EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0343

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Pjan ta’ azzjoni

COM/2019/343 final

Brussell, 17.7.2019

COM(2019) 343 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni















Pjan ta’ azzjoni


I.    INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea tissejjes fuq ġabra ta’ valuri kondiviżi, inklużi d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt 1 . Dawn huma l-pedament tas-soċjetajiet tagħna u tal-identità komuni tagħna. L-ebda demokrazija ma tista’ tirnexxi mingħajr qrati indipendenti li jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili, u lanqas ma tirnexxi mingħajr soċjetà ċivili attiva u mezzi tax-xandir liberi li jaċċertaw il-pluraliżmu. L-istat tad-dritt huwa prinċipju stabbilit tajjeb, iddefinit b’mod tajjeb fit-tifsira ewlenija tiegħu. Din it-tifsira ewlenija, minkejja l-identitajiet nazzjonali u l-ordinamenti ġuridiċi differenti u t-tradizzjonijiet li jridu jiġu rrispettati mill-Unjoni, hija l-istess waħda fl-Istati Membri kollha 2 . 

Taħt l-istat tad-dritt, il-poteri pubbliċi kollha dejjem jaġixxu fi ħdan il-limitazzjonijiet stabbiliti bil-liġi, skont il-valuri tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. L-istat tad-dritt għandu impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kull ċittadin: huwa prekundizzjoni għall-iżgurar ta’ trattament indaqs f’għajnejn il-liġi u tad-difiża tad-drittijiet individwali, għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-poter mill-awtoritajiet pubbliċi u sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jinżammu responsabbli. Il-ħarsien tal-istat tad-dritt huwa essenzjali wkoll sabiex iċ-ċittadini jafdaw l-istituzzjonijiet pubbliċi. Mingħajr tali fiduċja, is-soċjetajiet demokratiċi ma jistgħux jiffunzjonaw. L-istat tad-dritt ikopri kemm il-liġijiet jiġu stabbiliti b’mod responsabbli, kemm jiġu applikati b’mod ġust, u kemm dawn jaħdmu b’mod effettiv. Kif rikonoxxut mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istat tad-dritt ikopri wkoll kwistjonijiet istituzzjonali bħall-qrati indipendenti u imparzjali, 3 u s-separazzjoni tal-poteri. 4 Sentenzi riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja komplew jenfasizzaw li l-istat tad-dritt huwa ċentrali għall-ordinament ġuridiku tal-UE 5 .

Il-proġett Ewropew iserraħ fuq ir-rispett permanenti tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha. Huwa prerekwiżit għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE u għall-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Huwa wkoll ta’ importanza ċentrali biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ taħdem tajjeb bħala żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u bħala suq intern, fejn il-liġijiet japplikaw b’mod effettiv u uniformi u fejn il-baġits jintefqu skont ir-regoli applikabbli. Għaldaqstant it-theddid għall-istat tad-dritt iqiegħed f’diffikultà l-bażi ġuridika, politika u ekonomika ta’ kif taħdem l-UE. Huwa għalhekk li l-promozzjoni u r-rispett tal-istat tad-dritt huma neċessità ċentrali tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea bħala gwardjana tat-Trattati. Jekk Stat Membru jonqos milli jirrispetta l-istat tad-dritt, dan ikollu impatt fuq Stat Membru ieħor u fuq l-UE kollha kemm hi, u l-Unjoni għandha interess komuni li ssolvi l-kwistjonijiet marbuta mal-istat tad-dritt kull fejn dawn ifeġġu.

Filwaqt li, fil-prinċipju, l-Istati Membri kollha jitqiesu li jirrispettaw l-istat tad-dritt f’kull ħin, sfidi li feġġew dan l-aħħar fir-rigward tal-istat tad-dritt f’xi Stati Membri wrew li dan ma jistax jitqies bħala fatt ovvju. Sfidi bħal dawn wasslu għal tħassib dwar l-abbiltà tal-Unjoni li tindirizza tali sitwazzjonijiet. Bosta każijiet riċenti li saru magħrufa fil-livell tal-UE kienu jduru madwar l-indipendenza tal-proċess ġudizzjarju. Eżempji oħra riċenti kienu jirrigwardaw il-qrati kostituzzjonali mdgħajfa, użu dejjem akbar tal-ordinanzi eżekuttivi, jew attakk wieħed wara l-ieħor minn fergħa tal-istat fuq oħra. B’mod aktar mifrux, il-korruzzjoni f’livelli għolja u l-abbuż tal-uffiċċju huma marbuta ma’ sitwazzjonijiet fejn is-setgħa politika tkun qed tfittex li tipprevali fuq l-istat tad-dritt, filwaqt li t-tentattivi biex jitnaqqas il-pluraliżmu u jiddgħajfu l-gwardjani essenzjali bħas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti huma sinjali ta’ twissija ta’ theddid għall-istat tad-dritt 6 .

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ April 2019, 7 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ħarsa ġenerali tas-sett tal-għodod attwali biex jiġu indirizzati l-isfidi għall-istat tad-dritt fl-Unjoni u fetħet dibattitu dwar kif issaħħu. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, in-netwerks ġudizzjarji, is-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika ħadu sehem f’dan id-dibattitu u taw kontributi validi. L-importanza tal-istat tad-dritt u l-bżonn ta’ sett ta’ għodod aktar b’saħħtu tal-istat tad-dritt fl-UE dehru ċar u tond f’dan id-dibattitu. Dan jirrifletti tħassib dejjem jikber rigward il-kwistjonijiet tal-istat tad-dritt fl-istituzzjonijiet tal-UE.

F’Mejju 2019 f’Sibiu, il-mexxejja Ewropej ħadu impenn unanimu li “(j)komplu (j)ħarsu l-istil tal-ħajja tagħna, id-demokrazija u l-istat tad-dritt” 8 . Il-Kunsill Ewropew ikkonferma l-impenn li ħa f’Sibiu fl-Aġenda Strateġika tiegħu adottata fil-21 ta’ Ġunju 2019 9 . Din titlob sabiex il-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istat tad-dritt jingħataw prijorità akbar fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill. Il-ħarsien tal-istat tad-dritt ingħata prominenza fid-dibattiti fil-Parlament Ewropew tul il-mandat 2014-2019, 10 kif ukoll fil-programmi tal-presidenzi tal-Kunsill 11 . Kien ukoll suġġett importanti fil-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Il-partiti politiċi Ewropej bdew jikkunsidraw jekk il-partiti li jagħmlu l-bsaten fir-roti fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-valuri komuni tal-UE għandhomx jiġu esklużi mill-partiti.

Filwaqt li dan id-dibattitu jeħtieġ li jibqa’ għaddej, 12 din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi azzjonijiet konkreti fuq terminu qasir u medju. Xi azzjonijiet jistgħu jinbdew minnufih. Oħrajn se jkollhom jiġu żviluppati aktar bħala fergħa ta’ ħidma prinċipali għall-Kummissjoni li jmiss, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni huwa, u jrid jibqa’, objettiv prinċipali għal kulħadd.

II.    L-ISTAT TAD-DRITT: VALUR KONDIVIŻ GĦALL-EWROPEJ

Mill-Komunikazzjoni ta’ April lil hawn, id-dibattitu dwar l-istat tad-dritt intensifika ruħu. Il-Kummissjoni bbenefikat minn sensiela wiesgħa ta’ kontributi u riflessjonijiet. Il-Kummissjoni rċeviet 60 kontribut bil-miktub 13 minn atturi istituzzjonali nazzjonali, internazzjonali u tal-UE, kif ukoll mis-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika. Il-Kummissjoni ħadet sehem ukoll f’konferenzi u dibattiti fil-livell Ewropew u fil-bliet kapitali. Il-kontributi enfasizzaw l-importanza tal-istat tad-dritt u l-ħtieġa assoluta li dan jiġi rrispettat madwar l-UE. Dawn ikkonfermaw ukoll ir-rilevanza u l-komplementarjetà tat-tliet pilastri tal-promozzjoni, il-prevenzjoni u r-rispons, stabbiliti fil-Komunikazzjoni ta’ April. Uħud kienu tal-fehma li l-iżvilupp tas-sett ta’ għodod huwa prijorità, filwaqt li oħrajn qiesu li jekk l-għodod eżistenti jiġu infurzati aħjar dan diġà jagħmel differenza. Għadd ċkejken ta’ kontributi poġġew f’dubju d-dimensjoni tal-UE tal-kwistjoni. Dan jirrifletti r-realtà li s-sinifikat tal-istat tad-dritt għall-funzjonament tal-UE, għaċ-ċittadini tagħha u għan-negozji, ma jistax jitqies bħala fatt ovvju u għandu jingħata aktar promozzjoni u jiġi spjegat aktar. Dan jenfasizza wkoll kemm huwa importanti li jintwera li l-azzjoni tal-UE hija oġġettiva, proporzjonata u nondiskriminatorja, u li rispons formali tal-UE għandu jasal biss meta s-sistema ta’ kontrokontrolli nazzjonali ma tkunx qed taħdem.

Apparti minn hekk, f’April 2019, il-Kummissjoni għamlet stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-Istati Membri kollha. Ir-riżultati juru appoġġ liema bħalu għall-istat tad-dritt, b’xi ftit differenzi limitati bejn l-Istati Membri 14 . L-importanza tal-prinċipji ewlenin tal-istat tad-dritt ġew rikonoxxuti minn aktar minn 80 % taċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha 15 . Konklużjonijiet ewlenin oħra kienu l-appoġġ qawwi għall-importanza tal-midja u tas-soċjetà ċivili sabiex min hu fil-poter jinżamm responsabbli, b’aktar minn 85 % tal-Ewropej tal-fehma li huwa importanti li l-midja, il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaħdmu liberament u jikkritikaw mingħajr sogru ta’ intimidazzjoni.

L-Ewrobarometru enfasizza wkoll li fil-fehma tal-Ewropej huwa importanti li l-istat tad-dritt japplika fl-UE kollha, b’89 % jappoġġaw il-ħtieġa li l-istat tad-dritt ikun rispettat fl-Istati Membri l-oħra kollha tal-UE.

L-Ewropej appellaw ukoll biex isir titjib fir-rispett tal-istat tad-dritt, u għal darb’oħra ċ-ċifra kienet konsistenti b’aktar minn 80 % jappoġġaw daqsxejn titjib fil-prinċipji ewlenin tal-istat tad-dritt. Il-ħtieġa li jsir titjib kienet partikolarment qawwija f’termini tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-legalità u l-evitar tad-deċiżjonijiet arbitrarji, kif ukoll għal-libertà tal-midja u tas-soċjetà ċivili.

Mill-konsultazzjoni ta’ wara l-Komunikazzjoni ta’ April ħareġ ukoll kemm iċ-ċittadini jagħtu importanza lill-istat tad-dritt bir-rieda murija minn diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-dinja akkademika li jinvolvu ruħhom aktar fil-promozzjoni u l-prevenzjoni tal-istat tad-dritt u jaġixxu bħala informaturi meta jfeġġu l-problemi. Xi eżempji ta’ azzjonijiet li spikkaw bħala interessanti huma l-organizzazzjoni ta’ djalogi taċ-ċittadini fl-UE kollha, l-iżvilupp ta’ “kompetenza” dwar l-istat tad-dritt b’sorsi aċċessibbli u faċli għall-utent u pjattaforma miftuħa għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-allerti.

III.    RESPONSABBILTÀ KONDIVIŻA GĦALL-ISTATI MEMBRI U GĦALL-ISTITUZZJONIJIET TAL-UE KOLLHA

Ir-responsabbiltà li jkun aċċertat ir-rispett tal-istat tad-dritt bħala valur komuni hija l-ewwel u qabel kollox ta’ kull Stat Membru. L-aċċertar li l-istat tagħhom jiffunzjona kif suppost hija responsabbiltà kostituzzjonali interna, iżda wkoll responsabbiltà fil-konfront tal-Unjoni u ta’ Stati Membri oħra. Il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) TUE) jenfasizza d-dmir tal-Istati Membri li jagħmluha faċli li l-Unjoni twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn miżuri li jistgħu jipperikolaw l-objettivi tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jenfasizza wkoll id-dmir tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jassistu lil xulxin, li jfisser li hemm responsabbiltà fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-UE li jipprovdu assistenza proporzjonata lill-Istati Membri biex ikun aċċertat ir-rispett tal-istat tad-dritt.

Il-Komunikazzjoni ta’ April irrimarkat ukoll li l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-prinċipji li jmexxi l-azzjoni esterna tal-UE u bil-mod il-mod sar aktar ċentrali għall-proċess ta’ adeżjoni mal-UE u għall-politika tal-viċinat. L-Aġenda Strateġika tal-Kunsill Ewropew tikkonferma li r-rispett tal-valuri tal-UE għandu jkun fil-qalba tar-relazzjonijiet esterni tal-UE. Il-Kummissjoni diġà qed tappoġġa b’mod attiv ir-riformi tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi terzi.

Obbligu ewlieni ieħor tal-Istati Membri huwa li jiggarantixxu liċ-ċittadini tagħhom l-eżerċitar ta’ drittijiethom, b’mod partikolari permezz tal-aċċess għall-ġustizzja u għall-proċess ġust. L-Artikolu 19 TUE jaffida r-responsabbiltà għall-iżgurar tal-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha u għall-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-individwi skont dak id-dritt tal-UE lill-qrati u t-tribunali nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, ir-rwol tal-qrati u t-tribunali nazzjonali fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE huwa kruċjali billi dawn huma responsabbli l-ewwel u qabel kollox għall-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE u biex jagħtu bidu għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari stipulata fl-Artikolu 267 TFUE, sabiex tkun iggarantita l-konsistenza u l-uniformità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE. F’dan ir-rigward, u kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-garanzija tal-indipendenza ġudizzjarja hija obbligu legali fil-qalba tal-istat tad-dritt.

Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva mill-qrati indipendenti hija meħtieġa mill-Artikolu 19(1) TUE bħala espressjoni konkreta tal-valur tal-istat tad-dritt. Din id-dispożizzjoni tinsab fil-qalba ta’ għadd ta’ rinviji preliminari mill-qrati nazzjonali u ta’ għadd ta’ proċeduri ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti. Diġà fl-2006, il-Qorti kienet iddeċidiet li l-kunċett ta’ “indipendenza ġudizzjarja” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-UE u li dan jimplika li l-imħallfin iridu jkunu protetti vis-à-vis kull intervent estern li jista’ jikkomprometti l-indipendenza tas-sentenza tagħhom. 16 Dan ġie segwit fl-2018 u fl-2019 minn għadd ta’ sentenzi importanti. Il-Qorti kkonstatat li l-Istati Membri huma obbligati mid-dritt tal-Unjoni li jaċċertaw li l-qrati tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, espressjoni konkreta tal-istat tad-dritt, u li l-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija essenzjali biex tkun aċċertata l-protezzjoni ġudizzjarja. 17  

F’sentenzi oħra, il-Qorti ddefiniet f’aktar dettall ir-rekwiżiti tal-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità, u indikat l-importanza ċentrali tagħhom kemm għat-tħaddim kif imiss tas-sistema tal-kooperazzjoni ġudizzjarja mnaqqxa bil-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE kif ukoll għall-istrumenti sekondarji ta’ liġi, abbażi tal-fiduċja reċiproka. 18 Il-Qorti ħarġet ukoll miżuri interim biex jiġu sospiżi r-riformi nazzjonali li jkunu se jaffettwaw l-indipendenza ġudizzjarja. 19 Dan l-aħħar, il-Qorti stabbiliet li minkejja li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri hija kompetenza nazzjonali, l-Istati Membri jridu jikkonformaw mal-obbligi tad-dritt tal-UE meta jeżerċitaw dik il-kompetenza, u għalhekk dan jista’ jkun soġġett għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja 20 . Hemm kawżi oħra mressqa mill-qrati nazzjonali u mill-Kummissjoni li jinsabu pendenti quddiem il-Qorti, u jistgħu jwasslu għal żviluppi importanti oħra fil-ġurisprudenza.

Hemm ukoll ġurisprudenza tal-Qorti li qed tevolvi li tixħet dawl fuq kif il-problemi sistematiċi relatati mal-istat tad-dritt jista’ jkollhom impatt speċifiku fil-qasam tal-finanzi tal-Unjoni. 21

IV.    AZZJONIJIET GĦAT-TISĦIĦ TAL-ISTAT TAD-DRITT

Il-Komunikazzjoni ta’ April stabbiliet is-sett ta’ għodod eżistenti biex tħeġġeġ u tinforza l-istat tad-dritt fl-UE. Fil-valutazzjoni tal-esperjenza sa issa, il-Kummissjoni identifikat rotot biex tirrinforza dan is-sett ta’ għodod li jistrieħu fuq tliet pilastri: il-promozzjoni ta’ kultura tal-istat tad-dritt, il-prevenzjoni ta’ problemi marbuta mal-istat tad-dritt li jfeġġu jew ikomplu jikbru, u kif l-aħjar li jitfassal rispons komuni effettiv meta tiġi identifikata problema sinifikanti.

Hawnhekk huwa importanti li wieħed ifakkar il-prinċipji fundamentali li fuqhom tissejjes l-azzjoni tal-UE dwar l-istat tad-dritt. L-ewwel nett, jeżisti interess leġittimu kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri l-oħra fil-funzjonament kif suppost tal-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali. It-tieni, ir-responsabbiltà primarja għall-aċċertar tal-istat tad-dritt hija f’idejn kull Stat Membru, u l-ewwel rikors għandu dejjem ikun dak tal-mekkaniżmi ta’ rimedju nazzjonali. It-tielet, ir-rwol tal-UE f’dan il-qasam irid ikun oġġettiv u jittratta lill-Istati Membri kollha bl-istess mod, u l-istituzzjonijiet kollha tagħha jridu jikkontribwixxu skont ir-rwol istituzzjonali rispettiv tagħhom. Fl-aħħar nett, l-objettiv ma jridx ikun dak li tiġi imposta xi sanzjoni iżda li tinstab soluzzjoni li tipproteġi l-istat tad-dritt, li fil-qalba tagħha jkollha l-kooperazzjoni u l-appoġġ reċiproku, mingħajr ma jkun eskluż rispons effettiv, proporzjonat u dissważiv f’każ li ma jifdalx triq oħra.

Il-promozzjoni: jitkattar l-għarfien u kultura komuni dwar l-istat tad-dritt

L-aqwa garanzija tar-rispett tal-valuri komuni tagħna hija l-eżistenza ta’ kultura politika u ġuridika robusta li tappoġġa l-istat tad-dritt f’kull Stat Membru. Madankollu, wieħed ma jistax jassumi li jiġri dejjem hekk. Żviluppi politiċi f’diversi Stati Membri wasslu għal każijiet fejn il-prinċipji bħas-separazzjoni tal-poteri, il-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet, u r-rispett lejn l-oppożizzjoni jew l-indipendenza ġudizzjarja jidher li ġew imminati – xi drabi kaġun ta’ għażliet politiċi intenzjonati. Nuqqas ta’ informazzjoni u għarfien limitat fost il-pubbliku ġenerali dwar l-isfidi għall-istat tad-dritt iwasslu għat-tkattir ta’ żviluppi ta’ dan it-tip. Mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru rriżulta li aktar minn nofs l-Ewropej ma jħossuhomx li huma infurmati biżżejjed dwar il-valuri fundamentali tal-UE. 

Dawn il-lakuni jridu jimtlew b'azzjonijiet proattivi biex l-istat tad-dritt fl-UE jingħata promozzjoni kemm fil-livell professjonali kif ukoll fost il-pubbliku inġenerali. Tali azzjonijiet ikollhom l-għan li jintegraw l-istat tad-dritt fir-retorika politika nazzjonali u Ewropea, kemm permezz tad-disseminazzjoni tal-għarfien dwar ir-rekwiżiti u l-istandards tad-dritt tal-UE u l-importanza tal-istat tad-dritt għaċ-ċittadini u għan-negozji, u billi l-partijiet ikkonċernati jingħataw is-setgħa li jkollhom interess fil-promozzjoni ta’ temi dwar l-istat tad-dritt. Sabiex iċ-ċittadini u n-negozji japprezzaw ir-rwol u l-importanza tas-sistemi ġudizzjarji, dawn iridu jkunu moderni u aċċessibbli. Ta’ importanza ewlenija hija wkoll il-fiduċja reċiproka fis-sistemi ġudizzjarji ta’ xulxin, li hija prekundizzjoni għal Suq Uniku li verament jiffunzjona.

L-intenzjoni tal-Kunsill li jiddiskuti l-approċċ tiegħu stess dwar l-istat tad-dritt fl-ambitu tal-Presidenza Finlandiża fil-ħarifa 2019 tista’ ġġib magħha titjib siewi fil-promozzjoni tal-istat tad-dritt fost l-Istati Membri 22 . 

Is-soċjetà ċivili, il-midja, id-dinja akkademika u s-sistemi ta’ edukazzjoni tal-Istati Membri kollha jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom billi jaċċertaw li fid-dibattitu pubbliku u fil-kurrikuli edukattivi jkun hemm post għall-istat tad-dritt. Sfida ewlenija f’dan ir-rigward hija li titrawwem kultura dwar l-istat tad-dritt fost il-pubbliku ġenerali, kif rikonoxxut fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni 23 . Il-Kummissjoni rċeviet kontributi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li juri rieda li din il-ħidma tiġi approfondita 24 . Il-Kummissjoni se tkun qed tagħmel segwitu tal-idea ta’ avveniment annwali dwar l-istat tad-dritt għal djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE, kif ukoll għal djalogu bejniethom. Il-Kummissjoni se tibqa’ wkoll tagħti attenzjoni speċjali għat-tentattivi ta’ pressjoni fuq is-soċjetà ċivili u fuq il-midja indipendenti u se tkompli tappoġġa l-ħidma tagħhom. Fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, anki jekk dawn il-programmi ma jirrigwardawx speċifikament l-istat tad-dritt, il-Kummissjoni pproponiet qafas ta’ finanzjament aktar b’saħħtu u aktar koerenti għal tali ħidma fl-ambitu tal-programm tal-futur dwar id-Drittijiet u l-Valuri 25 u l-programm Ewropa Kreattiva 26 . Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw f’qasir żmien dawn il-programmi sabiex ikunu jistgħu jinbdew fil-ħin. Barra minn hekk, ir-riċerka ffinanzjata mill-UE rigward l-istat tad-dritt jenħtieġ li tkompli titħeġġeġ, u jkun hemm disseminazzjoni kif dovut tar-riżultati tal-proġetti li jinsabu għaddejjin bħalissa.

It-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni huma għodod kruċjali għas-soċjetà ċivili u għall-midja fis-sistemi ta’ kontrokontrolli nazzjonali. Il-liġijiet dwar it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni jridu jiġu applikati b’mod effettiv fl-Istati Membri kollha u fil-livell tal-UE 27 . Sabiex l-istat tad-dritt jingħata aktar viżibbiltà, il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa strateġija ta’ komunikazzjoni apposta dwar l-istat tad-dritt, inkluż biex l-informazzjoni relatata ssir aċċessibbli fil-lingwi uffiċjali kollha u biex is-sinifikat tiegħu għall-Unjoni kollha kemm hi u għaċ-ċittadini individwali u n-negozji jiġi spjegat b’mod ċar.

In-netwerks Ewropej diġà għandhom rwol importanti fil-promozzjoni u l-iskambju tal-ideat u tal-aħjar prattiki 28 . Fil-ġudikatura, netwerks bħan-Netwerk Ewropew tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-UE, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u l-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-UE, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, u n-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ għall-Imħallfin għandhom jiġu appoġġati sabiex l-istat tad-dritt jingħata aktar promozzjoni. L-appoġġ tal-Kummissjoni għal dawn in-netwerks kollha għandu jagħti prijorità lill-proġetti li jippromovu l-istat tad-dritt, b’attenzjoni partikolari lill-Istati Membri li qed jaffaċċjaw sfidi relatati mal-istat tad-dritt 29 . Għandha tiġi mħeġġa u appoġġata wkoll il-kooperazzjoni ulterjuri bejn l-istituzzjonijiet inkarigati mis-sorveljanza kostituzzjonali, inkluż fir-rigward tal-attivitajiet tal-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej. In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jista’ wkoll jamplifika l-iskambji tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki tiegħu fil-promozzjoni tal-amministrazzjoni tajba u jikkontribwixxi għall-ġbir u d-disseminazzjoni tad-data rilevanti.

B’mod aktar ġenerali, il-ġudikaturi nazzjonali għandhom wkoll rwol importanti x’jaqdu fil-promozzjoni tal-istandards tal-istat tad-dritt. Is-sehem tal-kunsilli nazzjonali tal-ġudikatura, tal-imħallfin u tal-prosekuturi f’dibattiti nazzjonali dwar ir-riformi ġudizzjarji hija fiha nnifisha parti importanti mill-kontrokontrolli nazzjonali.

Il-parlamenti nazzjonali għandhom ukoll rwol ewlieni fl-iżgurar tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, kemm bħala fassala tal-liġi kif ukoll fit-twettiq tal-obbligu ta’ rendikont tal-eżekuttiv. Il-Parlament Ewropew, il-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej tal-Parlamenti tal-UE u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-UE jistgħu jagħtu prijorità lid-djalogu interparlamentari dwar il-kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt, pereżempju permezz ta’ avveniment annwali. Dan jista’ jkun ukoll tema fid-dibattiti parlamentari nazzjonali dwar il-kwistjonijiet tal-UE. Il-Kummissjoni hija lesta li tikkontribwixxi biex tixpruna djalogu bħal dan. Appoġġ u skambji parlamentari bilaterali, pereżempju dwar l-aħjar prattiki mill-perspettiva tar-regolamentazzjoni aħjar (bħat-tfassil tal-liġijiet abbażi tal-evidenza jew it-trasparenza tal-proċeduri) jew gruppi parlamentari mill-partiti kollha dwar l-istat tad-dritt, ukoll ikunu ta’ benefiċċju.

Il-Komunikazzjoni ta’ April enfasizzat il-kontribut li jista’ jirriżulta mir-rinfurzar tal-kooperazzjoni mal-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Memorandum ta’ Qbil tal-2007 bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea jagħti rwol speċifiku lill-Kunsill tal-Ewropa bħala “l-punt ta' riferiment għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija fl-Ewropa” u l-UE ħadet impenn li tikkunsidra l-ħidma tiegħu. B’rispett sħiħ tar-responsabbiltajiet istituzzjonali u politiċi taż-żewġ istituzzjonijiet, il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa din il-kooperazzjoni u żżid is-sehem tal-UE fil-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa, billi tagħmel il-kooperazzjoni fil-livell ta' servizz waħda aktar b'saħħitha u aktar sistematika. L-UE diġà hija parteċipant attiv fil-Kunsill tal-Ewropa f’diversi livelli, inkluż bis-sehem tal-Kummissjoni bħala osservatur fil-Kummissjoni ta’ Venezja 30 . Pass addizzjonali importanti huwa l-istatus ta’ osservatur tal-UE fil-grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa. Bi qbil mal-Kunsill, il-Kummissjoni ħadet il-passi neċessarji biex titlob l-istatus ta’ osservatur, 31 li ngħatalha f’Lulju 2019 32 . L-UE tipprovdi finanzjament sinifikanti għall-attivitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa 33 . 

L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem 34 se tibgħat sinjal politiku qawwi ta’ impenn min-naħa tal-Unjoni fil-konfront tal-istat tad-dritt u tal-appoġġ tagħha għall-Konvenzjoni, u għas-sistema ta’ infurzar tagħha, partikolarment ġudizzjarja. Il-Kummissjoni rrafforzat il-ħidma biex terġa’ tibda n-negozjati tal-adeżjoni. 35  

Il-Kummissjoni se tapprofondixxi wkoll il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet internazzjonali l-oħra li qed jaħdmu fuq kwistjonijiet b’rabta mal-istat tad-dritt permezz ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha u aktar sistematika fil-livell ta’ servizz. Dawn jinkludu l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), li taħdem rigward l-istat tad-dritt bħala parti mill-ħidma tagħha dwar id-demokratizzazzjoni, u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), fejn il-kooperazzjoni tista’ tistħarreġ il-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-istat tad-dritt.

Il-Ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kriminalità Organizzata u d-Drogi, fl-aċċertar tas-segretarjat tal-Konvenzjoni kontra l-Korruzzjoni, kif ukoll il-Bank Dinji, ikkontribwiet ukoll għad-dibattitu fil-komunità internazzjonali dwar l-istat tad-dritt u l-implikazzjonijiet tiegħu.

Organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi qegħdin jaħdmu dwar il-kwistjoni mill-perspettiva tal-iżvilupp ekonomiku u tal-importanza tal-istat tad-dritt għall-klima kumplessiva tan-negozju u l-investiment. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bl-istess mod enfasizza l-ħtieġa li jitqiesu aktar l-aspetti ekonomiċi tal-istat tad-dritt. Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika kkunsidra r-rilevanza tal-istat tad-dritt għall-ambjent tan-negozju fil-ħidma tiegħu għall-promozzjoni tar-riformi strutturali li jixprunaw it-tkabbir f’oqsma bħas-sistemi ġudizzjarji effettivi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni – rabta rikonoxxuta wkoll mill-Bank Ċentrali Ewropew u mis-sħab soċjali Ewropej, u enfasizza l-importanza tal-istat tad-dritt bħala garanzija għaċ-ċittadini, l-impjegaturi u l-ħaddiema Ewropej.

Il-Kummissjoni beħsiebha tibni fuq ir-rieda ta’ dawn l-atturi kollha fl-involviment favur il-promozzjoni tal-istat tad-dritt. 36

Il-Kummissjoni se:

·Tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet ta’ finanzjament għas-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika li jappoġġaw it-tisħiħ tal-kultura dwar l-istat tad-dritt, b’mod partikolari fost il-pubbliku ġenerali u se twettaq segwitu tal-idea ta’ avveniment annwali dwar l-istat tad-dritt miftuħ għall-partijiet ikkonċernati nazzjonali u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

·Issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż mal-Kummissjoni ta' Venezja u mal-GRECO, u tistħarreġ li tappoġġah ulterjorment b’rabta mal-prijoritajiet tal-UE dwar l-istat tad-dritt.

·Tirrinforza l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi.

·Timxi fuq il-passi tal-kooperazzjoni man-netwerks ġudizzjarji Ewropej u netwerks oħra biex tippromovi l-istandards tal-istat tad-dritt, inkluż kull appoġġ li jista’ jintalab b’rabta mal-kooperazzjoni bejn il-qrati kostituzzjonali

·Tiżviluppa strateġija ta’ komunikazzjoni apposta għall-pubbliku dwar l-istat tad-dritt, inkluż billi taġġorna s-sit web iddedikat għall-istat tad-dritt sabiex isir punt ta’ riferiment għall-informazzjoni rilevanti kollha.

Il-Kummissjoni tistieden:

·Lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali biex jiżviluppaw kooperazzjoni interparlamentari speċifika dwar il-kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt, li għandha tikkontribwixxi għaliha l-Kummissjoni.

·Lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex iqisu modi kif jippromovu l-istandards tal-istat tad-dritt, inkluż fil-kuntest ta’ diskussjonijiet tal-mument jew tal-futur rigward l-Istat tad-Dritt.

·Lill-Istati Membri biex isaħħu l-promozzjoni tal-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż permezz tal-edukazzjoni u s-soċjetà ċivili.

·Lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lis-sħab soċjali biex ikomplu jwettqu monitoraġġ u jikkontribwixxu għad-diskussjoni dwar l-impatt u l-konsegwenzi konkreti tan-nuqqasijiet li jikkonċernaw l-istat tad-dritt fil-qasam rispettiv tagħhom ta’ responsabbiltà.

Il-prevenzjoni: Kooperazzjoni u appoġġ biex l-istat tad-dritt jissaħħaħ fil-livell nazzjonali

Ir-responsabbiltà primarja għall-aċċertar tal-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali hija tal-Istati Membri. Il-ġudikatura nazzjonali, flimkien ma’ kontrokontrolli nazzjonali oħra bħall-qrati kostituzzjonali u l-ombudspersons, huma l-ewwel linji ta’ difiża prinċipali kontra l-attakki fuq l-istat tad-dritt minn kwalunkwe fergħa tal-istat. Minkejja dan, l-UE għandha rwol leġittimu x’taqdi fl-appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali u biex taċċerta li l-iżviluppi negattivi jiġu indirizzati fi stadju bikri. Ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE għandu jkun li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u d-djalogu sabiex jilqgħu għal sitwazzjonijiet problematiċi sa tal punt li jkunu jirrikjedu rispons formali skont il-Qafas dwar l-Istat tad-Dritt, permezz ta’ proċeduri ta’ ksur jew ta’ azzjonijiet skont l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Sabiex l-UE tkun tista’ taqdi bis-sħiħ ir-rwol tagħha f’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jiżviluppaw sensibilizzazzjoni u komprensjoni aktar qawwija tal-iżviluppi fl-Istati Membri individwali, permezz ta’ monitoraġġ apposta, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw ir-riskji għall-istat tad-dritt, jiżviluppaw soluzzjonijiet possibbli u jipprovdu appoġġ immirat minn kmieni. Tali monitoraġġ għandu jkopri l-iżviluppi u r-riformi fl-Istati Membri li jirrigwardaw l-istat tad-dritt u jgħin biex tiġi kkontrollata s-sostenibbiltà u l-irriversibbiltà tar-riformi li jkunu ġew adottati minħabba intervent tal-UE, bħall-proċedimenti ta’ ksur jew il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika.

Sabiex issaħħaħ il-kapaċità tal-UE, il-Kummissjoni huwa għalhekk beħsiebha li tapprofondixxi l-monitoraġġ tagħha tal-iżviluppi relatati mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. F’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, skont il-ħtieġa, dan se jsir fl-għamla ta’ Ċiklu ta’ Rieżami tal-Istat tad-Dritt, li se jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:

(I)Kamp ta’ applikazzjoni

Iċ-ċiklu ta’ rieżami jkopri l-komponenti differenti kollha tal-istat tad-dritt, inklużi pereżempju problemi sistemiċi li jirrigwardaw il-proċess tal-promulgazzjoni tal-liġijiet, in-nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti u imparzjali, jew in-nonrispett tas-separazzjoni tal-poteri 37 . Ir-rieżami jeżamina wkoll il-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġieldu l-korruzzjoni u, meta jkun hemm rabta mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jittratta kwistjonijiet marbuta mal-pluraliżmu tal-midja u l-elezzjonijiet. Hemm ukoll ħolqa li torbot mal-monitoraġġ tal-infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment il-kapaċità tal-atturi kollha bi rwol fl-infurzar tad-dritt tal-Unjoni li jwettqu d-doveri tagħhom: il-qrati, is-servizzi tal-prosekuzzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet indipendenti, l-amministrazzjonijiet pubbliċi bi rwol superviżorju, l-ombudsmen u l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u dawk li jiddefenduhom. 38  

Filwaqt li l-monitoraġġ ikun ikopri lill-Istati Membri kollha, dan ikollu jkun aktar intens fl-Istati Membri fejn ikunu ġew identifikati riskji ta’ treġġigħ lura, jew dgħufijiet partikolari 39 .

(II)Sorsi tal-informazzjoni

Iċ-ċiklu ta’ rieżami jkun jiddependi fuq użu koerenti tas-sorsi eżistenti ta’ informazzjoni. Dan jixħet attenzjoni akbar fuq sensiela ta’ oqsma ta’ rilevanza għall-istat tad-dritt. Teżisti l-ħtieġa li l-atturi kollha, istituzzjonali kif ukoll mis-soċjetà ċivili, jikkondividu l-informazzjoni u l-pożizzjoni tagħha tingħata widen. Jeżistu diversi sorsi ta’ informazzjoni, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, kif ukoll korpi tal-UE bħall-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. 40 Din l-Aġenzija, li taħt il-kappa tagħha jaqgħu d-drittijiet rilevanti għall-istat tad-dritt bħad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, żviluppat Sistema ta’ Informazzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali (EFRIS) biex tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u r-rapporti rilevanti eżistenti li jirrigwardaw is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Din il-varjetà ta’ sorsi ta’ informazzjoni tista’ tintuża aħjar, tinġabar u tiġi kkomplementata b’mod aktar effettiv minn kif qed isir bħalissa. L-għamliet speċifiċi li jista’ jkollu tali monitoraġġ imtejjeb għad iridu jiġi żviluppati, inkluż il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, u l-monitoraġġ għandu jinvolvi proċess ta’ ġbir kontinwu ta’ informazzjoni u djalogu kontinwu mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati.

(III)Involviment tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati

Apparti li jiddependu fuq sorsi rilevanti, il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Membri kollha biex ikunu involuti aktar fi skambju reċiproku ta’ informazzjoni u fi djalogu dwar suġġetti relatati mal-istat tad-dritt bħar-riformi tas-sistema ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-proċess tat-tfassil tal-liġi, jew dwar il-miżuri ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili u għall-midja indipendenti bħala atturi tal-istat tad-dritt. Għadd ta’ kwistjonijiet minn dawn diġà qed jiġu diskussi bħala parti mis-Semestru Ewropew, fil-kuntest tar-rabta tagħhom ma’ fatturi ewlenin li jagħtu lok għat-tkabbir. Dan id-djalogu se jiġi kkomplementat b’approċċ aktar immirat li jirrigwarda l-istat tad-dritt, li jinkludi aspetti addizzjonali b’rabta mal-istat tad-dritt. Ir-regolarità u l-intensità tal-kooperazzjoni jridu jiżdiedu fl-Istati Membri fejn l-isfidi marbuta mal-istat tad-dritt huma aktar evidenti, għal darb’oħra bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-problemi qabel ma dawn jeskalaw.

Abbażi ta’ dan, għandu jiġi stabbilit netwerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali fl-Istati Membri għad-djalogu dwar il-kwistjonijiet marbutin mal-istat tad-dritt. Dan in-netwerk ikun ikompli fuq il-kuntatti li diġà jeżistu fl-oqsma rilevanti tal-istat tad-dritt bħan-netwerks tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali fil-qasam tal-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, filwaqt li jkun jista’ jintegrahom. 41 Iservi ta’ forum għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet orizzontali, inkluż kif ikun jenħtieġ dwar l-iżviluppi possibbli tal-istrumenti tas-sett ta’ għodod tal-istat tad-dritt fl-UE, u għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki. Il-persuni ta’ kuntatt se jkunu punti fokali għad-djalogu bilaterali ma’ kull Stat Membru u jgħinu fit-tħejjija u l-ġbir tal-informazzjoni rilevanti għar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt (ara hawn taħt). In-netwerk tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu forum għat-twissija bikrija rigward ir-riformi relatati mal-istat tad-dritt u għad-diskussjoni fost l-Istati Membri.

Korpi rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll l-OSKE u l-OECD, u n-netwerks ġudizzjarji jistgħu wkoll jiġu mistiedna jikkondividu l-għarfien espert tagħhom u jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, inklużi n-netwerks Ewropej tal-Presidenti tal-Qrati Supremi tal-UE, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u l-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-UE u n-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura.

Dan il-proċess ta’ djalogu huwa partikolarment rilevanti sabiex jiġu identifikati minn kmieni kwistjonijiet potenzjali tal-istat tad-dritt, billi ambjent stabbilit u regolari jgħin biex tittejjeb il-komprensjoni u jiġi mminimizzat ir-riskju tal-konfrontazzjoni. Id-djalogu jista’ wkoll jipprovdi opportunità lill-Istati Membri li jiddiskutu r-riformi sensittivi għall-istat tad-dritt fil-fażi tat-tħejjija, inkluż fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. L-istandards żviluppati mill-Qorti jistgħu jservu ta’ boxxla biex jiddirezzjonaw fejn ir-riformi għandhom isiru b’kawtela (pereżempju riformi li jista’ jkollhom effett negattiv – u forsi mhux intenzjonat – fuq l-indipendenza tal-maġistrati jew l-awtoritajiet regolatorji). Id-djalogu se jgħin fl-identifikazzjoni tal-ħtieġa possibbli li jintalab għarfien jew appoġġ estern li jirrigwarda l-iżviluppi nazzjonali speċifiċi.

(IV)Rapport Annwali dwar l-Istat tad-Dritt

Sabiex taċċerta t-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni neċessarji, u sabiex l-istat tad-dritt jinżamm fuq l-aġenda politika tal-UE, il-Kummissjoni beħsiebha tippubblika Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt li jiġbor fil-qosor is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Abbażi tal-varjetà ta’ sorsi deskritti hawn fuq, dan jipprovdi sinteżi tal-iżviluppi sinifikanti fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE, inkluż il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u informazzjoni rilevanti oħra, bħall-partijiet rilevanti tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE u tar-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew. Ikun opportunità li jitfassal rapport dwar l-istat tal-ħidma rigward il-proċessi formali tal-istat tad-dritt, kif ukoll dwar il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-promozzjoni tal-istandards tal-istat tad-dritt u fl-iżviluppar ta’ kultura dwar l-istat tad-dritt. Jista’ jixħet dawl fuq l-aħjar prattiki u jidentifika l-problemi rikorrenti. Ir-rieżami jkun ċirkoskritt biss għall-kwistjonijiet ta’ rilevanza diretta għall-istat tad-dritt fl-UE.

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, li tipprovdi data komparattiva dwar l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja nazzjonali tista’ anki hi stess tiġi żviluppata u mtejba ulterjorment, inkluż biex tkopri aħjar oqsma rilevanti relatati mal-istat tad-dritt, bħall-ġustizzja kriminali u amministrattiva.

Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt jista’ jservi ulterjorment ta’ bażi informattiva għad-djalogu bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u fi ħdanhom.

(V)Djalogi interistituzzjonali dwar l-istat tad-dritt

Iċ-ċiklu ta’ rieżami jista’ jgħin biex jinżamm dibattitu dinamiku u biex ikomplu jittejbu l-għodod għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt. Jista’ jikkostitwixxi kontribut importanti għall-ħidma tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, idealment fil-kuntest ta’ skeda regolari u koerenti ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirrikorru għar-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt fid-diskussjonijiet u fid-dibattiti tagħhom stess. Fir-rigward tal-Kunsill, ir-rieżami jista’ pereżempju jservi biex jinforma d-diskussjonijiet tal-Kunsill iddedikati għall-istat tad-dritt jew isir segwitu tiegħu fil-konklużjonijiet tal-Kunsill. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ d-diskussjonijiet futuri dwar l-approċċ tal-Kunsill għall-istat tad-dritt li mistennija li jsiru taħt il-Presidenza Finlandiża fit-tieni nofs tal-2019 li, flimkien mad-diskussjonijiet li jinsabu għaddejjin dwar mekkaniżmu ta’ rieżami bejn il-pari, jistgħu jaħdmu fuq is-sinerġiji rilevanti. Fuq ir-Rapport Annwali dwar l-Istat tad-Dritt jistgħu wkoll jissejsu d-dibattiti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-ħidma tal-istituzzjonijiet se tkun l-aktar effettiva jekk tkun proċess ikkoordinat, li jista’ jkun ukoll segwit minn ħidma differenti mill-istituzzjonijiet differenti. Istituzzjonijiet oħra tal-UE, bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, jistgħu wkoll jikkontribwixxu.

Il-Kummissjoni hija ħerqana li tapprofondixxi l-ħidma mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri fix-xhur li ġejjin u ma teskludi l-ebda possibbiltà prevista fit-Trattati biex iżżid l-għarfien reċiproku tas-sistemi nazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, trid ukoll tippreserva l-awtonomija tagħha f’termini kemm tal-kontenut kif ukoll tat-tempistika tal-valutazzjonijiet tagħha stess. Idea rikorrenti li feġġet fil-kuntest tad-dibattitu dwar l-istat tad-dritt kienet li jitwaqqaf panel ta’ esperti indipendenti li ma jiffurmawx parti mill-Kummissjoni jew mill-istituzzjonijiet tal-UE, bl-għan li jsiru valutazzjonijiet objettivi u ta’ livell espert rigward l-isfidi marbuta mal-istat tad-dritt, filwaqt li proposti oħra jirrigwardaw il-ħolqien ta’ aġenzija ġdida apposta. Madankollu, approċċi bħal dawn jagħtu lok għal għadd ta’ problemi f’termini tal-leġittimità, il-bilanċ tal-inputs u r-rendikontabbiltà tar-riżultati. Filwaqt li l-Kummissjoni diġà tirrikorri għas-sorsi leġittimi ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert, u twettaq kontroverifiki tas-sorsi differenti ta’ informazzjoni, u se tibqa’ tagħmel dan, l-għarfien espert estern ma jistax jieħu post valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni nnifisha, b’mod partikolari meta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jkunu l-bażi ta’ atti li jġibu magħhom konsegwenzi ġuridiċi u finanzjarji u li jistgħu jiġu kkontestati fil-Qorti tal-Ġustizzja. Lanqas ma jistgħu l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jiddelegaw it-teħid tad-deċiżjonijiet lil korpi li ma jaqgħux taħthom. L-awtorità u l-obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet, kif stipulat fil-bilanċ istituzzjonali stabbilit mit-Trattati, iridu jinżammu.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-partiti politiċi Ewropej biex jaċċertaw li l-membri nazzjonali tagħhom jagħtu l-konsiderazzjoni dovuta lir-rispett tal-istat tad-dritt u l-programmi pan-Ewropej tagħhom jagħtu segwitu għall-enfasi fuq l-istat tad-dritt. Ir-Regolament Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej 42 jirrikjedi li dawn josservaw, b’mod partikolari fil-programm tagħhom u fl-attivitajiet tagħhom, il-valuri li fuqhom tissejjes l-Unjoni, kif espress fl-Artikolu 2 TUE. 43 F’każijiet li fihom il-Kummissjoni jkollha raġuni għaliex temmen li r-rispett għal dawn il-valuri jista’ jitqiegħed f’dubju, tista’ titlob lill-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej biex tivverifika l-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament. 44 Tista’ tittieħed deċiżjoni li partit politiku jew fondazzjoni politika jitneħħew mir-reġistru, jekk l-Awtorità tiddetermina li kien hemm ksur manifest u serju ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

Il-Kummissjoni se:

·Tistabbilixxi Ċiklu ta’ Rieżami tal-Istat tad-Dritt biex twettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Sabiex tappoġġa dan il-proċess, il-Kummissjoni se tħejji Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt, se tiżviluppa ulterjorment it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, u se ssaħħaħ id-djalogu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.

·Tistabbilixxi djalogu apposta mal-Istati Membri kollha dwar is-suġġetti rilevanti li jirrigwardaw l-istat tad-dritt, inkluż permezz ta’ netwerk ta’ persuni ta’ kuntatt.

Il-Kummissjoni tistieden:

·Lill-Istati Membri biex jaħtru l-punti ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom għad-djalogu u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt.

·Lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jorganizzaw segwitu apposta dwar ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u biex jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni dwar approċċ integrat biex il-ħidma tal-istituzzjonijiet rigward l-identifikar minn kmieni tal-kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt u l-indirizzar tagħhom tinġabar flimkien b’mod koerenti.

·Lill-partiti politiċi Ewropej biex jaċċertaw li l-membri nazzjonali tagħhom effettivament jirrispettaw l-istat tad-dritt.

Ir-rispons: Infurzar fil-livell tal-UE meta l-mekkaniżmi nazzjonali jbattu

L-iżviluppar tal-approċċ ta’ promozzjoni u prevenzjoni għandu jagħmel lill-UE ħafna aktar robusta u jgħin fl-ilqugħ kontra l-isfidi serji u persistenti għall-istat tad-dritt fil-futur. Il-mira hija li l-bżonn ta’ rispons fil-livell tal-UE jitnaqqas b’mod sinifikanti. Madankollu, meta jkun jidher li s-salvagwardji nazzjonali vis-à-vis l-istat tad-dritt ma jkunux kapaċi jindirizzaw it-theddid għall-istat tad-dritt fi Stat Membru, tkun responsabbiltà komuni tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri li jieħdu azzjoni biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. Dan ġie kkonfermat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

F’sentenzi riċenti fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ ksur u d-deċiżjonijiet preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ulterjorment ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-UE rigward l-istat tad-dritt u, b’mod partikolari, l-indipendenza ġudizzjarja. 45 Il-Qorti saħqet mill-ġdid l-importanza tal-indipendenza tal-ġudikatura u r-rispett tal-istat tad-dritt għall-funzjonament effettiv tal-UE: il-Qorti ordnat is-sospensjoni tal-liġijiet nazzjonali li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura u stabbiliet li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja mill-Istati Membri hija soġġetta għall-konformità mal-obbligi tad-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet żiedu dimensjoni importanti mal-proċessi li jirrigwardaw l-istat tad-dritt li għaddejjin bħalissa fil-livell tal-UE, u għandhom sehem importanti biex dawn il-kwistjonijiet jiġu riżolti. Hemm ukoll ġurisprudenza tal-Qorti li qed tevolvi li tixħet dawl fuq kif il-problemi sistematiċi relatati mal-istat tad-dritt jista’ jkollhom impatt speċifiku fil-qasam tal-finanzi tal-Unjoni. 46

Il-Kummissjoni se tibni aktar fuq din il-ġurisprudenza: hija ddeterminata li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-problemi rigward l-istat tad-dritt li qed jolqtu l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, meta dawn il-problemi ma jkunux issolvew permezz tas-sistema ta’ kontrokontrolli nazzjonali. Billi timxi fuq il-passi tal-approċċ eżistenti vis-à-vis l-infurzar 47 u fuq il-ġurisprudenza li qed tiżviluppa min-naħa tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni se tkun qed timxi ma’ approċċ strateġiku għall-proċedimenti ta’ ksur relatati mal-istat tad-dritt, u titlob għal proċedimenti mħaffa u miżuri interim kull meta jkun hemm bżonn. Il-Kummissjoni se tippromovi wkoll b’mod attiv l-istandards żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż billi tikkomplika l-konstatazzjonijiet rilevanti tal-Qorti.

Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni ta’ April u fil-kontributi li ġew warajha, il-ħin huwa prezzjuż fl-indirizzar ta’ kriżi potenzjali tal-istat tad-dritt. Ħafna sfidi li jirrigwardaw l-istat tad-dritt ikollhom tempistika kritika u aktar ma jdumu biex jissolvew, akbar ikun ir-riskju li jrabbu l-għeruq u aktar ikun diffiċli kemm għall-Istat Membru kif ukoll għall-UE li treġġa’ lura l-impatt negattiv. Huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-UE jaġixxu f’qasir żmien u jkollhom approċċ aktar koerenti u kkoordinat u li, b’mod partikolari, il-proċessi formali tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt 48 u skont l-Artikolu 7 TUE jkollhom proċeduri u skedi taż-żmien aktar ċari.

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 7 TUE, l-istituzzjonijiet għandhom jaħdmu flimkien biex jintensifikaw in-natura kollettiva tat-teħid ta’ deċiżjonijiet bejniethom. Il-Kummissjoni tilqa’ l-intenzjoni tal-Kunsill li jaqbel dwar proċeduri ġodda fir-rigward tas-smigħ dwar l-Artikolu 7. Dan huwa pass importanti fid-direzzjoni ta’ proċedimenti aktar effiċjenti. Ikun partikolarment ta’ ġid li l-Kunsill jirrifletti dwar jekk id-diskussjonijiet fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali jistgħux jittejbu bis-saħħa tat-tħejjija tagħhom fil-livell tekniku fi grupp ta' ħidma tal-Kunsill. Ikun ukoll ta’ siwi li jittejjeb il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet f’termini tal-passi istituzzjonali, b’regoli proċedurali ċari. Sabiex jiġi aċċertat il-bilanċ istituzzjonali, il-Parlament Ewropew għandu jingħata l-possibbiltà li jippreżenta l-każ tiegħu fi proċeduri mibdija minnu. Tista’ wkoll tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni esterna ad-hoc ta’ korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew ta’ għarfien espert estern ieħor.

Il-Kummissjoni se tirrifletti wkoll dwar kif tista’ tinvolvi ulterjorment lill-istituzzjonijiet l-oħra fl-istadju bikri tal-proċess li jirrigwarda l-Qafas dwar l-Istat tad-Dritt tal-2014, filwaqt li tiġi rrispettata l-ħtieġa ta’ djalogu kunfidenzjali mal-Istat Membru kkonċernat fil-bidu tal-proċedura 49 . L-objettiv prinċipali għandu dejjem ikun li jinstabu soluzzjonijiet fl-aktar stadju bikri possibbli. Madankollu, meta dan ma jseħħx, l-aċċertar li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu kompletament aġġornati u jkunu jistgħu jesprimu fehmiet informati qabel ma jintlaħaq stadju kritiku, jista’ jgħin biex tinstab soluzzjoni. Dan se jkun koerenti ma’ approċċ aktar kollettiv għall-istat tad-dritt fost l-istituzzjonijiet.

Kwistjoni kritika hija l-valutazzjoni oġġettiva kontinwa tas-sitwazzjoni, abbażi ta’ għarfien espert sod u informazzjoni rilevanti. Il-proċess irid jibqa’ jibbaża ruħu fuq standards pubbliċi u rikonoxxuti tal-istat tad-dritt. Il-valutazzjoni u d-djalogu għandhom jirrikorru għas-sorsi kollha disponibbli tal-għarfien espert, filwaqt li l-Kummissjoni tippreserva l-awtonomija u l-indipendenza ta’ valutazzjoni tagħha, f’konformità mar-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati. 50 L-għarfien espert tal-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew ta’ korpi indipendenti oħra jista’ jintalab minn Stat Membru li jkunu qed jaffaċċja proċedura tal-istat tad-dritt, mhux biss bħala mezz biex isib tarf tal-kwistjoni, iżda wkoll biex juri r-rieda tajba u jiffaċilita d-djalogu kostruttiv 51 . L-opinjoni ta’ tali korpi tista’ tintalab ukoll fin-nuqqas ta’ parametri definiti ċar u tond dwar xi kwistjoni speċifika.

Ċentrali għal approċċ effettiv min-naħa tal-UE rigward l-istat tad-dritt u għall-ispirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera huwa l-aċċertar li jkun hemm tmewwit tal-iskalar tas-sitwazzjoni jew perspettiva ta’ ħruġ mill-proċess formali tal-istat tad-dritt mill-aktar fis, hekk kif l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa l-passi meħtieġa biex ireġġa’ lura r-rispett għall-istat tad-dritt. L-UE u l-Istati Membri jrid ikollhom biżżejjed garanziji li l-istat tad-dritt ikun treġġa’ lura b’mod sostenibbli. Għal dan l-għan, mal-avviż tal-intenzjoni ta’ għeluq ta’ proċedura jista’ jiġi abbinat appoġġ mill-Kummissjoni lill-Istat Membri kkonċernat, sabiex ikun żgurat li l-impenji jiġu effettivament implimentati u sostnuti, inkluż permezz ta’ monitoraġġ ta’ segwitu speċifiku. L-istess monitoraġġ ta’ segwitu jista’ jintuża wkoll wara t-tmiem ta’ proċessi speċifiċi bħall-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika 52 . 

Flimkien mal-proċeduri formali relatati mal-istat tad-dritt, jaf ikun hemm ukoll bżonn għal azzjoni f’oqsma speċifiċi ta’ attività tal-UE li potenzjalment ikunu milquta minn nuqqasijiet f’dak li jirrigwarda l-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Sentenzi riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzaw, pereżempju, l-impatt tan-nuqqasijiet ġeneralizzati li jirrigwardaw l-indipendenza ġudizzjarja fuq il-fiduċja reċiproka li fuqha huma bbażati l-istrumenti fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja 53 . 

Dan l-approċċ protettiv vis-à-vis il-funzjonament tal-UE huwa wkoll il-bażi tar-Regolament propost mill-Kummissjoni fl-2018 biex taċċerta l-protezzjoni tal-baġit tal-UE f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri 54 . Approċċ bħal dan jista’ jkun meħtieġ f’politiki tal-UE oħra apparti l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE sabiex jiġu evitati jew rimedjati riskji speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-politiki jew tad-dritt tal-UE. Il-Kummissjoni se tistħarreġ il-ħtieġa għal aktar miżuri biex tindirizza l-impatt possibbli ta’ problemi persistenti li jirrigwardaw l-istat tad-dritt fuq politiki oħra tal-UE.

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE diġà tista’ tibbenefika minn titjib operazzjonali. Filwaqt li tibni fuq l-azzjonijiet ippjanati fl-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS - Commission Anti-Fraud Strategy), 55 il-Kummissjoni se tqis l-alternattivi biex tistabbilixxi funzjoni ta’ analiżi tad-data li tiġbor flimkien data minn sorsi differenti li tikkonċerna s-sistemi fis-seħħ fl-Istati Membri għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Din tista’ twassal għall-identifikar ta’ problemi fil-ġestjoni tar-riskji relatati mal-interessi finanzjarji tal-UE u potenzjalment tista’ tintuża biex toħroġ twissijiet meta jibdew ifeġġu tendenzi problematiċi, bħal segwitu kajman u limitat għar-rapporti tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u fil-futur, għall-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO), jew strutturi ta’ kontroll insuffiċjenti fil-livell nazzjonali. L-idea hija li jkun hemm intervent fi stadju bikri ħafna u jiġi stabbilit jekk il-problema hijiex limitata jew tirriflettix xi tendenza. Din is-sistema tista’ tappoġġa l-mekkaniżmu tal-proposta tal-Kummissjoni li tikkonċerna n-nuqqasijiet ġenerali tas-sistema tal-istat tad-dritt, jew proċeduri oħra marbuta mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Il-Kummissjoni se:

·Tagħmel użu komplut tas-setgħat tagħha bħala gwardjan tat-Trattati biex taċċerta r-rispett tar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE relatati mal-istat tad-dritt.

·Tkun qed timxi ma’ approċċ strateġiku għall-proċedimenti ta’ ksur, filwaqt li tibni fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tippromovi l-istandards żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż billi tikkompila l-konstatazzjonijiet rilevanti tal-Qorti.

·Tikkunsidra kif tista’ tinvolvi lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE fuq bażi aktar regolari meta timplimenta l-Qafas dwar l-Istat tad-Dritt tal-2014.

·Tappoġġa lill-Istati Membri fit-tmewwit tal-iskalar tas-sitwazzjoni jew fil-perspettiva ta’ ħruġ mill-proċess formali tal-istat tad-dritt, inkluż permezz ta’ monitoraġġ ta’ segwitu.

·Tistħarreġ sa tmiem l-2020 jekk l-impatt tal-problemi persistenti b’rabta mal-istat tad-dritt fuq l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE jirrikjedix mekkaniżmi ġodda apparti r-Regolament propost dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

·Tistħarreġ il-possibbiltà, filwaqt li tibni fuq l-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi, ta’ funzjoni ta’ analiżi tad-data biex tgħin fl-identifikar ta’ problemi fil-ġestjoni tar-riskji relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Il-possibbiltà li, jekk ikun hemm bżonn, jinħarġu twissijiet meta jibdew ifeġġu tendenzi problematiċi, se tiġi mistħarrġa wkoll.

Il-Kummissjoni tistieden:

·Lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jirriflettu fuq li jintensifikaw approċċ kollettiv bejn l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-proċeduri tal-Artikolu 7 TUE.

·Lill-Kunsill li jmexxi ’l quddiem l-intenzjoni apprezzata tiegħu li l-proċess tal-Artikolu 7 jingħata regoli proċedurali aktar ċari u aktar stabbli.

·Lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex f’qasir żmien jadottaw ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

V.    KONKLUŻJONI U L-PASSI LI JMISS

Ir-rispett tal-istat tad-dritt hija responsabbiltà komuni tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri kollha. Il-partijiet kollha jridu jerfgħu dik r-responsabbiltà u jagħtu sehemhom. Apparti l-azzjonijiet li jridu jittieħdu skont din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tinsab impenjata li tissokta bid-dibattitu u li tieħu azzjoni addizzjonali kif jixraq fil-limiti tal-kompetenzi tagħha stess. L-objettiv komuni jrid ikun li jiġi żviluppat approċċ strateġiku kkoordinat u koerenti għall-Unjoni li jinvolvi lill-atturi rilevanti kollha. Elementi ewlenin ta’ tali approċċ strateġiku jinkludu l-promozzjoni ta’ kultura kondiviża dwar l-istat tad-dritt fl-UE kollha, kapaċità effettiva li l-problemi jiġu indirizzati minn kmieni bis-saħħa ta’ miżuri preventivi, u impenn għal azzjoni konġunta effettiva kull fejn ikun hemm bżonn sabiex il-problemi jitrażżnu meta l-miżuri preventivi ma jaħdmux.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi għadd ta’ impenji u rotot għar-riflessjoni bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni propost mill-Kummissjoni. Se jkun hemm bżonn ta’ segwitu kontinwu f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati matul ix-xhur li ġejjin. Id-dibattitu ħareġ fil-beraħ sensiela mifruxa ta’ ideat pożittivi li jistħoqqilhom valutazzjoni ulterjuri u li jikkontribwixxu għall-passi konkreti fil-futur, apparti dawk meħuda skont din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jissieħbu f’dan id-dibattitu u tistenna b’ħerqa d-djalogu mal-Parlament elett ġdid u mal-Kunsill fuq approċċ koordinat.

Sadanittant, il-Kummissjoni se tkompli taqdi r-rwol sħiħ tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, tieħu miżuri xierqa u proporzjonati biex tirrispetta d-dritt tal-UE, u se tinvesti fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE f’dan ir-rigward. Ir-riżultat għandu jkun li jissaħħaħ l-istat tad-dritt fl-UE u li tiġi riflessa kompletament l-importanza kruċjali tal-istat tad-dritt għaċ-ċittadini kollha tal-UE u għall-UE kollha kemm hi.

(1)

     L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

     L-istat tad-dritt huwa mnaqqax fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bħala wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, komuni għall-Istati Membri.

(3)

     L-Artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-obbligu li l-Istati Membri jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess eżistenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva “hija inerenti għall-eżistenza tal-Istat tad-dritt”, il-Kawża C-72/15 Rosneft.

(4)

     L-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” tal-11.3.2014, COM(2014) 158 final, kif ukoll ġurisprudenza riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kawża C-64/16, Associação Sindical dos Juízes Portugueses vs Tribunal de Contas; il-Kawża C216/18 PPU, LM, il-Kawża C-619/18, il-Kummissjoni vs il-Polonja (ordni tas-17 ta’ Diċembru 2018).

(5)

     Is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża C-619/18, Il-Kummissjoni vs il-Polonja.

(6)

   B’mod aktar ġenerali, u minbarra l-iżviluppi politiċi, l-iżviluppi teknoloġiċi jew soċjetali wkoll jistgħu joħolqu sfidi ġodda għall-istat tad-dritt fis-snin li ġejjin, pereżempju b’rabta mal-intelliġenza artifiċjali u l-użu tagħha f’oqsma sensittivi, bħas-sistemi ġudizzjarji. 

(7)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni – Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu (COM(2019)163 final).

(8)

     Ibid.

(9)

      https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2019/06/20/a-new-strategic-agenda-2019-2024/

(10)

     F’Ottubru 2016, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li titlob għal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ fl-Unjoni kollha fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

(11)

     Ara pereżempju l-programm tat-Triju ta’ Presidenzi tal-Kunsill għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020:   http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14518-2018-INIT/mt/pdf

(12)

     Pereżempju, il-Kunsill ippjana rieżami tad-djalogu tiegħu stess dwar l-istat tad-dritt taħt il-Presidenza Finlandiża fil-ħarifa 2019.

(13)

     Ġabra fil-qosor tal-kontributi tinsab hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/effective-justice/rule-law/initiative-strengthen-rule-law-eu_mt#stakeholder-contributions  

(14)

     Ewrobarometru Speċjali 489 – stat tad-dritt: http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/survey/getsurveydetail/instruments/special/surveyky/2235

(15)

     il-legalità, iċ-ċertezza tad-dritt, l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, is-separazzjoni tal-poteri, il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà, il-penali għall-korruzzjoni u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva mill-qrati indipendenti.

(16)

     Il-Kawża C-506/04, Wilson.

(17)

     Il-Kawża C-64/16, Associação Sindical dos Juízes Portugueses; il-Kawża C-49/18, Escribano Vindel.

(18)

   Fejn tidħol l-għamla ta’ xi korp ġudizzjarju u l-ħatra, il-perjodu ta’ servizz, u r-raġunijiet għal astensjoni, iċ-ċaħda u t-tkeċċija tal-membri tiegħu kif ukoll tar-reġim dixxiplinarju li jirregola l-imħallfin, il-Kawża C-216/18 PPU LM u l-Kawża C-8/19 PPU, RH.

(19)

     Il-kawża C-619/18 R, il-Kummissjoni vs il-Polonja, ordni tas-17 ta’ Diċembru 2018.

(20)

     Il-Kawża C-619/18, Il-Kummissjoni vs il-Polonja.

(21)

     Dan jinkludi deċiżjonijiet preliminari dwar il-ħtieġa għal investigazzjoni effettiva tal-frodi tat-taxxa jew frodi tal-fondi tal-Unjoni (ara l-Kawżi C-617/10, Åkerberg Fransson; C-105/14, Taricco; C-42/17 M.A.S.; u C-612/15 Kolev).

(22)

     Ara l-introduzzjoni u t-taqsima li jmiss dwar il-prevenzjoni.

(23)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018, dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim, 2018/C 195/0, ĠU 7.6.2018.

(24)

     Ara aktar ’il fuq – it-Taqsima II.

(25)

     Il-Kummissjoni pproponiet EUR 641 miljun għall-implimentazzjoni tal-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri għall-2021-2027.

(26)

     Il-Kummissjoni pproponiet EUR 1,85 biljun għall-implimentazzjoni tal-Programm Ewropa Kreattiva għall-2021-2027, inklużi sa massimu ta’ EUR 160 miljun għall-fergħat transsettorjali. L-erba’ prijoritajiet tiegħu jinkludu l-promozzjoni tal-attivitajiet ta’ “tisħiħ ta’ ambjent medjatiku ħieles, diversifikat u pluralistiku, tal-ġurnaliżmu ta’ kwalità u tal-litteriżmu medjatiku”. Wieħed mill-objettivi huwa li jingħata finanzjament stabbli lill-proġetti dwar il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu tal-midja.

(27)

     Dawn jinkludu r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u l-aċċess settorjali għall-informazzjoni skont id-dritt tal-UE. L-obbligi nazzjonali ġenerali jirriżultaw ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

(28)

     Dawn jinkludu wkoll korpi konsultattivi tan-netwerks ġudizzjarji għall-Kunsill tal-Ewropa bħall-Kunsill Konsultattiv ta’ Mħallfin Ewropej (CCJE - Consultative Council of European Judges) u l-Kunsill Konsultattiv ta' Prosekuturi Ewropej (CCPE - Consultative Council of European Prosecutors).

(29)

     Fl-ambitu tal-Programm dwar il-Ġustizzja, il-Kummissjoni tipprovdi għotjiet operattivi lil ċertu netwerks Ewropej fil-qasam tal-ġustizzja, li għandhom ftehimiet qafas ta’ sħubija mal-Kummissjoni. Netwerks oħra jirċievu finanzjament minn sensiela ta’ programmi u proġetti tal-UE.

(30)

     Il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt, jew il-Kummissjoni ta' Venezja, hija korp konsultattiv taħt il-Kunsill tal-Ewropa magħmul minn esperti indipendenti fil-qasam tad-dritt kostituzzjonali.

(31)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1086 tat-18 ta’ Ġunju 2019, ĠU L 171, 26.6.2019, p. 115–116.

(32)

      https://www.coe.int/en/web/portal/-/eu-becomes-observer-to-anti-corruption-body-greco

(33)

     Il-finanzjament minn diversi programmi tal-UE kienu jammontaw għal EUR 27,5 miljun f’impenji fl-2018.

(34)

     Stipulata fl-Artikolu 6(2) TUE.

(35)

     Fl-Opinjoni A-2/13 tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel abbozz ta’ Ftehim, f’xi punti, li wħud minnhom huma legalment u politikament kumplessi, ma kienx kompatibbli mat-Trattati. Dawn l-oġġezzjonijiet se jirrikjedu li l-Unjoni tinnegozja emendi għall-abbozz ta’ Ftehim ta’ Adeżjoni sabiex l-Unjoni tkun tista’ tikkonkludi l-Ftehim u taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Wara perjodu ta’ riflessjoni, il-Kummissjoni kkonsultat mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar soluzzjonijiet possibbli għall-kwistjonijiet li ssemmew fl-Opinjoni tal-Qorti. Dawn il-konsultazzjonijiet imxew sew ’il quddiem u l-Kummissjoni tittama li l-kundizzjonijiet għall-issoktar tan-negozjati ma jdumux ma jiġu ssodisfati.

(36)

     Ara pereżempju d-dikjarazzjoni tas-Sħab Soċjali Ewropej dwar l-istat tad-dritt tat-8 ta’ Mejju 2019.

(37)

     Pereżempju, l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi li jattakkaw imħallfin individwali jew lill-ġudikatura kollha kemm hi jidħlu f’din il-kategorija.

(38)

     Il-kapaċità effettiva tal-infurzar tal-amministrazzjonijiet u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri tiddependi fuq komponenti ewlenin, b’mod partikolari: (i) is-setgħat ta’ rimedji u infurzar, (ii) ir-rekwiżiti tar-riżorsi/kapaċità (iii) ir-rekwiżiti tal-indipendenza, fejn ikun hemm bżonn, (iv) il-proċeduri tal-infurzar u (v) l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet ta’ Stati Membri differenti.

(39)

     Il-Lista ta’ Kontroll rigward l-Istat tad-Dritt mill-Kummissjoni ta' Venezja hija partikolarment rilevanti għall-identifikazzjoni ta’ riskji u dgħufijiet speċifiċi.

(40)

     F’dan ir-rigward, il-leġittimità sħiħa u r-rilevanza tad-data provduta mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-dritt pubbliku bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-korpi tiegħu ġew rikonoxxuti, inter alia, mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(41)

     Ikun f’idejn l-Istati Membri li jaħtru punti ta’ kuntatt, li jistgħu jkunu jinsabu, pereżempju, fl-amministrazzjoni pubblika jew fil-ġudikatura. Diġà jeżistu strutturi simili ta’ appoġġ għall-ġbir tal-informazzjoni mill-Kummissjoni għat-tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE u għad-djalogu mal-Istati Membri fir-rigward tal-politiki kontra l-korruzzjoni.

(42)

     Ir-Regolament 2019/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament Nru 1141/2014 rigward proċedura ta' verifika relatata mal-ksur ta' regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

(43)

     L-Artikolu 3(c) li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi.

(44)

     Ara l-Artikolu 10(3) li jistabbilixxi l-mekkaniżmu għall-ivverifikar tal-konformità mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni.

(45)

     Ara t-Taqsima III aktar ’il fuq. Ta’ min jinnota li l-Avukat Ġenerali, fl-opinjoni tiegħu fil-Kawża C-619/18 il-Kummissjoni vs il-Polonja, iddikjara li l-proċedimenti ġudizzjarji jistgħu jitmexxew parallelament mal-proċedimenti tal-Qafas dwar l-Istat tad-Dritt tal-2014 jew tal-Artikolu 7 TUE anki jekk jindirizzaw l-istess materji.

(46)

     Dan jinkludi deċiżjonijiet preliminari, inkluż fir-rigward tal-Artikolu 325 TFUE, dwar il-ħtieġa għal investigazzjoni effettiva tal-frodi tat-taxxa jew frodi tal-fondi tal-Unjoni (ara pereż. il-Kawżi C-617/10, Åkerberg Fransson; C-105/14, Taricco; C-42/17 M.A.S.; u C-612/15 Kolev).

(47)

     Dan huwa f’konformità mal-approċċ aktar strateġiku għall-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 “Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar”, ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10–20.

(48)

     Li reċentement ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha bħala strument li jifforma parti sħiħa mill-ordinament legali tal-UE u li jipproduċi effetti legali, l-Ordni tal-Qorti tas-17 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża C-619/18 R.

(49)

     L-ewwel stadji tad-djalogu fl-ambitu tal-qafas dwar l-istat tad-dritt mhumiex pubbliċi.

(50)

     B’mod partikolari, il-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa joħorġu sensiela ta’ evalwazzjonijiet tekniċi abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istandards żviluppati minnha. Madankollu, ma hemm l-ebda limitu fuq l-għarfien espert li għalih tista’ tirrikorri l-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha.

(51)

     Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex ukoll tirrikorri direttament għall-Kunsill tal-Ewropa u l-korpi tiegħu biex tivvaluta kwistjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri jaf ukoll tkun teħtieġ riflessjoni ulterjuri.

(52)

     Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika ġie stabbilit bħala miżura tranżizzjonali għall-monitoraġġ tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-Bulgarija u fir-Rumanija fil-perjodu tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni fl-2007. Ladarba dan il-mekkaniżmu speċjali jasal fi tmiemu, il-monitoraġġ għandu jitkompla fl-ambitu tal-istrumenti orizzontali.

(53)

     Il-Kawża C-216/18 PPU LM.

(54)

     Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; COM/2018/324 final.

(55)

     COM (2019) 196 final.

Top