EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2296

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2296 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika tat-Tuneżija maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/9868

OJ L 458, 22.12.2021, p. 521–523 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/2296/oj

22.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 458/521


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2296

tal-21 ta’ Diċembru 2021

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika tat-Tuneżija maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jeħtiġilhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stipulata f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika tat-Tuneżija liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika tat-Tuneżija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fl-1 ta’ Novembru 2021, ir-Repubblika tat-Tuneżija pprovdiet informazzjoni dettaljata lill-Kummissjoni dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 tat-tilqim interoperabbli skont is-sistema intitolata “EVAX”. Ir-Repubblika tat-Tuneżija infurmat lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħha qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika, huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tat-Tuneżija informat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika tat-Tuneżija f’konformità mas-sistema “EVAX” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Ir-Repubblika tat-Tuneżija informat ukoll lill-Kummissjoni li taċċetta ċertifikati tat-tilqim u tat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

(5)

Fis-7 ta’ Diċembru 2021, wara talba mir-Repubblika tat-Tuneżija, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġin mir-Repubblika tat-Tuneżija huma f’konformità ma’ sistema, l-“EVAX” li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u li tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġin mir-Repubblika tat-Tuneżija f’konformità mas-sistema “EVAX” fihom id-data meħtieġa.

(6)

Minbarra dan, ir-Repubblika tat-Tuneżija informat lill-Kummissjoni li toħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawn il-vaċċini bħalissa jinkludu Comirnaty, Spikevax, Vaxzevria, COVID-19 Vaccine Janssen, CoronaVac, BBIBP-CorV, Spuntik V u Hayat-Vax.

(7)

Ir-Repubblika tat-Tuneżija informat ukoll lill-Kummissjoni li ma toħroġx ċertifikati ta’ testijiet interoperabbli biss għal testijiet ta’ amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku jew għal testijiet rapidi tal-antiġeni.

(8)

Barra minn hekk, ir-Repubblika tat-Tuneżija informat lill-Kummissjoni li ma toħroġx ċertifikati ta’ fejqan interoperabbli.

(9)

Minbarra dan, ir-Repubblika tat-Tuneżija informat lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi fit-Tuneżija jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fiċ-ċertifikati tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati u kkonfermati t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew l-istatus tal-fejqan tad-detentur u wara ma tibqax tinżamm.

(10)

L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika tat-Tuneżija f’konformità mas-sistema “EVAX” iridu jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma b’hekk issodisfati.

(11)

Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika tat-Tuneżija f’konformità mas-sistema “EVAX” jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li r-Repubblika tat-Tuneżija tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew tħassarha, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(14)

Sabiex ir-Repubblika tat-Tuneżija tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika tat-Tuneżija f’konformità mas-sistema “EVAX” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

Ir-Repubblika tat-Tuneżija għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).


Top