EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0115

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL COVID-19: Restrizzjoni Temporanja fuq Vjaġġar Mhux Essenzjali lejn l-UE

COM/2020/115 final

Brussell, 16.3.2020

COM(2020) 115 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

COVID-19: Restrizzjoni Temporanja fuq Vjaġġar Mhux Essenzjali lejn l-UE


Il-kriżi tal-coronavirus issa hija pandemija li nfirxet madwar id-dinja, b’każijiet fil-ħames kontinenti. Il-globalizzazzjoni u l-movimenti internazzjonali tan-nies joħolqu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw it-tixrid tal-virus minn fruntiera għal oħra. Minħabba l-ivvjaġġar, din il-kriżi tas-saħħa pubblika rriżultat f’għadd kbir ta’ każijiet importati f’diversi pajjiżi, li progressivament skattaw tifqigħat lokali permezz ta’ trażmissjoni komunitarja gradwali, iżda fuq skala kbira. Aktar ma tintilef ir-rabta bejn il-katina ta’ trażmissjoni u l-ivvjaġġar, aktar se tintensifika malajr it-trażmissjoni lokali, u dan jeżerċita pressjoni kbira fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa.

F’dan il-mument, l-Unjoni Ewropea qed titqies l-epiċentru tal-pandemija tas-COVID-19. Matul dawn l-aħħar ftit ġimgħat, l-Istati Membri ħadu għadd ta’ miżuri drastiċi biex jillimitaw it-tixrid tal-virus. Madankollu, il-każijiet ta’ COVID-19 żdiedu b’mod esponenzjali f’perjodu qasir ta’ żmien, u dan ipoġġi s-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri taħt pressjoni sinifikanti, li wkoll qed tiżdied b’mod esponenzjali kuljum.

Filwaqt li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ġeneralment ma jitqisux mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala l-aktar mod effettiv biex tiġi miġġielda pandemija, it-tifrix rapidu tas-COVID-19 jagħmilha essenzjali li l-UE u l-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti, immedjata u miftiehma mhux biss biex jipproteġu s-saħħa pubblika tal-popolazzjonijiet tagħna, iżda wkoll biex jipprevjenu li l-virus ikompli jinfirex mill-UE lejn pajjiżi oħra, kif ġie osservat f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jiffokaw fuq it-tnaqqis b’mod drastiku tal-flussi tal-persuni li deħlin fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, u b’hekk imajnaw ukoll it-trażmissjoni lejn pajjiżi oħra mar-ritorn tal-vjaġġaturi, u jiskoraġġixxu l-ivvjaġġar miċ-ċittadini tal-UE u minn persuni oħra residenti fiż-żona tal-UE+ 1 .

Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill Ewropew biex jaġixxi bil-ħsieb tal-adozzjoni rapida, mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri ta’ Schengen flimkien mal-kontropartijiet tagħhom tal-Istati Assoċjati ma’ Schengen, ta’ deċiżjoni koordinata li tapplika restrizzjoni temporanja għall-ivvjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi fiż-żona tal-UE+.

****

Il-fruntiera esterna tal-UE għandha taġixxi bħala perimetru ta’ sigurtà għall-Istati kollha ta’ Schengen. Huwa ta’ interess komuni u ta’ responsabbiltà komuni. Fiċ-ċirkostanzi attwali, bil-coronavirus li issa huwa mifrux madwar l-UE, ir-reġim tal-fruntieri esterni joffri l-opportunità ta’ azzjoni miftiehma fost l-Istati Membri biex jiġi limitat it-tixrid globali tal-virus.

Jeħtieġ li kull azzjoni fil-fruntieri esterni tiġi applikata fil-partijiet kollha tal-fruntieri esterni tal-UE. Restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar tista’ tkun effettiva biss jekk tiġi deċiża u implimentata mill-Istati ta’ Schengen għall-fruntieri esterni kollha fl-istess ħin u b’mod uniformi. Restrizzjonijiet mhux koordinati fuq l-ivvjaġġar minn Stati Membri individwali għal partijiet ta’ fruntieri esterni tagħhom jirriskjaw li ma jkunux effettivi. Kull deċiżjoni unilaterali ta’ Stat ta’ Schengen li tapplika restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar fil-parti tiegħu stess tal-fruntieri esterni tista’ tiddgħajjef faċilment minn dawk li jidħlu fiż-żona Schengen f’parti oħra tal-fruntieri esterni: bl-istess mod, deċiżjoni koordinata teħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd.

Tali miżura tippermetti wkoll it-tneħħija tal-miżuri ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, li dan l-aħħar l-Istati Membri reġgħu introduċew fi sforz biex jillimitaw it-tixrid tal-virus. Dawn il-miżuri jirriskjaw li jkollhom impatt serju fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku billi l-UE u ż-żona ta’ Schengen huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ integrazzjoni, b’miljuni ta’ nies li jaqsmu l-fruntieri interni kuljum.

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar għandha tapplika għall-vjaġġi kollha mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona tal-UE+.

Biex tali restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar ikollha l-effett mixtieq f’termini ta’ restrizzjoni tat-tixrid tal-virus, jeħtieġ li l-eċċezzjonijiet ikunu limitati għall-ivvjaġġar għal skopijiet essenzjali 2 .

Ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar temporanju għandha teżenta liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE u tal-Istati Assoċjati ta’ Schengen, 3 għall-finijiet ta’ ritorn lejn djarhom. Din l-eżenzjoni għandha tapplika għal:

-    iċ-ċittadini kollha tal-UE 4 u ċ-ċittadini tal-Istati Assoċjati ta’ Schengen, u l-membri tal-familja tagħhom;

-    iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul skont id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul 5 , u persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn Direttivi oħra tal-UE jew minn liġi nazzjonali oħra jew li jkollhom viżi nazzjonali fit-tul.

Jenħtieġ li din ma tapplikax ukoll għal vjaġġaturi oħra b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali, inklużi:

-professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

-ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri;

-persunal tat-trasport involut fil-ġarr ta’ merkanzija u persunal ieħor tat-trasport sa fejn hu meħtieġ;

-diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom;

-passiġġieri fi tranżitu 6 ;

-passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi ta’ familja;

-persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew għal raġunijiet umanitarji oħrajn.

Jenħtieġ li jitwettqu kontrolli tas-saħħa kkoordinati u msaħħa għall-individwi li jitħallew jidħlu fiż-żona tal-UE+ 7 .

Tul ta’ żmien

Ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar għandha tapplika għal 30 jum. Kull estensjoni possibbli ta’ dan il-perjodu jenħtieġ li tiġi vvalutata skont aktar żviluppi.

Konklużjoni

Restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi għal lejn iż-żona tal-UE+ teħtieġ deċiżjoni koordinata tal-UE bi ftehim mal-Istati Assoċjati ma’ Schengen.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew biex jaġixxi bil-ħsieb ta’ adozzjoni rapida, mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri ta’ Schengen, flimkien mal-kontropartijiet tagħhom tal-Istati Assoċjati ma’ Schengen, ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar fuq vjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona tal-UE+ b’effett immedjat fil-partijiet kollha tal-fruntieri esterni ta’ Schengen.

Meta wieħed iqis iż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar, l-Irlanda u r-Renju Unit huma mħeġġa wkoll jimplimentaw din ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar.

L-Istati Membri tal-UE u l-Istati Assoċjati ma’ Schengen jenħtieġ ukoll li jinkoraġġixxu b’mod qawwi liċ-ċittadini u r-residenti biex ma jivvjaġġawx barra mit-territorji tagħhom sabiex jiġi evitat aktar tixrid tal-virus f’pajjiżi oħra.

(1)      Jenħtieġ li ż-“żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inklużi l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen. Din tkun tinkludi wkoll l-Irlanda u r-Renju Unit jekk jiddeċiedu li jallinjaw.
(2)      L-iskema ta’ tranżitu speċjali għal Kaliningrad jenħtieġ li tkompli tapplika, iżda l-ferroviji taħt din l-iskema ma għandhomx jieqfu fit-territorju ta’ Schengen.
(3)      L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera.
(4)      Iċ-ċittadini tar-Renju Unit għad iridu jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-UE sa tmiem l-2020.
(5)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.
(6)      Inklużi dawk li ġew ripatrijati permezz ta’ assistenza konsulari.
(7)      Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, 16.3.2020, C(2020) 1753 final.
Top