  Għadd ta’ strumenti jirreferu wkoll b’mod parallel għal “kontinwazzjoni tal-vjaġġ”.

(8)  Il-Punti (a) u (b) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004; il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007; il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010; il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 181/2011.

(9)  Ir-Regolament

(10)  Il-Kawża C-12/11, McDonagh, ECLI:EU:C:2013:43, paragrafu 30 u Punt 4.3.3. tal-Linji Gwida Interpretattivi.

(11)  Ara l-Kawża C-509/11 ÖBB Personenverkehr ECLI:EU:C:2013:613.

(12)  Id-drittijiet għall-għoti ta’ rotta oħra jew għar-rimborż (punt 4.2) u d-dritt għall-kura (punt 4.3) u d-dritt għall-kumpens (punt 4.4) ma japplikax għas-servizzi domestiċi fil-Kroazja, l-Estonja, l-Ungerija, l-Latvja, il-Portugall, is-Slovakkja, s-Slovenja, u għas-Servizzi b’parti sinifikanti tas-servizz (inkluz tal-inqas waqfa waħda skedata) li jopera ’l barra mill-Unjoni Ewropea fil-każ tal-Kroazja, l-Estonja, l-Greċja, l-Finlandja, l-Ungerija, l-Latvja, is-Slovakkja u s-Slovenja.


Top