IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 8.3.2022
COM(2022) 105 final
2022/0066(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika
{SEC(2022) 150 final} - {SWD(2022) 60 final} - {SWD(2022) 61 final} - {SWD(2022) 62 final} - {SWD(2022) 63 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet għall-proposta
Il-proposta attwali għandha l-għan li tiġġieled b’mod effettiv il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika madwar l-UE. Din tagħmel dan billi tipproponi miżuri fl-oqsma li ġejjin: il-kriminalizzazzjoni u s-sanzjonijiet għal reati rilevanti; il-protezzjoni tal-vittmi u l-aċċess għall-ġustizzja; l-appoġġ għall-vittmi; il-prevenzjoni; il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni.
Il-vjolenza kontra n-nisa hija vjolenza bbażata fuq il-ġeneru diretta kontra mara minħabba li hija mara jew li taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat. Dan jinkludi l-atti kollha ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru li jirriżultaw fi jew li x’aktarx jirriżultaw fi ħsara jew tbatija fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika, inkluż it-theddid ta’ tali atti. Dan jinkludi reati bħall-vjolenza sesswali, inkluż l-istupru, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ furzat, l-abort sfurzat jew l-isterilizzazzjoni, it-traffikar tal-bnedmin għall-finijiet tal-isfruttament sesswali, is-segwiment ta’ persuna bil-moħbi, il-fastidju sesswali, il-femminiċidju, id-diskors ta’ mibegħda u r-reati abbażi tas-sess u diversi forom ta’ vjolenza online (“vjolenza ċibernetika”), inkluż il-kondiviżjoni jew il-manipulazzjoni mhux kunsenswali ta’ materjal intimu, is-cyberstalking u l-fastidju ċibernetiku. Tali vjolenza għandha l-għeruq tagħha fl-inugwaljanza bejn il-ġeneri bħala manifestazzjoni ta’ diskriminazzjoni strutturali kontra n-nisa. Il-vjolenza domestika hija forma ta’ vjolenza kontra n-nisa peress li taffettwa b’mod sproporzjonat lin-nisa. Dan iseħħ fil-familja jew fl-unità domestika, irrispettivament mir-rabtiet bijoloġiċi jew legali tal-familja, jew bejn sħab intimi jew bejn membri oħra tal-familja, inkluż bejn il-ġenituri u t-tfal. In-nisa huma rrappreżentati b’mod sproporzjonat bħala vittmi taż-żewġ forom ta’ vjolenza minħabba x-xejriet sottostanti ta’ koerċizzjoni, setgħa u/jew kontroll. Madankollu, kulħadd jista’ jkun vittma potenzjali ta’ vjolenza bħal din, irrispettivament mis-sess jew mill-ġeneru tagħhom. Fil-każ ta’ vjolenza domestika, b’mod partikolari, din tista’ taffettwa lil kwalunkwe persuna, inklużi l-irġiel, il-persuni iżgħar jew akbar fl-età, it-tfal u l-persuni LGBTIQ.
Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika huma kwistjonijiet ta’ liġi kriminali, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forom ta’ diskriminazzjoni. Il-ġlieda kontrihom hija parti mill-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproteġi l-valuri ewlenin tal-UE u sabiex tiżgura li tinżamm il-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali.
Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika huma mifruxa madwar l-UE u huma stmati li jaffettwaw lil waħda minn kull tliet nisa fl-UE. Meta wieħed iħares lejn it-tipi aktar speċifiċi ta’ vjolenza, fl-2014, waħda minn kull 10 nisa rrapportaw li kienu vittmi ta’ vjolenza sesswali u waħda minn kull 20 kienu ġew stuprati. Aktar minn waħda minn kull ħames nisa sofrew vjolenza domestika. Il-vjolenza ċibernetika hija daqstant ieħor prevalenti: fl-2020, ġie stmat li waħda minn kull żewġ nisa żgħażagħ esperjenzaw vjolenza ċibernetika bbażata fuq il-ġeneru. In-nisa b’mod ġenerali, aktar ta’ spiss jesperjenzaw vjolenza ċibernetika bbażata fuq is-sess jew il-ġeneru tagħhom, b’mod partikolari forom sesswali ta’ vjolenza ċibernetika. In-nisa huma mmirati sistematikament online minn gruppi estremisti vjolenti tal-lemin u gruppi terroristiċi li għandhom l-intenzjoni li jxerrdu l-mibegħda kontrihom. L-hekk imsejjaħ moviment “incel” (ċelibat involontarju), pereżempju, jinċita l-vjolenza kontra n-nisa online u jippromwovi tali vjolenza bħal atti erojċi. Il-vjolenza ċibernetika taffettwa b’mod partikolari lin-nisa attivi fil-ħajja pubblika, bħall-politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Dan jista’ jkollu l-effett li jsikket lin-nisa, li jxekkel il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u jimmina l-prinċipju tad-demokrazija kif minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
In-nisa jesperjenzaw ukoll vjolenza fuq il-post tax-xogħol: madwar terz tan-nisa fl-UE li ffaċċjaw fastidju sesswali esperjenzawh fuq il-post tax-xogħol.
Il-linji gwida politiċi tal-President von der Leyen enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, li jiġu protetti l-vittmi u li l-awturi tar-reati jiġu penalizzati bħala prijorità ewlenija għall-Kummissjoni. L-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020-2025 ħabbret miżuri tal-UE sabiex jipprevjenu dawn il-forom ta’ vjolenza, jipproteġu lill-vittmi, jipprosegwixxu lill-awtur tar-reati, u jimplimentaw politiki komprensivi u kkoordinati relatati. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jerġa’ jsostni l-impenn li tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jipproponi leġiżlazzjoni għal dan il-għan.
Il-Parlament Ewropew talab ripetutament lill-Kummissjoni sabiex tipproponi leġiżlazzjoni dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, u dwar il-vjolenza ċibernetika bbażata fuq il-ġeneru. Il-Parlament Ewropew dan l-aħħar adotta żewġ rapporti leġiżlattivi fuq inizjattiva proprja bbażati fuq l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fejn talab lill-Kummissjoni tippreżenta proposti dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u ċ-ċibervjolenza u dwar iż-żieda tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru bħala qasam ġdid ta’ kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE, rispettivament.
•Għanijiet tal-proposta
Din il-proposta għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika sabiex tiżgura livell għoli ta’ sigurtà u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, inkluż id-dritt għal trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel. Għalhekk, il-proposta tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (Titolu V tat-TFUE). Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-proposta:
·tagħmel l-istrumenti legali attwali tal-UE rilevanti għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika aktar effettivi;
·toħloq konverġenza ’il fuq u timla l-lakuni fil-protezzjoni, fl-aċċess għall-ġustizzja, fl-appoġġ, fil-prevenzjoni u fil-koordinazzjoni u fil-kooperazzjoni; u
·tallinja d-dritt tal-UE ma’ standards internazzjonali stabbiliti.
Il-proposta tikkriminalizza ċerti forom ta’ vjolenza li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-nisa u ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi, bl-użu tal-bażijiet legali eżistenti kif stabbilit fl-Artikolu 82(2) u fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. B’hekk hija tiżgura li tali reati jiġu effettivament suġġetti għal prosekuzzjoni u tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u għal appoġġ u protezzjoni aħjar għall-vittmi. Billi żżid il-fiduċja fl-iskemi ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra, hija se tgħin fir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet f’materji kriminali u ttejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
Punt importanti ta’ referenza għall-proposta huwa l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul”) . Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija l-aktar qafas internazzjonali estensiv sabiex tiġi indirizzata b’mod komprensiv il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
Din il-proposta għandha l-għan li tikseb l-objettivi tal-Konvenzjoni fil-kompetenza tal-UE billi tikkomplementa l-acquis eżistenti tal-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni. Il-ħtieġa għal azzjoni tidher kemm fl-Istati Membri li rratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul kif ukoll f’dawk li ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Il-ħidma preparatorja identifikat ħtieġa għal azzjoni fl-oqsma tal-aċċess għall-ġustizzja, inklużi regoli minimi dwar definizzjonijiet u sanzjonijiet relatati ma’ ċerti reati kriminali, id-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi b’rabta ma’ proċedimenti kriminali, appoġġ speċjalizzat għall-vittmi, il-prevenzjoni ta’ tali vjolenza u t-tisħiħ ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. L-istandards rilevanti tal-UE huma frammentati f’diversi strumenti legali u ma wasslux għal monitoraġġ u infurzar effettivi. Filwaqt li l-azzjoni fil-livell nazzjonali ġiet prinċipalment xprunata mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni juri li għad hemm lakuni. Minħabba l-mod li bih il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika evolvew f’dawn l-aħħar deċennji, dawn it-tipi ta’ reati x’aktarx li ma jitnaqsux b’mod sinifikanti mingħajr azzjoni addizzjonali tal-UE.
Barra minn hekk, din il-proposta tqis il-fenomeni reċenti bħall-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa, li ma hijiex indirizzata speċifikament mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Il-vjolenza ċibernetika ilha tikber sa mid-dħul tal-użu tal-internet u tal-għodod tal-IT. Ħafna drabi din tkun estensjoni tal-vjolenza esperjenzata mill-vittmi offline. Minkejja l-prevalenza wiesgħa tal-vjolenza ċibernetika, sal-lum ir-regolamentazzjoni kienet frammentata ħafna, u ġew identifikati lakuni legali sinifikanti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri.
Bħalissa, l-ebda biċċa leġiżlazzjoni speċifika tal-UE ma tindirizza b’mod komprensiv il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Din id-Direttiva se tkun l-ewwel att li jindirizza speċifikament dan it-tip ta’ vjolenza. Il-miżuri huma bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti dwar Azzjoni kontra l-Vjolenza kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“GREVIO”), il-korp espert indipendenti responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Huma jqisu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet minn esperti u korpi internazzjonali fil-qasam, inkluż taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, u r-riflessjonijiet tagħhom dwar prattiki tajbin aċċettati internazzjonalment fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Il-miżuri mmirati dwar ir-reati kriminali u d-drittijiet tal-vittmi jistabbilixxu regoli minimi li jippermettu lill-Istati Membri jistabbilixxu standards ogħla u jħallu flessibbiltà għall-istati Membri sabiex iqisu sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
B’mod partikolari, qed jiġu proposti l-miżuri li ġejjin:
–Il-kriminalizzazzjoni ta’ ċerti forom ta’ vjolenza li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-nisa u li ma humiex indirizzati b’mod suffiċjenti fil-livell nazzjonali u jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE, abbażi ta’ bażijiet legali eżistenti. Dan jikkonċerna l-kriminalizzazzjoni tal-istupru abbażi ta’ nuqqas ta’ kunsens (f’xi Stati Membri, l-użu ta’ forza jew theddid huwa meħtieġ), il-mutilazzjoni ġenitali femminili, u ċerti forom ta’ vjolenza ċibernetika.
–It-tisħiħ tal-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u d-drittijiet għal protezzjoni xierqa li twieġeb direttament għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Dawn il-miżuri jinkludu:
–l-iżgurar li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu mgħammra kif xieraq sabiex jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;
–l-iżgurar li l-awtoritajiet nazzjonali jittrattaw lill-vittmi b’mod sensittiv għall-ġeneru;
–il-provvediment għal valutazzjoni tal-ħtiġijiet individwali għall-protezzjoni u l-appoġġ imfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika;
–il-provvediment ta’ salvagwardji speċifiċi għall-vittmi minuri ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika;
–l-iżgurar tal-protezzjoni permezz ta’ ordnijiet ta’ emerġenza u ta’ protezzjoni;
–l-iżgurar li l-vittmi jkunu jistgħu jitolbu kumpens b’mod effettiv mill-awtur ta’ reat;
–l-iżgurar tat-tneħħija ta’ kontenut online fir-rigward ta’ reati ta’ vjolenza ċibernetika, u l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju għall-utenti affettwati; u
–l-iżgurar li jkunu jeżistu korpi tal-gvern sabiex jassistu, jagħtu pariri u jirrappreżentaw lill-vittmi fi proċedimenti tal-qorti fi kwistjonijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.
–L-għoti ta’ appoġġ lill-vittmi mfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa jew tal-vjolenza domestika. Dan jinkludi appoġġ speċifiku f’każijiet ta’ vjolenza sesswali u mutilazzjoni ġenitali femminili, aċċess għal helplines nazzjonali, aċċessibbiltà akbar ta’ postijiet ta’ kenn u appoġġ komprensiv għall-vittmi ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol. Dan jinvolvi wkoll appoġġ immirat għall-vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi u gruppi li jinsabu f’riskju, inklużi nisa li jaħarbu minn konflitt armat.
–Il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, inkluż permezz tas-sensibilizzazzjoni, it-taħriġ ta’ professjonisti li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi, u l-ħidma mal-awturi tar-reatii.
–It-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE billi jiġi żgurat approċċ bejn diversi aġenziji u ġbir imtejjeb tad-data dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika fil-qasam tal-politika
L-ebda strument legali speċifiku tal-UE ma jindirizza l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika b’mod partikolari. Madankollu, hemm diversi strumenti legali tal-UE, li huma rilevanti għall-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Dawn jew jistabbilixxu regoli ġenerali applikabbli wkoll għal din il-kategorija ta’ vittmi, jew jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar ċerti forom ta’ tali vjolenza. Dawn t’hawn taħt huma l-aktar rilevanti:
–Id-Direttiva 2012/29/UE (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-vittmi):
Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tapplika għall-vittmi kollha tal-kriminalità. Din tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi tal-kriminalità fl-UE. Din tagħmel referenza wkoll għall-vittmi tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, għall-vittmi tal-vjolenza sesswali u għall-vittmi tal-vjolenza f’relazzjoni mill-qrib. Madankollu, id-Direttiva ma tippreskrivix regoli speċifiċi mfassla għall-vittmi ta’ dawn it-tipi ta’ kriminalità. Il-proposta attwali tikkomplementa r-regoli tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi sabiex tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Minbarra l-miżuri aktar speċifiċi, koperti mill-proposta attwali, il-vittmi se jkomplu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi.
–Id-Direttiva 2011/99/UE (id-“Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni”) u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 (ir-“Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku”) – ir-regoli tal-UE dwar l-ordnijiet Ewropej ta’ protezzjoni:
Dawn iż-żewġ strumenti jippermettu r-rikonoxximent transfruntier tal-ordnijiet ta’ protezzjoni maħruġa skont il-liġi nazzjonali. L-inizjattiva attwali tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu ordnijiet ta’ divjiet u ta’ protezzjoni ta’ emerġenza skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, u b’hekk jipprovdu l-bażi għad-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni u r-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku.
–Id-Direttiva 2011/93/UE (“id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal”) u d-Direttiva 2011/36/UE (id-“Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-traffikar”):
Id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal u d-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar jipprevedu miżuri ta’ prevenzjoni, protezzjoni, appoġġ u aċċess għall-ġustizzja għal kategoriji speċifiċi ta’ vittmi, jiġifieri l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin. Dawn l-istandards aktar speċifiċi tad-Direttivi dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ tali vjolenza u sanzjonijiet korrispondenti se jkomplu japplikaw. Id-Direttiva kontra t-Traffikar tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin għall-finijiet tal-isfruttament sesswali. Din qiegħda tiġi rieżaminata bħalissa biex tkun ivvalutata l-ħtieġa possibbli għal emendi futuri, filwaqt li jitqiesu l-kriminalizzazzjonijiet fil-livell tal-UE u l-penali korrispondenti introdotti minn din id-Direttiva.
Id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal se tkompli tapplika għall-abbuż sesswali tat-tfal. L-Artikolu 24 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi li t-tfal għandhom id-dritt għal tali protezzjoni u kura kif huwa meħtieġ għall-benesseri tagħhom u li fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk meħudin minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, il-konsiderazzjoni primarja għandha tkun l-aħjar interess tat-tfal. Huwa evidenti li l-protezzjoni ta’ qafas speċifiku biex jiġi kriminalizzat l-istupru bbażat fuq il-kunċett ta’ kunsens għandha tkun estiża wkoll għat-tfal sa fejn dawn ikunu jistgħu jagħtu l-kunsens b’mod validu. Dan huwa ddeterminat mill-età tal-kunsens sesswali, li hija rregolata fil-livell tal-Istati Membri u tvarja fl-Istati Membri. Peress li d-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal diġà tipprovdi qafas iddedikat għat-tfal kollha, il-proposta preżenti tintroduċi l-bidliet meħtieġa biex tiġi żgurata l-koerenza permezz ta’ modifika mmirata ta’ dik id-direttiva. Din il-modifika tintroduċi l-penetrazzjoni bħala ċirkostanza aggravanti ulterjuri, u l-kunċett ta’ nuqqas ta’ kunsens għat-tfal li jaqbżu l-età ta’ kunsens sesswali. B’mod parallel, id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal għaddejja wkoll minn evalwazzjoni, li jaf iwassal għal proposta għal riformulazzjoni fl-2023. Dan se jipprovdi opportunità biex tiġi żgurata koerenza ġenerali tal-qafas iddedikat għall-protezzjoni tat-tfal kontra l-forom kollha ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali bil-proposta attwali.
Id-dispożizzjonijiet skont il-proposta attwali relatati mad-drittijiet, il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, u l-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika (il-Kapitoli 3-5) se japplikaw ukoll għall-vittmi li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal u d-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar, fejn tali atti huma kklassifikati wkoll bħala li jammontaw għal vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.
–Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE (id-“Direttiva dwar il-Kumpens”):
Id-Direttiva dwar il-Kumpens tippermetti lill-persuni li jkunu sfaw vittmi ta’ reat vjolenti intenzjonat japplikaw għal kumpens mill-Istat. L-inizjattiva attwali tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi għall-aċċess għall-kumpens billi ssaħħaħ id-dritt għal kumpens mill-awtur tar-reat, inkluż billi tistabbilixxi regoli minimi dwar l-għoti ta’ tali kumpens.
–Id-“Direttivi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi” jistabbilixxu li l-fastidju bbażat fuq is-sess u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol u fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi jmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. Id-Direttivi jirrikjedu li l-Istati Membri jipprojbixxu tali mġiba, jiżguraw rimedji (inkluż il-kumpens), u jipprovdu għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Id-Direttiva attwali tikkomplementa dawn l-istrumenti billi tistabbilixxi standards minimi dwar l-appoġġ u l-aċċess għall-ġustizzja tal-vittmi ta’ tali fastidju.
–Proposta għal Regolament dwar suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-“Att dwar is-Servizzi Diġitali” jew “ASD”): Bil-proposta tad-ASD, il-Kummissjoni għandha l-għan li tipproteġi d-drittijiet fundamentali online u tindirizza r-riskji fl-ispazju online, inkluż ir-riskju għas-sikurezza tan-nisa online. Il-proposta tal-ASD tistabbilixxi qafas orizzontali għas-sorveljanza regolatorja, ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-fornituri tas-servizzi online. Il-proposta attwali tagħmel l-ASD aktar effettiv f’żewġ aspetti kruċjali:
–L-ASD fih obbligi ta’ diliġenza dovuta għal ċerti fornituri intermedjarji tas-servizzi sabiex jindirizzaw kontenut online illegali. Dan ma jipprovdix definizzjoni fil-livell tal-UE ta’ x’jikkostitwixxi tali kontenut illegali. Il-proposta attwali tikkomplementa l-proposta tal-ASD billi tinkludi regoli minimi għal reati ta’ vjolenza ċibernetika.
–Il-proposta attwali tiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jkollhom is-setgħa li joħorġu ordnijiet lill-fornituri ta’ servizzi intermedjarji sabiex jaġixxu kontra ċerti tipi ta’ kontenut illegali li jammontaw għal vjolenza ċibernetika kif koperta minn din il-proposta.
–Proposta għal adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul
Fl-2016, il-Kummissjoni pproponiet l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li warajha l-Kummissjoni u l-Presidenza tal-Kunsill iffirmaw il-Konvenzjoni f’isem l-UE fl-2017. Sal-lum, il-proċess ta’ adeżjoni tal-UE ma ġiex iffinalizzat peress li l-Kunsill għadu ma adottax id-deċiżjoni finali ta’ konklużjoni. Il-finalizzazzjoni tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni tibqa’ prijorità għall-Kummissjoni. Il-miżuri tal-proposta attwali jfittxu li jilħqu l-objettivi tal-Konvenzjoni fl-oqsma tal-kompetenza tal-UE, u b’hekk isaħħu l-protezzjoni mogħtija mill-Konvenzjoni. Ladarba l-UE taderixxi mal-Konvenzjoni, l-inizjattiva attwali se tikkostitwixxi implimentazzjoni tal-Konvenzjoni f’dawn l-oqsma.
Il-Kummissjoni vvalutat l-istrumenti legali kollha tal-UE rilevanti għall-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u rilevanti għad-drittijiet tal-vittmi kontra l-objettivi ta’ din il-proposta. Il-Kummissjoni qieset l-eżitu ta’ din il-valutazzjoni meta kienet qed tħejji din il-proposta (ara l-Anness 8 tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt). Għalhekk, din il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE
Din il-proposta hija konformi mal-għanijiet tat-Trattat li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE kif stabbilit fit-Titolu V tat-TFUE, u t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali fl-UE. Hija konsistenti wkoll ma’ bosta politiki tal-UE li enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. Dan l-għan jidher b’mod prominenti fl-Istrateġija Komprensiva tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, fl-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025), fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025, fl-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, u fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ġeneru III jagħmel il-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru waħda mill-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-UE.
Il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni “Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda biex tinkiseb deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-lista ta’ reati fl-UE fl-Artikolu 83(1) TFUE ħalli tkun tinkludi diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda (l-“inizjattiva tal-UE dwar ir-reati”). Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jimminaw il-pedamenti proprji ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u l-valuri komuni minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE. Il-gravità partikolari ta’ dawn il-kondotti, minħabba l-impatti tagħhom fuq id-drittijiet u l-valuri fundamentali, u n-natura transfruntiera tagħhom jitolbu azzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni. Biex tiġi indirizzata b’mod partikolari ż-żieda qawwija ta’ inċitament pubbliku għall-vjolenza u l-mibegħda online abbażi tas-sess jew il-ġeneru, b’mod partikolari l-inċitament miżoġenu għall-mibegħda jew il-vjolenza, din id-Direttiva tal-Kummissjoni tistabbilixxi regoli minimi għad-definizzjoni u l-pieni tar-reat ta’ dan it-tip ta’ vjolenza ċibernetika. Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li żżid id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda bħala bażi ġuridika ġdida mal-Artikolu 83(1) TFUE, il-Kummissjoni se tkun tista’ tipproponi leġiżlazzjoni addizzjonali biex tarmonizza d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda billi żżid motivazzjonijiet li għalihom hija prevista protezzjoni.
·Il-konformità tal-proposta mal-prinċipju tal-konsistenza klimatika
Kif stabbilit fil-valutazzjoni tal-impatt, ma huwa mistenni l-ebda impatt ambjentali.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Din il-proposta hija bbażata fuq il-bażijiet ġuridiċi kkombinati tal-Artikolu 82(2) u tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE.
L-Artikolu 83(1) tat-TFUE jipprovdi l-bażi ġuridika għal regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fir-rigward tal-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal u l-kriminalità fl-informatika.
It-terminu “sfruttament sesswali” fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE jista’ jinftiehem bħala kwalunkwe abbuż effettiv jew tentattiv minn pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà, poter jew fiduċja differenzjali, inkluż, iżda mhux limitat għal, profitt monetarju, soċjali jew politiku minn att sesswali ma’ persuna oħra. L-element ta’ sfruttament jista’ jirreferi għall-kisba ta’ setgħa jew ta’ dominanza fuq persuna oħra għall-finijiet ta’ gratifikazzjoni sesswali, ta’ gwadann finanzjarju u/jew ta’ avvanz. Ir-reati kriminali ta’ stupru u ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili jippresupponi dawn l-elementi. Il-mutilazzjoni ġenitali femminili hija prattika ta’ sfruttament imwettqa għall-fini tal-preservazzjoni u l-affermazzjoni tad-dominanza fuq in-nisa u l-bniet u sabiex jiġi eżerċitat kontroll soċjali fuq is-sesswalità tal-bniet u tan-nisa. Xi drabi titwettaq fil-kuntest ta’ żwieġ tal-minuri jew żwieġ furzat jew vjolenza domestika. Dan jirrifletti l-iżbilanċ tipiku tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel f’każijiet bħal dawn, li huwa prevalenti wkoll fil-każ ta’ stupru.
It-terminu “kriminalità fl-informatika” fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE jkopri reati kontra jew intrinsikament marbuta mal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. L-użu ta’ teknoloġiji bħal dawn bħala mezz ta’ attakk jista’ jamplifika s-severità tar-reat f’termini ta’ kwantità, kwalità, intensità, għażla tal-miri u durata, sa punt li ma jistax jinkiseb b’mezzi oħra. Ir-regoli minimi dwar ir-reati li jammontaw għall-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa skont din il-proposta jindirizzaw tali reati, li huma intrinsikament marbuta mal-ambjent online u l-użu ta’ tali teknoloġiji.
L-Artikolu 82(2) tat-TFUE jipprovdi l-bażi ġuridika sabiex jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità sa fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji, u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali b’dimensjoni transfruntiera.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika huma mifruxa fl-UE u l-pandemija tal-COVID-19 aggravat is-sitwazzjoni. Din il-vjolenza għandha impatt fuq miljuni ta’ persuni fl-UE, twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali u tikkawża kostijiet konsiderevoli. Dan joħloq ħtieġa speċjali sabiex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika fuq bażi komuni fil-livell tal-UE.
Il-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa, inkluż fil-kuntest tal-vjolenza domestika, ħarġet bħala forma ġdida ta’ tali vjolenza, tixrid u amplifikazzjoni lil hinn mill-Istati Membri individwali permezz tal-internet. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera inerenti tal-vjolenza ċibernetika, l-azzjoni mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment mhix se tkun biżżejjed sabiex issolvi din il-problema.
L-Istati Membri kollha jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki, iżda fi gradi differenti. L-għadd kbir ta’ approċċi joħloq inċertezza legali dwar id-drittijiet ta’ vittmi bħal dawn madwar l-UE. Hemm saħansitra aktar frammentazzjoni fil-livelli reġjonali u lokali.
L-UE diġà tappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar ta’ dan it-tip ta’ vjolenza, bl-użu ta’ finanzjament, miżuri ta’ politika u strumenti legali orizzontali rilevanti. Madankollu, hija meħtieġa azzjoni leġiżlattiva mmirata fil-livell tal-UE sabiex il-miżuri eżistenti jsiru aktar effettivi u sabiex jissaħħu aktar l-istrumenti tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika billi jiġu stabbiliti regoli minimi. Għall-Istati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-miżuri tal-UE jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Il-proposta attwali tippermetti aktar miżuri kkoordinati madwar l-UE u tippermetti infurzar fil-livell tal-UE. Il-proposta attwali għandha l-għan li ssib il-bilanċ bejn li jiġi żgurat li l-obbligi li tistabbilixxi jkunu effettivi, u li titħalla l-flessibbiltà għall-Istati Membri sabiex iqisu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet nazzjonali meta jimplimentaw ir-regoli tagħha.
Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-vittmi madwar l-UE, l-inizjattiva se tiżgura konverġenza ’il fuq billi tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jappoġġaw u jipproteġu lill-vittmi ta’ vjolenza bħal din qabel, matul jew wara proċedimenti kriminali, u li jintroduċu regoli minimi dwar id-definizzjonijiet ta’ u pieni għal imġiba fejn jeżistu lakuni fil-kriminalizzazzjoni. Il-proposta tistabbilixxi l-livell minimu tal-pieni massimi applikabbli għar-reati elenkati fil-proposta. Għalhekk, il-proposta tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu pieni minimi.
•Proporzjonalità
Din il-proposta għandha l-għan li tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika b’mod komprensiv. Dan ifisser li tittieħed azzjoni minn diversi angoli, bl-għan li tiġi evitata vjolenza bħal din; il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, u l-iżgurar tal-aċċess għall-ġustizzja, jekk il-vjolenza sseħħ xorta waħda; u l-iżgurar tal-koordinazzjoni fost l-atturi rilevanti kollha.
Bosta studji (eż. studju estensiv min-network Ewropew ta’ esperti legali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni u studju fil-fond mid-Dipartiment tal-Politika tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali) juru li approċċ komprensiv biss, immirat lejn il-komponenti kollha tal-problema f’att uniku tal-UE li jimponi regoli minimi fuq l-Istati Membri jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u għall-iżgurar ta’ appoġġ u protezzjoni mmirati li jirrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta’ dan it-tip ta’ vjolenza. L-azzjoni mxerrda f’taħlita ta’ diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, li kull waħda timmira lejn l-għan tagħha waħidha, ma tilħaqx dawn ir-riżultati.
Il-Kummissjoni qieset diversi għażliet ta’ politika sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din il-proposta:
·l-ewwel għażla tikkonsisti prinċipalment f’miżuri li jimplimentaw l-istandards tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fid-dritt tal-UE f’oqsma li jaqgħu taħt il-mandat tal-UE; u
·it-tieni għażla ta’ politika, li tibni fuq il-miżuri deskritti fl-ewwel għażla u tintroduċi miżuri aktar komprensivi u dettaljati sabiex jiġu żgurati standards minimi ogħla, tiffaċilita l-infurzabbiltà tagħhom u tindirizza lakuni addizzjonali, inkluż dwar il-vjolenza ċibernetika, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta’ Esperti dwar Azzjoni kontra l-Vjolenza kontra n-Nisa u l-Vjolenza domestika fil-kuntest tal-monitoraġġ tiegħu tal-Konvenzjoni. Din l-għażla kompliet tinqasam f’żewġ sottogħażliet (2A u 2B), bis-sottogħażla 2B tikkonsisti f’obbligi aktar estensivi dwar il-fastidju sesswali, l-aċċess għall-ġustizzja, il-protezzjoni tal-vittmi u l-ġbir tad-data.
Din il-proposta hija bbażata fuq l-għażla ta’ politika 2A peress li tipprovdi għall-aktar sett effettiv ta’ miżuri, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. Din l-għażla hija bbażata fuq analiżi fil-fond minn qabel tal-impatt tad-diversi għażliet ta’ politika fuq id-drittijiet fundamentali, u fuq l-impatt soċjali u ekonomiku. Hija bbażata wkoll fuq analiżi bir-reqqa tal-effettività, l-effiċjenza u l-konsistenza tal-għażliet ta’ politika. B’mod ġenerali, l-għażla 2A uriet li għandha prestazzjoni aħjar fil-kontribut għal dawn iż-żoni u tipprovdi benefiċċju nett ogħla. Hija mistennija li tipprovdi protezzjoni estensiva tad-drittijiet fundamentali u ttejjeb is-sitwazzjoni soċjali tal-vittmi u tas-soċjetà b’mod ġenerali bis-saħħa tas-sett komprensiv ta’ obbligi tagħha.
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u l-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE, din il-proposta se tistabbilixxi regoli minimi li jsaħħu l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri fl-oqsma tal-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, l-aċċess għall-ġustizzja u l-koordinazzjoni. Il-proposta se ttejjeb iċ-ċertezza legali, l-infurzar effettiv u l-protezzjoni tal-vittmi. Għall-ewwel darba, din tfassal approċċ immirat u kkoordinat tal-UE sabiex tiġi indirizzata l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq sett ta’ regoli minimi li jżidu l-valur mar-regoli nazzjonali, tal-UE u internazzjonali eżistenti, filwaqt li jħallu lill-Istati Membri flessibbiltà għall-implimentazzjoni.
•Għażla tal-istrument
Skont il-bażi ġuridika magħżula għall-proposta, l-istrument xieraq huwa direttiva adottata f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Din il-proposta għandha l-għan li twassal għal simplifikazzjoni li minnha jibbenefikaw il-professjonisti u l-vittmi kkonċernati, billi tiġbor ir-regoli rilevanti tal-UE fi strument wieħed b’mod trasparenti.
Direttiva speċifika dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika tintgħażel fuq emenda tal-istrumenti eżistenti. Ir-regoli ta’ din id-Direttiva se japplikaw flimkien mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, il-qafas legali ġenerali tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi. Xi dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistabbilixxu miżuri speċifiċi li jikkomplementaw ir-regoli ġenerali, b’mod simili għal dak li jsir għall-vittmi ta’ tipi speċifiċi oħra ta’ kriminalità bħall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, tal-abbuż sesswali tal-minuri u tat-terroriżmu.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Meta kienet qed tħejji r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni vvalutat l-effetti tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt eżistenti tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Dan kien akkumpanjat minn immappjar tal-miżuri ta’ politika u leġiżlattivi tal-Istati Membri.
Il-ħidma preparatorja kienet ibbażata wkoll fuq ir-rapporti ta’ monitoraġġ riċenti tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u d-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni. Il-Kummissjoni wettqet din il-ħidma f’koordinazzjoni mal-evalwazzjonijiet ġenerali li ġejjin tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal u d-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar.
L-analiżi turi li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE pprovdiet drittijiet għall-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika b’mod selettiv ħafna. Dan seħħ skont leġiżlazzjoni li ma tkoprix primarjament dawn it-tipi ta’ vjolenza (ara hawn fuq dwar l-interazzjoni mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għal ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali). Il-miżuri tal-UE ma jindirizzawx b’mod espliċitu l-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. L-obbligi rilevanti ma humiex speċifiċi biżżejjed għall-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, jew iħallu diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE għandha medja ta’ aktar minn 10 snin. Matul dan iż-żmien, il-ħtiġijiet tal-vittmi ma ntlaħqux biżżejjed u għandhom jiġu indirizzati kif xieraq.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkonsultat b’mod estensiv mal-partijiet ikkonċernati sabiex tinforma t-tħejjijiet ta’ din l-inizjattiva leġiżlattiva. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kellha l-għan li tiġbor informazzjoni u għarfien espert aġġornati, u li tiżviluppa miżuri effettivi sabiex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, kif indikat fl-istrateġija tal-partijiet ikkonċernati li fuqha hija bbażata l-inizjattiva. Il-Kummissjoni qieset ukoll ir-riżultati rilevanti minn konsultazzjonijiet preċedenti. Fl-2016, il-Kummissjoni wettqet stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru b’kampjun ta’ aktar minn 27 000 rispondent mill-Istati Membri kollha tal-UE. Dan għen fit-tfassil u fl-ittestjar tal-għażliet ta’ politika.
Ħafna partijiet ikkonċernati talbu għal aktar azzjoni leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Id-dettalji dwar il-konsultazzjonijiet individwali huma pprovduti fit-taqsima li ġejja.
Konsultazzjoni pubblika miftuħa: “il-protezzjoni tal-vittmi u l-ikkastigar tal-awturi tar-reatii” saret
fuq is-sit web tal-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni
mit-8 ta’ Frar sal-10 ta’ Mejju 2021. Il-mistoqsijiet lill-pubbliku indirizzaw diversi aspetti tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. B’mod partikolari, il-mistoqsijiet kienu jikkonċernaw il-miżuri rilevanti tal-Istati Membri, il-ħtieġa għal aktar regolamentazzjoni, u l-għażliet politiċi preferuti. Ir-riżultati ewlenin kienu:
–L-istħarriġ wera li problema kienet li l-pubbliku ma huwiex konxju biżżejjed minn dan it-tip ta’ vjolenza jew jaraha bħala kwistjoni privata. Barra minn hekk, l-istħarriġ wera li ma hemmx biżżejjed servizzi u attivitajiet sabiex il-vittmi tissaħħilhom il-pożizzjoni tagħhom u jiġu mħeġġa jitkellmu. Dwar miżuri possibbli ta’ prevenzjoni ulterjuri, il-maġġoranza sabet li huwa importanti li jiġu indirizzati sterjotipi dannużi tal-ġeneru.
–60 % tar-rispondenti kienu tal-fehma li huwa meħtieġ li jittejbu l-istrutturi attwali għall-għoti ta’ informazzjoni lill-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika dwar id-drittijiet tagħhom, is-servizzi li jistgħu jirrikorru għalihom, u s-segwitu mogħti għall-ilmenti tagħhom. Dwar il-puntwalità ta’ din l-informazzjoni u l-aċċessibbiltà tagħha, ir-rispondenti sabu b’mod predominanti li l-informazzjoni ma ġietx ipprovduta malajr biżżejjed (43 %), kienet diffiċli sabiex tinstab (42 %), u kienet inkonsistenti u mifruxa fuq sorsi differenti (42 %).
–73 % tar-rispondenti kienu tal-fehma li huma meħtieġa aktar miżuri sabiex jitjieb l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.
–Bi tweġiba għal jekk is-servizzi ta’ appoġġ kinux responsabbli b’mod sistematiku għall-ħtiġijiet tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, madwar nofs (48 %) ma jemmnux li għamlu dan. Tweġibiet dwar jekk il-vittmi jirċevux informazzjoni dwar is-servizzi ta’ appoġġ fil-ħin u f’lingwa li jifhmu wrew fehmiet diverġenti, iżda bi proporzjon ogħla ta’ persuni li ma kinux jafu (41 %).
–Dwar forom speċifiċi ta’ vjolenza kontra n-nisa, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti kienu tal-fehma li d-differenzi primarji fil-protezzjoni kontra l-fastidju bbażat fuq is-sess u dak sesswali rriżultaw mill-perċezzjoni li tali fastidju ma kienx meqjus bħala problema reali mill-pubbliku ġenerali (66 %), li s-sanzjonijiet ma kinux biżżejjed (66 %), u li d-dispożizzjonijiet ġew infurzati b’mod mhux effettiv (62 %).
Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet komprensivi mmirati b’mod konġunt għall-valutazzjoni tal-impatt u għall-analiżi tal-lakuni tal-qafas leġiżlattiv eżistenti.
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri bil-miktub u f’sessjoni ta’ ħidma. L-Istati Membri esprimew l-atteġġament miftuħ tagħhom lejn l-azzjoni tal-UE u dehrilhom li l-miżuri previsti huma rilevanti. Il-konsultazzjonijiet immirati ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi u internazzjonali wrew appoġġ kbir għall-aktar miżuri ambizzjużi. B’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi enfasizzaw il-ħtieġa li jittejbu l-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni billi jiġu stabbiliti regoli minimi fil-livell tal-UE, jittejbu l-ġbir tad-data u l-aċċessibbiltà għal servizzi speċjalizzati u jiġu pprovduti programmi ta’ taħriġ immirati għall-professjonisti fis-setturi kollha. L-organizzazzjonijiet internazzjonali enfasizzaw il-ħtieġa għal miżuri ta’ prevenzjoni addizzjonali bħal intervent bikri, programmi ta’ prevenzjoni u taħriġ għall-professjonisti rilevanti.
Dwar is-servizzi ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ, l-organizzazzjonijiet internazzjonali identifikaw nuqqas ta’ fehim abbażi tal-ġeneru tal-vjolenza, li jista’ jwassal għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni. Huma identifikaw approċċi ta’ punt uniku ta’ servizz sabiex ifittxu l-assistenza bħala l-aħjar prattika. Dwar l-aċċess għall-ġustizzja, huma enfasizzaw nuqqasijiet dwar l-aċċess għal kumpens mill-Istat jew mill-awtur tar-reat b’mod partikolari dwar perjodi ta’ żmien qosra wisq sabiex jintalab kumpens u limitazzjonijiet għal talbiet għal danni morali (għal ċerti tipi ta’ reati).
Fil-workshop immirat li sar mas-sħab soċjali, it-trade unions u l-impjegaturi appoġġaw l-objettiv li jiġi miġġieled il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol u laqgħu aktar miżuri. Madankollu, l-impjegaturi kienu kkonċernati dwar l-obbligi li kieku jiġu imposti fuqhom. B’mod partikolari, is-sħab soċjali enfasizzaw ir-rilevanza tal-valutazzjonijiet tar-riskju fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa. It-trade unions u l-impjegaturi saħqu fuq l-importanza tar-rwol tas-sħab soċjali f’dan il-qasam.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Sabiex tiffaċilita l-ħidma preparatorja, il-Kummissjoni kkuntrattat studju ta’ appoġġ minn ditta esterna ta’ konsulenza. Barra minn hekk, hija kkummissjonat lin-network Ewropew ta’ esperti legali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni sabiex twettaq analiżi komparattiva tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li japplikaw għall-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kontra n-nisa, inklużi l-vjolenza domestika u l-vjolenza ċibernetika, fil-livell nazzjonali fl-Ewropa. Barra minn hekk, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (EIGE) aġġorna l-istudju tiegħu tal-2014 dwar il-kost tal-vjolenza kontra n-nisa. Dawn il-materjali ġew ikkumplimentati minn informazzjoni sostanzjali meħuda minn sorsi eżistenti oħra, kif indikat fl-Anness 1 tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt.
•Valutazzjoni tal-impatt
F’konformità mar-rekwiżiti tar-regolamentazzjoni aħjar, f’Settembru 2020 twaqqaf grupp ta’ tmexxija interservizz tal-Kummissjoni, ippresedut mis-Segretarjat Ġenerali, sabiex jappoġġa t-tħejjija ta’ din l-inizjattiva. Dan il-grupp iltaqa’ erba’ darbiet bejn Settembru 2020 u Ottubru 2021, u pparteċipa f’diversi konsultazzjonijiet bil-miktub.
L-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt qies firxa ta’ miżuri mhux leġiżlattivi u leġiżlattivi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva. Hija vvalutat l-effettività, l-effiċjenza u l-konsistenza ta’ kull għażla magħżula u kkonkludiet li l-kombinament ta’ miżuri fl-għażla ppreferuta kienet l-aktar proporzjonata u konsistenti fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi ta’ din l-inizjattiva.
Dwar l-impatt mistenni tal-għażla ppreferuta, l-analiżi kwantitattiva wriet impatti ekonomiċi pożittivi. Il-prevalenza mnaqqsa tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, b’mod partikolari, jista’ jkollha benefiċċji ekonomiċi ta’ madwar EUR 53,1 biljun, li potenzjalment jilħqu madwar EUR 82,7 biljun fit-tul. L-akbar potenzjal għall-benefiċċji ekonomiċi huwa dovut għat-tnaqqis fil-kost tal-ħsara fiżika u emozzjonali għall-vittmi (tnaqqis stmat li jvarja minn EUR 32,2 biljun għal EUR 64,5 biljun). L-impatti soċjali jaffettwaw diversi partijiet ikkonċernati, jiġifieri l-vittmi, ix-xhieda, l-awturi tar-reatii, il-kumpaniji, l-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà usa’. L-għażla ppreferuta ttejjeb is-saħħa, is-sikurezza u l-kwalità tal-ħajja tal-vittmi (speċjalment minħabba l-miżuri dwar il-protezzjoni u l-appoġġ). Dan iżid ukoll l-għarfien tal-vittmi u tax-xhieda dwar u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-protezzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ. Il-miżuri dwar il-programmi ta’ intervent għall-awturi tar-reatii huma mistennija li jkollhom impatt pożittiv fuq l-attitudnijiet u l-imġiba tal-awturi tar-reati. Għall-impjegaturi, l-għarfien u l-fehim aħjar ta’ u l-appoġġ għall-ħaddiema li huma vittmi ta’ fastidju fuq ix-xogħol ibbażat fuq is-sess jippermettu l-iżvilupp ta’ ambjent tax-xogħol sikur. Dan ikollu wkoll impatt pożittiv fuq il-produttività. L-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw minn miżuri li jindirizzaw l-inċertezzi legali u l-ġbir tad-data, li jippermettu tfassil aħjar tal-politiki nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Rikonoxximent akbar tal-isterjotipi u n-normi dannużi marbuta mal-ġeneru fost il-pubbliku ġenerali jkollu impatt pożittiv fuq is-soċjetà kollha kemm hi.
L-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie ppreżentat lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni fil-15 ta’ Settembru 2021 u ġie diskuss fit-13 ta’ Ottubru 2021. Wara opinjoni negattiva mill-Bord ġiet ippreżentata verżjoni riveduta tar-rapport fl-1 ta’ Diċembru 2021. Filwaqt li nnota l-isforzi li saru sabiex jittejjeb ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt bi tweġiba għall-kummenti inizjali tiegħu, il-Bord madankollu fit-12 ta’ Jannar 2022 żamm l-opinjoni negattiva tiegħu.
Il-Bord ikkunsidra li r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt (1) ma ppreżentax biżżejjed l-impatt ta’ diversi azzjonijiet fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fix-xenarju bażi; (2) ma kienx ċar biżżejjed dwar l-objettivi ġenerali u ma kienx jiġġustifika biżżejjed il-ħtieġa għal approċċ komprensiv; (3) ma ppreżentax b’mod ċar biżżejjed il-miżuri konkreti previsti kif ukoll il-kombinamenti ta’ miżuri speċifiċi fl-għażliet differenti; (4) ma inkludiex bis-sħiħ is-sett rivedut ta’ għażliet fl-analiżi riveduta tal-kostijiet u l-benefiċċji u baqgħu mhux ċari fit-tqabbil tal-għażliet, inkluż f’termini ta’ kriterji u metodoloġija ta’ punteġġ użata; u (5) ma vvalutax biżżejjed il-proporzjonalità tal-għażla ppreferuta, inkluż l-approċċ tal-lex specialis magħżula.
Il-proposta attwali hija bbażata fuq valutazzjoni ulterjuri ta’ xi wħud mill-kwistjonijiet imqajma. Il-miżuri meħuda sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati huma spjegati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni Segwitu għat-tieni opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u informazzjoni addizzjonali (SWD(2022) 61, iktar ’il quddiem “id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal”). B’mod partikolari, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jispjega kif il-linja bażi tqis dak li nkiseb sa issa f’dan il-qasam ta’ politika fil-livell tal-Istati Membri. B’dan il-mod, hija twieġeb ukoll għar-rakkomandazzjoni tal-Bord li tiġi ppreżentata analiżi aktar komprensiva tal-lakuni fl-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u tan-nuqqas ta’ rispons għall-evoluzzjoni li tirriżulta – fost l-oħrajn – mill-iżviluppi fl-isfera diġitali.
Sabiex jiġu indirizzati l-kummenti dwar in-nuqqas ta’ objettivi ċari, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jiċċara li l-objettiv tal-proposta huwa li jiġu evitati u miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika bħala atti kriminali. It-test tad-Direttiva proposta jkompli jiddeskrivi l-objettivi ewlenin tagħha, filwaqt li jispjega li dawn l-objettivi għandhom jintlaħqu billi jiġu kriminalizzati ċerti forom ta’ vjolenza kontra n-nisa (inkluż l-istupru, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u r-reati li jikkonċernaw diversi forom ta’ vjolenza ċibernetika) u billi jissaħħu l-protezzjoni, l-aċċess għall-ġustizzja u l-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza, kif ukoll il-prevenzjoni u l-koordinazzjoni tal-vjolenza.
Fir-rigward tal-għażla tal-opzjoni politika, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jipprovdi evidenza, abbażi tal-evalwazzjoni tal-atti rilevanti tal-UE u l-immappjar u l-analiżi tal-lakuni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, li tispjega iktar għaliex intgħażel approċċ komprensiv – direttiva speċifika dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika – minflok emenda tal-istrumenti orizzontali eżistenti.
Il-metodi ta’ ħidma skont ir-regoli għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni Ewropea jagħtu s-setgħa lill-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva japprova l-kontinwazzjoni ta’ inizjattiva li kienet soġġetta għat-tieni opinjoni negattiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Huwa importanti li jiġi indikat ukoll li l-opinjonijiet tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju huma valutazzjoni tal-kwalità tal-valutazzjoni tal-impatt u mhux valutazzjoni tal-proposta leġiżlattiva relatata.
Il-Kummissjoni, ukoll fid-dawl tal-ftehim mill-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva, qieset li huwa xieraq li tipproċedi bl-inizjattiva għar-raġunijiet li ġejjin:
(1)l-importanza politika ta’ din l-inizjattiva għall-Kummissjoni kif enfasizzat fil-linji gwida politiċi;
(2)l-urġenza ta’ azzjoni sabiex isir progress fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika kif ukoll il-vjolenza ċibernetika bbażata fuq il-ġeneru, kif mitlub ukoll mill-Parlament Ewropew;
(3)il-kjarifiki u l-evidenza addizzjonali pprovduti indirizzaw b’mod sodisfaċenti n-nuqqasijiet identifikati mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u tqiesu fil-proposta legali adattata.
Għalhekk, il-proposta attwali hija bbażata fuq valutazzjoni ulterjuri ta’ xi wħud mill-kwistjonijiet imqajma mill-Bord.
•Drittijiet fundamentali
Id-Direttiva proposta se ssaħħaħ il-protezzjoni ta’ għadd ta’ drittijiet fundamentali, b’mod partikolari:
–id-dritt għall-ħajja (l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – “il-Karta”), id-dritt għall-integrità (l-Artikolu 3 tal-Karta), il-projbizzjoni tat-trattament inuman jew degradanti (l-Artikolu 4 tal-Karta), u d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta), pereżempju minħabba li tipprovdi miżuri għall-protezzjoni tal-vittmi, tal-ħajja privata tagħhom u tad-data personali u għall-prevenzjoni tal-vjolenza billi tintroduċi kriminalizzazzjonijiet, filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-persuni f’riskju (abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u wara miżuri ta’ appoġġ) u t-taħriġ ta’ professjonisti rilevanti sabiex jirrikonoxxu dan it-tip ta’ vjolenza u jirrispondu kif xieraq;
–id-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24 tal-Karta), pereżempju billi jiġu rikonoxxuti x-xhieda minuri bħala vittmi diretti ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika u billi jiġu previsti miżuri speċifiċi għall-protezzjoni u l-appoġġ tat-tfal, u li l-każijiet jiġu ttrattati fl-aħjar interessi tal-minuri;
–id-dritt tal-vittma għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47 tal-Karta), pereżempju billi tiġi żgurata investigazzjoni u prosekuzzjoni aktar effettivi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (eż. prosekuzzjoni fuq inizjattiva proprja ta’ ċerti reati u bħala kwistjoni ta’ interess pubbliku, tippermetti lill-vittmi jirrapportaw il-każijiet online u jintroduċu linji gwida għall-infurzar tal-liġi, u għall-awtoritajiet ġudizzjarji) u tiżgura d-dritt tal-vittma li titlob kumpens sħiħ mingħand l-awtur tar-reat u li tikseb deċiżjoni fi proċedura waħda.
–in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta), pereżempju billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jiġu ttrattati bħala forma serja ta’ diskriminazzjoni pprojbita bejn in-nisa u l-irġiel, u l-mitigazzjoni tar-riskju ta’ dan it-tip ta’ vjolenza għal persuni f’sitwazzjonijiet u gruppi vulnerabbli f’riskju akbar; billi tirrikjedi attivitajiet immirati ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ forniment ta’ informazzjoni sabiex jintlaħqu l-gruppi f’riskju u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għas-servizzi ta’ appoġġ.
–id-drittijiet għall-assistenza soċjali u l-kura tas-saħħa (l-Artikolu 34 u 35 tal-Karta), pereżempju billi tipprovdi servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, b’mod partikolari għall-vittmi tal-vjolenza sesswali (eż. appoġġ mediku immedjat, il-ġbir ta’ evidenza medika forensika f’każijiet ta’ stupru, konsulenza psikoloġika u kura tat-trawma).
Id-Direttiva proposta tqis kif xieraq il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża (l-Artikolu 48 tal-Karta) tas-suspettati, u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni (l-Artikolu 49 tal-Karta). Dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni (l-Artikolu 11 tal-Karta), id-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija jew l-imblukkar ta’ kontenut illegali huma limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat sabiex jintlaħaq l-objettiv tad-Direttiva.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Id-Direttiva proposta hija mistennija li twassal għall-ispejjeż li ġejjin għall-baġit tal-UE:
–l-iżvilupp u l-użu ta’ għodda għall-ġbir tad-data – kost ta’ darba mġarrab mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (“EIGE”);
–il-manutenzjoni teknika u l-operat tal-għodda għall-ġbir tad-data – il-kost rikorrenti mġarrab mill-eu-EIGE;
–l-iżvilupp u l-użu ta’ diżaggregazzjonijiet u metodoloġija komuni tad-data f’kooperazzjoni mal-Istati Membri – il-kostijiet rikorrenti mġarrba mill-EIGE;
–l-iżvilupp ta’ linji gwida għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-istatistika dwar il-kriminalità dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, li jappoġġaw lill-Istati Membri fil-ġbir tad-data – il-kostiijet rikorrenti mġarrba mill-EIGE.
Il-kostijiet għall-EIGE huma spjegati fid-dettall fid-dikjarazzjoni finanzjarja legali li takkumpanjaha. B’kollox, l-EIGE jkun jeħtieġ ir-riżorsi finanzjarji u umani li ġejjin għall-kompitu tal-ġbir tad-data amministrattiva:
–kost tal-istabbiliment ta’ darba – EUR 200 000;
–kost annwali tal-manutenzjoni u l-operat – EUR 750 000;
–persunal – aġent temporanju wieħed (f’ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time) mill-2025 u żewġ aġenti kuntrattwali (f’ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time) mill-2025 (tlieta b’kollox).
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva sentejn wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Dawn se jkunu meħtieġa jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha l-Istati Membri se jkollhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Wara dan il-perjodu, ir-rapportar irid isir f’intervalli regolari fil-forma ta’ kwestjonarju lill-Istati Membri. Ir-rekwiżiti msaħħa għall-ġbir tad-data skont din il-proposta se jiffurmaw il-bażi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-inizjattiva meta mqabbla mal-objettivi speċifiċi tagħha. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proposta se jkunu primarjament ibbażati fuq l-indikaturi armonizzati attwali żviluppati mill-EIGE. Din il-ħidma se tiġi appoġġata u ssupplimentata mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni ppjanati dwar il-ġbir ta’ data amministrattiva diżaggregata (inkluż minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, is-servizzi soċjali u tas-saħħa) u l-obbligu li jitwettaq stħarriġ regolari dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u li tintbagħat data rilevanti lill-Kummissjoni (Eurostat). Id-dettalji se jiġu deskritti fi pjan ta’ monitoraġġ u infurzar li se tfassal il-Kummissjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Kapitolu 1 jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali, inkluż is-suġġett (l-Artikolu 1) u l-attenzjoni partikolari li għandha tingħata lill-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika f’riskju akbar ta’ tali vjolenza (l-Artikolu 2). Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta attwali jkopri reati kriminali kif definiti fiha, atti ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika kif kriminalizzati skont id-dritt tal-Unjoni jew skont il-liġijiet nazzjonali (l-Artikolu 3). Dan il-Kapitolu jipprovdi wkoll definizzjonijiet ta’ termini ewlenin użati fid-Direttiva (l-Artikolu 4).
Il-Kapitolu 2 fih dispożizzjonijiet dwar ir-regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni bbażati fuq l-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Dawn ir-reati jikkonċernaw ċerti forom ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika li jammontaw għall-isfruttament sesswali tan-nisa jew għall-kriminalità fl-informatika. Minkejja li dawn ir-reati jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-nisa, il-kriminalizzazzjoni skont dan il-kapitolu tapplika għall-vittmi kollha, inklużi l-irġiel u l-persuni mhux binarji, ħlief fil-każ ta’ stupru u mutilazzjoni ġenitali femminili. Dawn huma kriminalizzati fil-livell tal-UE biss meta jitwettqu kontra n-nisa jew it-tfal minħabba l-bażi ġuridika fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE, li jirreferi għall-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal biss. Il-kapitolu jinkludi armonizzazzjoni minima tar-reat ta’ stupru kontra n-nisa (l-Artikolu 5) u l-mutilazzjoni ġenitali femminili (l-Artikolu 6). Fid-dawl tal-pass mgħaġġel tat-trasformazzjoni diġitali attwali u ż-żieda fil-vjolenza ċibernetika, dan jipprevedi wkoll regoli minimi għal ċerti reati tal-kriminalità fl-informatika: il-kondiviżjoni mhux konsenswali ta’ materjal intimu jew manipulat (l-Artikolu 7), ir-reati li jikkonċernaw is-cyberstalking (l-Artikolu 8), ir-reati li jikkonċernaw il-fastidju ċibernetiku (l-Artikolu 9) u l-inċitament għall-mibegħda jew għall-vjolenza online (Artikolu 10). L-Artikolu 11 fih dispożizzjonijiet dwar l-inċitament, l-għajnuna u l-assistenza u t-tentattiv ta’ tali reati. L-Artikolu 12 jistabbilixxi l-livell minimu tas-sanzjoni massima applikabbli għar-reati definiti fl-Artikoli 5 sa 11, u l-Artikolu 13 jispeċifika ċ-ċirkostanzi aggravanti. Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni u l-perjodi ta’ preskrizzjoni jinsabu fl-Artikoli 14 u 15.
Il-Kapitolu 3 jikkonċerna l-protezzjoni u l-aċċess għall-ġustizzja tal-vittmi tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika. Dan il-kapitolu huwa applikabbli għall-vittmi kollha ta’ reati ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Filwaqt li din il-proposta tiffoka l-aktar fuq tipi ta’ vjolenza li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-nisa, din ma teskludix lill-irġiel jew lil persuni mhux binarji milli jibbenefikaw mid-drittijiet tal-vittmi jekk isiru vittmi ta’ tali vjolenza, inkluża l-vjolenza domestika.
Dan il-kapitolu jinkludi regoli dwar ir-rapportar tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika sabiex jiġi żgurat li tali reati jkunu jistgħu jitressqu faċilment quddiem il-ġustizzja (l-Artikolu 16). Dan jinvolvi l-ipproċessar fil-pront ta’ tali rapporti u l-inkoraġġiment li tali reati jiġu rrapportati, pereżempju billi jitneħħew f’xi każijiet l-ostakli imposti mir-regoli dwar il-kunfidenzjalità, jiġi żgurat li t-tfal ikunu jistgħu jirrapportaw faċilment ir-reati u jiġi zgurat li l-persuni mingħajr dokumenti u l-persuni bi status ta’ residenza inċert ma jkollhomx il-biża’ li jirrapportaw il-vjolenza. Dan l-aħħar aspett bl-ebda mod ma jintroduċi taħt din id-Direttiva dritt għal status ta’ residenza għal persuni li jirrapportaw il-vjolenza. L-Artikolu 17 jiżgura li r-reati jiġu investigati u jittieħdu passi b’mod effettiv, li jkun hemm għarfien espert u riżorsi suffiċjenti, u li r-reati li jammontaw għal stupru jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio. Dan il-kapitolu jintroduċi valutazzjoni tar-riskju individwali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ tal-vittmi (l-Artikoli 18 u 19). Din il-valutazzjoni għandha tinftiehem bħala parti integrata mill-valutazzjoni individwali eżistenti skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u hija maħsuba sabiex tkun imfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. L-Artikolu 20 jistabbilixxi obbligi sabiex jiġi żgurat li l-vittmi jiġu riferuti għal servizzi ta’ appoġġ xierqa, pereżempju sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta’ appoġġ jilħqu lill-vittmi b’mod proattiv. Fl-istess ħin, dan l-Artikolu għandu l-għan li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, dan il-kapitolu jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-preskrizzjoni ta’ emerġenza u l-ordnijiet ta’ protezzjoni sabiex jiżguraw li l-vittmi jkunu protetti b’mod effettiv (l-Artikolu 21). L-Artikolu 22 jipprevedi li l-mistoqsijiet potenzjali dwar l-imġiba sesswali tal-vittma fil-passat huma esklużi fl-investigazzjonijiet kriminali u fil-proċedimenti tal-qorti, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża. Dan il-kapitolu fih ukoll l-obbligu li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jiġu pprovduti b’linji gwida sabiex jiġi żgurat li l-vittmi jiġu ttrattati kif xieraq matul il-proċedimenti u li l-każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jiġu ttrattati kif xieraq (l-Artikolu 23). Dan il-kapitolu jipprevedi wkoll li l-korpi nazzjonali, bħall-korpi tal-ugwaljanza, huma kompetenti sabiex, pereżempju, jassistu u jagħtu pariri lill-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika – iż-żewġ forom severi ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa (l-Artikolu 24). Tali korpi jingħataw ukoll setgħa legali sabiex jaġixxu f’isem il-vittmi fi proċedimenti kriminali fejn iqisu li dan ikun xieraq. L-Artikolu 25 jiżgura t-tneħħija tal-kontenut online fir-rigward tar-reati ta’ vjolenza ċibernetika, u l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju għall-utenti affettwati. Id-dritt tal-vittmi li jitolbu kumpens mill-awtur ta’ reat huwa kopert mill-Artikolu 26.
Il-Kapitolu 4 fih id-dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ għall-vittmi, li l-vittmi jeħtieġu jirċievu qabel, matul u għal żmien xieraq wara l-proċedimenti kriminali. L-Artikolu 27 jistabbilixxi s-servizzi, l-arranġamenti u r-riżorsi speċifiċi tas-servizzi ta’ appoġġ li jipprovdu servizzi speċjalizzati għall-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Dan il-kapitolu jipprevedi wkoll appoġġ speċifiku u immedjat fi kriżijiet ta’ stupru jew ċentri ta’ referenza għal vjolenza sesswali (l-Artikolu 28) u appoġġ speċjalizzat għall-vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili (l-Artikolu 29). L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-vittmi ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol ikunu jistgħu jagħmlu użu minn servizzi ta’ konsulenza esterni għall-post tax-xogħol, inkluż parir għall-impjegaturi dwar kif għandhom jiġu indirizzati tali reati b’mod xieraq (l-Artikolu 30). L-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu helplines nazzjonali għall-vittmi u jiżguraw l-operazzjoni tagħhom taħt numru armonizzat fil-livell tal-UE (l-Artikolu 31). Postijiet ta’ kenn speċjalizzati jew akkomodazzjonijiet interim oħra għandhom ikunu disponibbli għall-vittmi b’mod mhux diskriminatorju sabiex jiġi żgurat li jkunu megħjuna sabiex jirritornaw għal għajxien indipendenti wara li jkunu esperjenzaw vjolenza (l-Artikolu 32). Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu protezzjoni u appoġġ xierqa lill-vittmi tfal, filwaqt li jqisu l-aħjar interessi tal-minuri (l-Artikolu 33). Dan jinkludi l-għoti ta’ postijiet sikuri għat-tfal li jkunu qed iżuru lill-ġenitur li jkun l-awtur tar-reat, li jkollhom drittijiet ta’ aċċess (l-Artikolu 34). L-Artikolu 35 jipprovdi lill-vittmi li jappartjenu għal gruppi f’riskju b’salvagwardji, pereżempju aċċess aktar faċli għall-vittmi b’diżabilità.
Id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 5 jiffokaw fuq il-prevenzjoni effettiva tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Dan jinkludi l-obbligu li jitwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, u li l-informazzjoni rilevanti tiġi distribwita b’mod wiesa’ (l-Artikolu 36). Il-professjonisti li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi jeħtiġilhom jirċievu taħriġ u informazzjoni mmirata. Dan għandu l-għan li jiżgura li tali professjonisti jkunu jistgħu jirrispondu b’mod xieraq u jidentifikaw każijiet ta’ vjolenza, u li l-organizzazzjonijiet responsabbli jkunu jistgħu jikkoordinaw b’mod effettiv l-azzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 37). L-Artikolu 38 jipprevedi programmi ta’ intervent disponibbli wkoll għall-parteċipazzjoni volontarja minn persuni li jibżgħu li jwettqu tali reati.
Il-Kapitolu 6 fih regoli dwar il-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, iżda wkoll dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE. Sabiex jiġu ssimplifikati l-politiki nazzjonali u jiġi żgurat rispons effettiv f’diversi livelli għal dawn it-tipi ta’ vjolenza, l-Artikolu 39 jirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru jew jistabbilixxu korp uffiċjali sabiex jikkoordina u jissorvelja l-politiki f’dan il-qasam. Dan huwa kkomplementat mill-obbligu skont l-Artikolu 40 li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni effettivi tal-aġenziji kollha involuti fl-appoġġ tal-vittmi. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi huma atturi ewlenin fl-għoti ta’ appoġġ lill-vittmi u fil-prevenzjoni tal-vjolenza. Skont l-Artikolu 41, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u jikkonsultawhom dwar politiki rilevanti. Sabiex jiġi żgurat li l-vjolenza ċibernetika kif definita fil-proposta attwali tiġi indirizzata kif xieraq, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-teħid ta’ miżuri awtoregolatorji mill-fornituri ta’ servizzi intermedjarji (l-Artikolu 42). L-Artikolu 43 għandu l-għan li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat skambju tal-aħjar prattika, bl-għan li din id-Direttiva tiġi implimentata bl-aktar mod effettiv possibbli. Il-ġbir u r-riċerka tad-data huma essenzjali fil-formulazzjoni ta’ miżuri ta’ politika xierqa fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data komparabbli fil-livell tal-UE, l-Artikolu 44 jipprevedi regoli dwar il-ġbir tad-data fl-Istati Membri kollha. Fid-dawl tal-għarfien espert tal-EIGE u l-ħidma kontinwa fil-qasam, dan għandu jappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ metodoloġija komuni u fil-ġbir tad-data.
Il-Kapitolu 7 fih id-dispożizzjonijiet finali ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 45 jemenda d-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal biex jiżgura l-koerenza billi jintroduċi r-reat tal-penetrazzjoni għal finijiet sesswali, u billi jiċċara li ċ-ċirkostanzi li fihom il-kunsens ma jistax jingħata b’mod validu minn minuri ta’ età li taqbeż dik tal-kunsens sesswali jinkludu dawk imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ din il-proposta. L-Artikolu 46 jikkonċerna l-livell ta’ protezzjoni u l-Artikolu 47 l-obbligi ta’ rappurtar tal-Istati Membri. L-Artikolu 48 jiċċara r-relazzjoni ma’ Direttivi oħra u fih klawżoli dwar in-nuqqas ta’ preġudizzju. Dan l-Artikolu jiċċara li d-dispożizzjonijiet japplikaw b’żieda ma’ dawk tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar, id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal u [l-proposta għal Att dwar is-Servizzi Diġitali]. Dan ifisser li l-vittmi għandhom jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-direttivi kollha applikabbli għalihom. L-Artikolu 49 jinkludi klawżola ta’ nonrigressjoni. L-Artikolu 50 fih dispożizzjonijiet dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 51 jistipula meta d-Direttiva se tidħol fis-seħħ u l-Artikolu 52 jistipula lil min hija indirizzata.
2022/0066 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 83(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipprovdi qafas komprensiv sabiex tiġi miġġielda b’mod effettiv il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika madwar l-Unjoni. Dan tagħmlu billi ssaħħaħ u tintroduċi miżuri fl-oqsma li ġejjin: id-definizzjoni ta’ reati u ta’ pieni kriminali rilevanti, il-protezzjoni tal-vittmi u l-aċċess għall-ġustizzja, l-appoġġ tal-vittmi, il-prevenzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni.
(2)L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u n-nondiskriminazzjoni huma valuri ewlenin tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jipperikolaw dawn il-prinċipji stess, u jimminaw id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet għall-ugwaljanza fl-oqsma kollha tal-ħajja.
(3)Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika tikser id-drittijiet fundamentali bħad-dritt għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja u l-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni ta’ trattament jew pieni inumani jew degradanti, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, u d-drittijiet tat-tfal, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(4)Jentħieġ li din id-Direttiva tapplika għal imġiba kriminali li tammonta għal vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, kif kriminalizzata skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Din tinkludi r-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva, jiġifieri l-istupru, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, il-kondiviżjoni mhux kunsenswali ta’ materjal intimu jew manipulat, is-cyberstalking, il-fastidju ċibernetiku, l-inċitament għall-mibegħda jew għall-vjolenza online u l-imġiba kriminali koperta minn strumenti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-Direttivi 2011/36/UE u 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jiddefinixxu reati kriminali li jikkonċernaw l-isfruttament sesswali tat-tfal u t-traffikar tal-bnedmin għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali. Fl-aħħar nett, ċerti reati kriminali skont il-liġi nazzjonali jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ vjolenza kontra n-nisa. Dan jinkludi reati bħall-femminiċidju, il-fastidju sesswali, l-abbuż sesswali, l-insegwiment ta’ persuna bil-moħbi, iż-żwieġ bikri u furzat, l-abort furzat, l-isterilizzazzjoni furzata u forom differenti ta’ vjolenza ċibernetika, bħall-fastidju sesswali online, il-bullying ċibernetiku jew ir-riċevuta mhux mitluba ta’ materjal sesswalment espliċitu. Il-vjolenza domestika hija forma ta’ vjolenza li tista’ tiġi kriminalizzata speċifikament skont il-liġi nazzjonali jew koperta minn reati kriminali li jitwettqu fi ħdan il-familja jew l-unità domestika jew bejn konjuġi preċedenti jew attwali.
(5)Il-miżuri skont din id-Direttiva tfasslu sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tal-bniet, minħabba li huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-forom ta’ vjolenza koperti skont din id-Direttiva, jiġifieri l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Madankollu, din id-Direttiva tirrikonoxxi li persuni oħra jistgħu wkoll jisfaw vittmi ta’ dawn il-forom ta’ vjolenza u jenħtieġ li jibbenefikaw mill-miżuri previsti fiha. Għalhekk, it-terminu “vittma” għandu jirreferi għall-persuni kollha, irrispettivament mis-sess jew mill-ġeneru tagħhom.
(6)Minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, it-tfal li jaraw vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika jbatu minn ħsara emozzjonali diretta, li taffettwa l-iżvilupp tagħhom. Għalhekk, tfal bħal dawn jenħtieġ li jitqiesu bħala vittmi u jibbenefikaw minn miżuri ta’ protezzjoni mmirati.
(7)Il-vjolenza kontra n-nisa hi manifestazzjoni persistenti ta’ diskriminazzjoni strutturali kontra n-nisa, li tirriżulta minn relazzjonijiet ta’ poter storikament inugwali bejn in-nisa u l-irġiel. Hija forma ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, li hija imposta primarjament fuq in-nisa u l-bniet, mill-irġiel. Hija għandha l-għeruq tagħha fir-rwoli, fl-imġiba, fl-attivitajiet u fl-attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tqis xierqa għan-nisa u għall-irġiel, li ġeneralment isir riferiment għalihom bl-użu tat-terminu “ġeneru”.
(8)Il-vjolenza domestika hija problema soċjali serja li spiss tibqa’ moħbija. Dan jista’ jwassal għal trawma psikoloġika u fiżika serja b’konsegwenzi serji minħabba li l-awtur tar-reat tipikament ikun persuna magħrufa mill-vittmi, li huma jistennew li jkunu jistgħu jafdaw. Tali vjolenza tista’ tieħu diversi forom, inklużi dawk fiżiċi, sesswali, psikoloġiċi u ekonomiċi. Il-vjolenza domestika tista’ sseħħ kemm jekk l-awtur tar-reat jikkondividi jew kien ikkondivida l-unità domestika mal-vittma.
(9)Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet relatati ma’ dawn it-tipi ta’ reati, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit sett komprensiv ta’ regoli, li jindirizza l-problema persistenti ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika b’mod immirat u li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta’ tali vjolenza. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali wrew li ma humiex biżżejjed sabiex jiġġieldu u jipprevjenu b’mod effettiv il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. B’mod partikolari, id-Direttivi 2011/36/UE u 2011/93/UE jikkonċentraw fuq forom speċifiċi ta’ tali vjolenza, filwaqt li d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-vittmi tal-kriminalità. Filwaqt li tipprovdi xi salvagwardji għall-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, ma hijiex tiniża li tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.
(10)Din id-Direttiva tappoġġa l-impenji internazzjonali aċċettati mill-Istati Membri sabiex jiġġieldu u jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) u, fejn rilevanti, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul”) u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, iffirmata fil-21 ta’ Ġunju 2019 f’Ġinevra.
(11)Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jistgħu jiġu aggravati fejn jingħaqdu mad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri n-nazzjonalità, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, it-twelid, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-vittmi affettwati minn tali diskriminazzjoni intersezzjonali, billi jipprovdu miżuri speċifiċi fejn ikunu preżenti forom ta’ diskriminazzjoni li jinkroċjaw. B’mod partikolari, in-nisa leżbjani, bisesswali, trans, mhux binarji, intersesswali u queer (LBTIQ), in-nisa b’diżabilità u n-nisa bi sfond razzjali jew etniku minoritarju jinsabu f’riskju akbar li jesperjenzaw vjolenza bbażata fuq il-ġeneru.
(12)Il-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jinsabu f’riskju akbar ta’ intimidazzjoni, ritaljazzjoni, vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawn ir-riskji u lill-ħtieġa li jiġu protetti d-dinjità u l-integrità fiżika ta’ vittmi bħal dawn.
(13)L-istupru huwa wieħed mill-aktar reati serji li jiksru l-integrità sesswali ta’ persuna u huwa reat li jaffettwa b’mod sproporzjonat lin-nisa. Dan jinvolvi żbilanċ ta’ poter bejn l-awtur tar-reat u l-vittma, li jippermetti lill-awtur tar-reat jisfrutta sesswalment lill-vittma għal finijiet bħall-gratifikazzjoni personali, l-affermazzjoni tad-dominanza, il-kisba ta’ rikonoxximent soċjali, l-avvanz jew possibbilment gwadann finanzjarju. Ħafna Stati Membri għadhom jeħtieġu l-użu ta’ forza, theddid jew koerċizzjoni għar-reat ta’ stupru. Stati Membri oħra jiddependu biss fuq il-kundizzjoni li l-vittma ma tkunx tat il-kunsens tagħha għall-att sesswali. Dan l-approċċ tal-aħħar biss jikseb il-protezzjoni sħiħa tal-integrità sesswali tal-vittmi. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi żgurata protezzjoni ugwali fl-Unjoni kollha billi jiġu pprovduti l-elementi kostitwenti tar-reat tal-istupru fuq in-nisa. .
(14)L-istupru għandu jinkludi b’mod espliċitu t-tipi kollha ta’ penetrazzjoni sesswali, bi kwalunkwe parti tal-ġisem jew oġġett fiżiku. In-nuqqas ta’ kunsens għandu jkun element ċentrali u kostituttiv tad-definizzjoni ta’ stupru, minħabba li spiss ma tkun involuta l-ebda vjolenza fiżika jew użu tal-forza fit-twettiq tiegħu. Il-kunsens inizjali għandu jkun jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin matul l-att, f’konformità mal-awtonomija sesswali tal-vittma, u ma għandux awtomatikament jimplika kunsens għal atti futuri. Il-penetrazzjoni sesswali mhux kunsenswali għandha tikkostitwixxi stupru anke meta titwettaq kontra konjuġi jew sieħeb intimu.
(15)Fir-rigward ta’ reati li jammontaw għal stupru, l-awturi tar-reati li preċedentement instabu ħatja ta’ reati tal-istess natura jenħtieġ li jkunu obbligati jipparteċipaw fi programmi ta’ intervent sabiex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ reċidiva.
(16)Sabiex jiġi indirizzat id-dannu irreparabbli u tul il-ħajja li l-mutilazzjoni ġenitali femminili għandha fuq il-vittmi, dan ir-reat jenħtieġ li jiġi indirizzat speċifikament u b’mod adegwat fil-liġijiet kriminali. Il-mutilazzjoni ġenitali femminili hija prattika ta’ sfruttament li tikkonċerna l-organi sesswali ta’ tifla jew mara u li titwettaq bl-għan li tippreserva u tasserixxi d-dominanza fuq in-nisa u l-bniet u teżerċita kontroll soċjali fuq is-sesswalità tal-bniet u tan-nisa. Xi drabi dan jitwettaq fil-kuntest ta’ żwieġ furzat tal-minuri jew vjolenza domestika. Il-mutilazzjoni ġenitali femminili tista’ sseħħ bħala prattika tradizzjonali li xi komunitajiet iwettqu fuq il-membri nisa tagħhom. Jenħtieġ li din tkopri l-prattiki mwettqa għal raġunijiet mhux mediċi. It-terminu “qtugħ” għandu jirreferi għat-tneħħija parzjali jew totali tal-clitoris u tal-labia majora. L-“infibulazzjoni” għandha tkopri l-għeluq tal-labia majora billi jinħietu flimkien ix-xuftejn ta’ barra tal-vulva sabiex jitnaqqas il-ftuħ vaġinali. It-terminu “twettiq ta’ kwalunkwe mutilazzjoni oħra” għandu jirreferi għall-alterazzjonijiet fiżiċi l-oħra kollha tal-ġenitali femminili.
(17)Huwa meħtieġ li jiġu previsti definizzjonijiet armonizzati ta’ reati u ta’ pieni fir-rigward ta’ ċerti forom ta’ vjolenza ċibernetika. Il-vjolenza ċibernetika b’mod partikolari timmira u tħalli impatt fuq il-politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Dan jista’ jkollu l-effett li jsikket lin-nisa u jfixkel il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell tal-irġiel. Il-vjolenza ċibernetika taffettwa wkoll b’mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet f’ambjenti edukattivi, bħall-iskejjel u l-universitajiet, b’konsegwenzi detrimentali għall-edukazzjoni ulterjuri tagħhom u għas-saħħa mentali tagħhom, li jistgħu, f’każijiet estremi, iwasslu għal suwiċidju.
(18)L-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għandu r-riskju ta’ amplifikazzjoni faċli, rapida u mifruxa ta’ ċerti forom ta’ vjolenza ċibernetika bl-effett li tinħoloq jew tissaħħaħ il-ħsara profonda u fit-tul għall-vittma. Il-potenzjal għal tali amplifikazzjoni, li huwa prerekwiżit għat-twettiq ta’ diversi reati ta’ vjolenza ċibernetika definiti skont din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi rifless mill-element li ċertu materjal isir aċċessibbli, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, għal “multitidni” ta’ utenti finali. It-terminu “multitudni” jenħtieġ li jinftiehem bħala li jirreferi għall-ilħuq ta’ għadd sinifikanti ta’ utenti finali tat-teknoloġiji inkwistjoni, u b’hekk jippermetti aċċess sinifikanti għal, u distribuzzjoni ulterjuri potenzjali ta’ dak il-materjal. Dak it-terminu jenħtieġ li jiġi interpretat u applikat wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi rilevanti, inklużi t-teknoloġiji użati sabiex dak il-materjal ikun aċċessibbli u l-mezzi li dawn it-teknoloġiji joffru għall-amplifikazzjoni.
(19)Speċjalment minħabba t-tendenza tagħha għal distribuzzjoni u twettiq faċli, rapidu u wiesa’, kif ukoll in-natura intima tagħha, il-fatt li immaġni jew vidjows intimi u materjal li juru attivitajiet sesswali jsiru aċċessibbli għal multitudni ta’ utenti finali, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, jista’ jkun ta’ ħsara kbira għall-vittmi. Ir-reat previst f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkopri t-tipi kollha ta’ tali materjal, bħal immaġni, ritratti u vidjows, inklużi immaġnijiet, klipps tal-awdjo u klipps tal-vidjow sesswalizzati. Jenħtieġ li din tkun relatata ma’ sitwazzjonijiet fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-materjal lil multitudni ta’ utenti finali, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, iseħħ mingħajr il-kunsens tal-vittma, irrispettivament minn jekk il-vittma tkunx tat il-kunsens tagħha għall-ġenerazzjoni ta’ tali materjal jew jekk setgħetx ttrażmettih lil persuna partikolari. Ir-reat jenħtieġ li jinkludi wkoll il-produzzjoni jew il-manipulazzjoni mhux konsenswali, pereżempju permezz tal-editjar tal-immaġni, ta’ materjal li jagħmilha tidher daqslikieku persuna oħra tkun involuta f’attivitajiet sesswali, sa fejn il-materjal sussegwentement isir aċċessibbli għal multitudni ta’ utenti finali, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna. Tali produzzjoni jew manipulazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-manifattura ta’ “deepfakes”, fejn il-materjal ikun sostanzjalment jixbah lil persuna, oġġetti, postijiet jew entitajiet jew avvenimenti eżistenti, li juru attivitajiet sesswali ta’ persuna oħra, u jkun jidher b’mod falz għal oħrajn bħala materjal awtentiku jew veritier. Fl-interess tal-protezzjoni effettiva tal-vittmi ta’ tali mġiba, jenħtieġ li t-theddida ta’ involviment f’tali imġiba tkun koperta wkoll.
(20)Is-segwiment ċibernetiku ta’ persuna bil-moħbi huwa forma moderna ta’ vjolenza li spiss titwettaq kontra membri tal-familja jew persuni li jgħixu fl-istess unità domestika, iżda titwettaq ukoll minn ex-sħab jew konoxxenzi. Tipikament, it-teknoloġija tintuża ħażin mill-awtur tar-reat sabiex jipproċedi biex jintensifika l-imġiba koerċittiva u ta’ kontroll, il-manipulazzjoni u s-sorveljanza, u b’hekk jiżdiedu l-biża’, l-ansjetà u l-iżolament gradwali tal-vittma mill-ħbieb u mill-familja. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar l-insegwiment ċibernetiku. Ir-reat tas-cyberstalking jenħtieġ li jkopri s-sorveljanza kontinwa tal-vittma mingħajr il-kunsens jew l-awtorizzazzjoni legali tagħhom permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Dan jista’ jsir bl-ipproċessar tad-data personali tal-vittma, bħal permezz ta’ serq tal-identità jew l-ispjunaġġ ta’ tali data minn fuq id-diversi media soċjali jew pjattaformi ta’ messaġġi tagħhom, l-emails u t-telefown tagħhom, serq tal-passwords jew il-hacking tal-apparati tagħhom għall-aċċess tal-ispazji privati tagħhom, permezz tal-installazzjoni ta’ apps ta’ ġeolokalizzazzjoni, inkluż stalkerware, jew permezz tas-serq tal-apparati tagħhom. Barra minn hekk, is-segwiment ta’ persuna bil-moħbi jenħtieġ li jkopri l-monitoraġġ tal-vittmi, mingħajr il-kunsens jew l-awtorizzazzjoni ta’ dik il-persuna, permezz ta’ apparat teknoloġiku konness permezz tal-Internet tal-Oġġetti, bħal apparat domestiku intelliġenti.
(21)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar ir-reat ta’ fastidju ċibernetiku sabiex jiġi miġġieled il-bidu ta’ attakk ma’ terzi jew il-parteċipazzjoni f’tali attakk dirett lejn persuna oħra, billi materjal ta’ theddid jew inġurjuż isir aċċessibbli għal pluralità ta’ utenti finali. Tali attakki wesgħin, inklużi attakki minn folla kkoordinati online, jistgħu jittrasformaw ruħhom f’attakk offline jew jikkawżaw dannu psikoloġiku sinifikanti u f’każijiet estremi jwasslu għal suwiċidju tal-vittma. Dawn spiss jimmiraw lil politiċi prominenti (nisa), ġurnalisti jew inkella persuni magħrufa sew, iżda jistgħu jseħħu wkoll f’kuntesti differenti, pereżempju fuq il-kampusijiet jew fl-iskejjel. Tali vjolenza online jenħtieġ li tiġi indirizzata speċjalment fejn l-attakki jseħħu fuq skala wiesgħa, pereżempju fil-forma ta’ fastidju kumulattiv minn ammont sinifikanti ta’ persuni.
(22)Iż-żieda fl-użu tal-internet u tal-media soċjali wasslet għal żieda qawwija fl-inċitament pubbliku għall-vjolenza u l-mibegħda, inkluż abbażi tas-sess jew il-ġeneru, fis-snin li għaddew. Il-kondiviżjoni faċli, rapida u wiesgħa tad-diskors ta’ mibegħda permezz tal-kelma diġitali hija rinforzata bl-effett ta’ diżinibizzjoni online, peress li l-anonimità preżunta fuq l-internet u s-sens ta’ impunità jnaqqsu l-inibizzjoni tan-nies biex jagħmlu dak it-tip ta’ diskors. In-nisa huma ta’ spiss fil-mira ta’ mibegħda sessista u misoġena online, li tista’ teskala f’reati ta’ mibegħda offline. Hemm bżonn li din tiġi interċettata fi stadju bikri. Il-lingwa użata f’dan it-tip ta’ inċitament mhux dejjem tirreferi direttament għas-sess jew għall-ġeneru tal-persuna/i fil-mira, imma l-preġudizzju huwa faċilment deduċibbli mill-kontenut jew il-kuntest ġenerali tal-inċitament.
(23)Ir-reat tal-inċitament għall-mibegħda jew għall-vjolenza online jippresupponi li l-inċitament ma jiġix espress f’kuntest purament privat, imma pubblikament permezz tal-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ikun jirrikjedi t-tixrid mal-pubbliku, li jinftiehem bħala li jinvolvi l-aċċessibbiltà, permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ta’ oġġett materjali partikolari li jinċita l-vjolenza jew il-mibegħda, għal għadd potenzjalment illimitat ta’ persuni, jiġifieri l-aċċessibbiltà faċli tal-materjal għall-utenti b’mod ġenerali, mingħajr il-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri mill-persuna li tkun ipprovdiet il-materjal, irrispettivament minn jekk dawk il-persuni effettivament jaċċessawx l-informazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, fejn l-aċċess għall-materjal jirrikjedi reġistrazzjoni jew ammissjoni għal grupp ta’ utenti, jenħtieġ li dik l-informazzjoni titqies li hija disseminata lill-pubbliku biss meta l-utenti li jfittxu li jaċċessaw il-materjal huma awtomatikament reġistrati jew ammessi mingħajr deċiżjoni jew għażla mill-bniedem dwar lil min jingħata l-aċċess. Meta jivvalutaw jekk il-materjal jikkwalifikax bħala li jammonta għal inċitament għall-mibegħda jew għall-vjolenza, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu d-drittijiet fundamentali għal-libertà tal-espressjoni kif minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta.
(24)Il-vittmi għandhom ikunu jistgħu jirrapportaw ir-reati ta’ vjolenza kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika faċilment mingħajr ma jkunu soġġetti għal vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu l-possibbiltà li jippreżentaw l-ilmenti online jew permezz ta’ teknoloġiji oħra tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għar-rapportar ta’ tali reati. Il-vittmi tal-vjolenza ċibernetika jenħtieġ li jkunu jistgħu itellgħu materjali relatati mar-rapport tagħhom, bħal ritratt tal-iskrin tal-imġiba vjolenti allegata.
(25)Fil-każ ta’ vjolenza domestika u vjolenza kontra n-nisa, speċjalment meta jitwettqu minn membri tal-familja mill-qrib jew minn sħab intimi, il-vittmi jistgħu jkunu taħt tali pressjoni mill-awtur tar-reat li jibżgħu li jirrikorru għand l-awtoritajiet kompetenti, anki jekk ħajjithom tkun fil-periklu. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li r-regoli ta’ kunfidenzjalità tagħhom ma jikkostitwixxux ostaklu għall-professjonisti rilevanti, bħall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, sabiex jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti, fejn ikollhom motivi raġonevoli sabiex jemmnu li l-ħajja tal-vittma tkun f’riskju imminenti ta’ ħsara fiżika serja. Bl-istess mod, każijiet ta’ vjolenza domestika jew vjolenza kontra n-nisa li jaffettwaw lit-tfal spiss jiġu interċettati biss minn terzi li jinnotaw imġiba irregolari jew ħsara fiżika fir-rigward tal-minuri. It-tfal jeħtieġ li jiġu protetti b’mod effettiv minn tali forom ta’ vjolenza u minn miżuri adegwati meħuda minnufih. Għalhekk, il-professjonisti rilevanti li jiġu f’kuntatt ma’ vittmi minuri jew ma’ vittmi minuri potenzjali, inklużi l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jew tal-edukazzjoni, jenħtieġ li bl-istess mod ma jiġux ristretti mill-kunfidenzjalità meta jkollhom motivi raġonevoli sabiex jemmnu li jkunu twettqu atti serji ta’ vjolenza skont din id-Direttiva kontra l-minuri jew għandhom ikunu mistennija aktar atti serji. Meta l-professjonisti jirrapportaw każijiet ta’ vjolenza bħal dawn, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li ma jitqisux responsabbli għall-ksur tal-kunfidenzjalità.
(26)Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ rapportar fil-każijiet meta l-vittma tkun minuri, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri ta’ rapportar sikuri u li jaġevolaw lill-minuri. Dan jista’ jinkludi mistoqsijiet mill-awtoritajiet kompetenti b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli.
(27)Id-dewmien fl-ipproċessar tal-ilmenti ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jista’ jkollu riskji partikolari għall-vittmi tagħhom, minħabba li xorta jistgħu jkunu f’periklu immedjat minħabba li l-awturi tar-reati ta’ spiss jistgħu jkunu membri tal-familja mill-qrib jew konjuġi. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkollhom l-għarfien espert u l-għodod investigattivi effettivi suffiċjenti sabiex jinvestigaw u jwasslu tali reati għal prosekuzzjoni.
(28)Il-vittmi tal-vjolenza domestika u tal-vjolenza kontra n-nisa tipikament jeħtieġu protezzjoni immedjata jew appoġġ speċifiku, pereżempju fil-każ ta’ vjolenza mis-sħab intimi, fejn ir-rata ta’ reċidiva għandha t-tendenza li tkun għolja. Għalhekk, jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni individwali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-vittma mal-ewwel kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti mal-vittma jew malli jinħoloq suspett li l-persuna tkun vittma ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika. Dan jista’ jsir qabel ma vittma tkun irrapportat formalment reat jew b’mod proattiv jekk terzi jirrapportaw ir-reat.
(29)Meta jiġu vvalutati l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ tal-vittma, it-tħassib primarju jenħtieġ li jkun li tiġi ssalvagwardjata s-sikurezza tal-vittma u li jiġi pprovdut appoġġ imfassal apposta, filwaqt li jitqiesu, fost affarijiet oħra, iċ-ċirkostanzi individwali tal-vittma. Tali ċirkostanzi li jeħtieġu attenzjoni speċjali jistgħu jinkludu t-tqala tal-vittma jew id-dipendenza tal-vittma fuq jew ir-relazzjoni mal-awtur tar-reat.
(30)Sabiex jiġu żgurati appoġġ u protezzjoni komprensivi lill-vittmi, l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi rilevanti kollha, mhux limitati għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, jenħtieġ li jkunu involuti fil-valutazzjoni tar-riskji għall-vittmi u miżuri ta’ appoġġ xierqa abbażi ta’ linji gwida ċari maħruġa mill-Istati Membri. Dawn il-linji gwida jenħtieġ li jinkludu fatturi li għandhom jitqiesu meta jiġi vvalutat ir-riskju li jirriżulta mill-awtur tar-reat jew mis-suspettat, inkluż il-kunsiderazzjoni li l-persuni suspettati mixlija b’reati żgħar x’aktarx ikunu perikolużi bħal dawk mixlija b’reati aktar severi, speċjalment f’każijiet ta’ vjolenza domestika u ta’ segwiment ta’ persuna bil-moħbi.
(31)Minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, għal intimidazzjoni u għal ritaljazzjoni, u l-fatt li jbatu minn ħsara emozzjonali li tippreġudika l-iżvilupp tagħhom, it-tfal tal-vittma jenħtieġ li jirċievu l-istess miżuri ta’ protezzjoni bħal dawk mogħtija lill-vittma. Persuni oħra dipendenti fuq il-vittma, bħal adulti b’diżabilità jew anzjani dipendenti li għalihom il-vittma tipprovdi kura, jistgħu jesperjenzaw ħsara emozzjonali simili u għalhekk jenħtieġ li jingħataw l-istess miżuri ta’ protezzjoni.
(32)Il-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika spiss ikunu jeħtieġu appoġġ speċifiku. Sabiex jiġi żgurat li jirċievu b’mod effettiv offerti ta’ appoġġ, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jirreferu lill-vittmi għal servizzi ta’ appoġġ xierqa. Dan għandu b’mod partikolari jkun il-każ fejn valutazzjoni individwali tkun sabet ħtiġijiet ta’ appoġġ partikolari tal-vittma. F’dak il-każ, jenħtieġ li s-servizzi ta’ appoġġ ikunu jistgħu jilħqu lill-vittma anki mingħajr il-kunsens tal-vittma. Għall-ipproċessar ta’ data personali relatata mill-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tkun ibbażata fuq il-liġi, f’konformità mal-Artikolu 6(1)(c) moqri flimkien mal-Artikolu (6)(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Tali liġijiet jenħtieġ li jinkludu salvagwardji xierqa tad-data personali li jirrispettaw l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u jipprevedu miżuri xierqa u speċifiċi sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali u l-interessi tal-individwi. Meta l-awtoritajiet kompetenti jittrasferixxu d-data personali tal-vittmi sabiex jappoġġaw is-servizzi għar-riferiment tal-vittmi, jenħtieġ li jiżguraw li d-data ttrasferita tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex is-servizzi jiġu infurmati dwar iċ-ċirkostanzi tal-każ, sabiex il-vittmi jirċievu appoġġ u protezzjoni xierqa.
(33)L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ ordnijiet ta’ inibizzjoni, ta’ restrizzjoni u ta’ protezzjoni ta’ emerġenza sabiex jiżguraw protezzjoni effettiva tal-vittmi u tad-dipendenti tagħhom.
(34)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza jistgħu jinħarġu f’sitwazzjonijiet ta’ periklu immedjat, bħal meta d-dannu jkun imminenti jew diġà mmaterjalizzat u x’aktarx jerġa’ jiġi kkawżat.
(35)L-ordnijiet ta’ protezzjoni jistgħu jinkludu l-projbizzjoni tal-awtur tar-reat jew tas-suspettat milli jaċċessa ċerti lokalitajiet; milli javviċina lill-vittma jew lil dipendenti aktar qrib mid-distanza stabbilita jew milli jidħol f’kuntatt magħhom, inkluż permezz tal-użu ta’ interfaċċi online u milli jkollu fil-pussess tiegħu armi tan-nar jew armi fatali, fejn meħtieġ.
(36)Sabiex tiġi ssalvagwardjata l-effettività tal-ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza, ta’ trażżin u ta’ protezzjoni, jenħtieġ li l-ksur ta’ tali ordnijiet ikun soġġett għal pieni. Dawk il-pieni jistgħu jkunu ta’ natura tal-liġi kriminali jew ta’ natura legali oħra u jistgħu jinkludu sentenzi ta’ ħabs, multi jew kwalunkwe piena legali oħra li tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.
(37)Il-preżentazzjoni ta’ evidenza ta’ mġiba sesswali tal-passat sabiex jiġu sfidati l-kredibbiltà u n-nuqqas ta’ kunsens tal-vittmi f’każijiet ta’ vjolenza sesswali, speċjalment każijiet ta’ stupru, tista’ ssaħħaħ il-kontinwazzjoni ta’ sterjotipi dannużi tal-vittmi u twassal għal vittimizzazzjoni ripetuta jew sekondarja. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, il-mistoqsijiet, l-inkjesti u l-evidenza dwar l-imġiba sesswali tal-vittma fil-passat ma għandhomx ikunu permessi f’investigazzjonijiet kriminali u fi proċedimenti tal-qorti.
(38)Minħabba l-kumplessitajiet u l-gravità tar-reati ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ appoġġ għall-vittmi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li appoġġ u prevenzjoni addizzjonali ta’ tali reati jiġu pprovduti minn korpi maħtura. Minħabba l-għarfien espert tagħhom fi kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess, il-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza, stabbiliti f’konformità mad-Direttivi 2004/113/KE, 2006/54/KE u 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huma f’pożizzjoni tajba sabiex jissodisfaw dawn il-kompiti. Jenħtieġ li tali korpi jkollhom ukoll il-kapaċità legali li jaġixxu f’isem jew b’appoġġ għall-vittmi ta’ kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika fi proċedimenti ġudizzjarji, inkluż għat-talba għal kumpens u t-tneħħija ta’ kontenut illegali online, bl-approvazzjoni tal-vittmi. Dan għandu jinkludi l-possibbiltà li tittieħed azzjoni f’isem jew b’appoġġ ta’ diversi vittmi flimkien. Sabiex dawn il-korpi jkunu jistgħu jwettqu b’mod effettiv il-kompiti tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawn jiġu pprovduti b’riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti.
(39)Ċerti reati koperti minn din id-Direttiva jinvolvu r-riskju akbar ta’ vittimizzazzjoni ripetuta, imtawla fiż-żmien jew saħansitra kontinwa. Dak ir-riskju jseħħ b’mod speċjali fir-rigward ta’ reati li jinvolvu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ multitudni ta’ utenti finali, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ta’ materjal, li jirriżulta minn ċerti reati ta’ vjolenza ċibernetika, meta wieħed iqis il-faċilità u l-veloċità li bihom tali materjal jista’ jitqassam fuq skala kbira u d-diffikultajiet li spiss jeżistu fir-rigward tat-tneħħija ta’ tali materjal. Dak ir-riskju tipikament jibqa’ anke wara l-kundanna. Għalhekk, sabiex jiġu ssalvagwardjati b’mod effettiv id-drittijiet tal-vittmi ta’ dawk ir-reati, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu miżuri xierqa mmirati lejn it-tneħħija tal-materjal inkwistjoni. Meta jitqies li t-tneħħija fis-sors mhux dejjem tista’ tkun fattibbli, pereżempju minħabba diffikultajiet legali jew prattiċi relatati mal-eżekuzzjoni jew l-infurzar ta’ ordni sabiex jitneħħa, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew ukoll jipprevedu miżuri sabiex jiġi mblukkat l-aċċess għal tali materjal.
(40)Dawk il-miżuri jenħtieġ li jinkludu, b’mod partikolari, l-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali sabiex joħorġu ordnijiet lill-fornituri ta’ servizzi intermedjarji sabiex ineħħu jew anki jimblukkaw l-aċċess għal element speċifiku wieħed jew aktar tal-materjal inkwistjoni. Dawk l-ordnijiet jenħtieġ li jinħarġu fuq talba motivata u sostanzjata biżżejjed tal-vittma. Meta wieħed iqis il-ħeffa li biha tali materjal jista’ jinxtered online u ż-żmien li jista’ jieħu sabiex jiġu kkompletati proċedimenti kriminali kontra l-persuni suspettati li wettqu r-reati rilevanti, huwa meħtieġ għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-vittmi li tkun prevista l-possibbiltà tal-ħruġ, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, ta’ tali ordnijiet permezz ta’ miżuri interim, anki qabel it-terminazzjoni ta’ tali proċedimenti kriminali.
(41)Kwalunkwe miżura ta’ tneħħija jew ta’ mblukkar ta’ aċċess bħal din, inklużi b’mod partikolari tali ordnijiet, jistgħu jaffettwaw id-dritt u l-interessi ta’ partijiet oħra għajr il-vittmi, bħall-persuni li jipprovdu l-materjal, il-fornituri intermedjarji tas-servizzi li s-servizzi tagħhom jistgħu jintużaw u l-utenti finali ta’ dawk is-servizzi, kif ukoll l-interess ġenerali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li dawk l-ordnijiet u miżuri oħra jkunu jistgħu jittieħdu biss b’mod trasparenti u li jiġu previsti salvagwardji adegwati, sabiex jiġi żgurat li jibqgħu limitati għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat, tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, li l-partijiet affettwati kollha jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv f’konformità mad-dritt nazzjonali, u li jintlaħaq bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi kollha involuti, inklużi d-drittijiet fundamentali tal-partijiet kollha kkonċernati f’konformità mal-Karta. Ponderazzjoni bir-reqqa tad-drittijiet u l-interessi kollha involuti fuq bażi ta’ każ b’każ hija partikolarment importanti fi proċedimenti għal miżuri interim. Jenħtieġ li dawk l-ordnijiet, bħala regola ġenerali, jiġu indirizzati lill-fornitur speċifiku ta’ servizzi intermedjarji li jkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex jaġixxi, b’mod partikolari sabiex jillimita kwalunkwe effett negattiv possibbli għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.
(42)Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar ordnijiet u miżuri oħra għat-tneħħija u l-imblukkar tal-aċċess għall-materjal rilevanti ma jaffettwawx ir-regoli rilevanti fir-Regolament XX/SSSS [ir-Regolament propost dwar l-ASD]. B’mod partikolari, dawk l-ordnijiet jenħtieġ li jikkonformaw mal-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ jew tiftix attiv tal-fatti u mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-ordnijiet sabiex jitneħħa kontenut illegali online.
(43)Meta titqies l-importanza potenzjali ta’ materjal li jista’ jkun is-suġġett tal-ordnijiet jew ta’ miżuri oħra meħuda skont din id-Direttiva sabiex jitneħħa jew jiġi mblukkat l-aċċess għalih għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati rilevanti skont id-dritt kriminali, jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiksbu jew jiżguraw tali materjal, fejn meħtieġ. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu, pereżempju, fil-ħtieġa li l-fornituri ta’ servizzi intermedjarji rilevanti jittrażmettu l-materjal lil dawk l-awtoritajiet jew li jippreservaw il-materjal għal perjodu limitat li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. Kwalunkwe miżura bħal din jenħtieġ li tiżgura s-sigurtà tal-materjal, tibqa’ limitata għal dak li huwa raġonevoli u tikkonforma mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.
(44)Sabiex tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja, il-vittmi għandhom ikunu jistgħu jiksbu kumpens matul il-proċedimenti kriminali. Il-kumpens mill-awtur tar-reat għandu jkun sħiħ u ma għandux ikun ristrett minn limitu massimu fiss. Dan għandu jkopri l-ħsara u t-trawma kollha esperjenzati mill-vittmi u l-kostijiet għall-ġestjoni tad-danni, inklużi, fost l-oħrajn, il-kostijiet tat-terapija, l-impatt fuq is-sitwazzjoni tal-impjieg tal-vittma, it-telf tal-qligħ, id-danni psikoloġiċi, u l-preġudizzju morali minħabba l-ksur tad-dinjità. L-ammont ta’ kumpens għandu jirrifletti li l-vittmi tal-vjolenza domestika jista’ jkollhom sabiex jinqalgħu mill-għeruq ta’ ħajjithom biex ifittxu s-sikurezza, li tinvolvi bidla possibbli fl-impjieg jew isibu skejjel ġodda għat-tfal jew saħansitra joħolqu identità ġdida.
(45)Jenħtieġ li l-assistenza u l-appoġġ lill-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jiġu pprovduti qabel, matul u għal perjodu xieraq wara li jkunu ntemmu l-proċedimenti kriminali, pereżempju fejn ikun għadu meħtieġ trattament mediku sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi fiżiċi jew psikoloġiċi severi tal-vjolenza, jew jekk is-sikurezza tal-vittma tkun f’riskju b’mod partikolari minħabba d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-vittma f’dawk il-proċedimenti.
(46)Jenħtieġ li s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzati jipprovdu appoġġ lill-vittmi tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika, inklużi l-vjolenza sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ furzat, l-abort furzat u l-isterilizzazzjoni, il-fastidju sesswali u ta’ diversi forom ta’ vjolenza ċibernetika.
(47)Jenħtieġ li l-appoġġ speċjalizzat joffri lill-vittmi appoġġ imfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u irrispettivament minn kwalunkwe lment uffiċjali. Tali servizzi jistgħu jingħataw flimkien mas-servizzi ġenerali ta’ appoġġ tal-vittmi jew bħala parti integrali minnhom, li jistgħu jintalbu minn entitajiet eżistenti li jipprovdu appoġġ speċjalizzat. L-appoġġ speċjalizzat jista’ jiġi pprovdut mill-awtoritajiet nazzjonali, mill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi, jew minn organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra. Jenħtieġ li jingħataw biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji u, fejn is-servizzi jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jirċievu fondi xierqa.
(48)Il-vittmi tal-vjolenza domestika u tal-vjolenza kontra n-nisa tipikament ikollhom ħtiġijiet multipli ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ. Sabiex dawn jiġu indirizzati b’mod effettiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu tali servizzi fl-istess bini, jew li jkollhom tali servizzi kkoordinati permezz ta’ punt ta’ kuntatt ċentrali. Sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu wkoll il-vittmi f’żoni remoti jew li ma jkunux jistgħu jilħqu fiżikament tali ċentri, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu aċċess online għal tali servizzi. Dan għandu jinvolvi l-istabbiliment ta’ sit web uniku u aġġornat fejn tiġi pprovduta l-informazzjoni rilevanti kollha dwar u l-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u protezzjoni disponibbli (aċċess online ta’ punt uniku ta’ servizz). Is-sit web għandu jsegwi r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità.
(49)Servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, inklużi postijiet ta’ kenn u ċentri ta’ kriżijiet ta’ stupru, jenħtieġ li jitqiesu essenzjali matul kriżijiet u stati ta’ emerġenza, inkluż matul kriżijiet tas-saħħa. Dawn is-servizzi għandhom ikomplu jiġu offruti f’dawn is-sitwazzjonijiet, fejn hemm it-tendenza li jiżdiedu każijiet ta’ vjolenza domestika u vjolenza kontra n-nisa.
(50)In-natura trawmatika tal-vjolenza sesswali, inkluż l-istupru, teħtieġ rispons partikolarment sensittiv minn persunal imħarreġ u speċjalizzat. Il-vittmi ta’ dan it-tip ta’ vjolenza jeħtieġu kura medika immedjata u appoġġ għat-trawma flimkien ma’ eżamijiet forensiċi immedjati sabiex tinġabar l-evidenza meħtieġa għall-prosekuzzjoni. Iċ-ċentri ta’ kriżi tal-istupru jew iċ-ċentri ta’ referenza għall-vjolenza sesswali jenħtieġ li jkunu disponibbli f’numri suffiċjenti u mifruxa b’mod adegwat fit-territorju ta’ kull Stat Membru. Bl-istess mod, il-vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, li spiss ikunu bniet, tipikament ikollhom bżonn appoġġ immirat. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprovdu appoġġ dedikat imfassal apposta għal dawn il-vittmi.
(51)Il-fastidju fuq il-post tax-xogħol jitqies bħala diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess mid-Direttivi 2004/113/KE, 2006/54/KE u 2010/41/UE. Minħabba li l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol għandu konsegwenzi negattivi sinifikanti kemm għall-vittmi kif ukoll għall-impjegaturi, għandhom jingħataw pariri minn servizzi ta’ konsulenza esterna kemm lill-vittmi kif ukoll lill-impjegaturi, dwar kif għandhom jiġu indirizzati każijiet bħal dawn fuq il-post tax-xogħol, dwar ir-rimedji legali disponibbli għall-impjegatur sabiex ineħħi lill-awtur tar-reat mill-post tax-xogħol u sabiex tiġi pprovduta l-possibbiltà ta’ konċiljazzjoni bikrija, jekk il-vittma tkun tixtieq hekk.
(52)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-helplines nazzjonali jitħaddmu skont in-numru armonizzat tal-UE [116016] u li dan in-numru jiġi rreklamat b’mod wiesa’ bħala numru pubbliku, mingħajr ħlas u disponibbli f’kull ħin. L-appoġġ ipprovdut jenħtieġ li jinkludi konsulenza dwar il-kriżijiet u jenħtieġ li jkun jista’ jirreferi għal servizzi wiċċ imb wiċċ, bħal postijiet ta’ kenn, ċentri ta’ konsulenza jew il-pulizija.
(53)Il-postijiet ta’ kenn għandhom rwol vitali fil-protezzjoni tal-vittmi minn atti ta’ vjolenza. Minbarra li jipprovdu post sikur għas-soġġorn, jenħtieġ li l-postijiet ta’ kenn jipprovdu l-appoġġ meħtieġ rigward il-problemi marbutin ma’ xulxin li jirrigwardaw is-saħħa tal-vittmi, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-benesseri tat-tfal tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar jippreparaw lill-vittmi għal ħajja awtonoma.
(54)Sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv il-konsegwenzi negattivi għall-vittmi minuri, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għat-tfal jinkludu konsulenza psikoloġika xierqa għall-età, flimkien mal-kura pedjatrika fejn meħtieġ, u jiġu pprovduti hekk kif l-awtoritajiet kompetenti jkollhom motivi raġonevoli sabiex jemmnu li t-tfal setgħu kienu vittmi, inklużi xhieda minuri ta’ vjolenza. Fl-għoti ta’ appoġġ lill-vittmi minuri, id-drittijiet tat-tfal, kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta, jenħtieġ li jkunu kunsiderazzjoni primarja.
(55)Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tat-tfal matul żjarat possibbli ma’ awtur ta’ reat jew suspettat li jkun detentur ta’ responsabbiltà tal-ġenituri bid-drittijiet ta’ aċċess, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkunu disponibbli postijiet newtrali ssorveljati, inklużi l-uffiċċji tal-protezzjoni tal-minuri jew tal-assistenza soċjali, sabiex tali żjarat ikunu jistgħu jsiru hemmhekk fl-aħjar interessi tal-minuri. Jekk ikun meħtieġ, iż-żjarat għandhom isiru fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-protezzjoni jew tal-benesseri tal-minuri. Fejn ikun meħtieġ li tiġi prevista akkomodazzjoni interim, jenħtieġ li bħala prijorità t-tfal ikunu akkomodati flimkien mad-detentur ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li ma jkunx l-awtur tar-reat jew is-suspettat, bħall-omm tal-minuri. Jenħtieġ li dejjem jitqiesu l-aħjar interessi tal-minuri.
(56)Vittmi bi bżonnijiet speċifiċi u gruppi f’riskju ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, bħal nisa b’diżabilità, nisa bi status jew permess ta’ residenza dipendenti, nisa migranti mingħajr dokumenti, applikanti nisa għall-protezzjoni internazzjonali, nisa li qed jaħarbu minn kunflitt armat, nisa mingħajr dar, bi sfond razzjali jew etniku minoritarju, li jgħixu f’żoni rurali, nisa li jaħdmu fl-industrija sesswali, persuni detenuti, jew nisa akbar fl-età, jenħtieġ li jirċievu protezzjoni u appoġġ speċifiċi.
(57)In-nisa b’diżabilità jesperjenzaw b’mod sproporzjonat vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika u minħabba d-diżabilità tagħhom spiss ikollhom diffikultajiet sabiex jaċċessaw miżuri ta’ protezzjoni u appoġġ. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, filwaqt li jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-vulnerabbiltà partikolari ta’ tali vittmi u d-diffikultajiet probabbli tagħhom biex jiksbu għajnuna.
(58)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri preventivi, bħal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, sabiex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Il-prevenzjoni għandha sseħħ ukoll fl-edukazzjoni formali, b’mod partikolari, permezz tat-tisħiħ tal-edukazzjoni tas-sesswalità u l-kompetenzi soċjoemozzjonali, l-empatija u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet b’saħħithom u rispettużi.
(59)L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri sabiex jipprevjenu l-kultivazzjoni ta’ sterjotipi dannużi tal-ġeneru sabiex jeliminaw l-idea tal-inferjorità tan-nisa jew tar-rwoli sterjotipizzati tan-nisa u tal-irġiel. Dan jista’ jinkludi wkoll miżuri mmirati sabiex jiġi żgurat li l-kultura, l-ordni, ir-reliġjon, it-tradizzjoni jew l-unur ma jiġux ikkunsidrati bħala ġustifikazzjoni għal, jew trattament aktar klementi ta’, reati ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika. Meta jitqies li minn età żgħira ħafna ’il quddiem, it-tfal huma esposti għal rwoli tal-ġeneru li jsawru l-awtoperċezzjoni tagħhom u jinfluwenzaw l-għażliet akkademiċi u professjonali tagħhom kif ukoll l-aspettattivi tar-rwoli tagħhom bħala nisa u rġiel matul ħajjithom, huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-isterjotipi tal-ġeneru mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal.
(60)Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jiġu identifikati u jirċievu appoġġ xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-professjonisti li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi jirċievu taħriġ u informazzjoni mmirata. It-taħriġ għandu jkopri r-riskju u l-prevenzjoni ta’ intimidazzjoni, vittimizzazzjoni ripetuta u sekondarja u d-disponibbiltà ta’ miżuri ta’ protezzjoni u appoġġ għall-vittmi. Sabiex jiġu evitati u indirizzati b’mod xieraq każijiet ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol, il-persuni b’funzjonijiet superviżorji jenħtieġ li jirċievu taħriġ ukoll. Dan it-taħriġ għandu jkopri wkoll valutazzjonijiet dwar il-fastidju sesswali fuq ix-xogħol u r-riskji assoċjati tas-sikurezza u s-saħħa psikosoċjali kif imsemmi fid-Direttiva 89/391/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ taħriġ ikopru wkoll ir-riskju ta’ vjolenza minn terzi. Il-vjolenza minn terzi tirreferi għall-vjolenza li l-persunal jista’ jġarrab fuq il-post tax-xogħol, mhux min kollega, u tinkludi każijiet, bħal infermiera ppersegwitati sesswalment minn pazjent.
(61)Sabiex jiġġieldu kontra n-nuqqas ta’ rapportar, l-Istati Membri għandhom ukoll jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-iżvilupp ta’ taħriġ b’mod partikolari fir-rigward tal-isterjotipi dannużi tal-ġeneru, iżda wkoll fil-prevenzjoni ta’ reati, minħabba l-kuntatt tipiku mill-qrib tagħhom ma’ gruppi f’riskju ta’ vjolenza u vittmi.
(62)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti programmi ta’ intervent sabiex jipprevjenu u jimminimizzaw ir-riskju ta’ reati (ripetuti) ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika. Il-programmi jenħtieġ li jkollhom l-għan speċifiku li jgħallmu lill-awturi tar-reati jew lil dawk f’riskju li jwettqu reati kif jadottaw imġiba mhux vjolenti f’relazzjonijiet interpersonali u kif jiġġieldu x-xejriet vjolenti tal-imġiba. Il-programmi għandhom iħeġġu lill-awturi ta’ reati jieħdu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom u jeżaminaw l-attitudnijiet u t-twemmin tagħhom lejn in-nisa.
(63)Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi tar-reati ta’ vjolenza ċibernetika li jinsabu f’din id-Direttiva jkunu jistgħu effettivament jirrealizzaw id-drittijiet tagħhom li jkollhom materjal illegali relatat ma’ tali reati mneħħi, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji. Sabiex jiġi żgurat li tali materjal jiġi identifikat kmieni u indirizzat b’mod effettiv u li l-vittmi ta’ dawk ir-reati jkunu megħjuna u appoġġati b’mod adegwat, l-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw ukoll l-istabbiliment jew l-użu ta’ miżuri awtoregolatorji eżistenti ta’ natura volontarja, bħal kodiċijiet ta’ kondotta, inkluż dwar l-identifikazzjoni ta’ riskji sistematiċi fir-rigward ta’ tali vjolenza ċibernetika u t-taħriġ tal-impjegati tal-fornituri kkonċernati mill-prevenzjoni ta’ tali vjolenza u mill-assistenza tal-vittmi.
(64)Il-politiki sabiex tiġi indirizzata b’mod adegwat il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jistgħu jiġu fformulati biss abbażi ta’ data diżaggregata komprensiva u komparabbli. Sabiex jiġu mmonitorjati b’mod effettiv l-iżviluppi fl-Istati Membri u sabiex jimtlew il-lakuni ta’ data komparabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu regolarment stħarriġ bl-użu tal-metodoloġija armonizzata tal-Kummissjoni (Eurostat) sabiex jiġbru d-data u jittrażmettu din id-data lill-Kummissjoni (Eurostat).
(65)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data miġbura tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ fir-rigward tal-appoġġ għall-monitoraġġ tal-prevalenza u x-xejriet tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u t-tfassil ta’ strateġiji ta’ politika ġodda f’dan il-qasam. Meta tiġi kondiviża d-data miġbura, ma għandha tiġi inkluża l-ebda data personali.
(66)Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq skont din id-Direttiva, inkluż l-iskambju jew it-trażmissjoni ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, mad-Direttivi 2016/680/UE u 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2018/1725, 2018/1727 u 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew kwalunkwe regola applikabbli oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.
(67)Id-Direttiva 2011/93/UE tirrigwarda r-reati kriminali li jikkonċernaw l-abbuż sesswali tat-tfal. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ma’ din id-Direttiva fir-rigward tar-reat kriminali ta’ stupru, jenħtieġ li jkun żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni għat-tfal li jkunu laħqu l-età ta’ kunsens sesswali u jenħtieġ li jiġi ddefinit reat speċifiku fir-rigward ta’ tfal taħt l-età ta’ kunsens sesswali. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/93/UE tkun emendata skont dan.
(68)Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika fl-Unjoni abbażi ta’ regoli minimi komuni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-miżuri previsti, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
(69)[F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda ma hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u ma hijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.] JEW [F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat [, b’ittra ta’…,] ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.]
(70)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(71)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 u ta opinjoni fil-[XX XX 2022],
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Din jistabbilixxi regoli minimi dwar:
(a)id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni fl-oqsma tal-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal u tal-kriminalità fl-informatika;
(b)id-drittijiet tal-vittmi tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika qabel, matul jew wara proċedimenti kriminali;
(c)il-protezzjoni tal-vittmi u l-appoġġ tal-vittmi.
Artikolu 2
Vittmi f’riskju akbar ta’ vjolenza u riskji speċifiċi
1.Meta jimplimentaw il-miżuri skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu r-riskju akbar ta’ vjolenza li jiffaċċjaw il-vittmi li jesperjenzaw diskriminazzjoni bbażata fuq kombinament ta’ sess u raġunijiet oħra sabiex jaqdu l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni u appoġġ imtejba tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 18(4), fl-Artikolu 27(5) u fl-Artikolu 37(7).
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, tingħata attenzjoni partikolari għar-riskju ta’ intimidazzjoni, ritaljazzjoni, vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta u għall-ħtieġa li jiġu protetti d-dinjità u l-integrità fiżika tal-vittmi.
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali li ġejjin:
(a)reati kriminali msemmija fil-Kapitolu 2;
(b)atti ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika kif kriminalizzati skont strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni;
(c)kwalunkwe att ieħor ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika kif kriminalizzat skont il-liġi nazzjonali.
Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“vjolenza kontra n-nisa” tfisser vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, li hija diretta kontra mara jew tifla minħabba li hija mara jew tifla jew li taffettwa lin-nisa jew lill-bniet b’mod sproporzjonat, inklużi l-atti kollha ta’ tali vjolenza li jirriżultaw jew li x’aktarx jirriżultaw fi ħsara jew tbatija fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika, inkluż theddid ta’ tali atti, koerċizzjoni jew ċaħda arbitrarja tal-libertà, kemm jekk iseħħu fil-ħajja pubblika kif ukoll f’dik privata;
(b)“vjolenza domestika” tfisser l-atti kollha ta’ vjolenza li jirriżultaw jew li x’aktarx jirriżultaw fi ħsara jew tbatija fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika, li jseħħu fil-familja jew fl-unità domestika, irrispettivament mir-rabtiet bijoloġiċi jew legali tal-familja, jew bejn konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali, kemm jekk l-awtur tar-reat jikkondividi jew kien jikkondividi residenza mal-vittma u kemm jekk le;
(c)“vittma” tfisser kwalunkwe persuna, irrispettivament mis-sess jew mill-ġeneru, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, li tkun ġarrbet ħsara, li kienet ikkawżata direttament minn atti ta’ vjolenza koperti skont din id-Direttiva, inklużi xhieda minuri ta’ tali vjolenza;
(d)“vjolenza ċibernetika” tfisser kwalunkwe att ta’ vjolenza kopert minn din id-Direttiva li jitwettaq, jiġi assistit jew aggravat parzjalment jew kompletament bl-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;
(e)“teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni” tfisser l-għodod u r-riżorsi teknoloġiċi kollha użati għall-ħżin, il-ħolqien, il-kondiviżjoni jew l-iskambju diġitali ta’ informazzjoni, inklużi l-ismart phones, il-kompjuters, in-networking soċjali u applikazzjonijiet u servizzi oħra tal-media;
(f)“fornituri ta’ servizzi intermedjarji” tfisser fornituri tas-servizzi kif definiti fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) SSSS/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Regolament dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali];
(g)“fastidju sesswali fuq ix-xogħol” tfisser kwalunkwe forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali, fejn iseħħ matul, b’rabta ma’, jew li tirriżulta minn kwistjonijiet ta’ impjieg, okkupazzjoni u impjieg indipendenti, bl-għan jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità tal-vittma, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv;
(h)“minuri” tfisser kull persuna taħt l-età ta’ 18-il sena;
(i)“età ta’ kunsens sesswali” tfisser l-età li taħtha, skont il-liġi nazzjonali, hija pprojbita l-parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ minuri;
(j)“dipendenti” tfisser wild minuri tal-vittma jew kwalunkwe persuna oħra, minbarra l-awtur tar-reat jew is-suspettat, li tgħix fl-istess unità domestika bħall-vittma u li għaliha l-vittma tkun qed tipprovdi kura u appoġġ.
KAPITOLU 2
REATI LI JIKKONĊERNAW L-ISFRUTTAMENT SESSWALI TAN-NISA U TAL-MINURI U L-KRIMINALITÀ FL-INFORMATIKA
Artikolu 5
Stupru
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali:
(a)l-involviment ma’ mara fi kwalunkwe att mhux kunsenswali ta’ penetrazzjoni vaġinali, anali jew orali ta’ natura sesswali, bi kwalunkwe parti tal-ġisem jew b’oġġett;
(b)li mara tiġi mġiegħla tinvolvi ruħha ma’ persuna oħra fi kwalunkwe att mhux kunsenswali ta’ penetrazzjoni vaġinali, anali jew orali ta’ natura sesswali, bi kwalunkwe parti tal-ġisem jew b’oġġett.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li att mhux konsenswali jinftiehem bħala att li jitwettaq mingħajr il-kunsens tal-mara mogħti volontarjament jew fejn il-mara ma tkunx tista’ tifforma rieda ħielsa minħabba l-kundizzjoni fiżika jew mentali tagħha, u b’hekk tiġi sfruttata l-inkapaċità tagħha li tifforma rieda ħielsa, bħal fi stat ta’ telf mis-sensi, intossikazzjoni, irqad, mard, korriment jew diżabilità fil-ġisem.
3.Il-kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe mument matul l-att. In-nuqqas ta’ kunsens ma jistax jiġi kkonfutat esklussivament mis-skiet tal-mara, min-nuqqas ta’ reżistenza verbali jew fiżika jew minn imġiba sesswali passata.
Artikolu 6
Mutilazzjoni ġenitali femminili
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali:
(a)il-qtugħ, l-infibulazzjoni jew it-twettiq ta’ kull mutilazzjoni oħra fil-labia majora, labia minora jew fil-clitoris;
(b)il-koerċizzjoni jew l-għoti ta’ mara jew ta’ tifla sabiex tiġi suġġetta għal kwalunkwe wieħed mill-atti msemmija fil-punt (a).
Artikolu 7
Kondiviżjoni mhux kunsenswali ta’ materjal intimu jew manipulat
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali:
(a)l-għoti tal-aċċessibbiltà għal immaġni, jew vidjos jew materjal ieħor li juri attivitajiet sesswali, ta’ persuna oħra lil pluralità ta’ utenti permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna;
(b)il-produzzjoni jew il-manipulazzjoni u sussegwentement l-għoti tal-aċċessibbiltà lil pluralità ta’ utenti finali, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, għal immaġni, vidjos jew materjal ieħor, li jagħmluha tidher daqslikieku persuna oħra hija involuta f’attivitajiet sesswali, mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna;
(c)theddida ta’ involviment fl-imġiba msemmija fil-punti (a) u (b) sabiex tisforza lil persuna oħra sabiex tagħmel, taċċetta jew toqgħod lura minn ċertu att.
Artikolu 8
Cyberstalking
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali:
(a)l-involviment persistenti f’imġiba ta’ theddid jew ta’ intimidazzjoni diretta lejn persuna oħra, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, li jikkawża li l-persuna tibża’ għas-sikurezza tagħha stess jew li l-persuna tibża’ għas-sikurezza tad-dipendenti;
(b)it-tqegħid ta’ persuna oħra taħt sorveljanza kontinwa, mingħajr il-kunsens jew l-awtorizzazzjoni legali ta’ dik il-persuna sabiex tagħmel dan, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, sabiex tittrekkja jew timmonitorja l-movimenti u l-attivitajiet ta’ dik il-persuna;
(c)l-għoti tal-aċċessibbiltà għad-data personali ta’ persuna oħra, mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna, lil pluralità ta’ utenti finali, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, bil-għan li dawk l-utenti finali jiġu mħeġġa jikkawżaw ħsara fiżika u psikoloġika sinifikanti lill-persuna.
Artikolu 9
Fastidju ċibernetiku
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali:
(a)il-bidu ta’ attakk ma’ terzi dirett lejn persuna oħra, billi materjal ta’ theddid jew insolenti jsir aċċessibbli għal pluralità ta’ utenti finali, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, bl-effett li tiġi kkawżata ħsara psikoloġika sinifikanti lill-persuna attakkata;
(b)il-parteċipazzjoni ma’ terzi fl-attakki msemmija fil-punt (a).
Artikolu 10
Inċitament għall-vjolenza jew il-mibegħda online
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonali tal-inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ tali grupp definit b’riferiment għas-sess jew għall-ġeneru, bid-disseminazzjoni lill-pubbliku ta’ materjal li fih tali inċitament permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, tkun punibbli bħala reat kriminali.
Artikolu 11
Istigazzjoni, għajnuna u assistenza, u tentattiv
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istigazzjoni u l-għajnuna u assistenza għat-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 5 sa 9 ikunu punibbli bħala reati kriminali.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tentattiv sabiex isir reat imsemmi fl-Artikoli 5 u 6 jkun punibbli bħala reat kriminali.
Artikolu 12
Penali
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 5 sa 11 jkunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 5 ikun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija u ta’ mill-inqas 10 snin priġunerija jekk ir-reat ikun twettaq fiċ-ċirkostanzi aggravanti msemmija fl-Artikolu 13.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtur tar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 5, li qabel kien instab ħati ta’ reati tal-istess natura, jipparteċipa b’mod obbligatorju fil-programm ta’ intervent imsemmi fl-Artikolu 38.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 6 ikun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija u ta’ mill-inqas seba’ snin priġunerija jekk ir-reat ikun twettaq fiċ-ċirkostanzi aggravanti msemmija fl-Artikolu 13.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 8 u 10 jkunu punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas sentejn priġunerija.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 u 9 ikunu punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas sena priġunerija.
Artikolu 13
Ċirkostanzi aggravanti
Sa fejn iċ-ċirkostanzi li ġejjin ma jkunux diġà jiffurmaw parti mill-elementi kostituttivi tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 5 sa 10, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn jistgħu jitqiesu bħala ċirkostanzi aggravanti fir-rigward ta’ dawk ir-reati:
(a)ir-reat, jew reat kriminali ieħor ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, twettaq ripetutament;
(b)ir-reat twettaq kontra persuna li saret vulnerabbli minn ċirkostanzi partikolari, bħal sitwazzjoni ta’ dipendenza jew stat ta’ diżabilità fiżika, mentali, intellettwali jew sensorjali, jew li tgħix f’istituzzjonijiet;
(c)ir-reat ikun twettaq kontra minuri;
(d)ir-reat ikun twettaq fil-preżenza ta’ minuri;
(e)ir-reat twettaq minn żewġ persuni jew aktar li kienu qed jaġixxu flimkien;
(f)ir-reat kien preċedut jew akkumpanjat minn livelli għoljin ta’ vjolenza;
(g)ir-reat twettaq bl-użu jew it-theddid ta’ użu ta’ arma;
(h)ir-reat twettaq bl-użu tal-forza jew theddid ta’ użu tal-forza, jew koerċizzjoni;
(i)ir-reat irriżulta fil-mewt jew fis-suwiċidju tal-vittma jew f’dannu fiżiku jew psikoloġiku serju għall-vittma;
(j)l-awtur tar-reat ikun diġà nstab ħati ta’ reati tal-istess natura;
(k)ir-reat twettaq kontra konjuġi jew sieħeb preċedenti jew attwali;
(l)ir-reat ikun twettaq minn membru tal-familja jew minn persuna li tgħix mal-vittma;
(m)ir-reat twettaq b’abbuż minn pożizzjoni rikonoxxuta ta’ fiduċja, awtorità jew influwenza;
(n)ir-reat ġie ffilmjat, fotografat jew irreġistrat f’forma oħra u magħmul aċċessibbli mill-awtur tar-reat;
(o)ir-reat twettaq billi l-vittma twasslet biex tieħu, tuża jew tiġi affettwata mid-drogi, mill-alkoħol jew minn sustanzi oħra li jikkawżaw intossikazzjoni.
Artikolu 14
Ġuriżdizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tagħhom fuq ir-reati msemmijin fl-Artikoli 5 sa 11 fejn:
(a)ir-reat jitwettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tagħhom;
(b)ir-reat jitwettaq minn wieħed miċ-ċittadini tagħhom.
2.Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni meta huwa jiddeċiedi li jestendi l-ġuriżdizzjoni tiegħu għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 5 sa 11 li jkunu twettqu lil hinn mit-territorju tiegħu, f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)ir-reat jitwettaq kontra ċittadin tiegħu jew persuna li tkun residenti abitwali fit-territorju tiegħu;
(b)l-awtur tar-reat ikun resident abitwali fit-territorju tiegħu.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġuriżdizzjoni tagħhom stabbilita fuq ir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 sa 10 tinkludi sitwazzjonijiet fejn ir-reat jitwettaq permezz ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni aċċessata mit-territorju tagħhom, kemm jekk il-fornitur tas-servizzi intermedjarji jkun ibbażat fit-territorju tagħhom u kemm jekk le.
4.Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) , kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ġuriżdizzjoni tiegħu ma tkunx soġġetta għall-kundizzjoni li l-atti jkunu punibbli bħala reati kriminali fil-pajjiż fejn ikunu twettqu.
5.Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni tagħhom ma tkunx soġġetta għall-kundizzjoni li prosekuzzjoni tista’ tinbeda biss wara li jkun sar rapport mill-vittma fil-post fejn ikun twettaq ir-reat kriminali, jew denunzja mill-Istat tal-post fejn ikun twettaq ir-reat kriminali.
Artikolu 15
Perjodi ta’ preskrizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess u t-teħid ta’ deċiżjoni ġudizzjarja inkonnessjoni mar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 5 sa 11 għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti wara li jkunu twettqu dawk ir-reati kriminali.
2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni għar-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 5 ta’ mill-inqas 20 sena miż-żmien meta twettaq ir-reat.
3.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni għar-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 6 ta’ mill-inqas 10 snin miż-żmien meta twettaq ir-reat.
4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 u 9 ta’ mill-inqas ħames snin wara li r-reat kriminali jkun waqaf jew il-vittma tkun saret taf bih.
5.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 8 u 10 ta’ mill-inqas seba’ snin wara li r-reat kriminali jkun waqaf jew il-vittma tkun saret taf bih.
6.Jekk il-vittma tkun minuri, il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda mhux aktar kmieni minn meta l-vittma tkun laħqet l-età ta’ 18-il sena.
KAPITOLU3
IL-PROTEZZJONI TAL-VITTMI U L-AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA
Artikolu 16
Rapportar ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika
1.Minbarra d-drittijiet tal-vittmi meta jagħmlu lment skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/29/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkunu jistgħu jirrapportaw reati kriminali ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika lill-awtoritajiet kompetenti b’mod faċli u aċċessibbli. Dan għandu jinkludi l-possibbiltà li jiġu rrapportati reati kriminali online jew permezz ta’ teknoloġiji oħra ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża l-possibbiltà li tiġi ppreżentata evidenza, b’mod partikolari dwar ir-rapportar ta’ reati kriminali ta’ vjolenza ċibernetika.
2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jinkoraġġixxu lil kwalunkwe persuna li tkun taf dwar jew tissuspetta, in bona fide, li jkunu seħħew reati ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, jew li jkunu mistennija aktar atti ta’ vjolenza, sabiex tirrapporta dan lill-awtoritajiet kompetenti.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli ta’ kunfidenzjalità imposti mil-liġi nazzjonali fuq il-professjonisti rilevanti, bħall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, ma jikkostitwixxux ostaklu għar-rapportar tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti jekk ikollhom motivi raġonevoli sabiex jemmnu li hemm riskju imminenti li ssir ħsara fiżika serja lil persuna minħabba li tkun soġġetta għal kwalunkwe wieħed mir-reati koperti minn din id-Direttiva. Jekk il-vittma tkun minuri, il-professjonisti rilevanti għandhom ikunu jistgħu jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti jekk ikollhom motivi raġonevoli sabiex jemmnu li jkun twettaq att serju ta’ vjolenza kopert skont din id-Direttiva jew ikunu mistennija aktar atti serji ta’ vjolenza.
4.Meta t-tfal jirrapportaw reati kriminali ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ rapportar ikunu sikuri, kunfidenzjali, imfassla u aċċessibbli b’mod u b’lingwa li taġevola lill-minuri, f’konformità mal-età u l-maturità tagħhom. Jekk ir-reat jinvolvi d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapportar ma jkunx kundizzjonali fuq il-kunsens ta’ din il-persuna.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti li jiġu f’kuntatt ma’ vittma li tirrapporta reati ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika jkunu pprojbiti milli jittrasferixxu data personali relatata mal-istatus ta’ residenza tal-vittma lill-awtoritajiet ta’ migrazzjoni kompetenti, tal-inqas sakemm titlesta l-ewwel valutazzjoni individwali msemmija fl-Artikolu 18.
Artikolu 17
Investigazzjoni u prosekuzzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi li jinvestigaw u jipprosegwixxu l-vjolenza kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika jkollhom biżżejjed għarfien espert u għodod investigattivi effettivi sabiex jinvestigaw u jressqu tali reati b’mod effettiv, speċjalment sabiex jiġbru, janalizzaw u jiżguraw evidenza elettronika f’każijiet ta’ vjolenza ċibernetika.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati ta’ vjolenza rrapportati kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika jiġu pproċessati u ttrasferiti mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti għall-prosekuzzjoni u l-investigazzjoni.
3.L-awtoritajiet kompetenti għandhom minnufih u b’mod effettiv jirreġistraw u jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika u jiżguraw li jiġi ppreżentat ilment uffiċjali fil-każijiet kollha.
4.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreferu minnufih lill-vittmi għal professjonisti rilevanti tal-kura tas-saħħa jew għal servizzi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikoli 27, 28 u 29 sabiex jassistu fl-iżgurar tal-evidenza, b’mod partikolari f’każijiet ta’ vjolenza sesswali, fejn il-vittma tkun tixtieq tressaq akkużi u tagħmel użu minn tali servizzi.
5.L-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikolu 5 ma għandhomx ikunu dipendenti fuq ir-rapportar jew l-akkuża minn vittma jew mir-rappreżentant tagħha, u l-proċedimenti kriminali għandhom ikomplu anki jekk ir-rapport jew l-akkuża jkunu ġew irtirati.
Artikolu 18
Valutazzjoni individwali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-vittmi
1.Fil-qafas tal-valutazzjoni individwali li għandha titwettaq skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/29/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward tal-vittmi koperti minn din id-Direttiva, jiġu vvalutati l-elementi addizzjonali kif stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu.
2.Din il-valutazzjoni individwali għandha tinbeda mal-ewwel kuntatt tal-vittma mal-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom jivverifikaw mhux aktar tard mill-bidu tal-proċedimenti kriminali jekk tkunx twettqet valutazzjoni. Jekk dan ma kienx il-każ, huma għandhom jirrimedjaw is-sitwazzjoni billi jwettqu valutazzjoni mill-aktar fis possibbli.
3.Il-valutazzjoni individwali għandha tiffoka fuq ir-riskju li jirriżulta mill-awtur tar-reat jew mis-suspettat, inkluż ir-riskju ta’ vjolenza ripetuta, ir-riskju ta’ offiża fuq il-persuna, l-użu ta’ armi, l-awtur tar-reat jew is-suspettat li jgħix mal-vittma, l-użu ħażin tad-droga jew tal-alkoħol mill-awtur ta’ reat jew suspettat, abbuż tal-minuri, kwistjonijiet ta’ saħħa mentali jew imġiba ta’ segwiment ta’ persuna bil-moħbi.
4.Il-valutazzjoni għandha tqis iċ-ċirkostanzi individwali tal-vittma, inkluż jekk dawn jesperjenzawx diskriminazzjoni bbażata fuq kombinament ta’ sess u raġunijiet oħra u għalhekk jiffaċċjawx riskju akbar ta’ vjolenza, kif ukoll il-kunsiderazzjoni u l-valutazzjoni tal-vittma stess tas-sitwazzjoni. Dan għandu jsir fl-aħjar interess tal-vittma, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtieġa li tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni adegwati abbażi tal-valutazzjoni individwali, bħal:
(a)miżuri msemmija fl-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2012/29/UE;
(b)l-għoti ta’ ordnijiet ta’ inibizzjoni u ta’ restrizzjoni jew ta’ protezzjoni ta’ emerġenza skont l-Artikolu 21 ta’ din id-Direttiva;
(c)miżuri ulterjuri għall-ġestjoni tal-awtur tar-reat jew tal-imġiba tas-suspettat, b’mod partikolari skont l-Artikolu 38 ta’ din id-Direttiva.
6.Il-valutazzjoni individwali għandha ssir f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha skont l-istadju tal-proċedimenti, u s-servizzi ta’ appoġġ rilevanti, bħaċ-ċentri għall-protezzjoni tal-vittmi u l-postijiet ta’ kenn tan-nisa, is-servizzi soċjali u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa.
7.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġornaw il-valutazzjoni individwali f’intervalli regolari sabiex jiżguraw li l-miżuri ta’ protezzjoni jkunu relatati mas-sitwazzjoni attwali tal-vittma. Dan għandu jinkludi valutazzjoni dwar jekk il-miżuri ta’ protezzjoni, b’mod partikolari skont l-Artikolu 21, għandhomx bżonn jiġu adattati jew meħuda.
8.Id-dipendenti tal-vittmi għandhom ikunu preżunti li għandhom ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni mingħajr ma jiġu suġġetti għall-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 6.
Artikolu 19
Valutazzjoni individwali tal-ħtiġijiet ta’ appoġġ tal-vittmi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, filwaqt li jqisu l-valutazzjoni individwali msemmija fl-Artikolu 18, l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-ħtiġijiet individwali tal-vittma u tad-dipendenti tagħha għall-appoġġ kif previst fil-Kapitolu 4.
2.L-Artikolu 18(4) u (7) għandu japplika għall-valutazzjoni individwali tal-ħtiġijiet ta’ appoġġ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 20
Riferiment għas-servizzi ta’ appoġġ
1.Jekk il-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 18 u 19 ikunu identifikaw ħtiġijiet speċifiċi ta’ appoġġ jew protezzjoni jew jekk il-vittma titlob appoġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ appoġġ jikkuntattjaw lill-vittmi sabiex joffru appoġġ.
2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispondu għat-talbiet għall-protezzjoni u l-appoġġ b’mod f’waqtu u kkoordinat.
3.Fejn meħtieġ, huma għandhom ikunu jistgħu jirreferu lil vittmi minuri, inklużi xhieda, għal servizzi ta’ appoġġ mingħajr il-kunsens minn qabel tad-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trażmissjoni ta’ data personali rilevanti dwar il-vittma u s-sitwazzjoni tagħha lis-servizzi ta’ appoġġ rilevanti, fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-vittma tirċievi appoġġ u protezzjoni xierqa. Tali trażmissjoni għandha tkun kunfidenzjali.
5.Is-servizzi ta’ appoġġ għandhom jaħżnu data personali sakemm ikun meħtieġ għall-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ, u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn 12-il xahar wara l-aħħar kuntatt bejn is-servizz ta’ appoġġ u l-vittma.
Artikolu 21
Ordnijiet urġenti ta’ inibizzjoni, ta’ trażżin u ta’ protezzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’sitwazzjonijiet ta’ periklu immedjat għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-vittma jew tad-dipendenti tagħha, l-awtoritajiet kompetenti joħorġu ordnijiet indirizzati lil awtur ta’ reat jew lil suspettat ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva sabiex jitilqu mir-residenza tal-vittma jew tad-dipendenti tagħha għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti u sabiex jipprojbixxu lill-awtur ta’ reat jew lis-suspettat milli jidħol fir-residenza jew milli jidħol fil-post tax-xogħol tal-vittma jew milli b’xi mod jikkuntattja l-vittma jew id-dipendenti tagħha. Tali ordnijiet għandu jkollhom effett immedjat u ma jkunux dipendenti fuq vittma li tirrapporta r-reat kriminali.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu joħorġu ordnijiet ta’ restrizzjoni jew ta’ protezzjoni sabiex jipprovdu protezzjoni fit-tul għall-vittmi jew għad-dipendenti tagħhom kontra kwalunkwe att ta’ vjolenza kopert minn din id-Direttiva, inkluż billi jipprojbixxu jew jirrestrinġu ċerta mġiba perikoluża tal-awtur tar-reat jew tas-suspettat.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw lill-vittmi dwar il-possibbiltà li japplikaw għal ordnijiet ta’ inibizzjoni u ta’ restrizzjoni jew ta’ protezzjoni ta’ emerġenza, kif ukoll il-possibbiltà li jfittxu rikonoxximent transfruntier tal-ordnijiet ta’ protezzjoni skont id-Direttiva 2011/99/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 606/2013.
4.Kwalunkwe ksur tal-ordnijiet ta’ inibizzjoni jew ta’ restrizzjoni u ta’ protezzjoni ta’ emerġenza għandu jkun soġġett għal pieni kriminali jew pieni legali oħra li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
5.Dan l-Artikolu ma jobbligax lill-Istati Membri jimmodifikaw is-sistemi nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-kwalifika ta’ ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza u ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni bħala li jaqgħu taħt il-liġi kriminali, ċivili jew amministrattiva.
Artikolu 22 Protezzjoni tal-ħajja privata tal-vittma
Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’investigazzjonijiet kriminali u fi proċedimenti ġudizzjarji, ma jkunux permessi mistoqsijiet, inkjesti u evidenza li jikkonċernaw imġiba sesswali passata tal-vittma jew aspetti oħra tal-ħajja privata tal-vittma relatata magħha.
Artikolu 23 Linji Gwida għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji
L-Istati Membri għandhom joħorġu linji gwida għall-awtoritajiet kompetenti li jaġixxu fi proċedimenti kriminali, inklużi linji gwida tal-prosekuzzjoni u ġudizzjarji, li jikkonċernaw każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika. Dawk il-linji gwida għandhom jinkludu gwida dwar:
(a)kif tiġi żgurata l-identifikazzjoni xierqa tal-forom kollha ta’ vjolenza bħal din;
(b)kif għandha titwettaq il-valutazzjoni individwali skont l-Artikoli 18 u 19;
(c)kif għandhom jiġu ttrattati l-vittmi b’mod sensittiv għat-trawma, għall-ġeneru u għall-minuri;
(d)kif jiġi żgurat li l-proċedimenti jitwettqu b’mod li tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta;
(e)kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni u appoġġ imsaħħa tal-vittmi li jesperjenzaw diskriminazzjoni abbażi ta’ kombinament ta’ sess u raġunijiet oħra;
(f)kif għandhom jiġu evitati l-isterjotipi tal-ġeneru;
(g)kif il-vittmi jiġu rriferuti għal servizzi ta’ appoġġ, sabiex jiġi żgurat it-trattament xieraq tal-vittmi u l-immaniġġjar ta’ każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.
Artikolu 24 Ir-rwol tal-korpi nazzjonali u tal-korpi tal-ugwaljanza
1.L-Istati Membri għandhom jaħtru u jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa sabiex korp jew korpi jwettqu l-kompiti li ġejjin:
(a)jipprovdu assistenza u pariri indipendenti lill-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika;
(b)jippubblikaw rapporti indipendenti u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ tali diskriminazzjoni;
(c)jiskambjaw informazzjoni disponibbli ma’ korpi Ewropej korrispondenti bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tal-Ġeneru.
Dawn il-korpi jistgħu jiffurmaw parti mill-korpi tal-ugwaljanza stabbiliti skont id-Direttivi 2004/113/KE, 2006/54/KE u 2010/41/UE.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu jistgħu jaġixxu f’isem jew b’appoġġ ta’ vittma waħda jew aktar ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika fi proċedimenti ġudizzjarji, inkluż għat-talba għall-kumpens imsemmija fl-Artikolu 26 u t-tneħħija tal-kontenut online msemmi fl-Artikolu 25, bl-approvazzjoni tal-vittma.
Artikolu 25 Miżuri sabiex jitneħħa ċertu materjal online
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw it-tneħħija fil-pront tal-materjal imsemmi fl-Artikolu 7(a) u (b), fl-Artikolu 8(c), u fl-Artikoli 9 u 10. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu l-possibbiltà li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tagħhom joħorġu, fuq talba mill-vittma, ordnijiet legali vinkolanti sabiex jitneħħa jew jiġi mblukkat l-aċċess għal tali materjal, indirizzati lill-fornituri rilevanti ta’ servizzi intermedjarji.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ordnijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu jistgħu jinħarġu fi proċedimenti interim, anki qabel it-terminazzjoni ta’ kwalunkwe proċediment kriminali rigward ir-reati msemmija fl-Artikolu 7(a) u (b), fl-Artikolu 8(c), fl-Artikolu 9 jew fl-Artikolu 10 meta l-awtorità ġudizzjarja adita tqis li:
(a)tkun ġiet ippreżentata b’evidenza suffiċjenti li tiġġustifika l-konklużjoni li l-imġiba msemmija fl-Artikolu 7(a) u (b), fl-Artikolu 8(c), fl-Artikolu 9 jew fl-Artikolu 10 x’aktarx seħħet fir-rigward tar-rikorrent u li l-materjal li huwa l-oġġett tar-rikors jikkostitwixxi materjal kif imsemmi f’dawk l-artikoli;
(b)it-tneħħija ta’ dak il-materjal hija meħtieġa sabiex tiġi evitata jew limitata ħsara sinifikanti lill-vittma;
(c)id-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet oħra involuti assoċjati mat-tneħħija potenzjali ma humiex tali li jegħlbu dawk tal-vittma assoċjata mat-tneħħija.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-ordnijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 ikunu validi għal perjodu ta’ żmien xieraq ta’ mhux aktar minn sena, soġġetti għal tiġdid għal perjodu ta’ żmien xieraq addizzjonali, fuq talba mill-vittma, fejn l-awtorità ġudizzjarja adita tqis li l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2 għadhom jiġu sodisfatti. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-proċedimenti kriminali rigward ir-reati msemmija fl-Artikolu 7(a) u (b), fl-Artikolu 8(c), fl-Artikolu 9 jew fl-Artikolu 10 jiġu tterminati mingħajr ma jwasslu għas-sejba li tali reat ikun twettaq, l-ordnijiet jiġu invalidati u l-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernati jiġi informat b’dan.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ordnijiet u miżuri oħra msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jittieħdu skont proċeduri trasparenti u jkunu soġġetti għal salvagwardji adegwati, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li dawk l-ordnijiet u miżuri oħra jkunu limitati għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat u li jitqiesu kif xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-partijiet kollha involuti.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali tas-servizzi rilevanti jiġu informati, fejn xieraq mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji kkonċernati, bir-raġunijiet għat-tneħħija jew l-imblukkar tal-aċċess għall-materjal skont l-ordnijiet jew miżuri oħra msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u li dawk l-utenti finali jkollhom aċċess għal rimedju ġudizzjarju.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tneħħija jew l-imblukkar tal-aċċess għall-materjal skont l-ordnijiet jew miżuri oħra msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma jwaqqfux lill-awtoritajiet kompetenti milli jiksbu jew milli jiżguraw l-evidenza meħtieġa għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikolu 7(a) u (b), fl-Artikolu 8(c), fl-Artikolu 9 jew fl-Artikolu 10.
Artikolu 26 Kumpens mill-awturi tar-reati
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkollhom id-dritt li jitolbu kumpens sħiħ mingħand l-awturi tar-reati għal danni li jirriżultaw mill-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar il-kumpens matul il-proċedimenti kriminali.
3.Il-kumpens għandu jqiegħed lill-vittmi fil-pożizzjoni li kienu jkunu fiha li kieku r-reat qatt ma seħħ, filwaqt li titqies is-serjetà tal-konsegwenzi għall-vittma. Il-kumpens ma għandux ikun ristrett bl-iffissar ta’ limitu massimu.
4.Id-dannu għandu jinkludi l-kostijiet għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, għas-servizzi ta’ appoġġ, għar-riabilitazzjoni, għat-telf tal-introjtu u għall-kostijiet raġonevoli oħra li jkunu nħolqu bħala riżultat tar-reat jew għall-ġestjoni tal-konsegwenzi tiegħu. L-ammont tad-danni mogħtija għandu jikkumpensa wkoll għall-ħsara fiżika u psikoloġika u għall-preġudizzju morali.
5.Il-perjodu ta’ preskrizzjoni sabiex titressaq talba għal kumpens ma għandux ikun inqas minn ħames snin minn meta jkun seħħ ir-reat.
F’każijiet ta’ vjolenza sesswali, il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma għandux ikun inqas minn 10 snin.
Il-perjodu ta’ preskrizzjoni sabiex titressaq talba għal kumpens ta’ reati kriminali msemmi fl-Artikolu 7 għandu jibda jiddekorri malli l-vittma ssir taf bir-reat.
Il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma għandux jibda sakemm l-awtur tar-reat u l-vittma ikun għadhom jikkondividu l-istess unità domestika. Barra minn hekk, jekk il-vittma tkun minuri, il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma għandux jibda jiddekorri qabel ma l-vittma tkun laħqet l-età ta’ 18-il sena.
Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott jew sospiż għat-tul ta’ żmien tal-proċedimenti legali pendenti li jikkonċernaw ir-reat.
KAPITOLU4
APPOĠĠ GĦALL-VITTMI
Artikolu 27 Appoġġ speċjalizzat għall-vittmi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat imsemmija fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2012/29/UE jkunu disponibbli għall-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva. Is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għandhom jipprovdu:
(a)pariri u informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni legali jew prattika rilevanti li tirriżulta mir-reat, inkluż dwar l-aċċess għall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-assistenza sabiex wieħed jibqa’ fi jew isib impjieg;
(b)riferimenti għal eżamijiet forensiċi mediċi;
(c)l-appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza ċibernetika, inkluż pariri dwar ir-rimedji ġudizzjarji u r-rimedji sabiex jitneħħa l-kontenut online relatat mar-reat.
2.L-appoġġ speċjalizzat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi offrut personalment u għandu jkun faċilment aċċessibbli, inkluż online jew permezz ta’ mezzi adegwati oħra, bħal teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, imfassla għall-ħtiġijiet tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji sabiex jipprovdu s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1, speċjalment dawk imsemmija fil-punt (c) ta’ dak il-paragrafu, inkluż fejn tali servizzi jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet nongovernattivi.
4.L-Istati Membri għandhom jipprovdu s-servizzi ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ speċjalizzat meħtieġa sabiex jindirizzaw b’mod komprensiv il-ħtiġijiet multipli tal-vittmi fl-istess bini, jew ikollhom tali servizzi kkoordinati permezz ta’ punt ta’ kuntatt ċentrali, jew permezz ta’ aċċess online ta’ punt ta’ kuntatt uniku għal tali servizzi. Tali offerta kkombinata ta’ servizzi għandha tinkludi mill-inqas kura medika u servizzi soċjali, appoġġ psikosoċjali, servizzi legali u tal-pulizija.
5.L-Istati Membri għandhom joħorġu linji gwida u protokolli għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tas-servizzi soċjali dwar l-identifikazzjoni u l-għoti ta’ appoġġ xieraq lill-vittmi tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, inkluż dwar ir-referenza tal-vittmi lis-servizzi ta’ appoġġ rilevanti. Tali linji gwida u protokolli għandhom jindikaw ukoll kif għandhom jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi li huma f’riskju akbar ta’ tali vjolenza bħala riżultat tal-esperjenza tagħhom ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq kombinament ta’ sess u raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat jibqgħu kompletament operazzjonali għall-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika fi żminijiet ta’ kriżi, bħal kriżijiet tas-saħħa jew stati oħra ta’ emerġenza.
7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat ikunu disponibbli għall-vittmi qabel, matul u għal żmien xieraq wara l-proċedimenti kriminali.
Artikolu 28
Appoġġ speċjalizzat għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali
1.L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal ċentri ta’ riferiment mgħammra kif xieraq u aċċessibbli faċilment għall-kriżijiet tal-istupru jew għall-vjolenza sesswali sabiex jiżguraw appoġġ effettiv lill-vittmi ta’ vjolenza sesswali, inkluża l-assistenza fil-preservazzjoni u fid-dokumentazzjoni tal-evidenza. Dawn iċ-ċentri għandhom jipprovdu għal eżamijiet mediċi u forensiċi, appoġġ għal trawma u konsulenza psikoloġika, wara li jkun twettaq ir-reat u sakemm ikun meħtieġ wara dan. Meta l-vittma tkun minuri, tali servizzi għandhom jiġu pprovduti b’mod li jaġevola lill-minuri.
2.Is-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu disponibbli mingħajr ħlas u aċċessibbli kull jum tal-ġimgħa. Dawn jistgħu jkunu parti mis-servizzi msemmija fl-Artikolu 27.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw distribuzzjoni ġeografika u kapaċità suffiċjenti ta’ dawn is-servizzi madwar l-Istat Membru.
4.L-Artikolu 27(3) u (6) għandu japplika għall-għoti ta’ appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza sesswali.
Artikolu 29
Appoġġ speċjalizzat għall-vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw appoġġ effettiv u adattat għall-età lill-vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, inkluż billi jipprovdu kura ġinekoloġika, sessjoloġika, psikoloġika u għal trawma u konsulenza mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ tali vittmi, wara li jkun twettaq ir-reat u sakemm ikun meħtieġ wara dan. Dan għandu jinkludi wkoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-unitajiet fl-isptarijiet pubbliċi li jwettqu kirurġija klitorjali rikonstruttiva. Tali appoġġ jista’ jiġi pprovdut miċ-ċentri ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 28 jew minn kwalunkwe ċentru tas-saħħa ddedikat.
2.L-Artikolu 27(3) u (6) u l-Artikolu 28(2) għandhom ikunu applikabbli għall-għoti ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili.
Artikolu 30
Appoġġ speċjalizzat għall-vittmi ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ konsulenza esterna jkunu disponibbli għall-vittmi u għall-impjegaturi f’każijiet ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol. Dawn is-servizzi għandhom jinkludu pariri dwar kif jiġu indirizzati b’mod adegwat każijiet bħal dawn fuq il-post tax-xogħol, dwar ir-rimedji legali disponibbli għall-impjegatur sabiex ineħħi l-awtur tar-reat mill-post tax-xogħol u jipprovdi l-possibbiltà ta’ konċiljazzjoni bikrija, jekk il-vittma tkun tixtieq hekk.
Artikolu 31 Linji telefoniċi għall-għajnuna tal-vittmi
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu linji telefoniċi għall-għajnuna disponibbli mal-pajjiż kollu f’kull ħin (24/7), mingħajr ħlas, sabiex jiġu pprovduti pariri lill-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Il-parir għandu jingħata b’mod kunfidenzjali jew b’kunsiderazzjoni xierqa għall-anonimità tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-forniment ta’ tali servizz ukoll permezz ta’ teknoloġiji oħra tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inklużi applikazzjonijiet online.
2.L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-aċċessibbiltà tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 għall-utenti finali b’diżabilità, inkluż l-għoti ta’ appoġġ b’lingwaġġ faċli sabiex jinftiehem. Dawk is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2019/882/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
3.L-Artikolu 27(3) u (6) għandu japplika għall-forniment ta’ linji telefoniċi għall-għajnuna u appoġġ permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni skont dan l-Artikolu.
4.[L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizz skont il-paragrafu 1 għall-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa jiġi operat taħt in-numru armonizzat fil-livell tal-UE “116 016” u li l-utenti finali jkunu informati b’mod adegwat dwar l-eżistenza u l-użu ta’ tali numru.]
Artikolu 32 Postijiet ta’ kenn u akkomodazzjonijiet interim oħra
1.Il-postijiet ta’ kenn u akkomodazzjonijiet interim xierqa oħra kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2012/29/UE għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa vittmi ta’ vjolenza domestika u vjolenza sesswali. Huma għandhom jgħinuhom fl-irkupru tagħhom, billi jipprovdu kundizzjonijiet ta’ għajxien adegwati u xierqa bil-ħsieb li jirritornaw għal għajxien indipendenti.
2.Il-postijiet ta’ kenn u akkomodazzjonijiet interim xierqa oħra għandhom ikunu mgħammra sabiex jakkomodaw il-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal, inklużi l-vittmi minuri.
3.Il-postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim xierqa oħra għandhom ikunu disponibbli għall-vittmi irrispettivament min-nazzjonalità, iċ-ċittadinanza, il-post ta’ residenza jew l-istatus ta’ residenza tagħhom.
4.L-Artikolu 27(3) u (6) għandu japplika għal postijiet ta’ kenn u akkomodazzjonijiet interim xierqa oħra.
Artikolu 33 Appoġġ għall-vittmi minuri
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jingħataw appoġġ adegwat speċifiku hekk kif l-awtoritajiet kompetenti jkollhom motivi raġonevoli sabiex jemmnu li t-tfal setgħu kienu soġġetti għal, inkluż li jkunu xhieda ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika. L-appoġġ għat-tfal għandu jkun speċjalizzat u adattat għall-età, filwaqt li jirrispetta l-aħjar interessi tal-minuri.
2.Il-vittmi minuri għandhom jingħataw kura medika xierqa għall-età, appoġġ emozzjonali, psikosoċjali, psikoloġiku u edukattiv, kif ukoll kwalunkwe appoġġ xieraq ieħor imfassal b’mod partikolari għal sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika.
3.Jekk ikun meħtieġ li tiġi pprovduta akkomodazzjoni interim, it-tfal għandhom bħala prijorità jitqiegħdu flimkien ma’ membri oħra tal-familja, b’mod partikolari ma’ ġenitur mhux vjolenti f’akkomodazzjoni permanenti jew temporanja, mgħammra b’servizzi ta’ appoġġ. Il-kollokament f’postijiet ta’ kenn għandu jkun l-aħħar għażla.
Artikolu 34 Sikurezza tat-tfal
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu postijiet sikuri li jippermettu kuntatt sikur bejn il-minuri u detentur ta’ responsabbiltajiet tal-ġenituri li jkun awtur ta’ reat jew suspettat ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, sa fejn dan tal-aħħar ikollu drittijiet ta’ aċċess. L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-superviżjoni minn professjonisti mħarrġa, kif xieraq, u fl-aħjar interessi tal-minuri.
Artikolu 35 Appoġġ immirat għall-vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi u gruppi li jinsabu f’riskju
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-għoti ta’ appoġġ speċifiku lill-vittmi f’riskju akbar ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, bħan-nisa b’diżabilità, in-nisa li jgħixu f’żoni rurali, in-nisa bi status jew permess ta’ residenza dipendenti, in-nisa migranti mingħajr dokumenti, in-nisa li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, in-nisa mingħajr dar, in-nisa bi sfond razzjali jew etniku ta’ minoranza, in-nisa li jaħdmu fl-industrija tas-sess, in-nisa detenuti, jew nisa akbar fl-età.
2.Is-servizzi ta’ appoġġ skont l-Artikoli 27 sa 32 għandu jkollhom kapaċitajiet suffiċjenti sabiex jakkomodaw lill-vittmi b’diżabilità, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, inkluża l-assistenza personali.
3.Is-servizzi ta’ appoġġ għandhom ikunu disponibbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika, inkluż għal applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, għal persuni mingħajr dokumenti u għal persuni soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn f’detenzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi li jitolbu dan jistgħu jinżammu separatament minn persuni tas-sess l-ieħor f’faċilitajiet ta’ detenzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn, jew jiġu akkomodati separatament f’ċentri ta’ akkoljenza għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni jkunu jistgħu jirrapportaw okkorrenzi ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika fiċ-ċentri ta’ akkoljenza u detenzjoni lill-persunal rilevanti u li jkun hemm fis-seħħ protokolli sabiex dawn ir-rapporti jiġu indirizzati b’mod adegwat u rapidu f’konformità mar-rekwiżiti fl-Artikoli 18, 19 u 20.
Kapitolu 5
PREVENZJONI
Artikolu 36 Miżuri preventivi
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa sabiex jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
2.Il-miżuri preventivi għandhom jinkludu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, fejn xieraq żviluppati f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali, il-komunitajiet milquta u partijiet ikkonċernati oħra.
3.L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar il-miżuri preventivi, id-drittijiet tal-vittmi, l-aċċess għall-ġustizzja u għal avukat, u l-miżuri ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ disponibbli għall-pubbliku ġenerali.
4.Azzjoni mmirata għandha tiġi indirizzata lil gruppi f’riskju, inklużi t-tfal, skont l-età u l-maturità tagħhom, u l-persuni b’diżabilità, filwaqt li jitqiesu l-ostakli lingwistiċi u l-livelli differenti ta’ litteriżmu u ħiliet. L-informazzjoni għat-tfal għandha tiġi fformulata b’mod li jaġevola lill-minuri.
5.Il-miżuri preventivi għandhom b’mod partikolari jimmiraw li jisfidaw l-istereotipi dannużi marbuta mal-ġeneru, jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, jinkoraġġixxu lil kulħadd, inklużi l-irġiel u s-subien, biex jaġixxu bħala mudelli pożittivi biex jappoġġaw tibdil korrispondenti fl-imġiba korrispondenti fis-soċjetà kollha kemm hi f’konformità mal-objettivi ta’ din id-direttiva.
6.Il-miżuri preventivi għandhom jiżviluppaw u/jew iżidu s-sensittività dwar il-prattika ta’ ħsara tal-mutilazzjoni ġenitali femminili.
7.Il-miżuri preventivi għandhom jindirizzaw ukoll speċifikament il-vjolenza ċibernetika. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri edukattivi jinkludu l-iżvilupp ta’ ħiliet fil-litteriżmu diġitali, inkluż l-involviment kritiku mad-dinja diġitali, sabiex l-utenti jkunu jistgħu jidentifikaw u jindirizzaw każijiet ta’ vjolenza ċibernetika, ifittxu appoġġ u jipprevjenu t-twettiq tagħha. L-Istati Membri għandhom irawmu l-kooperazzjoni multidixxiplinari u tal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-servizzi intermedjarji u l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri sabiex tiġi indirizzata l-vjolenza ċibernetika.
8.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fastidju sesswali fuq ix-xogħol jiġi indirizzat fil-politiki nazzjonali rilevanti. Dawk il-politiki nazzjonali għandhom jidentifikaw u jistabbilixxu l-azzjonijiet immirati msemmija fil-paragrafu 2 għal setturi fejn il-ħaddiema huma l-aktar esposti.
Artikolu 37 Taħriġ u informazzjoni għall-professjonisti
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-professjonisti li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-persunal tal-qorti, l-imħallfin u l-prosekuturi, l-avukati, il-fornituri ta’ appoġġ għall-vittmi u servizzi ta’ ġustizzja restorattiva, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali, persunal tal-edukazzjoni u persunal rilevanti ieħor, jirċievu kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat u informazzjoni mmirata sa livell xieraq għall-kuntatti tagħhom mal-vittmi, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw, jipprevjenu u jindirizzaw każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika u jittrattaw lill-vittmi b’mod sensittiv għat-trawma, għall-ġeneru u għall-minuri.
2.Il-professjonisti rilevanti tas-saħħa, inklużi l-pedjatriċi u l-qbiela, għandhom jirċievu taħriġ immirat sabiex jidentifikaw u jindirizzaw, b’mod kulturalment sensittiv, il-konsegwenzi fiżiċi, psikoloġiċi u sesswali tal-mutilazzjoni ġenitali femminili.
3.Il-persuni b’funzjonijiet superviżorji fuq il-post tax-xogħol, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, għandhom jirċievu taħriġ dwar kif jirrikonoxxu, jipprevjenu u jindirizzaw il-fastidju sesswali fuq ix-xogħol, inkluż dwar valutazzjonijiet tar-riskju li jikkonċernaw ir-riskji għas-sikurezza u għas-saħħa okkupazzjonali, sabiex jipprovdu appoġġ lill-vittmi affettwati minn dan u jwieġbu b’mod adegwat. Dawk il-persuni u l-impjegaturi għandhom jirċievu informazzjoni dwar l-effetti tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika fuq ix-xogħol u r-riskju ta’ vjolenza minn terzi.
4.L-attivitajiet ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jinkludu taħriġ dwar il-kooperazzjoni kkoordinata bejn diversi aġenziji sabiex ikun jista’ jsir trattament komprensiv u xieraq tar-referenzi f’każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.
5.Mingħajr ma jaffettwaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-istabbiliment ta’ attivitajiet ta’ taħriġ tal-media minn organizzazzjonijiet tal-professjonisti tal-media, korpi awtoregolatorji tal-media u rappreżentanti tal-industrija jew organizzazzjonijiet indipendenti rilevanti oħra, sabiex jiġġieldu kontra r-rappreżentazzjonijiet sterjotipiċi tan-nisa u tal-irġiel, immaġnijiet sessisti tan-nisa, u t-tfigħ tat-tort fuq il-vittma fil-media, immirati lejn it-tnaqqis tar-riskju ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti sabiex jirċievu rapporti ta’ reati mill-vittmi jkunu mħarrġa kif xieraq sabiex jiffaċilitaw u jassistu fir-rapportar ta’ tali reati.
7.L-attivitajiet ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu regolari u obbligatorji, inkluż dwar il-vjolenza ċibernetika, u mibnija fuq l-ispeċifiċitajiet tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Tali attivitajiet ta’ taħriġ għandhom jinkludu taħriġ dwar kif għandhom jiġu identifikati u indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni u appoġġ tal-vittmi li jiffaċċjaw riskju akbar ta’ vjolenza minħabba li jkunu esperjenzaw diskriminazzjoni abbażi ta’ kombinament ta’ sess u raġunijiet oħra.
8.Il-miżuri skont il-paragrafi 1 sa 6 għandhom jiġu implimentati mingħajr ma jaffettwaw l-indipendenza ġudizzjarja, l-awtoorganizzazzjoni ta’ professjonijiet regolati u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Unjoni.
Artikolu 38 Programmi ta’ intervent
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu stabbiliti programmi ta’ intervent immirati u effettivi sabiex jipprevjenu u jimminimizzaw ir-riskju li jitwettqu reati ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, jew ripetizzjoni ta’ dawn ir-reati.
2.Il-programmi ta’ intervent għandhom ikunu disponibbli għall-parteċipazzjoni inkluż għal persuni li jibżgħu li jistgħu jwettqu kwalunkwe reat ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.
KAPITOLU 6
KOORDINAZZJONI U KOOPERAZZJONI
Artikolu 39 Politiki kkoordinati u korp ta’ koordinazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jimplimentaw politiki effettivi, komprensivi u kkoordinati madwar l-istat kollu li jinkludu l-miżuri rilevanti kollha għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
2.L-Istati Membri għandhom jaħtru jew jistabbilixxu korp uffiċjali responsabbli għall-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki u miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva.
3.Dan il-korp għandu jikkoordina l-ġbir tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 44, janalizzaha u jiddisemina r-riżultati tagħha.
4.Hija għandha tkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-politiki fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali.
Artikolu 40 Koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn diversi aġenziji
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa sabiex jiżguraw koordinazzjoni u kooperazzjoni effettivi, fil-livell nazzjonali, tal-awtoritajiet, l-aġenziji u l-korpi rilevanti, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, il-prosekuturi pubbliċi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-servizzi soċjali, inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni u l-benesseri tal-minuri, il-fornituri tal-edukazzjoni u tal-kura tas-saħħa, is-sħab soċjali, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tagħhom, u organizzazzjonijiet u entitajiet rilevanti oħra.
2.Dawn il-mekkaniżmi għandhom b’mod partikolari jappartjenu għall-valutazzjonijiet individwali skont l-Artikoli 18 u 19, u l-għoti ta’ miżuri ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ skont l-Artikolu 21 u l-Kapitolu 4, il-linji gwida għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji skont l-Artikolu 23, u fit-taħriġ għall-professjonisti kif imsemmi fl-Artikolu 37.
Artikolu 41 Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi
L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ u jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu mal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika, b’mod partikolari fl-għoti ta’ appoġġ lill-vittmi, dwar inizjattivi ta’ tfassil tal-politika, kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, programmi ta’ riċerka u edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-impatt ta’ miżuri li jappoġġaw u jipproteġu lill-vittmi.
Artikolu 42 Kooperazzjoni bejn il-fornituri intermedjarji tas-servizzi
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-teħid ta’ miżuri awtoregolatorji mill-fornituri ta’ servizzi intermedjarji b’rabta ma’ din id-Direttiva, b’mod partikolari sabiex jissaħħu l-mekkaniżmi interni biex jiġi indirizzat il-materjal online msemmi fl-Artikolu 25(1) u sabiex jittejjeb it-taħriġ tal-impjegati kkonċernati tagħhom dwar il-prevenzjoni, l-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi tar-reati msemmija fih.
Artikolu 43 Kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn xulxin sabiex itejbu l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Kooperazzjoni bħal din għandha mill-inqas tkun immirata lejn:
(a)l-iskambju tal-aħjar prattiki u konsultazzjoni bejniethom f’każijiet individwali, inkluż permezz tal-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji kriminali;
(b)l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki ma’ aġenziji rilevanti tal-Unjoni;
(c)l-għoti ta’ assistenza lin-networks tal-Unjoni li jaħdmu fuq kwistjonijiet direttament rilevanti għall-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
Artikolu 44 Ġbir tad-data u riċerka
1.L-Istati Membri għandu jkollhom sistema fis-seħħ għall-ġbir, l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika dwar il-vjolenza kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika, inklużi l-forom ta’ vjolenza msemmija fl-Artikoli 5 sa 10.
2.L-istatistika għandha tinkludi d-data li ġejja diżaggregata skont is-sess, l-età tal-vittma u tal-awtur tar-reat, ir-relazzjoni bejn il-vittma u l-awtur tar-reat u t-tip ta’ reat:
(a)l-għadd ta’ vittmi li esperjenzaw vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika matul l-aħħar 12-il xahar, l-aħħar ħames snin u tul il-ħajja;
(b)l-għadd annwali ta’ tali vittmi, ta’ reati rrapportati, ta’ persuni suġġetti għal prosekuzzjoni għal u misjuba ħatja għal tali forom ta’ vjolenza, miksuba minn sorsi amministrattivi nazzjonali.
3.L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ ibbażat fuq il-popolazzjoni kull ħames snin bl-użu tal-metodoloġija armonizzata tal-Kummissjoni (Eurostat) sabiex tinġabar id-data msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2, u fuq din il-bażi jivvalutaw il-prevalenza u x-xejriet fil-forom kollha ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jittrażmettu dik id-data lill-Kummissjoni (Eurostat) mhux aktar tard minn [tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva].
4.Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tad-data amministrattiva madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiġbru data amministrattiva abbażi ta’ diżaggregazzjonijiet komuni żviluppat f’kooperazzjoni ma’ u skont il-metodoloġija żviluppata mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi f’konformità mal-paragrafu 5. Huma għandhom jittrażmettu din id-data lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fuq bażi annwali. Id-data trażmessa ma għandux ikun fiha data personali.
5.L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għandu jappoġġa lill-Istati Membri fil-ġbir tad-data msemmi fil-paragrafu 2(b), inkluż billi jistabbilixxi standards komuni dwar l-unitajiet tal-għadd, ir-regoli tal-għadd, id-diżaggregazzjonijiet komuni, il-formati tar-rapportar, u dwar il-klassifikazzjoni ta’ reati kriminali.
6.L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-istatistika miġbura disponibbli għall-pubbliku. L-istatistika ma għandux ikun fiha data personali.
7.L-Istati Membri għandhom jappoġġaw ir-riċerka dwar il-kawżi fundamentali, l-effetti, l-inċidenzi u r-rati ta’ sejbien ta’ ħtija tal-forom ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva.
KAPITOLU 7
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 45
Emenda għad-Direttiva 2011/93/UE
Fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/93/UE, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“7.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonali li ġejja tkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas 12-il sena priġunerija:
(a)
l-involviment ma’ minuri taħt l-età tal-kunsens sesswali fi kwalunkwe att ta’ penetrazzjoni vaġinali, anali jew orali ta’ natura sesswali, bi kwalunkwe parti tal-ġisem jew b’oġġett;
(b)
li minuri taħt l-età tal-kunsens sesswali jiġi mġiegħel jinvolvi ruħu ma’ persuna oħra fi kwalunkwe att ta’ penetrazzjoni vaġinali, anali jew orali ta’ natura sesswali, bi kwalunkwe parti tal-ġisem jew b’oġġett.
8.
Jekk il-minuri jkun qabeż l-età tal-kunsens sesswali u ma jagħtix il-kunsens għall-att, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba stipulata fil-paragrafu 7 tkun punibbli b’terminu massimu ta’ mill-inqas 10 snin priġunerija.
9.
Għall-fini tal-paragrafu 8, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li att mhux kunsenswali jinftiehem bħala att li jitwettaq mingħajr il-kunsens tal-minuri mogħti volontarjament, jew jekk il-minuri ma jkunx jista’ jifforma rieda ħielsa minħabba l-preżenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 5, inklużi l-kundizzjoni fiżika jew mentali tal-minuri, bħal stat ta’ telf mis-sensi, intossikazzjoni, irqad, mard jew korriment.
Il-kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe mument matul l-att. In-nuqqas ta’ kunsens ma jistax jiġi kkonfutat esklussivament mis-skiet tal-minuri, min-nuqqas ta’ reżistenza verbali jew fiżika jew minn imġiba sesswali passata.”
Artikolu 46 Livell ta’ protezzjoni
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet bi standards ogħla, inkluż tali li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni u appoġġ għall-vittmi.
Artikolu 47 Rapportar
1.Sa mhux aktar tard minn [seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
2.Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li fih tirrevedi l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 48 Relazzjoni ma’ atti oħra tal-Unjoni
1.Din id-direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-atti legali li ġejjin:
(a)id-Direttiva 2011/36/UE,
(b)id-Direttiva 2011/93/UE,
(c)id-Direttiva 2011/99/UE,
(d)id-Direttiva 2012/29/UE,
(e)Ir-Regolament (UE) Nru 606/2013,
(f)[Ir-Regolament (UE) …/… f’suq Uniku għas-servizzi Diġitali].
2.Il-miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni, protezzjoni u appoġġ għall-vittmi skont din id-Direttiva għandhom japplikaw flimkien mal-miżuri stabbiliti fid-Direttivi 2011/36/UE, 2011/93/UE u 2012/29/UE.
Artikolu 49 Klawżola ta’ nonrigressjoni
Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat bħala li qed inaqqas, jillimita jew jidderoga minn kwalunkwe wieħed mid-drittijiet u mis-salvagwardji proċedurali li huma ggarantiti skont il-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li jipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni. L-Istati Membri ma għandhomx inaqqsu dak il-livell ogħla ta’ protezzjoni garantit fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 50 Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 51 Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 52 Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li hu addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat/i
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu(i) għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq)
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
3.2.2.Output stmat iffinanzjat bl-approprjazzjonijiet operazzjonali
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ terzi
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Qasam ta’ politika: Ġustizzja u affarijiet interni
Attività: Ugwaljanza
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
◻ azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida segwita minn proġett pilota/azzjoni preparatorja
☑ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
◻ fużjoni ta’ azzjoni waħda jew aktar f’azzjoni oħra/ġdida
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
Il-proposta għal Direttiva se tobbliga lill-Istati Membri kollha jiġbru data amministrattiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (numru annwali ta’ nisa vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa, ta’ vittmi ta’ vjolenza domestika, ta’ reati rrappurtati, ta’ persuni suġġetti għal prosekuzzjoni u ta’ persuni misjuba ħatja għal kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika) abbażi ta’ diżaggregazzjonijiet komuni skont is-sess, l-età tal-vittma u tal-awtur tar-reat, ir-relazzjoni bejn il-vittma u l-awtur tar-reat, it-tip ta’ reat u varjabbli rilevanti oħra.
Għandha tiġi żviluppata metodoloġija komuni għall-kompitu tal-ġbir tad-data u għandu jiġi pprovdut appoġġ mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), li jiġbor id-data fuq bażi annwali (ara 1.4.2). Il-kompitu tal-ġbir tad-data amministrattiva se jestendi l-attivitajiet tal-ġbir tad-data li l-EIGE diġà wettaq fuq bażi volontarja ma’ xi Stati Membri (ara 1.5.2). L-estensjoni se tippermetti lill-UE tiżgura l-komparabbiltà tad-data nazzjonali, timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tikseb informazzjoni statistika komprensiva dwar il-prevalenza tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
Il-proposta se tagħti kompitu lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) sabiex:
1) jiżviluppa diżaggregazzjonijiet u metodoloġija komuni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tad-data amministrattiva madwar l-Unjoni;
2) jappoġġa lill-Istati Membri fil-ġbir tad-data billi jistabbilixxi standards komuni dwar l-unitajiet tal-għadd, ir-regoli tal-għadd, id-diżaggregazzjonijiet komuni, il-formati tar-rapportar, u dwar il-klassifikazzjoni tar-reati. Dan jista’ jinkludi l-promozzjoni tal-kollaborazzjoni u l-iskambji ta’ prattiki.
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva għandu jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
Il-proposta hija mistennija li żżid l-effettività tal-ġbir ta’ data amministrattiva komparabbli madwar l-Unjoni dwar il-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
Mill-2012, l-EIGE appoġġa lill-Istati Membri fit-tisħiħ tal-proċeduri amministrattivi tagħhom għall-ġbir tad-data u fl-iżvilupp ta’ statistika dwar diversi forom ta’ VAW. L-analiżi tad-data disponibbli f’kull Stat Membru żvelat sfidi fil-ġbir tad-data li jirriżultaw mill-kuntest legali, mill-prattika istituzzjonali u mil-limitazzjonijiet tekniċi akuti.
Ma hemm l-ebda metodu sistematiku u standardizzat ta’ ġbir ta’ data dwar atti ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika madwar l-UE, b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ reati kriminali koperti u r-relazzjoni bejn il-vittma u l-awtur tar-reat. Madwar l-Istati Membri, jeżistu diskrepanzi kbar fir-rigward tal-metodi użati għall-ġbir tad-data, il-kwalità tad-data miġbura u kif tinħażen, kondiviża bejn l-awtoritajiet rilevanti (servizzi tal-infurzar tal-liġi, ġudizzjarji, tas-saħħa u soċjali eċċ.) u internazzjonalment, u ssir disponibbli għall-pubbliku. Id-differenzi fil-prattika u n-nuqqas ta’ prinċipji obbligatorji ta’ reġistrazzjoni jxekklu r-reġistrazzjoni tad-data metodika dwar il-vittmi u l-awturi, speċifikament fir-rigward tas-sess tagħhom u r-relazzjoni bejniethom. B’riżultat ta’ dan, id-data disponibbli għadha ’l bogħod milli tkun kompluta u komparabbli, u dan jimmina l-isforzi sabiex jiġu analizzati x-xejriet kriminali u tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri fis-seħħ.
Iż-żieda fl-effettività tal-proċessi ta’ ġbir ta’ data amministrattiva komparabbli għandha potenzjal rivoluzzjonarju sabiex jiġi solvut in-nuqqas attwali ta’ evidenza dwar il-prevalenza tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Bħalissa, ma jingħata l-ebda punteġġ lill-UE fil-qasam tal-vjolenza fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi (GEI), minħabba nuqqas ta’ data komparabbli madwar l-UE kollha. B’riżultat ta’ dan, il-vjolenza kontra n-nisa, waħda mill-forom ewlenin ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, titqies biss bħala dominju addizzjonali fil-GEI. Il-ġbir ta’ data amministrattiva komparabbli madwar l-UE jista’ jippermetti kejl sistematiku tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u l-impatti differenti tagħhom fuq il-ħajja tal-vittmi. Huwa biss permezz tal-ġbir ta’ data kwantitattiva u kwalitattiva dwar ir-raġunijiet, il-forom u l-impatti tal-vjolenza kontra n-nisa, li l-Istati Membri se jkunu jistgħu jfasslu miżuri effettivi bis-sħiħ għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi. Is-salvagwardja aħjar tad-drittijiet fundamentali tal-vittmi tal-vjolenza hija għalhekk fil-qalba ta’ dan l-isforz u l-vittmi se jkunu l-benefiċjarji ewlenin ta’ dan it-titjib kbir madwar l-UE.
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
1. L-iżvilupp/l-użu ta’ diżaggregazzjonijiet u metodoloġija komuni sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tad-data amministrattiva madwar l-Unjoni, li għandhom jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mal-Istati Membri;
2. L-istabbiliment ta’ għodda għall-ġbir tad-data u l-użu tagħha mal-linji gwida ta’ akkumpanjament maħruġa mill-EIGE u approvati mill-Istati Membri f’konformità sħiħa mad-Direttiva;
3. L-iżvilupp ta’ linji gwida għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-istatistika dwar il-kriminalità dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti bħall-Eurostat u l-UNODC;
4. L-għadd ta’ Stati Membri appoġġati fil-ġbir tad-data billi jiġu stabbiliti standards komuni dwar l-unitajiet tal-għadd, ir-regoli tal-għadd, id-diżaggregazzjonijiet komuni, il-formati tar-rapportar, u dwar il-klassifikazzjoni tar-reati;
5. L-għadd ta’ Stati Membri li jistgħu jirrapportaw data dwar il-forom kollha ta’ vjolenza inklużi fid-Direttiva kull sena (disponibbiltà tad-data);
6. L-għadd ta’ Stati Membri li jistgħu jirrapportaw id-data f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-forniment tad-data tad-Direttiva kull sena (komparabbiltà tad-data);
7. L-għadd ta’ Stati Membri li jikkonformaw mal-istandards tal-Unjoni Ewropea għar-rapportar tal-metadata statistika kull sena;
8. L-għadd ta’ żjarat fil-portal tad-data.
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Ir-rekwiżiti ewlenin wara d-dħul fis-seħħ tal-proposta huma kif ġej:
- Kapaċità stabbilita fl-EIGE (riżorsi umani u finanzjarji żgurati), fl-2025/2026;
- Sistema ta’ koordinazzjoni għall-ġbir tad-data fil-livell tal-UE stabbilita (EIGE bħala korp ta’ koordinazzjoni, network ta’ riċerkaturi u fornituri tad-data fil-livell tal-Istati Membri), fl-2025-2026;
- Ir-rekwiżiti għall-ġbir u l-bidu tal-akkwist mill-EIGE fl-2025/2026;
- Proċeduri operattivi standard (SOPs) miftiehma għall-ġestjoni tad-data, inklużi l-ġbir tad-data, id-dħul u l-validazzjoni, appoġġ għall-istandardizzazzjoni tad-data amministrattiva tal-VAW, fl-2025-2026;
- Għodda għall-ġbir tad-data mfassla, ittestjata u ospitata fuq pjattaforma online xierqa stabbilita u ġestita mill-EIGE, fl-2026;
- Pjattaforma bbażata fuq l-internet sabiex tiġi sottomessa data bi trasferiment sigur tad-data li topera, fl-2027;
- Il-manutenzjoni u s-sejbien ta’ problemi tal-pjattaforma bbażata fuq l-internet, mill-2027 ’il quddiem;
- Il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni regolari tal-istatistika miġbura permezz tal-bażi tad-data tal-istatistika dwar il-ġeneru tal-EIGE, b’mod regolari mill-2027 ’il quddiem.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
L-obbligu tal-ġbir tad-data amministrattiva huwa l-uniku mod sabiex ikun jista’ jsir il-ġbir tad-data amministrattiva madwar l-UE fuq bażi standardizzata. Peress li l-Istati Membri bħalissa japplikaw metodoloġiji differenti għall-ġbir tad-data amministrattiva f’dan il-qasam ta’ politika, id-disponibbiltà ta’ data komparabbli fl-Ewropa għalhekk tibqa’ limitata.
L-involviment tal-EIGE huwa l-aktar mod fattibbli ta’ kif jiġi strutturat il-ġbir tad-data, peress li dan il-kompitu jibni fuq il-ħidma li diġà saret mill-EIGE fuq bażi volontarja b’għadd limitat ta’ Stati Membri u data. Dan jestendi l-kompitu stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament li jistabbilixxi l-EIGE (Nru 1922/2006) li “jiġbor, janalizza u jxerred informazzjoni rilevanti, oġġettiva, paragunabbli u affidabbli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi r-riżultati minn riċerka u l-aħjar prattika kkomunikati lilu minn Stati Membri” u “jiżviluppa metodi biex itejjeb l-oġġettività, il-paragunabilità u l-affidabbiltà tad-data f’livell Ewropew billi jistabbilixxi kriterji li jtejbu l-konsistenza tal-informazzjoni u jieħdu kont ta’ kwistjonijiet tas-sessi fil-ġbir tad-data”. Se tagħmel il-ġbir tad-data eżistenti obbligatorju u regolari, kif ukoll se twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sabiex ikopri l-Istati Membri kollha.
Il-kompitu estiż ikun allinjat bis-sħiħ mar-regoli u l-politiki tal-Eurostat: it-titjib tas-sistemi amministrattivi tal-ġbir tad-data jikkonforma mal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-immodernizzar tal-istatistika soċjali, jiġifieri permezz tal-inġinerija mill-ġdid ta’ metodu ta’ produzzjoni fejn l-istatistika tiġi prodotta bħala partijiet minn mudell integrat.
Il-ġbir tad-data huwa kruċjali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva futura, li hija mistennija li sseħħ f’intervalli regolari wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Il-partijiet ikkonċernati attivi fil-qasam tal-ġbir tad-data (il-Kunsill tal-Ewropa, l-FRA, ukoll il-Parlament Ewropew) jitolbu bil-qawwa lill-Kummissjoni sabiex tippermetti l-ħolqien ta’ data aktar affidabbli dwar is-suġġett b’dan il-mod.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Filwaqt li l-impatt fuq is-sistemi nazzjonali ta’ reġistrazzjoni tad-data seta’ kien limitat s’issa, il-ħidma mwettqa mill-EIGE mill-2017 flimkien ma’ xi Stati Membri fuq bażi volontarja ġabet magħha xi titjib konsiderevoli. B’mod partikolari, il-ħidma tagħhom fil-valutazzjoni tal-kapaċità statistika tal-Istati Membri sabiex jipprovdu data dwar tliet forom ewlenin ta’ vjolenza kontra n-nisa (vjolenza mis-sħab intimi, stupru u femminiċidju) serviet sabiex:
- Titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-ġbir u l-analiżi tad-data dwar dawn il-forom ta’ vjolenza;
- Jittejjeb il-ġbir tad-data u tal-analiżijiet tad-data f’xi Stati Membri (DE, EL);
- Jiġu żviluppati bażijiet ta’ data ġodda ddedikati għall-ġbir ta’ data speċifika dwar il-vjolenza domestika u l-integrazzjoni ta’ sistemi differenti (il-ġbir ta’ data amministrattiva mill-prosekuturi, mill-ġudikatura, mill-pulizija) li bħalissa jipprovdu stampa frammentata. Dan wassal għall-istabbiliment ta’ sistemi integrati f’xi Stati Membri (PT, EL).
Il-ħidma attwali bbażata fuq il-volontarjat enfasizzat ukoll il-ħtiġijiet u l-oqsma ewlenin ta’ titjib li ġejjin:
- Il-ħtieġa li jiġu kondiviżi prattiki tajbin u li jiġu diskussi mal-fornituri nazzjonali tad-data, sabiex jittejbu s-sistemi tagħhom għall-ġbir tad-data;
- Il-ħtieġa li ssir ħidma fi sħubija ma’ aġenziji oħra sabiex jiġu allinjati r-rekwiżiti tal-ġbir tad-data, bħall-Eurostat, il-Kunsill tal-Ewropa (GREVIO), l-UNODC;
- L-importanza ta’ definizzjonijiet u kunċetti ċari, ħielsa minn kwalunkwe preġudizzju bejn il-ġeneri, li jitfgħu dawl fuq il-forom ta’ dan it-tip ta’ vjolenza li jibqgħu inviżibbli, mhux irrapportati biżżejjed u mhux irreġistrati biżżejjed;
- Il-ħtieġa għall-bini tal-kapaċità u t-taħriġ għall-fornituri nazzjonali tad-data;
- L-importanza tal-ġbir tad-data sabiex jiġu vvalutati b’mod preċiż ir-riskji ta’ vittimizzazzjoni ripetuta u sabiex jiġu żviluppati miżuri ta’ prevenzjoni aħjar.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
Il-ġbir ta’ data amministrattiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika huwa parti kruċjali mill-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u parti ewlenija mill-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020-2025. Dan jippermetti monitoraġġ fl-Unjoni kollha tal-prevalenza tal-atti kriminali li jikkostitwixxu vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika. Dan joħloq għarfien ġdid dwar il-profondità tal-problema u jippermetti l-monitoraġġ tax-xejriet u t-tfassil ta’ politiki għal azzjoni effettiva kontra tali vjolenza.
Dan l-għan jissemma b’mod espliċitu fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2021-2024), fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (2020-2025), fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025, fl-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030 u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi III jagħmel il-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru waħda mill-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni wkoll. Din il-proposta hija inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021, u tidher b’mod prominenti fil-linji gwida politiċi u kemm fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni għall-2021 kif ukoll fid-diskors tal-President tal-2022.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
Il-kostijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp ta’ qafas komuni għall-ġbir tad-data amministrattiva jenħtieġ li jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni u jenħtieġ li jiġu riflessi fil-baġit tal-aġenzija kkonċernata – EIGE. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta, iż-żieda fil-kontribuzzjoni tal-UE għall-EIGE se tiġi ffinanzjata mill-Programm taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV) għall-perjodu 2025-2027. Mill-2028 ’il quddiem (ara t-taqsima 1.6), dawn il-kostijiet se jsiru parti integrali mill-kontribuzzjoni tal-UE għall-EIGE li għandha tiġi adottata mill-awtorità baġitarja permezz tal-proċedura baġitarja annwali.
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
◻ durata limitata
–◻
fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
–◻
Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
☑ durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu tal-bidu mill-2025/26 sa 2027,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
◻ Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–◻ mid-dipartimenti tagħha, inkluż il-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–◻
mill-aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
☑ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja lill-:
–◻ pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
–◻ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
–◻ il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment;
–☑ korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71;
–◻ korpi tal-liġi pubblika;
–◻ korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-iżvilupp u l-funzjonament tal-ġbir tad-data huma kruċjali u se jiġu applikati billi jiġu segwiti l-prinċipji deskritti fl-approċċ komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati.
L-EIGE jeħtiġilha tibgħat kull sena lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni (SPD) li jkun fih programmi ta’ ħidma pluriennali u annwali u l-ipprogrammar tar-riżorsi. L-SPD jistabbilixxi l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-kisba tal-objettivi u tar-riżultati.
Ladarba jibda jiffunzjona l-ġbir estiż tad-data amministrativa, l-EIGE tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jispjega kif intlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-ippjanar u mal-kostijiet.
Sentejn wara l-bidu tal-operazzjonijiet u kull sena wara dan, l-EIGE tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tekniku tal-attivitajiet tal-ġbir tad-data.
Din l-attività se tiġi evalwata regolarment fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet sussegwenti tal-EIGE, li jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1922/2006.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu(i) għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
B’kont meħud tal-fatt li l-proposta għandha impatt fuq il-kontribuzzjoni annwali tal-UE lill-EIGE, il-baġit tal-UE se jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni indiretta.
Skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, il-baġit tal-aġenzija għandu jiġi implimentat f’konformità ma’ kontroll intern effettiv u effiċjenti.
Rigward il-kontrolli ex-post, l-aġenzija hija soġġetta għal:
- awditu intern mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni;
- rapporti annwali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet annwali u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti;
- kwittanza annwali mogħtija mill-Parlament Ewropew;
- investigazzjonijiet possibbli mwettqa mill-OLAF sabiex jiżgura, b’mod partikolari, li r-riżorsi allokati lill-aġenziji jintużaw kif suppost;
- saff ieħor ta’ kontroll u responsabbiltà mill-Ombudsman Ewropew.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
F’dan l-istadju ma ġie identifikat l-ebda riskju speċifiku.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq)
Il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-proporzjon ta’ “kostijiet ta’ kontroll/pagament tal-fondi relatati ġestiti”. Ir-RAA tal-2020 tad-DĠ JUST jirrapporta 0,74 % għal dan il-proporzjon fir-rigward tal-Entitajiet Fdati u l-Aġenziji Deċentralizzati tal-Maniġment Indirett, inkluża l-EIGE.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ikkonfermat it-tranżazzjonijiet tal-legalità u tar-regolarità u l-affidabilità tal-kontijiet annwali tal-EIGE għall-2020, li jimplika rata ta’ żball ta’ inqas minn 2 %. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li r-rata ta’ żball se tmur għall-agħar fis-snin li ġejjin. L-affidabbiltà tal-kontijiet tal-2020 hija kkonfermata wkoll abbażi tal-verifika minn awditur estern indipendenti.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Il-miżuri relatati mal-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet huma deskritti, fost l-oħrajn, fl-Istrateġija kontra l-frodi tal-EIGE 2021-2023. Iż-żewġ aġenziji għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ prevenzjoni tal-frodi tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar każijiet ta’ frodi preżunti u irregolaritajiet finanzjarji oħra.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti
Skont l-ordni tal-intestaturi u l-linji baġitarji tal-qafas finanzjarju pluriennali.
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
Numru
|
Diff./mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju
|
Intestatura 2
|
07.100500 Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi
|
Diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
Intestatura 2
|
07.0603 - Daphne
|
Diff.
|
LE
|
Iva
|
LE
|
LE
|
·Linji baġitarji ġodda mitluba
Skont l-ordni tal-intestaturi u l-linji baġitarji tal-qafas finanzjarju pluriennali.
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju
|
|
[XX.YY.YY.YY]
|
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
–◻
Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–◻
Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
Numru
|
Intestatura 2: Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri
|
Korp: EIGE
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
Titolu 1: Nefqiet fuq il-persunal
|
Impenji
|
(1)
|
0,200
|
0,200
|
0,200
|
|
|
0,600
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
0,200
|
0,200
|
0,200
|
|
|
0,600
|
Titolu 2: Nefqa operazzjonali u infrastrutturali
|
Impenji
|
(1a)
|
0,050
|
0,250
|
0,050
|
|
|
0,350
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
0,050
|
0,250
|
0,050
|
|
|
0,350
|
Titolu 3: Nefqa operazzjonali
|
Impenji
|
(3a)
|
0,500
|
0,500
|
0,500
|
|
|
1,500
|
|
Pagamenti
|
(3b)
|
0,500
|
0,500
|
0,500
|
|
|
1,500
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għall-EIGE
|
Impenji
|
= 1+1a +3a
|
0,750
|
0,950
|
0,750
|
|
|
2,450
|
|
Pagamenti
|
= 2 + 2a
+ 3b
|
0,750
|
0,950
|
0,750
|
|
|
2,450
|
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
DĠ: <…….>
|
•Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL TAD-DĠ <…….>
|
Approprjazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
TOTAL ta’ approprjazzjonijiet
taħt l-INTESTATURI 1 sa 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet tal-EIGE
Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Indika l-objettivi u l-outputs
⇩
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
OUTPUTS
|
|
Tip
|
Kost medju
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru totali
|
Kost totali
|
L-OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1 Żvilupp ta’ diżaggregazzjonijiet u metodoloġija f’kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tad-data amministrattiva madwar l-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
Żvilupp ta’ għodda għad-data diżaggregata
|
|
|
0,071
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
Żvilupp ta’ metodoloġija għall-komparabbiltà tad-data
|
|
|
0,071
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 1
|
|
0,142
|
|
0,142
|
|
0,142
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
L-OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 jappoġġa lill-Istati Membri fil-ġbir tad-data billi jistabbilixxi standards komuni dwar l-unitajiet tal-għadd, ir-regoli tal-għadd, id-diżaggregazzjonijiet komuni, il-formati tar-rapportar, u dwar il-klassifikazzjoni tar-reati
|
|
- Output
|
Il-format tar-rapportar integrat fil-pjattaforma u implimentat mill-Istati Membri
|
|
|
0,071
|
|
0,071
|
|
0,071
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Il-proċeduri operattivi adottati mill-Istati Membri kollha tal-UE
|
|
|
0,071
|
|
0,071
|
|
0,071
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Data personali riċevuta b’mod sigur mill-Istati Membri lill-EIGE
|
|
|
0,071
|
|
0,071
|
|
0,071
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Data personali trasferita b’mod strutturat u semiawtomatizzat
|
|
|
0,071
|
|
0,071
|
|
0,071
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Id-data magħmula disponibbli għall-pubbliku fuq l-internet, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-GDPR
|
|
|
0,074
|
|
0,074
|
|
0,074
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 2
|
|
0,358
|
|
0,358
|
|
0,358
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
KOST TOTALI
|
|
0,500
|
|
0,500
|
|
0,500
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.3.L-impatt stmat fuq ir-riżorsi umani tal-EIGE
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–☑
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
–miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
–
Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)
|
0,070
|
0,070
|
0,070
|
|
|
|
|
|
Aġenti temporanji (gradi AST)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Persunal bil-kuntratt
|
0,130
|
0,130
|
0,130
|
|
|
|
|
|
Esperti Nazzjonali Sekondati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
–
–
–Rekwiżiti ta’ persunal (FTE):
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
–
Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)
|
1
|
1
|
1
|
|
|
|
|
|
Aġenti temporanji (gradi AST)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Persunal bil-kuntratt
|
2
|
2
|
2
|
|
|
|
|
|
Esperti Nazzjonali Sekondati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
–
3.2.3.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–☑
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena N+2
|
Sena N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
• Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u aġenti temporanji)
|
20 01 02 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
|
|
|
|
|
|
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 01 (Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 11 (Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full-Time: FTE)
|
20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)
|
|
|
|
|
|
|
|
20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
XX 01 xx yy zz
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 02 (AC, END, INT - Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 12 (AC, END, INT – Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
|
|
|
|
|
|
|
XX huwa l-qasam ta’ politika jew it-titolu baġitarju kkonċernat.
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
Uffiċjali u persunal temporanju
|
|
Persunal estern
|
|
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti.
–☑
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ riprogrammazzjoni tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.
Il-proposta teħtieġ riprogrammazzjoni tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali. Is-sors għar-riallokazzjoni huwa l-programm taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV) -– il-linja Daphne (07.0603) sabiex tiżdied il-linja baġitarja tal-EIGE (07.1005) għall-perjodu 2025-2027.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali.
Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–☑
ma tipprovdix għall-kofinanzjament minn terzi
–◻
tipprovdi għall-kofinanzjament minn terzi kif stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Total
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–☑
Il-proposta/inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–◻
Il-proposta/inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
fuq ir-riżorsi proprji
fuq dħul ieħor
jekk jogħġbok indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Għad-dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. metodu/formula użati għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).