EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2288

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2288 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-perjodu ta’ aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa fil-format taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE li jindika t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/9920

OJ L 458, 22.12.2021, p. 459–462 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2288/oj

22.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 458/459


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2288

tal-21 ta’ Diċembru 2021

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-perjodu ta’ aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa fil-format taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE li jindika t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) u (4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Il-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-ħruġ, il-verifika transfruntiera u l-aċċettazzjoni ta’ tliet tipi ta’ ċertifikati tal-COVID-19. Wieħed minn dawn huwa ċ-ċertifikat tat-tilqim, jiġifieri, ċertifikat li jikkonferma li d-detentur ikun irċieva vaċċin kontra l-COVID-19 fl-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat.

(3)

Skont ir-Regolament (UE) 2021/953, kull Stat Membru jrid, awtomatikament jew fuq talba mill-persuni kkonċernati, joħroġ ċertifikati tat-tilqim lill-persuni li ngħataw vaċċin kontra l-COVID-19. F’termini ta’ kategoriji ta’ data personali, iċ-ċertifikat tat-tilqim irid ikun fih l-identità tad-detentur, l-informazzjoni dwar il-vaċċin kontra l-COVID-19 u l-għadd ta’ dożi mogħtija lid-detentur, u metadata taċ-ċertifikat, bħall-emittent taċ-ċertifikat jew identifikatur uniku taċ-ċertifikat. Dik id-data trid tiġi inkluża fiċ-ċertifikat tat-tilqim skont il-kampijiet tad-data speċifiċi stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2021/953, ma kienx hemm biżżejjed data disponibbli dwar kemm iddum il-protezzjoni li tirriżulta mit-tlestija tas-serje primarja tal-vaċċin kontra l-COVID-19. B’riżultat ta’ dan, il-kampijiet tad-data li jridu jiġu inklużi fiċ-ċertifikati tat-tilqim f'konformità mal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jinkludux data dwar perjodu ta’ aċċettazzjoni, għall-kuntrarju tal-kampijiet tad-data li jridu jiġu inklużi fiċ-ċertifikat tal-fejqan.

(5)

Fl-4 ta’ Ottubru 2021, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kkonkluda li d-dożi booster għall-Comirnaty jistgħu jiġi kkunsidrati mill-inqas sitt xhur wara t-tieni doża għal persuni li għandhom 18-il sena u aktar. Fil-25 ta’ Ottubru 2021, il-Kumitat ikkonkluda li doża booster ta’ Spikevax tista’ tiġi kkunsidrata għal persuni li għandhom 18-il sena u aktar, mill-inqas sitt xhur wara t-tieni doża. Fil-15 ta’ Diċembru 2021, il-Kumitat ikkonkluda li doża booster ta’ COVID-19 Vaccine Janssen tista’ tiġi kkunsidrata mill-inqas xahrejn wara l-ewwel doża għall-persuni ta’ 18-il sena u aktar u li COVID-19 Vaccine Janssen tista’ tingħata wkoll wara żewġ dożi ta’ Comirnaty jew Spikevax.

(6)

F’dan il-kuntest, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ippubblika, fl-24 ta’ Novembru 2021, Rapid Risk Assessment dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali tas-SARS-CoV-2, projezzjonijiet għall-istaġun festiv tal-aħħar tas-sena u strateġiji għal reazzjoni fl-UE/ŻEE (2), fejn innota li l-evidenza emerġenti wriet żieda sinifikanti fil-protezzjoni kontra l-infezzjoni u l-mard gravi wara doża booster fil-gruppi tal-etajiet kollha fuq medda qasira ta’ żmien. Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-Istati Membri tal-Unjoni u l-pajjiżi taż-ŻEE jenħtieġ li jikkunsidraw b’urġenza doża booster għal dawk li għandhom 40 sena u aktar, u jkollhom fil-mira lil dawk l-aktar vulnerabbli u lill-anzjani, u li l-pajjiżi jistgħu jikkunsidraw ukoll doża booster għall-adulti kollha li għandhom 18-il sena u aktar, minn tal-inqas sitt xhur wara li jlestu s-serje primarja tagħhom biex iżidu l-protezzjoni mill-infezzjoni minħabba li l-immunità tkun qiegħda tbatti, u li tista’ potenzjalment tnaqqas it-trażmissjoni tal-virus fil-popolazzjoni u tevita li jiġu rikoverati aktar nies l-isptar u li jkun hemm aktar imwiet.

(7)

Fir-Rapid Risk Assessment tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2021 (3), iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard innota li skont l-evidenza disponibbli bħalissa, id-dożi booster se jżidu l-protezzjoni kontra eżiti severi kkawżati mill-varjant ta’ tħassib “Delta”, u evalwazzjonijiet preliminari jissuġġerixxu wkoll li l-boosters jistgħu jżidu l-protezzjoni kontra l-varjant ta’ tħassib “Omicron”, b’impatt ogħla mistenni fuq il-popolazzjoni jekk id-doża booster tingħata fi żmien qasir lill-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni adulta. Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, id-data disponibbli bħalissa tappoġġa l-għoti sikur u effettiv ta’ doża booster sa minn tliet xhur mit-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim.

(8)

B’rabta mal-għoti tad-dożi booster, aktar u aktar Stati Membri qegħdin jadottaw regoli dwar kemm idumu jiġu aċċettati ċ-ċertifikati tat-tilqim li juru s-serje primarja tat-tilqim, meta jitqies li l-protezzjoni li tirriżulta mill-infezzjoni bil-COVID-19 tidher li qiegħda tbatti maż-żmien. Dawn ir-regoli japplikaw għall-każijiet ta’ użu domestiku biss, jew inkella japplikaw ukoll għall-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim għall-finijiet tal-ivvjaġġar.

(9)

Miżuri unilaterali f’dan il-qasam għandhom il-potenzjal li jikkawżaw tfixkil sinifikanti peress li ċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni jispiċċaw iħabbtu wiċċhom ma’ firxa wiesgħa ta’ miżuri diverġenti. Fin-nuqqas ta’ approċċ uniformi fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini jkunu obbligati jivverifikaw ir-regoli ta’ kull Stat Membru biex jiddeterminaw jekk iċ-ċertifikati tat-tilqim tagħhom għadhomx jiġu aċċettati. Din l-inċertezza toħloq ukoll riskju li tagħmel ħsara lill-fiduċja fiċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u thedded il-konformità mal-miżuri tas-saħħa pubblika meħtieġa. Regoli partikolarment stretti fi Stat Membru wieħed jistgħu jagħmluha impossibbli għaċ-ċittadini li jivvjaġġaw minn Stat Membru ieħor biex jibbenefikaw mit-tneħħija ta’ restrizzjonijiet għal vjaġġaturi mlaqqma, peress li dawn jistgħu jkunu għadhom mhumiex f’pożizzjoni li jiksbu d-doża booster meħtieġa qabel jivvjaġġaw. Dawn ir-riskji huma partikolarment dannużi f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija tal-Unjoni diġà ġiet affettwata b’mod sinifikanti mill-virus.

(10)

Sabiex jiġu evitati miżuri diverġenti u ta’ tfixkil, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit, għall-fini tal-ivvjaġġar, perjodu standard ta’ aċċettazzjoni ta’ 270 jum għaċ-ċertifikati tat-tilqim li juru t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim. Dan iqis il-gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard rigward l-għoti tad-dożi booster minn sitt xhur wara t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim, u jipprevedi perjodu addizzjonali ta’ tliet xhur biex jiġi żgurat li l-kampanji nazzjonali tat-tilqim ikunu jistgħu jadegwaw ruħhom u li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-għoti tal-boosters. Jenħtieġ li , sabiex jiżguraw approċċ ikkoordinat, l-Istati Membri ma jaċċettawx ċertifikati tat-tilqim li juru t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim jekk ikunu għaddew aktar minn 270 jum mill-għoti tad-doża indikata fihom. Fl-istess ħin, u sabiex jiġi żgurat approċċ koordinat, jenħtieġ li, għall-fini ta’ vjaġġar, l-Istati Membri ma jipprevedux perjodu ta’ aċċettazzjoni iqsar minn 270 jum. F’dan il-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni, jenħtieġ li ċ-ċertifikati tat-tilqim li juru t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim ikomplu jiġu aċċettati minn Stat Membru anke jekk diġà jkun qiegħed jagħti d-dożi booster.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu minnufih il-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw id-disponibbiltà tat-tilqim u l-aċċess għalih għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li ċ-ċertifikati tat-tilqim li nħarġulhom qabel ikunu waslu biex jilħqu l-limitu tal-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni, b’konsiderazzjoni sħiħa għad-deċiżjonijiet interni dwar il-prijoritizzazzjoni għal gruppi differenti tal-popolazzjoni fl-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tat-tilqim fid-dawl tal-politika u s-sitwazzjoni epidemjoloġika nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw ukoll liċ-ċittadini dwar il-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni u l-ħtieġa li jieħdu dożi booster.

(12)

Il-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni ta’ 270 jum jenħtieġ li japplika għaċ-ċertifikati li juru t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim, kemm jekk b’kors primarju ta’ doża waħda, b’serje primarja ta’ żewġ dożi, jew f’konformità mal-istrateġija tat-tilqim tal-Istat Membru tat-tilqim, kors primarju ta’ doża waħda ta’ vaċċin b’żewġ dożi wara li qabel kien infettat bis-SARS-CoV-2. Dan jenħtieġ li japplika għaċ-ċertifikati kollha tat-tilqim, jiġifieri, irrispettivament mill-vaċċin kontra l-COVID-19 indikat fih.

(13)

Kif irrappurtat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, iż-żminijiet għas-segwitu wara l-għoti tad-doża booster fl-istudji disponibbli huma qosra, u hemm bżonn ta’ aktar monitoraġġ tad-data biex jiġi ddeterminat it-tul ta’ żmien tal-immunità, wara d-doża booster, għall-infezzjoni, għall-marda ħafifa u għall-marda serja. S’issa, ma hemm l-ebda studju li jindirizza b’mod espliċitu l-effettività tal-boosters fuq it-trażmissjoni tas-SARS-CoV-2 u għalhekk għalissa mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat perjodu ta’ aċċettazzjoni għaċ-ċertifikati li juru l-għoti ta’ dożi booster. Madankollu, id-data emerġenti dwar l-effettività tad-dożi booster fuq ir-restawr ta’ protezzjoni għolja kontra l-infezzjoni tindika li x’aktarx ikollhom ukoll impatt importanti fuq il-limitazzjoni tat-trażmissjoni ulterjuri. Wieħed jista’ raġonevolment jistenna li l-protezzjoni minn tilqim booster tista’ ddum aktar minn dik li tirriżulta mis-serje primarja. Għalhekk f’dan l-istadju jenħtieġ li ma japplika l-ebda perjodu ta’ aċċettazzjoni għal ċertifikati li jindikaw l-għoti ta’ doża booster, irrispettivament minn jekk id-doża booster ingħatatx matul il-perjodu ta’ aċċettazzjoni ta’ 270 jum applikabbli għal ċertifikati li jindikaw it-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim jew jekk ingħatatx wara.

(14)

Barra minn hekk, jenħtieġ li ma jiġix stabbilit perjodu ta’ aċċettazzjoni għal dożi addizzjonali mogħtija biex jipproteġu aħjar lill-individwi li ma jiżviluppawx risponsi immunitarji adegwati wara t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim. Ħtieġa li ssir distinzjoni bejn dawn id-dożi addizzjonali u d-dożi booster toħloq riskju li l-istat tas-saħħa ta’ dawn il-gruppi vulnerabbli jiġi żvelat b’mod involontarju. Ir-referenzi f’dan ir-Regolament għad-dożi booster jenħtieġ għalhekk jinftiehmu li jkopru wkoll dawn id-dożi addizzjonali.

(15)

Huwa neċessarju li jsiru monitoraġġ u rievalwazzjoni b’mod regolari tal-approċċ fir-rigward tal-perjodu ta’ aċċettazzjoni biex jiġi vvalutat jekk jistgħux ikunu meħtieġa adattamenti abbażi ta’ evidenza xjentifika emerġenti ġdida inkluż b’rabta mal-perjodu ta’ aċċettazzjoni għaċ-ċertifikati li juru l-għoti ta’ doża booster. Peress li bħalissa ma hemm l-ebda rakkomandazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex jingħataw dożi booster lil persuni taħt l-età ta’ 18-il sena, din ir-rievalwazzjoni jenħtieġ li tivvaluta wkoll jekk eżenzjonijiet mill-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni jistgħux jiġu ġġustifikati għal dan il-grupp ta’ età.

(16)

Il-perjodu ta’ aċċettazzjoni standard jenħtieġ li ma jiġix inkluż bħala kamp ġdid tad-data fiċ-ċertifikat tat-tilqim, iżda jenħtieġ li jiġi applikat fil-livell ta’ verifika billi l-applikazzjonijiet mobbli użati biex jiġu vverifikati ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE jiġu adattati. Jekk ċertifikat tat-tilqim rilevanti li jindika data tat-tilqim li taqbeż il-perjodu ta’ aċċettazzjoni ta’ 270 jum jiġi ppreżentat lill-verifikatur, l-applikazzjoni mobbli użata għall-verifika jenħtieġ li tindika ċ-ċertifikat bħala skadut. L-applikazzjoni tal-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni fil-livell tal-verifika tippermetti segwitu aktar faċli tal-evoluzzjoni ulterjuri fl-evidenza xjentifika milli jekk fiċ-ċertifikati tiġi inkluża data ta’ skadenza stabbilita. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni fil-livell ta’ verifika, il-kamp tad-data dwar id-data tat-tilqim jenħtieġ li jiġi modifikat. Dan huwa preferibbli milli jiżdied kamp ġdid tad-data speċifikament dwar id-data tal-iskadenza ta’ ċertifikat tat-tilqim. Iż-żieda ta’ kamp ġdid tad-data tkun timplika wkoll il-ħtieġa jew li jinħarġu mill-ġdid ċertifikati tat-tilqim diġà maħruġa jew li jiġu stabbiliti sistemi tekniċi li kapaċi jinterpretaw, fl-istess ħin, ċertifikati tat-tilqim diġà maħruġa mingħajr data ta’ skadenza u ċertifikati tat-tilqim li jkunu għadhom kif inħarġu u li jkollhom id-data tal-iskadenza. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu, il-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim jenħtieġ li jiġi inkorporat fl-applikazzjonijiet għall-verifika tal-Istati Membri kollha.

(17)

Skont l-Artikoli 3(10) u 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953, iċ-ċertifikati tat-tilqim koperti minn att ta’ implimentazzjoni adottat skont dawn id-dispożizzjonijiet iridu jiġu aċċettati bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE. Għaldaqstant, dawn iċ-ċertifikati jenħtieġ li ma jiġux aċċettati jekk kienu qed juru t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim u jekk ikunu għaddew aktar minn 270 jum minn meta ngħatat id-doża indikata fihom.

(18)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.

(19)

Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2021/953, meta, fil-każ ta’ evidenza xjentifika emerġenti ġdida, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu hekk, il-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament tapplika għall-atti delegati adottati skont l-Artikolu 5(2).

(20)

Fid-dawl tar-reazzjonijiet diverġenti diġà evidenti mill-Istati Membri għall-evidenza xjentifika emerġenti ġdida dwar it-tul taż-żmien tal-protezzjoni li tirriżulta mit-tlestija tas-serje primarja tal-vaċċin kontra l-COVID-19, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu l-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/953. Id-dewmien ta’ azzjoni immedjata jirriskja li jaggrava dawn id-diverġenzi u jkun ta’ detriment għall-fiduċja fiċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Barra minn hekk, iċ-ċittadini jkunu ffaċċjati b’perjodu itwal ta’ regoli unilaterali dwar l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim tagħhom.

(21)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni relatata mal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Biex jingħata biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni teknika tal-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Frar 2022.

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta’ kummenti formali fl-14 ta’ Diċembru 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953, il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

id-data tat-tilqim, li turi d-data tal-aħħar doża riċevuta (ċertifikati li juru t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim għandhom jiġu aċċettati biss jekk ma jkunux għaddew aktar minn 270 jum mid-data tal-aħħar doża f’dik is-serje);”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Frar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/rapid-risk-assessment-sars-cov-2-november-2021

(3)  https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/covid-19-assessment-further-emergence-omicron-18th-risk-assessment

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top