EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0241

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-impatt tat-tibdil demografiku

COM/2020/241 final

Brussell, 17.6.2020

COM(2020) 241 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-impatt tat-tibdil demografiku

{SWD(2020) 109 final}


Werrej

1.INTRODUZZJONI

2.L-IXPRUNATURI TAT-TIBDIL DEMOGRAFIKU FL-EWROPA

2.1. STENNIJA TAL-GĦOMOR ITWAL

2.2. TNAQQIS FIT-TWELID

2.3. POPOLAZZJONI LI QED TIXJIEĦ

2.4. UNITAJIET DOMESTIĊI IŻGĦAR

2.5. EWROPA AKTAR MOBBLI

2.6. DAQS TAL-POPOLAZZJONI LI QED JINBIDEL

3.L-IMPATT TAT-TIBDIL DEMOGRAFIKU FUQ L-EKONOMIJA SOĊJALI TAS-SUQ TAGĦNA

3.1. NIES, XOGĦOL U ĦILIET

3.1.1 SUQ TAX-XOGĦOL AKBAR U AKTAR INKLUŻIV

3.1.2. PRODUTTIVITÀ PERMEZZ TAL-ĦILIET U TAL-EDUKAZZJONI

3.2. KURA TAS-SAĦĦA U KURA FIT-TUL

3.3. L-IMPATT FUQ IL-BAĠITS PUBBLIĊI

3.4. ID-DIMENSJONI REĠJONALI U LOKALI

3.4.1. KWALITÀ TAL-ĦAJJA, INFRASTRUTTURA U AĊĊESS GĦAS-SERVIZZI

4.IŻ-ŻEWĠ TRANŻIZZJONIJIET U T-TIBDIL DEMOGRAFIKU

5. IL-ĠEOPOLITIKA TAD-DEMOGRAFIJA: L-EWROPA FID-DINJA

KONKLUŻJONIJIET U ASPETTATTIVI



1.INTRODUZZJONI

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 bidlet l-Ewropa u d-dinja f’ħakka t’għajn. Kienet ta’ prova għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali tagħna, kif ukoll għar-reżiljenza ekonomika u soċjali tagħna. Se tħalli impatt dejjiemi fuq il-mod kif ngħixu u naħdmu flimkien – anki ladarba jisparixxi l-virus. U dan faqqa’ fi żmien meta l-Ewropa kienet diġà għaddejja minn perjodu ta’ trasformazzjoni profonda minħabba tibdil fil-klima, soċjetali u demografiku.

It-tibdil demografiku huwa dwar in-nies u ħajjithom. Huwa dwar dak li nagħmlu, kif naħdmu u fejn inqisu li hi darna. Huwa dwar il-komunitajiet tagħna u l-mod kif ngħixu kollha flimkien. Huwa dwar it-tħaddin tad-diversità ta’ nies u dwar l-isfondi li jarrikkixxu u jsawru s-soċjetajiet tagħna, jagħmluna aktar b’saħħitna u jagħtu l-ħajja lill-motto tal-UE, Magħquda fid-Diversità. Dan huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel. Hekk kif qed noħorġu bil-mod u b’attenzjoni mil-lockdowns imposti madwar l-Ewropa, niftakru fl-importanza li wieħed jifhem u jirreaġixxi għall-impatt li t-tibdil demografiku għandu fuq is-soċjetà tagħna. Din il-ħidma se jkollha tiġi inkluża fl-irkupru tal-Ewropa u fit-tagħlimiet li ħadet – kemm fid-dimensjoni soċjali u ekonomika, kif ukoll fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, u ħafna iktar.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat u xhur, ir-rabta bejn l-istrutturi demografiċi u l-potenzjal tal-impatt u tal-irkupru ġiet esposta bil-qawwi u, ħafna drabi, bi tbatija. Rajna l-ġenerazzjoni anzjana tagħna ssofri l-aktar, billi l-anzjani kienu l-aktar vulnerabbli f’din il-kriżi. Mhux biss huma f’riskju ogħla ta’ kumplikazzjonijiet jekk taqbadhom il-marda, iżda huma wkoll fost l-aktar iżolati u maqtugħa bil-miżuri tat-tbegħid soċjali u tal-lockdown li ttieħdu biex jiġu salvati l-ħajjiet madwar l-Ewropa. Il-ħtieġa għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet hija waħda mill-ixprunaturi tal-irkupru tal-Ewropa 1 . 

L-immaniġġjar tal-impatt tat-tibdil demografiku fit-tul għandu ħafna aspetti differenti: kif nimmaniġġjaw is-saħħa pubblika tagħna, il-baġits pubbliċi jew il-ħajja pubblika, iżda anki kif inindirizzaw kwistjonijiet bħas-solitudni, il-kura fil-komunità u l-aċċess għal servizzi vitali. L-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet se jkun importanti għal irkupru b’suċċess u se jiddetermina l-veloċità u l-limitu sa fejn inkunu nistgħu nerġgħu nibnu l-ħajja tagħna ta’ kuljum, in-networks soċjali u l-ekonomiji tagħna. Fuq żmien itwal, din hija opportunità biex l-Ewropa tibni soċjetà aktar ġusta u aktar reżiljenti.

Qatt ma nistgħu nissottovalutaw il-ħsara kkawżata mill-kriżi jew il-ħtieġa li nindirizzaw it-tipi kollha ta’ telf. F’dan il-kuntest, jista’ jidher kontradittorju li wieħed jgħid li l-Ewropej ġeneralment qed jgħixu ħajja itwal, aktar b’saħħitha u sikura. Madankollu, din għadha r-realtà fuq żmien itwal u jenħtieġ li nkunu kburin bil-passi kbar li saru f’dawn l-aħħar deċennji biex dan jinkiseb. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tal-kura tas-saħħa tal-Ewropa huma l-aktar avvanzati globalment. Flimkien mal-ħila u mas-sagrifiċċju ta’ tant ħaddiema tal-ewwel linja, dawn għenu biex jiġu salvati għadd bla qies ta’ ħajjiet sa mill-bidu tal-kriżi. Madankollu, l-istress li tpoġġew taħtu, speċjalment f’żoni b’popolazzjoni akbar fl-età, wera l-ħtieġa li dawn jiġu appoġġati aktar.

Bis-saħħa ta’ dan il-progress, il-kwalità tal-ħajja tagħna għadha unika u s-soċjetajiet tagħna huma wħud mill-aktar ugwali fid-dinja, anki jekk l-inugwaljanzi għadhom jippersistu. Qed insiru popolazzjoni akbar fl-età u ġeneralment nagħżlu li ngħixu f’unitajiet domestiċi iżgħar. Kulma jmur qed inkunu dejjem aktar attivi, qed naħdmu aktar, nitgħallmu aktar u nibdlu l-impjiegi aktar ta’ spiss. Dawn ix-xejriet kollha għandhom impatt sinifikanti fuq is-soċjetà tagħna - u wħud minnhom setgħu xprunaw il-mod kif il-virus tfaċċa u nfirex f’xi pajjiżi, kemm jekk kienet popolazzjoni li qed tixjieħ, il-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi kif ukoll id-densità tal-popolazzjoni.

Dawn ix-xejriet jistgħu jiġu indirizzati l-aħjar fil-livell lokali u reġjonali. Dan jirrifletti l-fatt li t-tibdil demografiku ta’ spiss ivarja b’mod sinifikanti bejn il-partijiet differenti tal-istess pajjiż. Xi reġjuni jiffaċċjaw sfida doppja ta’ dħul baxx u popolazzjoni li qed tonqos b’mod rapidu. B’31 miljun persuna li jgħixu f’dawn ir-reġjuni, li ħafna minnhom huma rurali, ir-riskji huma għoljin. L-Ewropa se tistinka biex ittejjeb l-istandards tal-għajxien u tnaqqas l-inugwaljanzi. Dan jirrigwarda l-iżgurar li l-ħtiġijiet tan-nies jiġu indirizzati u li jkun hemm prospetti u opportunitajiet ta’ xogħol fil-post fejn jgħixu. Dan jirrigwarda l-aċċess għall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal u l-edukazzjoni, kif ukoll servizzi oħra vitali, bħall-uffiċċji tal-posta, il-libreriji jew it-trasport.

Filwaqt li l-bidliet fid-demografiji mhumiex ġodda, id-differenza f’ħajjitna tinħass aktar akuta. L-indirizzar ta’ din il-bidla se jkun aktar importanti hekk kif l-Ewropa tibda t-triq tagħha lejn l-irkupru. Iż-żamma tal-enfasi fuq iż-żewġ tranżizzjonijiet, dik ekoloġika u dik diġitali, se tgħin biex jingħataw ħafna mis-soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli li neħtieġu biex nindirizzaw l-impatt tat-tibdil demografiku.

It-tibdil demografiku jaffettwa wkoll il-post tal-Ewropa fid-dinja. Hekk kif is-sehem tal-popolazzjoni tal-Ewropa fid-dinja jkompli jonqos, il-ħtieġa li l-UE titkellem u taġixxi bħala entità waħda, u tingrana s-setgħat kollettivi u d-diversità tagħha, issir dejjem aktar importanti. Jenħtieġ li dan jitqies ukoll fid-dawl tat-tibdiliet demografiċi ewlenin fil-viċinat tagħna u madwar id-dinja, li se jkollhom impatt dirett fuq l-Ewropa nnifisha.

Dan ir-rapport jippreżenta l-ixprunaturi tat-tibdil demografiku u l-impatt li qed ikollhom madwar l-Ewropa 2 . Se jgħin biex jidentifika kif in-nies, ir-reġjuni u l-komunitajiet l-aktar affettwati jistgħu jiġu appoġġjati l-aħjar biex jadattaw għal realtajiet li qed jinbidlu – permezz tal-kriżi, tal-irkupru u lil hinn. L-għan tal-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam huwa li jitjiebu l-għarfien u l-prospettivi tagħna biex jiġi żgurat li nkunu nistgħu nappoġġjaw lil dawk li għandhom bżonn – kemm illum kif ukoll fil-futur. Dan ma jirrigwardax neċessarjament it-treġġigħ lura jew it-tnaqqis ta’ xi waħda mix-xejriet; iżda jirrigwarda lilna li nattrezzaw lilna nfusna bl-għodod tajbin biex nipprovdu soluzzjonijiet ġodda u nappoġġjaw lin-nies matul il-bidla.

Fl-aħħar mill-aħħar, dan jirrigwarda l-iżgurar li l-ebda reġjun u l-ebda persuna ma jitħallew lura - għax dan jista’ ultimament iwassal għal teld tal-fiduċja fid-demokrazija tagħna. Minħabba f’hekk, għall-ewwel darba, din il-Kummissjoni għandha Viċi President għad-Demokrazija u d-Demografija u għaldaqstant dan is-suġġett se jidher ukoll fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li matulha ċ-ċittadini se jkollhom rwol ewlieni fil-bini ta’ Unjoni aktar reżiljenti, sostenibbli u ġusta. Filwaqt li ħafna mill-kompetenzi f’dawn l-oqsma jinsabu f’idejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni hija lesta li twitti t-triq billi tidentifika l-kwistjonijiet u tappoġġja l-azzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali.

2.L-IXPRUNATURI TAT-TIBDIL DEMOGRAFIKU FL-EWROPA 3

Bħala Ewropej, qed ngħixu aktar fit-tul minn qatt qabel u qed insiru popolazzjoni akbar fl-età ma’ kull sena li tgħaddi. Ħafna minna qed jagħżlu li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw f’pajjiż ieħor tal-UE u l-migrazzjoni lejn l-Ewropa jew minnha qed tkompli titla’ u tinżel. Għadd ikbar ta’ persuni issa qed jgħixu f’unitajiet domestiċi iżgħar u qed ikollhom inqas tfal minn qabel. Dawn l-ixpruntauri tat-tibdil demografiku jvarjaw madwar l-Ewropa, ta’ spiss b’mod sinifikanti bejn ir-reġjuni differenti tal-istess pajjiż 4 .

2.1. STENNIJA TAL-GĦOMOR ITWAL

L-Ewropej igawdu minn ħajja itwal, b’medja itwal b’saħħithom. L-istennija ta’ tul ta’ ħajja fit-twelid żdiedet b’madwar 10 snin kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa matul dawn l-aħħar ħames deċennji 5 . Il-pandemija esponiet il-vulnerabbiltajiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, iżda aktarx li ma bidlitx ix-xejra ġeneralment pożittiva fuq l-istennija tal-għomor.

Fl-2070, hemm projezzjoni 6 li l-istennija ta’ tul tal-ħajja fit-twelid tilħaq is-86,1 sena għall-irġiel, li hija żieda minn 78,2 sena fl-2018. Għan-nisa, hija stmata għal 90,3 sena – li hija żieda minn 83,7. Il-post fejn wieħed jgħix għandu influwenza kbira fuq l-istennija tal-għomor. Fil-livell nazzjonali, l-istennija ta’ tul tal-ħajja fit-twelid tvarja minn 83,5 fi Spanja għal 75 fil-Bulgarija.

Hemm differenzi bejn in-nisa u l-irġiel li jgħixu f’partijiet differenti tal-UE. Filwaqt li l-istennija ta’ tul tal-ħajja fit-twelid għan-nisa għall-EU-27 hija 5,5 snin ogħla minn tal-irġiel, l-istampa mhijiex l-istess kullimkien. Fil-Latvja u fil-Litwanja, id-diskrepanza hija ta’ iktar minn disa’ snin, filwaqt li fid-Danimarka, fl-Irlanda, f’Ċipru, fin-Netherlands, fl-Iżvezja, hija inqas minn erba’ snin.

Diskrepanza bejn l-istennija ta’ tul tal-ħajja fit-twelid bejn l-irġiel u n-nisa, 2018

Sors: l-Eurostat

Inqattgħu parti kbira minn ħajjitna b’saħħitna. L-għadd ta’ snin ta’ ħajja b’saħħitna 7 rappurtati jvarja skont is-sess u l-pajjiż. Għall-UE kollha kemm hi, l-għadd ta’ snin ta’ ħajja b’saħħitna fit-twelid fl-2018 kien ta’ 64,2 sena għan-nisa u 63,7 għall-irġiel 8 . Għal darb’ oħra, dan ivarja b’mod sinifikanti skont fejn tgħix. Pereżempju, raġel li jgħix l-Iżvezja għandu bħala medja aktar minn 73 sena ta’ ħajja b’saħħtu, meta mqabbel ma’ 51 għal raġel fil-Latvja. Kważi nofs l-anzjani għandhom diżabbiltà 9 – u din iċ-ċifra togħla hekk kif in-nies jidħlu fil-gruppi ta’ età akbar. Huma aktar suxxettibbli li jiffaċċjaw sfidi ta’ tnaqqis fil-mobbiltà u l-kwalità tal-ħajja tagħhom tiddependi fuq kemm ikunu inklużivi u aċċessibbli s-soċjetajiet u l-ambjent tagħna.

Snin ta’ ħajja b’saħħitna fit-twelid, 2018

Sors: l-Eurostat

Stennija ta’ tul tal-ħajja fit-twelid skont ir-reġjun 10 , 2018

(Stennija ta’ tul tal-ħajja fit-twelid fi snin)


2.2. TNAQQIS FIT-TWELID

Mis-snin 60 sa nofs is snin 90, l-għadd medju ta’ twelid għal kull mara fl-Ewropa naqas 11 . Irkupra xi ftit fil-bidu tas-seklu 21 u mbagħad stabbilizza ruħu xi ftit fid-deċennju ta’ wara.

Fl-2018, iċ-ċifra kienet ta’ 1,55 wild għal kull mara. Dan huwa taħt il-valur ta’ 2,1 li huwa meqjus li huwa l-livell meħtieġ biex il-popolazzjoni tinżamm kostanti fin-nuqqas ta’ migrazzjoni. Kważi l-ebda reġjun fl-Ewropa ma għandu rata f’dan il-livell 12 , u xi reġjuni jirreġistraw rata ta’ inqas minn 1,25. Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-Majjistral tal-peniżola Iberika, fl-Italja tax-Xlokk u f’Sardenja, u f’xi partijiet tal-Greċja.

Anki n-nisa bħala medja qed iwelldu aktar tard f’ħajjithom. Bejn l-2001 u l-2018, l-età medja tan-nisa waqt il-ħlas fl-UE għoliet minn 29,0 għal 30,8.

Indikaturi tal-fertilità, EU-27, 2001–2018

Sors: l-Eurostat

Rata tal-fertilità totali skont ir-reġjun 13 , 2018

(Għadd ta’ twelid għal kull mara)


2.3. POPOLAZZJONI LI QED TIXJIEĦ

Il-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ. L-età medjana 14 tal-popolazzjoni tal-EU-27 ilha snin tiżdied u hemm projezzjoni li se tiżdied bl-istess ritmu għal żewġ deċennji oħra. L-età medjana tista’ tilħaq id-49 fl-2070 – li hija żieda ta’ madwar ħames snin mil-lum.

Età medjana tal-popolazzjoni tal-EU-27, 2001-2070

Sors: l-Eurostat

Hekk kif l-età medjana tagħna tiżdied, hekk ukoll jagħmlu l-għadd u s-sehem tan-nies fil-gruppi ta’ età akbar. Sal-2070, 30 % tan-nies fl-Ewropa huma stmati li jkollhom 65 sena jew aktar, u din hija żieda minn 20 % llum. Mill-2019 sal-2070, hemm projezzjoni li s-sehem tan-nies li għandhom 80 sena jew aktar jaqbeż id-doppju u jilħaq it-13 % 15 .

Fl-istess ħin, hemm projezzjoni li l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol (20-64 sena) 16 se tonqos. Fl-2019, din kienet tammonta għal 59 % tal-popolazzjoni sħiħa. Sal-2070, hemm projezzjoni li se tonqos għal 51 %. F’dak iż-żmien, hemm projezzjoni li l-għadd ta’ tfal u żgħażagħ (fl-età ta’ 0-19-il sena) se jonqos bi 12,6-il miljun.



Popolazzjoni skont il-gruppi tal-età, EU-27, 2001-2070

Sors: l-Eurostat

2.4. UNITAJIET DOMESTIĊI IŻGĦAR

Hekk kif l-għadd ta’ unitajiet domestiċi fl-Ewropa jiżdied, id-daqs medju tagħhom jiċkien. Fl-2019, kien hemm 195 miljun unità domestika fl-Ewropa, u din hija żieda ta’ 13-il miljun mill-2010. Dawn l-unitajiet domestiċi qed jiċkienu bħala medja. Fl-2010, l-unità domestika medja kienet tikkonsisti f’2,4 persuni. Matul dan l-aħħar deċennju kompliet tonqos bil-mod u sal-2019 kienet naqset għal 2,3.

Madwar terz tal-unitajiet domestiċi kollha jikkonsistu f’persuna waħda – u din hija żieda ta’ 19 % mill-2010. Ix-xejra ġenerali hija lejn unitajiet domestiċi li jikkonsistu f’koppji mingħajr tfal, persuni li jgħixu waħedhom u ġenituri singli. Fil-parti l-kbira tal-unitajiet domestiċi, ma hemm l-ebda tfal filwaqt li l-unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed żdiedu bi 13 % mill-2010. Dawn ix-xejriet jista’ jkollhom rwol ukoll fil-kuntest tal-pandemija, fejn strutturi partikulari ta’ unitajiet domestiċi setgħu affettwaw it-tixrid tal-virus.

Hekk kif l-Ewropa qed tixjieħ, għadd li qed jiżdied ta’ persuni ta’65 sena jew aktar se jgħixu waħedhom 17 . Dan japplika b’mod speċjali għan-nisa. Fl-2019, is-sehem ta’ nisa anzjani li jgħixu waħedhom kien ta’ 40 %, li huwa aktar mid-doppju taċ-ċifra għall-irġiel.

Unitajiet domestiċi skont il-preżenza tat-tfal, fl-EU-27, 2010-2019 (f’miljuni)

Sors: l-Eurostat

2.5. EWROPA AKTAR MOBBLI

Il-moviment tal-persuni, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha, huwa xprunatur ewlieni tat-tibdil demografiku.

Xi nies jaqsmu l-fruntiera esterna tal-UE u jidħlu fl-Ewropa jew joħorġu minnha. Fl-2018, 2,4 miljun persuna emigraw lejn l-EU-27, filwaqt li 1,1 miljun persuna emigraw lejn pajjiż li mhuwiex fl-EU-27 18 . Bis-saħħa tal-moviment liberu tal-persuni fl-Ewropa, ħafna nies jiddeċiedu li jiċċaqilqu fl-UE. Dawn il-movimenti ma għandhom l-ebda effett fuq id-daqs jew fuq l-istruttura tal-età tal-UE kollha kemm hi – iżda għandhom effett sinifikanti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Fl-2018, 1,4 miljun persuna marru jgħixu fi Stat Membru ieħor. Dan il-grupp jinkludi wkoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Ewropa.

Fl-1 ta’ Jannar 2019, kien hemm 21,8 miljun ċittadin ta’ pajjiżi terzi fil-popolazzjoni tal-EU-27, u dawn jirrappreżentaw 4,9 % tal-popolazzjoni. Kien hemm 13,3-il miljun ċittadin tal-UE jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE.

Id-daqs annwali ta’ dawn il-flussi jista’ jinbidel iżda x-xejriet fit-tul huma relattivament stabbli. F’dawn l-aħħar 35 sena, l-Ewropa kienet kontinent ta’ immigrazzjoni netta. Sa minn nofs is-snin 80, kull sena iktar daħlu nies fl-UE milli ħarġu, u dan irriżulta f’migrazzjoni netta pożittiva.

Wieħed għadu jrid jara kif il-miżuri ta’ emerġenza li jillimitaw il-mobbiltà tan-nies se jaffettwaw ix-xejriet u l-preferenzi tal-mobbiltà fuq żmien itwal. Dan jinkludi jekk dawk li tilfu l-impjiegi u l-għajxien tagħhom f’post jistgħux jerġgħu jfittxu opportunitajiet xi mkien ieħor.

Migrazzjoni netta, EU-27, 1961–2018

Sors: l-Eurostat  

2.6. DAQS TAL-POPOLAZZJONI LI QED JINBIDEL

Il-popolazzjoni tal-Ewropa kibret b’mod konsistenti matul iż-żmien. Fl-EU-27, il-popolazzjoni totali kibret bi kwart mill-1960 ’l hawn, sa kważi 447 miljun fl-2019. Madankollu, hemm differenzi minn pajjiż għall-ieħor. Filwaqt li l-Belġju, l-Irlanda, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta u l-Iżvezja kellhom żieda relattivament stabbli, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija kellhom tnaqqis fil-popolazzjoni wara l-1990 19 .

Ix-xejra ġenerali tat-tkabbir tal-popolazzjoni hija mistennija li tkompli – iżda mhux għal żmien twil. Sa mill-2012, l-għadd ta’ mwiet fl-EU-27 qabeż l-għadd ta’ twelid. Dan ifisser li mingħajr migrazzjoni netta pożittiva, il-popolazzjoni tal-Ewropa kienet diġà bdiet tonqos.

Il-projezzjonijiet 20 juru li d-daqs tal-popolazzjoni totali tal-Ewropa se jibqa’ pjuttost stabbli għaż-żewġ deċennji li ġejjin u mbagħad jibda jonqos. Hemm projezzjoni li tintlaħaq pjattaforma ta’ 449 miljun persuna qabel l-2025 u mbagħad ikun hemm tnaqqis progressiv wara l-2030 għal 424 miljun persuna sal-2070 – dan ifisser tnaqqis ta’ 5 % f’50 sena.

Hemm projezzjoni li xi Stati Membri għandhom popolazzjoni li se tonqos matul il-perjodu kollu sal-2070, jiġifieri l-Bulgarija, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija. Hemm projezzjoni li xi wħud jesperjenzaw tkabbir tal-popolazzjoni sal-2070: id-Danimarka, l-Irlanda, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta u l-Iżvezja. Hemm projezzjoni li oħrajn se jkollhom tkabbir inizjali segwit minn tnaqqis, u dawn huma l-Belġju, iċ-Ċekja, l-Estonja, Spanja, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja.

Popolazzjoni totali u bidla annwali fil-popolazzjoni, EU-27, 1960-2070

Sors: l-Eurostat



3.L-IMPATT TAT-TIBDIL DEMOGRAFIKU FUQ L-EKONOMIJA SOĊJALI TAS-SUQ TAGĦNA

L-impatt tat-tibdil demografiku tal-Ewropa jista’ jinħass fl-ekonomija u fis-soċjetà tagħna. Dan kien evidenti f’dawn l-aħħar xhur bil-waqfien ta’ partijiet kbar tal-ekonomija u b’miżuri ta’ tbegħid soċjali meħtieġa li affettwaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum. Għandu implikazzjonijiet għall-futur tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tas-saħħa tagħna, għall-baġits, għas-settur tal-abitazzjoni u għall-ħtiġijiet tal-infrastruttura. L-ibliet u ż-żoni urbani tagħna potenzjalment se jsiru aktar iffullati u ż-żoni rurali se jiffaċċjaw sensiela ta’ sfidi għalihom. Il-karrieri tagħna se jkomplu jinbidlu u se jkollna nsibu soluzzjonijiet biex niżguraw li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva meta tħabbat wiċċha ma’ tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol.

L-istruttura ekonomika u demografika ta’ pajjiż se tkun fattur fil-veloċità u fil-kapaċità tal-irkupru. Se jkun hemm punti oħra fejn ikun hemm konkordanza bejn il-ħtiġijiet ta’ tibdil demografiku u ta’ rkupru fit-tul. Dan jinkludi kollox, mill-ħtieġa li s-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul isiru aktar reżiljenti għall-iżgurar li ż-żoni urbani u rurali tagħna jkunu jistgħu jlaħħqu mad-densità tal-popolazzjoni jew ma’ nuqqas ta’ servizzi.

Il-Faċilità tal-Kummissjoni għall-Irkupru u r-Reżijenza se tagħti appoġġ finanzjarju fuq skala kbira biex l-ekonomiji tal-Istati Membri jsiru aktar reżiljenti u jitħejjew aħjar għall-futur, speċjalment għat-tibdil demografiku. Il-prijoritajiet tal-investimenti se jkunu konformi mal-isfidi identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż fis-Semestru Ewropew.

3.1. NIES, XOGĦOL U ĦILIET

L-impatt tat-tixjiħ demografiku fuq is-suq tax-xogħol qed jinħass aktar. Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-EU-27 ilha tonqos għal deċennju u hemm projezzjoni li se tonqos bi 18 % sal-2070. Is-sitwazzjoni tvarja b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor u minn reġjun għal ieħor.

Bidla fil-popolazzjoni fl-età ta’ 20-64 sena skont ir-reġjun 21 , 2020-2030

(Bidla totali (%))

Il-projezzjonijiet ekonomiċi li saru fl-2018 stmaw li l-għadd ta’ persuni impjegati jista’ jilħaq il-quċċata tiegħu madwar l-2020, u jkun segwit minn tnaqqis kostanti matul id-deċennji ta’ wara 22 . Filwaqt li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk il-kriżi attwali hijiex se tibdel il-projezzjonijiet fit-tul, l-ewwel tbassir li sar mill-bidu tat-tifqigħa 23 jistma kontrazzjonijiet sinifikanti fl-impjiegi. Skont kif jinfirex il-virus, dan jista’ jirriżulta f’inqas nies li jkunu attivi fl-istess ħin. Għaldaqstant, il-ġlieda kontra l-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u li aktar nies jersqu lejn is-swieq tax-xogħol se jsiru sfidi saħansitra aktar urġenti.

Huwa ċar ukoll li l-impatt ta’ popolazzjoni iżgħar fl-età tax-xogħol se jinħass aktar qawwi u b’mod aktar rapidu sakemm ma jkunx hemm aktar nies li attwalment mhumiex rappreżentati biżżejjed li jidħlu jew li jipparteċipaw aktar fis-suq tax-xogħol.

Popolazzjoni fl-età tax-xogħol (20-64), EU-27, 2001-2070

Sors: l-Eurostat

3.1.1 SUQ TAX-XOGĦOL AKBAR U AKTAR INKLUŻIV

It-tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol jenfasizza l-ħtieġa li l-Ewropa u s-suq tax-xogħol tagħha tuża s-setgħat, it-talenti u d-diversità kollha tagħha.

L-ixprunar tar-rata ta’ impjieg tan-nisa se jkun ta’ importanza kruċjali. Fl-2019, id-diskrepanza fl-impjiegi bejn in-nisa u l-irġiel kienet ta’ 12 %. Dan jinħass aktar meta wieħed iqis id-differenza sinifikanti bejn l-irġiel u n-nisa li jagħmlu xogħol part-time. Fl-2019, madwar 3 minn kull 10 nisa impjegati kienu qed jaħdmu part-time, u din hija kważi erba’ darbiet iktar miċ-ċifra għall-irġiel. Dawn is-sitwazzjonijiet setgħu inħassew b’mod aktar akut matul il-pandemija meta l-kura tal-anzjani, tal-persuni b’diżabbiltà jew tat-tfal kellha tiġi organizzata b’mod privat u b’mod ġenerali waqgħet fuq in-nisa. In-nuqqas ta’ servizzi ta’ kura formali u fit-tul li huma adegwati, ta’ opportunitajiet ta’ xogħol flessibbli u ta’ inċentivi għat-tieni sors ta’ dħul f’xi Stati Membri kollha jikkontribwixxu biex jenfasizzaw din il-kwistjoni.

Fil-qalba ta’ dan kollu hemm l-isfida tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja. Fl-2019, ir-rata ta’ impjieg għan-nisa bi tfal ta’ inqas minn sitt snin kienet ta’ kważi 14-il punt perċentwali aktar baxxa minn ta’ dawk mingħajr tfal. In-nisa xorta għadhom jirċievu paga aktar baxxa għal xogħolhom mill-irġiel, u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija attwalment ta’ 14,8 %. Il-Kummissjoni qed tindirizza dawn il-kwistjonijiet bħala parti mix-xogħol tagħha dwar l-ugwaljanza u permezz tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 24 .

Jgħin ukoll jekk isir aktar progress biex ħaddiema akbar fl-età jsibu impjieg. Fl-2019, ir-rata ta’ impjieg tal-ħaddiema akbar fl-età (fl-età ta’ 55-64 sena) kienet ta’ 59,1 % għall-EU-27, u din hija żieda minn 44,1 % fl-2009. Progress ulterjuri jirrikjedi politiki li jippermettu li n-nies jaħdmu aktar fit-tul, jibqgħu aktar b’saħħithom u jżommu l-ħiliet tagħhom aġġornati, u jirrikonoxxu ħiliet u kwalifiki ġodda. Fit-terminu medju, it-tixjiħ tal-popolazzjoni aktarx se jirrikjedi li aktar nies jaħdmu aktar fit-tul. Il-Green Paper li jmiss dwar it-Tixjiħ se tiffoka fuq din il-kwistjoni f’aktar dettall, u tqis bis-sħiħ il-vulnerabbiltajiet li feġġew matul il-pandemija.

L-investiment fil-kwalifiki tan-nies b’livelli baxxi ta’ edukazzjoni se jkompli jkun essenzjali. Aktar minn 10 % taż-żgħażagħ bejn l-età ta’ 18 u 24 sena jieqfu mill-edukazzjoni jew mit-taħriġ b’ebda kwalifiki jew bi kwalifiki baxxi, u din ir-rata taqbeż l-20 % fir-reġjuni ultraperiferiċi. Fost dawn il-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola, 45 % minnhom għandhom impjieg. Il-ħidma biex iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir realtà sal-2025, tiġġedded iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u jiġu appoġġjati l-impjiegi għaż-żgħażagħ se tkun għodda importanti biex dan il-bilanċ jiġi rimedjat.

L-impjieg ta’ aktar nies minn sfondi differenti jikkontribwixxi biex tkompli tiżdied ir-rata ta’ impjieg. Ir-rata ta’ impjieg għan-nies li twieldu barra mill-UE hija ta’ 9,6 punti perċentwali aktar baxxa minn dawk li twieldu fl-UE u hija partikolarment baxxa fost in-nisa. Is-sitwazzjoni għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija simili.

Il-ftuħ tas-suq tax-xogħol għan-nies b’diżabbiltà jikkontribwixxi għal soċjetà aktar ġusta u jindirizza l-impatt tat-tibdil demografiku. Madankollu, ir-rata ta’ impjieg tan-nies b’diżabbiltà fl-UE hija baxxa minħabba l-ħafna ostakli li jiffaċċjaw, inkluż id-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà fil-post tax-xogħol, fl-akkomodazzjoni u fl-edukazzjoni ta’ kwalità għolja. Dawn l-ostakli jistgħu jkunu bbażati f’perċezzjonijiet negattivi u f’reżistenza inġusta għall-impjieg ta’ nies b’diżabbiltà.

Suq tax-xogħol akbar u aktar inklużiv ifisser li niġġieldu kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali. L-atturi tal-ekonomija soċjali u l-impriżi jista’ jkollhom rwol importanti biex jitrawwem suq tax-xogħol aktar inklużiv, għall-benefiċċju tal-ħaddiema u tal-komunitajiet lokali.

3.1.2. PRODUTTIVITÀ PERMEZZ TAL-ĦILIET U TAL-EDUKAZZJONI

Hekk kif il-grupp ta’ dawk li jaħdmu jibda jiċkien, ir-reżiljenza ekonomika u t-tkabbir tal-produttività se jsiru dejjem aktar importanti. Dan se jkun importanti wkoll għal irkupru sostenibbli mill-kriżi. Qabel it-tifqigħa tal-coronavirus, il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni wrew li l-istabbilizzazzjoni tat-tkabbir tal-PDG għal 1,3 % fis-sena sal-2070 tirrikjedi tkabbir fil-produttività tax-xogħol b’medja ta’ 1,5 % fis-sena 25 . Madankollu, it-tkabbir fil-produttività ilu jonqos u qabel bdiet il-kriżi kien stmat taħt il-1 %.

It-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima u diġitali tista’ tgħin biex tingħata spinta lill-produttività. Iż-żewġ tranżizzjonijiet jeħtieġu innovazzjoni u diffużjoni teknoloġika, b’ekonomija aktar ċirkulari u diġitali li toħloq mudelli ġodda ta’ negozju u modi ġodda ta’ ħidma. Il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha fuq ħajjitna u fuq l-ekonomiji tagħna enfasizzaw l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fl-oqsma kollha tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. Tenħtieġ ukoll kompetizzjoni u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, kif stabbilit fl-Istrateġija Industrijali l-ġdida għall-Ewropa 26 li għadha kif ġiet adottata.

L-awtomatizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda u aktar nodfa jistgħu jgħinu biex tingħata spinta lill-produttività tax-xogħol fil-futur, tranżizzjoni ġusta għal kulħadd se tkun essenzjali għal dawk li se jkollhom jitgħallmu ħiliet ġodda jew ibiddlu l-impjiegi tagħhom. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ il-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta - biex ittaffi l-impatti soċjoekonomiċi tat-tranżizzjoni, tappoġġja t-taħriġ mill-ġdid, tgħin lill-SMEs joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda, u tinvesti fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

L-Ewropa teħtieġ forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin, imħarrġa tajjeb u adattabbli 27 . Se jsir ħafna aktar importanti li t-tagħlim tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd. Fis-snin li ġejjin, miljuni ta’ Ewropew se jkollhom itejbu l-ħiliet tagħhom jew jitħarrġu mill-ġdid. L-attirar aħjar ta’ ħiliet u talent minn barra l-pajjiż se jgħin ukoll biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Hekk kif iż-żewġ tranżizzjonijiet jirrankaw, jenħtieġ li l-Ewropa tiżgura li l-ħiliet tagħha jżommu l-pass, inklużi l-ħiliet ekoliġiċi u diġitali. Qabel il-kriżi, kien hemm madwar miljun post vakanti fl-Ewropa għal esperti diġitali u 70 % tal-kumpaniji rrappurtaw li kienu qed idewmu l-investimenti minħabba li ma setgħux isibu n-nies bil-ħiliet it-tajba. Dan minħabba li, fl-2019, 29 % tal-popolazzjoni tal-UE kellha ħiliet diġitali ta’ livell baxx, filwaqt li 15 % ma kellhom l-ebda ħila diġitali. Il-kriżi enfasizzat ukoll l-importanza tal-ħiliet diġitali, għat-tfal, għall-istudenti, għall-għalliema, għal min iħarreġ u għalina kollha biex nikkomunikaw u naħdmu. Uriet li ħafna minna għad ma għandhomx aċċess għall-għodod meħtieġa. Il-Kummissjoni se tressaq Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali biex tipprovdi azzjonijiet konkreti biex tindirizza dawn l-isfidi.

Is-soluzzjoni tinsab fl-investiment fin-nies u fil-ħiliet tagħhom u fit-titjib tal-aċċess għat-taħriġ u għall-edukazzjoni. Dan jirrikjedi l-azzjoni kollettiva tal-industrija, tal-Istati Membri, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet oħra kkonċernati li jikkontribwixxu għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid u li jiftħu l-investiment tas-settur pubbliku u privat fil-forza tax-xogħol. L-aġġornament tal-Aġenda għall-Ħiliet, u r-rakkomandazzjoni dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, ukoll se jkunu passi importanti biex dan jinkiseb.

3.2. KURA TAS-SAĦĦA U KURA FIT-TUL

Is-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul tal-Ewropa kienu fuq quddiem nett matul il-pandemija tal-COVID-19 28 . Tpoġġew taħt pressjoni qawwija fil-ġlieda kontra l-virus u diġà kienu għaddejjin minn żieda fil-pressjoni, mhux b’inqas b’riżultat tat-tixjiħ tas-soċjetà tagħna. Dan jaffettwa b’mod partikulari lil dawk ir-reġjuni fejn hemm projezzjoni li se jkun hemm żieda sinifikanti f’persuni li jaqbżu l-65 sena minn issa sal-2030.



Bidla fis-sehem tal-popolazzjoni fl-età ta’ 65 sena jew aktar skont ir-reġjun 29 , 2020-2030

(Differenza f’punti perċentwali)

It-tifqigħa tal-coronavirus esponiet il-vulnerabbiltà tal-persuni anzjani għall-pandemiji u għal mard ieħor, speċjalment minħabba li għandhom probabbiltà akbar li jkollhom kundizzjonijiet ta’ saħħa sottostanti. Enfasizzat ukoll il-ħtieġa għal sistemi ta’ saħħa pubblika robusti u l-ħtieġa għal kapaċitajiet akbar ta’ unitajiet ta’ kura intensiva.

Sistemi tas-saħħa aktar reżiljenti jeħtieġu investiment xieraq u appoġġ finanzjarju li jikkorrispondi għar-rwol ewlieni tagħhom. Għaldaqstant, dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet programm awtonomu, EU4Health, biex tappoġġja lill-Istati Membri u lill-UE biex jibnu l-kapaċità u t-tħejjija 30 . Dan se jgħin biex ikun hemm viżjoni fit-tul għas-sistemi tas-saħħa pubblika li jaħdmu sew u li jkunu reżiljenti, b’mod partikolari billi jsir investiment fil-prevenzjoni u s-sorveljanza tal-mard, u billi jitjieb l-aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dijanjożi u t-trattament għal kulħadd. Dan jista’ jkun ukoll il-punt tat-tluq ta’ dibattitu dwar x’nistgħu nagħmlu iktar flimkien biex niffaċċjaw il-kriżijiet, iżda anki b’mod aktar ġenerali fis-settur tas-saħħa.

Iż-żieda fil-piż tal-mard kroniku se tkun ukoll ta’ sfida għas-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Ewropa. Dan il-mard diġà jammonta għal madwar 70-80 % tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa 31 . Attwalment, madwar 50 miljun ċittadin Ewropew qed isofru minn żewġ kundizzjonijiet kroniċi jew aktar 32 , u ħafna minn dawn in-nies għandhom ’il fuq minn 65 sena. Bħala parti mill-isforzi biex tiżdied il-prevenzjoni, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt’’ 33 għandha l-għan li tgħammar lill-Ewropej b’aktar informazzjoni u tappoġġjahom biex jagħmlu għażliet aħjar fid-dieta tagħhom. Minħabba ż-żieda fir-riskji marbuta mal-mard kroniku, il-ħidma fuq il-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer se tkun essenzjali għal saħħitna u għal dik tas-sistemi tas-saħħa tagħna. L-isport u l-attività fiżika wkoll jista’ jkollhom rwol importanti għall-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa.

Id-domanda għall-persunal professjonali hija mistennija li tiżdied skont id-domanda għall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. Diġà hemm indikazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ħaddiema 34 fis-settur tas-saħħa 35 u tal-kura fit-tul. Il-ħidma li għaddejja tal-OECD dwar il-persunal impjegat fis-settur tal-kura fit-tul 36 tindika l-importanza li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur u li jsir aktar attraenti x-xogħol tal-kura. Minkejja ż-żieda fl-għadd ta’ tobba u infermiera matul dan l-aħħar deċennju fil-pajjiżi kważi kollha tal-UE, għad hemm nuqqas ta’ prattikanti ġenerali, partikularment fiż-żoni rurali u remoti u fir-reġjuni ultraperiferiċi. 

L-isfida prinċipali hija li tiġi ssodisfata ż-żieda fid-domanda għal servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul suffiċjenti, aċċessibbli, ta’ kwalità tajba u bi prezz raġonevoli, kif hemm minqux fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-iżgurar ta’ livell għoli fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem 37 jirrikjedi l-infrastruttura t-tajba, bħal sptarijiet, djar tal-kura fit-tul u akkomodazzjoni adatta u mgħammra għall-anzjani. Għall-kuntrarju tal-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali għall-kura fit-tul ma teżistix fl-Istati Membri kollha. Il-kura fit-tul formali hija għalja u ta’ spiss tiġġarrab mill-persuna li tkun teħtieġha jew mill-familja tagħha. Hekk kif il-popolazzjoni tal-Ewropa tixjieħ u l-unitajiet domestiċi jiċkienu, aktarx din se tkun sfida kontinwa għal ħafna.

L-“ekonomija tal-anzjani” emerġenti tista’ toffri opportunitajiet għas-setturi tas-saħħa u tal-kura fit-tul. Din tista’ tixpruna l-innovazzjoni biex tgħin fl-għoti ta’ servizzi ta’ kwalità għolja b’mod aktar effiċjenti. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tagħti l-opportunità lill-anzjani li jissorveljaw b’mod indipendenti l-kundizzjoni ta’ saħħithom. L-impatt tat-teknoloġiji diġitali fil-kura tas-saħħa u fit-tul jista’ jkun rebħa tripla: titjib fil-kwalità tal-ħajja, żieda fl-effiċjenza tal-kura tas-saħħa u fit-tul, tkabbir fis-suq u fl-iżvilupp tal-industrija 38 . Ir-riċerka u l-innovazzjoni se jkunu kruċjali f’dan ir-rigward.

3.3. L-IMPATT FUQ IL-BAĠITS PUBBLIĊI

Ewropa ixjeħ b’forza tax-xogħol iżgħar aktarx se żżid il-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi - fi żmien meta l-isforzi ta’ rkupru jeħtieġu finanzjament sinifikanti. Qabel il-kriżi, kien hemm projezzjoni li l-kost totali tat-tixjiħ 39 fl-UE jamonta għal 26,6 % tal-PDG sal-2070.

L-Ewropa se tiffaċċja sfida kbira biex tiffinanzja l-infiq tagħha relatat mal-età, b’mod li jkun ukoll ġust tul il-ġenerazzjonijiet. Dan minħabba li l-proporzjon bejn il-persuni li jħallsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u dawk li jirċievu l-pensjonijiet u benefiċċji oħra qed jonqos b’mod rapidu. Fl-2019, kien hemm medja ta’ 2,9 persuni fl-età tax-xogħol għal kull persuna li għandha ’l fuq minn 65 sena. Hemm projezzjoni li fl-2070, dan il-proporzjon se jonqos għal 1,7.

Filwaqt li ħafna mill-infiq relatat mal-età se jkun fuq il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, hemm projezzjoni li n-nefqa għall-pensjonijiet pubbliċi wkoll se tiżdied b’mod relattiv għall-PDG sal-2040. Bis-saħħa tal-impatt tar-riformi sostanzjali tas-sistemi tal-pensjoni f’ħafna mill-Istati Membri, hemm projezzjoni sussegwenti li din se tiżdied aktar bil-mod mill-PDG, u tirritorna għall-istess sehem tal-PDG bħal fl-2016, għalkemm f’għadd ta’ Stati Membri r-riformi riċenti tal-pensjonijiet se jwasslu għal projezzjoni ogħla tan-nefqa tal-pensjonijiet. Fit-tfassil ta’ soluzzjonijiet għal dawn il-kwistjonijiet, dawk li jfasslu l-politika jridu jindirizzaw livell għoli ta’ inċertezza. Il-mod kif in-nefqa pubblika se tiżviluppa jiddependi mhux biss mix-xejriet demografiċi iżda anki minn fatturi oħra bħall-progress teknoloġiku fid-dijanjostika, fit-trattamenti, fil-prodotti mediċinali u fit-tagħmir mediku, jew iż-żieda fid-domanda għall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul ipprovduta pubblikament 40 . Dan kollu jinvolvi kostijiet addizzjonali fuq perjodu ta’ żmien medju u twil. Mingħajr bidla fil-politika, se jkun hemm żieda fil-pressjoni anki għall-infiq privat, hekk kif in-nies fil-kura fit-tul jaf ikollhom ikopru sehem ikbar mill-kostijiet ġenerali.

Ħafna mill-projezzjonijiet eżistenti jaħdmu l-aktar bl-età ta’ 65 sena bħala l-limitu massimu ta’ dawk fil-grupp tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. Madankollu, fil-futur se jkun hemm aktar nies li jibqgħu jaħdmu aktar tard f’ħajjithom. Limitu massimu ogħla jibdel il-projezzjonijiet b’mod sinifikanti. Madankollu, l-evidenza kollha turi l-importanza ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika b’saħħithom, tagħlim tul il-ħajja u investiment kontinwu fil-ħiliet u fl-edukazzjoni.

Il-faqar fix-xjuħija aktarx se jkun problema li tkompli tikber hekk kif ikompli t-tibdil demografiku. Illum, il-maġġoranza tan-nies irtirati għandhom introjtu mill-pensjonijiet li jippermettilhom iżommu l-istandard tal-għajxien u jipproteġihom kontra l-faqar fix-xjuħija 41 . Dan ma jfissirx li l-faqar fix-xjuħija nqered fost il-persuni li għandhom ’il fuq minn 64 sena. Fl-2018, fl-EU-27, 15,5 % tan-nies li kellhom 65 sena jew aktar kienu f’riskju ta’ faqar 42 .

Huwa aktar probabbli li n-nisa jiġu affettwati mill-faqar fix-xjuħija. Dan minħabba li għandhom it-tendenza li jkollhom rati ta’ impjieg aktar baxxi, aktar waqfien fil-karriera tagħhom, pagi aktar baxxi u li jaħdmu part-time 43 u xogħol temporanju 44 . In-nisa jirċievu pensjonijiet kull xahar li huma madwar terz aktar baxxi minn dawk tal-irġiel, filwaqt li għandhom stennija tal-għomor aktar twila.

In-nies b’diżabbiltà, li jiffurmaw grupp b’riskju ogħla ta’ faqar, jistgħu jiffaċċjaw riskji addizzjonali. In-nies fl-età tax-xogħol li għandhom diżabbiltà spiss ikunu eliġibbli għal benefiċċji u appoġġ speċifiċi. Madankollu, meta jilħqu l-età tal-pensjoni, dawn jistgħu ma jibqgħux eliġibbli, u dan jista’ jkun kawża addizzjonali għall-faqar jew l-esklużjoni soċjali.

Fl-istess ħin, popolazzjoni ixjeħ toffri wkoll opportunitajiet ġodda għall-ekonomiji tagħna. Il-konsumaturi aktar anzjani jammontaw għal parti kbira tal-ekonomija u l-konsum tan-nies li għandhom ’il fuq minn 50 sena madwar l-UE kien ta’ EUR 3,7 triljun fl-2015. Hemm projezzjoni li dan se jiżdied b’madwar 5 % fis-sena, u sal-2025 jintlaħqu l-EUR 5,7 triljun. Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-Tixjiħ se tindirizza wkoll kif nistgħu nisfruttaw dawn l-opportunitajiet. 

3.4. ID-DIMENSJONI REĠJONALI U LOKALI 45

Reġjuni differenti huma affettwati b’mod differenti mit-tibdil demografiku. Uħud għandhom popolazzjoni relattivament anzjana, b’età medjana ta’ ’l fuq minn 50 sena, filwaqt li f’oħrajn din hija inqas minn 42,5 sena - bħal fil-Lussemburgu, f’Ċipru, fl-Irlanda, fin-Nofsinhar ta’ Spanja, fit-Tramuntana tar-Rumanija, fis-Slovakkja u fin-Nofsinhar tal-Iżvezja (jew f’partijiet minnhom).

Fil-livell reġjonali, il-movimenti tal-popolazzjoni kellhom impatt kbir ukoll fuq il-profil demografiku ta’ reġjun. Dan jinħass b’mod akut f’postijiet fejn jiċċaqalqu ż-żgħażagħ b’mod predominanti. Dan it-tibdil jaffettwa wkoll il-popolazzjoni totali ta’ reġjun. Hemm 65 % tal-popolazzjoni tal-UE li tgħix f’reġjun li esperjenza żieda fil-popolazzjoni bejn l-2011 u l-2019. Għal xi wħud, id-depopolazzjoni hija xejra fit-tul, ta’ spiss fuq deċennji, u huwa mistenni li aktar reġjuni jesperjenzaw id-depopolazzjoni fid-deċennju li jmiss u lil hinn.

Biex jiġi evitat li din is-sitwazzjoni tkompli tiggrava b’konsegwenza tal-pandemija, il-Kummissjoni pproponiet li tiddedika riżorsi addizzjonali għall-politika ta’ koeżjoni biex tindirizza l-ħsara tal-kriżi u miżuri ta’ rkupru permezz ta’ inizjattiva ġdida msejħa REACT-EU 46 . L-istrument ta’ rkupru propost, Next Generation EU, jipprevedi appoġġ addizzjonali biex jiżgura l-finanzjament għall-miżuri ewlenin li jindirzzaw il-ħsara tal-kriżi u biex jappoġġja lill-ħaddiema u lill-SMEs, lis-sistemi tas-saħħa u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fir-reġjuni. Barra minn hekk, il-Programm tal-Iżvilupp Rurali tal-UE se jkollu rwol kruċjali fl-appoġġ tal-irkupru.

Il-bidla totali fil-popolazzjoni skont ir-reġjun 47 , 2011-2019

(Bidla totali (%) bejn l-1/1/2011 u l-1/1/2019)

Il-tibdil demografiku jiżviluppa b’mod differenti fir-reġjuni urbani u dawk rurali. Ir-reġjuni fl-UE jappartjenu għal kategoriji differenti, skont jekk humiex ta’ natura aktar urbana jew aktar rurali, jew bejniethom. Kull waħda mit-tliet kategoriji għandha l-karatteristiki tagħha. Id-daqs tal-popolazzjoni u d-densità tar-residenzi jonqsu mir-reġjuni urbani, għal dawk intermedji u għal dawk rurali. Matul il-pandemija, jidher li d-densità tal-popolazzjoni u l-kategorija tar-reġjuni kienu fattur fl-imxija tal-virus. Huwa stmat li l-virus tfaċċa aktar kmieni fir-reġjuni urbani u nfirex b’mod aktar mgħaġġel meta mqabbel mar-reġjuni intermedji u rurali 48 .

Popolazzjoni tal-EU-27 skont it-tipoloġija reġjonali urbana-rurali, 2019

Sors: l-Eurostat

Fir-reġjuni rurali, il-popolazzjoni naqset b’0,8 miljun bejn l-2014 u l-2019. Madankollu, din hija biss parti mill-istorja. F’xi Stati Membri dawn ir-reġjuni kibru b’aktar minn 0,2 % fis-sena filwaqt li f’oħrajn dawn naqsu bl-istess ammont. Fi tmien Stati Membri, ir-reġjuni rurali ilhom jonqsu fil-popolazzjoni mill-1991: it-tliet Stati Baltiċi, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Portugall u r-Rumanija. Ħidma riċenti mill-OECD turi li r-reġjuni li huma qrib l-ibliet għandhom tendenza li jikbru, filwaqt li r-reġjuni aktar remoti 49 għandhom tendenza li jitilfu l-popolazzjoni.

Ir-reġjuni urbani fl-UE jippreżentaw stampa differenti – il-popolazzjoni tagħhom kibret bi 3,8 miljun fuq l-istess perjodu. Madankollu, fil-Latvja u fil-Greċja din naqset b’0,3 % u 0,6 % rispettivament. Hemm 22 % tal-popolazzjoni urbana li tgħix f’reġjun li esperjenza telf fil-popolazzjoni bejn l-2014 u l-2019. F’14-il Stat Membru, ir-reġjuni urbani kollha żdiedu fil-popolazzjoni.

3.4.1. KWALITÀ TAL-ĦAJJA, INFRASTRUTTURA U AĊĊESS GĦAS-SERVIZZI

Kull parti tal-Ewropa tfittex li tipprovdi servizzi u infrastruttura biex taqdi l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tagħha. Kemm jekk il-popolazzjoni tikber kif ukoll jekk tiċkien, is-servizzi u l-infrastruttura jridu jiġu aġġustati skont dan, fosthom fir-rigward tat-trasport, l-aspett diġitali, l-akkomodazzjoni, l-iskejjel, il-kura tas-saħħa u fit-tul u l-integrazzjoni soċjali.

L-impatt tat-tibdil demografiku fuq reġjun speċifiku jiddependi ħafna fuq ir-ritmu u d-daqs tal-bidla fil-popolazzjoni, u jekk reġjun għandux il-mezzi biex ilaħħaq ma’ din il-bidla. Ħafna reġjuni li jesperjenzaw tkabbir rapidu tal-popolazzjoni għandhom PDG per capita ’l fuq mill-medja tal-UE, filwaqt li r-reġjuni b’depopolazzjoni rapida għandhom it-tendenza li jkollhom PDG per capita relattivament baxx. Ir-reġjuni li għandhom introjtu baxx u li jbatu minn bidla rapida fil-popolazzjoni jjiffaċċjaw l-aktar sitwazzjoni diffiċli.

Hemm 31 miljun persuna, jew 7 % tal-popolazzjoni tal-UE, li jgħixu f’reġjun li jiffaċċja l-isfida doppja ta’ depopolazzjoni rapida u PDG baxx per capita. Ħafna minn dawn ir-reġjuni jinsabu fl-Istati Baltiċi, fil-Bulgarija, fil-Kroazja, fl-Ungerija, fil-Portugall u fir-Rumanija. Hemm ukoll xi reġjuni f’din is-sitwazzjoni fil-Greċja u fi Spanja kif ukoll ftit reġjuni fil-Lvant tal-Ġermanja, fi Franza u fil-Polonja.

L-indirizzar tal-impatt tat-tibdil demografiku lokali u reġjonali jrid iqis x’iġiegħel lin-nies jiċċaqalqu jew jitilqu minn reġjun. Ta’ spiss, dan jirriżulta f’opportunitajiet ta’ impjieg u fil-kwalità tal-ħajja. Il-kwalità tal-ħajja f’reġjun speċifiku tista’ tiġi influwenzata minn ħafna fatturi differenti, fosthom l-ambjent nautrali, l-aċċess għas-servizzi (bħall-kura tat-tfal, l-aċċessibbiltà għan-nies b’diżabbiltà, edukazzjoni ta’ kwalità tajba, il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul, l-akkomodazzjoni, is-servizzi kulturali u ta’ divertiment) jew id-disponibbiltà u l-kwalità tal-infrastruttura (bħat-toroq, il-ferroviji, il-provvista tal-enerġija, l-aċċess għall-internet).

L-aċċessibbiltà u l-konnettività se jsiru aktar importanti għall-prospetti ta’ reġjun. Dawn jinfluwenzaw il-perspettiva ekonomika ta’ reġjun u l-potenzjal li jiġu offruti impjiegi attraenti. Hekk kif l-Ewropa tibda t-triq lejn it-tranżizzjoni ekoloġika, il-ħtieġa għal trasport pubbliku nadif, frekwenti, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli se jkollha rwol dejjem aktar importanti fl-attrattività ta’ reġjun. Hekk kif l-Ewropa ssir dejjem aktar diġitali, in-nies jistennew aċċess ta’ kwalità għolja għall-broadband tal-ġenerazzjoni li jmiss. L-aċċess għall-broadband tal-ġenerazzjoni li jmiss jista’ jgħin biex jonqos id-distakk bejn iż-żoni urbani u dawk rurali fil-qasam diġitali.

Kopertura tal-Aċċess għall-Broadband tal-Ġenerazzjoni li Jmiss

L-investimenti fl-infrastruttura u fis-servizzi, anki permezz tal-politika ta’ koeżjoni, huma parti essenzjali mis-soluzzjoni. L-infrastruttura għandha ħafna dimensjonijiet differenti, inkluża d-disponibbiltà tas-servizzi diġitali (inkluż l-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-kopertura tal-5G), l-edukazzjoni u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, kif ukoll id-divertiment u l-kultura.



Aċċessibbiltà bil-ferrovija (ħin ta’ vjaġġar ottimu) skont ir-reġjun 50 , 2014

(Popolazzjoni aċċessibbli bi vjaġġar ta’ siegħa u nofs (eluf ta’ abitanti): aċċessibbiltà bl-użu ta’ vjaġġi ottimali disponibbli biex jitilqu waqt il-ħinijiet l-aktar intensivi ta’ filgħodu u ta’ filgħaxija)

L-inizjattivi reġjonali jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja, l-aċċess għas-servizzi u l-infrastruttura, u jindirizzaw l-impatti negattivi tad-depopolazzjoni. Pereżempju, l-ambjenti tan-negozju lokali jistgħu jittejbu permezz ta’ servizzi ta’ appoġġ għan-negozji li jinċentivaw l-innovazzjoni u r-riċerka. L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità jista’ jirrispondi għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja lokali. Ftehim rapidu fuq il-baġit tal-UE fit-tul li jmiss, u l-istrument ta’ rkupru tiegħu Next Generation EU 51 , se jiżguraw li l-fondi u l-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni tal-UE jkun jista’ jkollhom rwol importanti fl-appoġġ għal din il-ħidma.

Il-kwistjoni prinċipali għall-politiki pubbliċi hija kif jiġu żviluppati s-soluzzjonijiet sostenibbli. Il-livell reġjonali u lokali wera l-kapaċità tiegħu li jinnova u jimmaniġġja t-tibdil demografiku b’mod intelliġenti. Se jkun essenzjali li minn din l-esperjenza nisiltu l-aħjar prattika u nżidu l-ideat, il-prodotti jew is-servizzi innovattivi.

Kull reazzjoni ta’ politika biex jiġu indirizzati sfidi fil-livell reġjonali trid tiffoka fuq is-sitwazzjoni fil-post. Dan jirrrifletti l-fatt li s-sitwazzjoni hija differenti minn pajjiż għall-ieħor u fil-pajjiż stess, b’diskrepanza ikbar bejn ir-reġjuni rurali u dawk urbani f’ċerti żoni u kontrotendenzi f’żoni oħra. Fl-2018, is-sehem tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar kien partikolarment għoli fost in-nies li jgħixu fl-ibliet f’ħafna mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, filwaqt li fil-partijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE dan japplika għal dawk li jgħixu fiż-żoni rurali. 

Fl-ibliet, l-użu tal-enerġija, it-trasport u l-art huwa aktar effiċjenti. Huwa aktar faċli li tiġi organizzata u tinżamm l-infrastruttura pubblika, bħat-trasport pubbliku jew l-aċċess għall-internet, u l-aċċess għas-servizzi soċjali, pereżempju fis-setttur tal-kura. Hemm tendenza li t-tlaqqigħ tal-provvista tal-ħiliet u tad-domanda jkunu eħfef, u dan jirriżulta f’żieda fi produttività u introjtu ogħla per capita. L-ibliet għandhom aċċess aħjar għal edukazzjoni ta’ kwalita tajba, inkluż aktar istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, li jistgħu jgħinu biex tiġi ġġenerata l-innovazzjoni 52 .

Min-naħa l-oħra, ir-rati għoljin tat-tkabbir tal-popolazzjoni fl-ibliet jridu jiġu mmaniġġjati sew biex tiġi evitata żieda ulterjuri fil-konġestjoni, fit-tniġġis u fil-kostijiet tal-akkomodazzjoni 53 . L-ibliet iridu jaġġustaw ukoll is-servizzi tagħhom f’oqsma bħalma huma l-kura tas-saħħa u l-mobbiltà, kif ukoll l-infrastruttura pubblika, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-politika soċjali biex jiġu indirizzati t-tibdiliet fid-demografija. Minħabba r-rabta qawwija bejn it-tixjiħ u d-diżabbiltà, dan jinkludi wkoll it-titjib tal-aċċessibbiltà, speċjalment tal-prodotti, tas-servizzi u tal-infrastruttura.

Iż-żoni rurali għandhom ħafna art, u jgawdu minn għoli tal-ħajja aktar baxx u livelli baxxi ta’ tniġġis tal-arja. Madankollu, jiffaċċjaw ukoll għadd ta’ sfidi, b’mod partikulari biex jiżguraw aċċess tajjeb għas-servizzi pubbliċi u privati. Iż-żoni rurali li jiffaċċjaw depopolazzjoni sinifikanti jistgħu jesperjenzaw abbandun tal-art u żieda fir-riskju ta’ nirien fil-foresti 54 u ġeneralment isir aktar diffiċli li jiġu attirati investimenti ġodda. Kawża ta’ tħassib hija l-għadd ta’ bdiewa żgħażagħ li qed jonqos u l-importanza ta’ “tiġdid ġenerazzjonali”.

Kwistjoni prinċipali għaż-żoni rurali hija jekk dawn humiex qrib belt jew ’il bogħod wisq minn kwalunkwe żona urbana funzjonali. Iż-żoni rurali li jinsabu qrib belt jista’ jkollhom interazzjonijiet frekwenti ma’ dik il-belt. In-nies li jaħdmu fil-belt iżda jgħixu ’l barra minnha, jagħmlu t-traġitt kuljum. Din ix-xejra ġġib magħha rekwiżiti speċifiċi, pereżempju għat-trasport. Jista’ jkun hemm diviżjoni speċifika tal-kompiti, pereżempju l-belt toffri aċċess għall-isptarijiet, inkluż għan-nies li jgħixu fiż-żona rurali fil-qrib.

Min-naħa l-oħra, ċerti żoni rurali mhumiex fil-viċinanza ta’ xi belt kbira. F’dan il-każ, l-iżvilupp rurali jiffaċċja sfidi differenti, pereżempju s-superjorità tas-settur primarju u l-ktajjen tal-valur assoċjati miegħu 55 jew it-tnaqqis fil-popolazzjoni u t-tkabbir ekonomiku 56 . It-tnaqqis ekonomiku f’reġjuni speċifiċi mhuwiex biss ta’ sfida għall-koeżjoni territorjali, iżda jista’ jwassal ukoll għal ġeografija ta’ skuntentizza. Jekk in-nies jibdew iħossuhom abbandunati, dawn jistgħu jitilfu l-fiduċja tagħhom fil-ġustizzja tal-ekonomija tagħna u fl-istituzzjonijiet demokratiċi.

Dawn il-kwistjonijiet kollha, u aktar, se jiġu indirizzati f’Viżjoni fit-Tul tal-Kummissjoni għaż-Żoni Rurali li se tiġi ppreżentata s-sena d-dieħla, wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa u li tqis id-diversi aspetti enfasizzati mill-pandemija tal-COVID-19.

4.    IŻ-ŻEWĠ TRANŻIZZJONIJIET U T-TIBDIL DEMOGRAFIKU

It-tibdil demografiku u ż-żewġ tranżizzjonijiet, dik ekoloġika u dik diġitali, ta’ spiss jaffettwaw jew iħaffu lil xulxin. Il-previżjoni strateġika tista’ tkun għodda importanti biex tidentifika u tipprevdi l-isfidi li se jaffettwaw lil dawn iż-żewġ tranżizzjonijiet u tħejji aħjar il-politiki biex jiġu indirizzati flimkien.

Il-pressjonijiet li nħolqu madwar id-dinja bit-tibdil demografiku aktarx se jiggravaw bl-impatt tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Iż-żamma tal-istatus quo tfisser żieda enormi u simultanja fil-ħtieġa dinjija għall-ikel, għal-enerġija u għall-ilma fid-deċennji li jmiss: 60 % aktar ikel, 50 % aktar enerġija u 40 % aktar ilma sal-2050 57 .

Kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Liġi dwar il-Klima 58 , l-Ewropa se tgħaddi minn tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi fuq dan l-istess żmien. Dan isaħħaħ il-ħtieġa għal enerġija nadifa, mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, bidla għal ekonomija ċirkolari u pass kbir ’il quddiem fil-protezzjoni u fir-restawr tal-bijodiversità tagħna. Il-lockdowns riċenti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ħarġu fid-dieher is-siwi tal-ispazji ħodor urbani għall-benesseri fiżiku u mentali tagħna. Ħafna mill-ibliet Ewropej ħadu passi wkoll biex jagħmlu l-mobbiltà attiva, bħall-mixi u ċ-ċikliżmu, opzjoni aktar sigura u attraenti matul il-pandemija. Biex tiffaċilita din il-ħidma, fl-2021 il-Kummissjoni se twaqqaf Pjattaforma tal-UE għall-Ekoloġizzazzjoni Urbana, bi “Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi” ġdid mal-ibliet u mas-sindki.

Hekk kif l-ibliet isiru aktar iffullati, iż-żoni urbani se jkollhom ikomplu jżidu l-isforzi tagħhom biex ikollhom spazji ekoloġiċi urbani, li jistgħu jaġixxu wkoll bħala bjar ta’ karbonju, u jgħinuhom ineħħu l-emissjonijiet mill-atmosfera. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt’’, kif ukoll l-Istrateġija riveduta li jmiss tal-UE għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, jindirizzaw ħafna minn dawn il-kwistjonijiet.

It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma mistennija jinfluwenzaw b’mod sinifikanti ix-xejriet tal-migrazzjoni. Dan minħabba li l-bidliet fl-ambjent, bħad-deżertifikazzjoni, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, u l-erożjoni kostali, għandhom impatt dirett fuq l-għajxien tan-nies u l-kapaċità ta’ sopravivenza tagħhom li jibqgħu ħajjin fil-postijiet ta’ oriġini tagħhom 59 . Huwa previst li din ix-xejra tkompli biss hekk kif l-effetti tat-tibdil fil-klima jibdew jinħassu aktar. Skont il-Bank Dinji, l-għadd ta’ nies fl-Afrika sub-Saħarjana, fl-Asja t'Isfel, u fl-Amerka Latina li jistgħu jiġu spostati f’pajjiżhom stess sal-2050 jammonta għal 143 miljun persuna jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni klimatika 60 . Dan isaħħaħ il-ħtieġa biex l-Ewropa tkun il-mexxej dinji fil-miżuri klimatiċi u ambjentali, speċjalment billi timplimenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew u żżid id-diplomazija dwar il-Patt Ekoloġiku tagħha fil-politiki u fis-sħubiji kollha tagħha.

Ir-rivoluzzjoni diġitali u d-diffużjoni rapida tal-internet diġà qed ibiddlu l-ħajjiet u l-ambjenti tan-nies. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tixpruna l-produttività u t-tkabbir ekonomiku iżda aċċess irregolari għall-internet qed jiġġenera distakk diġitali li qed isir dimensjoni importanti ta’ inugwaljanza. Barra minn hekk, ħiliet diġitali insuffiċjenti u diverġenza qawwija fil-livelli tal-ħiliet bejn il-pajjiżi u r-reġjuni u nuqqas ta’ aċċessibbiltà jistgħu jiggravaw dan id-distakk.

Il-kriżi attwali enfasizzat l-urġenza li din it-tranżizzjoni diġitali tinbidel f’realtà għal kulħadd malajr kemm jista’ jkun: bil-miżuri tat-tbegħid soċjali fis-seħħ madwar l-Ewropa, ħafna nies kellhom jaħdmu mid-dar jew jirrikorru għall-internet jew għal applikazzjonijiet mobbli biex jissoċjalizzaw mal-familja u mal-ħbieb. L-aċċess għal internet affidabbli u rapidu u l-possibbiltà li jintużaw għodod diġitali saru aktar essenzjali għan-negozji, għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.  

5.    IL-ĠEOPOLITIKA TAD-DEMOGRAFIJA: L-EWROPA FID-DINJA

It-tibdil demografiku kellu impatt ukoll fuq il-perspettiva ġeopolitika u l-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja. Il-popolazzjoni u d-daqs ekonomiku għandhom rwol importanti fl-istrutturi tal-enerġija tad-dinja. Hekk kif in-nazzjonijiet tal-Ewropa jiċkienu u jsiru inqas b’saħħithom ekonomikament meta mqabbla ma’ ekonomiji oħra emerġenti, il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tuża l-piż kollettiv kollu tagħha ssir aktar importanti. Fl-istess ħin, kif qed naraw matul il-pandemija, virus ma għandu l-ebda fruntiera u joħloq sfidi komuni għal ħafna partijiet tad-dinja.

Is-sehem tal-Ewropa mill-popolazzjoni dinjija qed jonqos. Fl-1960, il-popolazzjoni tal-EU-27 kienet madwar 12 % tal-popolazzjoni dinjija. Din naqset għal madwar 6 % llum, u hemm projezzjoni li se tonqos għal taħt l-4 % sal-2070. L-iżvilupp l-ieħor li huwa notevoli huwa ż-żieda tas-sehem tal-Afrika fil-popolazzjoni dinjija: dan se jogħla minn 9 % għal 32 %, filwaqt li s-sehem tal-popolazzjoni fl-Asja jonqos xi ftit 61 .

Popolazzjoni dinjija skont il-kontinent, 1960-2070 

Sors: in-Nazzjonijiet Uniti, id-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali, id-Diviżjoni tal-Popolazzjoni (2019).

L-Ewropa mhijiex l-uniku kontinent li qed jixjieħ, iżda huwa l-ixjeħ bħala medja. Meta wieħed iqabbel ix-xejra fl-Ewropa ma’ partijiet oħra tad-dinja, huwa ċar li kontinenti oħra jgħaddu minn proċess simili ta’ tixjiħ, għalkemm dan jiġri b’intervall latenti meta mqabbel mal-Ewropa. Il-projezzjonijiet juru li l-età medja fl-Afrika se tiżdied ukoll maż-żmien iżda hija mistennija li tibqa’ l-iżgħar kontinent minn issa sal-2070.

Età medjana tal-popolazzjoni dinjija skont il-kontinent, 1960-2070

Sors: in-Nazzjonijiet Uniti, id-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali, id-Diviżjoni tal-Popolazzjoni (2019).

Is-sehem tal-Ewropa mill-PDG globali qed jiċkien ukoll. Fl-2004, is-sehem tal-Ewropa kien jammonta għal 18,3 % mill-PDG globali, li naqas għal 14,3 % fl-2018 62 . Bi tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, hemm riskju li din ix-xejra se tkompli, jew anki taċċellera. L-Istati Membri se jsiru atturi ekonomiċi iżgħar, iżda kollettivament l-UE se tkompli tkun attur ekonomiku, politiku u diplomatiku prinċipali. 

L-Ewropa trid tkun aktar b’saħħitha, magħquda u aktar strateġika fil-mod kif taħseb, taġixxi u titkellem. Jenħtieġ li nsaħħu s-sħubiji eżistenti u noħolqu oħrajn ġodda, b’mod partikolari mas-sħab u mal-ġirien li huma l-eqreb lejna. L-Istrateġija Komprensiva l-ġdida mal-Afrika 63 hija partikolarment importanti minħabba l-isfidi demografiċi komplementari li se jiffaċċjaw il-kontinenti tagħna. Se jkun aktar importanti li tinżamm l-ordni globali bbażata fuq ir-regoli u l-istituzzjonijiet tagħha, bħan-Nazzjonijiet Uniti jew l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u li din l-ordni jkollha rwol aktar attiv fl-istrutturi internazzjonali.


KONKLUŻJONIJIET U ASPETTATTIVI

F’dan iż-żmien ta’ tbatija u inċertezza straordinarji, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u r-reġjuni tagħhom għandhom interess komuni li jirreaġixxu għall-impatt tat-tibdil demografiku għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha. Dan huwa parti mill-irkupru tal-Ewropa u tat-tiswir ta’ Unjoni aktar reżiljenti, sostenibbli u ġusta. It-triq ’il quddiem tiddependi fuq għadd ta’ mistoqsijiet strateġiċi, inkluż kif jiġu stimulati l-innovazzjoni u l-produttività; kif jiġu impjegati aktar nies; kif jiġu modernizzati s-sistemi tal-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u s-servizzi soċjali u kif jiġu indirizzati d-diskrepanzi territorjali.

B’dan il-ħsieb, u bl-użu tal-konstatazzjonijiet f’dan ir-rapport bħala punt ta’ tluq, il-Kummissjoni se tmexxi ’l quddiem Green Paper dwar it-Tixjiħ u Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali. Il-Kummissjoni se tħares mill-qrib ukoll lejn kwistjonijiet oħra li huma enfasizzati f’dan ir-rapport, bħas-solitudni, l-iżolament soċjali, is-saħħa mentali, ir-reżiljenza ekonomika u l-kura tas-saħħa fit-tul, fost affarijiet oħra.

Dan ir-rapport juri wkoll il-ħtieġa li jiġu integrati kunsiderazzjonijiet demografiċi fil-politika tal-UE. Il-Kummissjoni hija lesta li tagħmel il-parti sħiħa tagħha, u tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, b’mod partikolari permezz tal-baġit fit-tul tal-UE li jmiss u l-istrument ta’ rkupru tagħha Next Generation EU. L-isforzi ta’ rkupru tagħha se jappoġġaw il-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni u l-inklużjoni, l-iżvilupp rurali, u l-edukazzjoni u t-taħriġ. Se tappoġġja r-riformi strutturali, meta dan ikun meħtieġ, u taħdem għal sostenibbiltà kompetittiva, filwaqt li tisfrutta s-Semestru Ewropew. 

Fl-istess ħin, jidher ċar li ma hemmx approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd. It-tfassil tal-politika jrid jiffoka fuq ir-realtà fuq il-post u jnaqqas id-diskrepanzi minn reġjun għall-ieħor. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-konverġenza, tiżgura tranżizzjoni ġusta, iżżomm ġustizzja soċjali, opportunitajiet ugwali u nondiskriminazzjoni, speċjalment permezz tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.

L-isfida doppja tad-demokrazija u tad-demografija jridu jiġu indirizzati direttament. It-trasformazzjoni demografika tippreżenta sfidi u opportunitajiet għad-demokrazija tagħna, u dawn ġew enfasizzati mill-kriżi. Jekk din it-trasformazzjoni tiġi ġestita tajjeb, din se tgħin biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-gvernijiet tagħna u l-parteċipazzjoni jkunu dinamiċi, reżiljenti, inklużivi u jirrappreżentaw id-diversità tas-soċjetà. Jenħtieġ li nindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-problemi u nevitaw “ġeografija ta’ skuntentizza” 64 . Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa se tkun pjattaforma ewlenija biex nisimgħu liċ-ċittadini, nitgħallmu mingħandhom u nsibu soluzzjonijiet.

Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jinsiltu tagħlimiet demografiċi sostanzjati mill-kriżi tal-COVID-19, is-sit web li tfassal apposta u li tnieda b’mod parallel ma’ dan ir-Rapport se jikkontribwixxi għall-analiżi tad-data statistika komparabbli fuq skala kbira fl-Unjoni, ladarba din tkun disponibbli, sabiex ikunu jistgħu jiffurmaw bażi affidabbli għal riflessjonijiet ta’ politika u deċiżjonijiet infurmati.

Abbażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikulari fil-livell reġjonali, u tiddiskuti mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet u mal-korpi tal-UE, speċjalment mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

(1)

COM(2020) 456 final: Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss

(2)

-    Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2020) 109 final) jikkomplementa r-rapport b’ċifri, mapep u tabelli addizzjonali.

(3)

F’dan ir-rapport, it-termini Ewropa u UE jirreferu għall-EU-27 sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(4)

Id-data statistika tal-Eurostat f’dan ir-rapport hija bbażata fuq ċifri li ttieħdu mill-bażi tad-data tal-Eurostat f’Mejju 2020.

(5)

Għal aktar informazzjoni, ara “Statistics Explained” tal-Eurostat dwar l-istatistiki tal-mortalità u tal-istennija tal-għomor:

https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Mortality_and_life_expectancy_statistics  

(6)

Il-projezzjonijiet tal-popolazzjoni huma xenarji ipotetiċi bbażati fuq data osservata biex wieħed jifhem id-dinamiki tal-popolazzjoni. Huwa importanti li l-projezzjonijiet ma jitqisux bħala previżjonijiet. Għal aktar informazzjoni, ara l-projezzjonijiet tal-popolazzjoni tal-Eurostat: https://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography-migration-projections/population-projections-data  

(7)

Għal aktar informazzjoni dwar il-kunċett u d-data, ara: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/pdfscache/1101.pdf

(8)

Għal aktar informazzjoni, ara State of Health in the EU, Health at a glance: Europe 2018, OECD/EU (2018) – https://ec.europa.eu/health/state/glance_mt  

(9)

Fl-2018, 49 % tal-persuni ta’ 65 sena jew aktar qiesu li għandhom diżabbiltà jew limitazzjoni fit-tul fl-attività tagħhom. (Sors: it-tabella online tal-Eurostat hlth_silc_06)

(10)

Hemm tliet tipi ta’ reġjuni użati fil-klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika, magħrufa bħala n-NUTS. Din il-mappa turi r-reġjuni tan-NUTS2. Ir-reġjun medju tan-NUTS2 f’pajjiż għandu popolazzjoni ta’ bejn 800 000 u tliet miljun persuna.

(11)

Għal aktar informazzjoni, ara “Statistics Explained” tal-Eurostat dwar l-istatistiki tal-fertilità:

https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Fertility_statistics

(12)

Mill-1169 reġjun tan-NUTS-3, erba’ biss għandhom rata ta’ fertilità li taqbeż it--2,1: Mayotte (4,6), il-Guyana Franċiża (3,8), Réunion (2,4) u Melilla (2,3).

(13)

Din il-mappa turi r-reġjuni tan-NUTS3. Ir-reġjun medju tan-NUTS3 f’pajjiż għandu popolazzjoni ta’ bejn 150 000 u 800 000 persuna.

(14)

L-età medjana hija miżura wiesgħa tal-età ta’ popolazzjoni: nofs il-popolazzjoni hija ixjeħ mill-età medjana filwaqt li n-nofs l-ieħor hija iżgħar.

(15)

Għal aktar informazzjoni, ara “Statistics Explained” tal-Eurostat dwar l-istruttura tal-popolazzjoni u t-tixjiħ:

https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Population_structure_and_ageing  

(16)

Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hija definita b’mod konvenzjonali bejn 20 u 64 sena. Hekk kif il-popolazzjoni tixjieħ u iżjed nies ta’ 65 sena u aktar jibqgħu jaħdmu, din id-definizzjoni konvenzjonali tista’ tinbidel.

(17)

Ageing Europe: Looking at the lives of older people in the EU, il-Kummissjoni Ewropea (2019).

(18)

Apparti ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dawn iċ-ċifri jinkludu ċ-ċittadini tal-UE li jirritornaw lejn l-UE/jew li joħorġu mill-UE. Għal aktar informazzjoni, ara “Statistics Explained” tal-Eurostat dwar l-istatistiki dwar il-migrazzjoni: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Migration_and_migrant_population_statistics  

(19)

Għal aktar informazzjoni, ara “Statistics Explained” tal-Eurostat dwar l-istatistika tal-popolazzjoni u l-bidla fil-popolazzjoni:

https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Population_and_population_change_statistics  

(20)

F’April 2020, l-Eurostat ippubblika projezzjonijiet tal-popolazzjoni bbażati fuq id-data tal-2019. Fl-istess ħin tal-produzzjoni tad-data, l-effetti tal-pandemiji tal-COVID-19 ma kinux magħrufa, u mhumiex inkorporati. Għal aktar informazzjoni, ara l-artiklu “Statistics Explained” tal-Eurostat dwar il-projezzjonijiet tal-popolazzjoni: https://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography-migration-projections/population-projections-data .  

(21)

Din il-mappa turi r-reġjuni tan-NUTS3. Ir-reġjun medju tan-NUTS3 f’pajjiż għandu popolazzjoni ta’ bejn 150 000 u 800 000 persuna. Id-data tikkorrispondi mal-projezzjonijiet reġjonali tal-Eurostat (EUROPOP2013)

(22)

The 2018 Ageing Report: Economic and Budgetary Projections for the EU Member States (2016-2070), Dokument Istituzzjonali 079, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika (2018).

(23)

It-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa tal-2020 tal-Kummissjoni, 6.5.2020.

(24)

Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025, adottata fil-5 ta’ Marzu 2020 (COM(2020)152 final).

(25)

The 2018 Ageing Report: Economic and Budgetary Projections for the EU Member States (2016-2070), Dokument Istituzzjonali 079, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika (2018)

(26)

Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, adottata fl-10 ta’ Marzu 2020 COM(2020)102 final.

(27)

Ara pereżempju Canton, E., Thum-Thysen, A., Voigt, P. (2018) Economists’ musings on human capital investment: How efficient is public

spending on education in EU Member States? Dokument ta’ Diskussjoni dwar l-Ekonomija Ewropea 81:

https://ec.europa.eu/info/publications/economy-finance/economists-musings-human-capital-investment-how-efficient-public-spending-education-eu-member-states_mt  

(28)

  https://www.ecdc.europa.eu/en/cases-2019-ncov-eueea  

(29)

Din il-mappa turi r-reġjuni tan-NUTS3. Ir-reġjun medju tan-NUTS3 f’pajjiż għandu poplazzjoni ta’ bejn 150 000 u 800 000 persuna. Id-data tikkorrispondi mal-projezzjonijiet reġjonali tal-Eurostat (EUROPOP2013)

(30)

Għal aktar informazzjoni dwar EU4Health, ara: https://ec.europa.eu/health/funding/eu4health_mt  

(31)

  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12983-2013-INIT/en/pdf  

(32)

State of Health in the EU, Profili tas-Saħħa tal-Pajjiżi 2019, l-istħarriġ SHARE (2017).

(33)

Għal aktar informazzjoni, ara: https://ec.europa.eu/food/farm2fork_en  

(34)

Dan in-nuqqas jista’ jkollu kawżi differenti, inkluż il-livell tal-pagi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

(35)

State of Health in the EU, Health at a glance: Europe 2018, OECD/EU (2018), p. 178 u 180.

(36)

Għal aktar informazzjoni, ara: https://www.oecd.org/els/health-systems/who-cares-attracting-and-retaining-elderly-care-workers-92c0ef68-en.htm  

(37)

L-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(38)

Ir-“rebħa tripla” hija appoġġjata mis-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu. Għal aktar informazzjoni, ara: https://ec.europa.eu/eip/ageing/about-the-partnership_en  

(39)

Fir-Rapport tal-2018 dwar ix-Xjuħija, il-kost totali tat-tixjiħ huwa definit bħala l-infiq pubbliku fuq il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul, l-edukazzjoni u l-benefiċċji tal-qgħad.

(40)

Għal analiżi dettaljata tal-ixprunaturi tat-tkabbir fl-infiq tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, ara: Joint Report on Healthcare and Long-Term Care Systems and Fiscal Sustainability, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika (EPC), 2016.

(41)

Il-faqar fix-xjuħija għandu żewġ komponenti: nies li l-introjtu tagħhom huwa taħt is-60 % tal-medjan nazzjonali u nies li ma għandhomx biex jixtru mill-inqas erbgħa mill-għaxar oġġetti essenzjali (ara https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Glossary:Material_deprivation )

(42)

Għal analiżi dettaljata tal-impatt tat-tibdil demografiku fuq l-adegwatezza tal-pensjonijiet ara: The 2018 Pension Adequacy Report: current and future income adequacy in old age in the EU, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS), 2018.

(43)

Fl-2018, fl-EU-27, 30,5 % tan-nisa u 9,2 % tal-irġiel ħadmu part-time (l-Eurostat, LFS).

(44)

Is-sehem tal-kuntratti temporanji għan-nies bejn l-età ta’ 15 u 64 sena kien stabbli f’dawn l-aħħar snin. Fl-2018, din kienet tammonta għal 12,1 % tal-impjiegi kollha. Is-sehem fost in-nisa huwa kemxejn ogħla (13,1 %) milli għall-irġiel (11,2 %) (l-Eurostat).

(45)

Id-dimensjoni reġjonali tirreferi għan-NUTS3 u d-dimensjoni lokali tirreferi għal-LAU (l-unitajiet amministrattivi lokali).

(46)

COM(2020) 451 final, 28.5.2020

(47)

Din il-mappa turi r-reġjuni tan-NUTS3. Ir-reġjun medju tan-NUTS3 f’pajjiż għandu poplazzjoni ta’ bejn 150 000 u 800 000 persuna.

(48)

  http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC120680

(49)

Għal aktar informazzjoni, ara: https://doi.org/10.1787/b902cc00-en

(50)

Din il-mappa turi r-reġjuni tan-NUTS3. Ir-reġjun medju tan-NUTS3 f’pajjiż għandu poplazzjoni ta’ bejn 150 000 u 800 000 persuna.

(51)

Għal aktar informazzjoni, ara: https://ec.europa.eu/info/publications/mff-legislation_mt  

(52)

Għal aktar informazzjoni, ara: https://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/regional-focus/2018/access-to-universities-in-the-eu-a-regional-and-territorial-analysis  

(53)

Għal aktar informazzjoni, ara: https://urban.jrc.ec.europa.eu/thefutureofcities/ageing#the-chapter

(54)

Forest fires — Sparking fire smart policies in the EU, il-Kummissjoni Ewropea (2018).

(55)

OECD, 2018. Policy note Rural 3.0 – a framework for rural development.

https://www.oecd.org/cfe/regional-policy/Rural-3.0-Policy-Note.pdf  

(56)

  https://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/regional-focus/2008/remote-rural-regions-how-proximity-to-a-city-influences-the-performance-of-rural-regions  

(57)

Għal aktar informazzjoni, ara: http://www.fao.org/global-perspectives-studies/en  

(58)

Għal aktar informazzjoni, ara: https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt  

(59)

Għal aktar informazzjoni, ara: https://news.un.org/en/story/2019/07/1043551  

(60)

Għal aktar informazzjoni, ara: https://openknowledge.worldbank.org/handle/10986/29461  

(61)

Għal aktar informazzjoni dwar ir-Reviżjoni tal-2019 tal-Prospetti tal-Popolazzjoni Dinjija tan-NU, ara: https://population.un.org/wpp/

(62)

Sors: il-Bank Dinji, id-data dwar il-PPP (il-Parità tal-Kapaċità tal-Akkwist) tal-PDG mill-bażi tad-data: World Development Indicators.

(63)

JOIN(2020) 4 final, 9.3.2020

(64)

  https://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/working-papers/2018/the-geography-of-eu-discontent  

Top