EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC1001(01)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati 2020/C 323/01

C/2020/6470

OJ C 323, 1.10.2020, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati

(2020/C 323/01)

1.   Introduzzjoni

L-UE żviluppat qafas ta’ politika komprensiv u multidixxiplinari biex tindirizza t-traffikar tal-migranti, inkluż billi tistabbilixxi u timplimenta l-ewwel pjan ta’ azzjoni tal-UE (2015-2020) biex tindirizza din l-attività kriminali (1). L-objettiv ewlieni tiegħu huwa li jfixkel il-mudell kummerċjali tal-organizzazzjonijiet kriminali li jpoġġu l-ħajja tal-migranti f’riskju u jheddu s-sigurtà tas-soċjetajiet tagħna, filwaqt li jiġu evitati r-riskji ta’ kriminalizzazzjoni ta’ dawk li jipprovdu assistenza lill-migranti f’diffikultà. Dan l-objettiv jibqa’ prijorità politika ewlenija għall-UE.

Il-“Pakkett tal-Faċilitaturi” (2) jikkostitwixxi l-qafas legali li l-UE adottat fl-2002 biex tiddefinixxi r-reat ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu jew residenza mhux awtorizzati fl-UE u biex tistabbilixxi sanzjonijiet kriminali relatati.

B’mod partikolari, id-Direttiva 2002/90/KE — id-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni — tobbliga lill-Istati Membri jippenalizzaw b’mod xieraq lil kull min, bi ksur tal-liġijiet, intenzjonalment jassisti lil ċittadin ta’ pajjiż mhux tal-UE biex jidħol jew jgħaddi minn pajjiż tal-UE, jew għal gwadann finanzjarju, ċittadin ta’ pajjiż mhux tal-UE biex jirrisjedi f’pajjiż tal-UE.

Fl-istess ħin, meta jiġi definit ir-reat, id-Direttiva tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jeżentaw l-għajnuna umanitarja milli tiġi kriminalizzata.

Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel evalwazzjoni komprensiva (“l-evalwazzjoni”) tal-Pakkett tal-Faċilitaturi (3). Filwaqt li rrikonoxxiet it-tħassib relatat mal-possibbiltà ta’ kriminalizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja, l-evalwazzjoni indikat b’mod partikolari n-nuqqas perċepit ta’ ċertezza tad-dritt u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet u dawk li joperaw fil-post. Filwaqt li kkunsidrat li reviżjoni legali f’dak l-istadju mhijiex meħtieġa, il-Kummissjoni pproponiet skambju aktar effettiv ta’ għarfien u prattiki tajba bejn il-prosekuturi, l-infurzar tal-liġi u s-soċjetà ċivili biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi prattiċi ta’ dawk id-dgħufijiet.

Bħala segwitu għal din l-evalwazzjoni, fl-2018 il-Kummissjoni nediet proċess ta’ konsultazzjoni regolari mas-soċjetà ċivili u l-aġenziji tal-UE, inklużi l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Eurojust, biex tibni l-għarfien u tiġbor evidenza sabiex tidentifika l-kwistjonijiet marbuta mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni. F’Lulju 2018, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar linji gwida għall-Istati Membri biex jipprevjenu li l-għajnuna umanitarja tiġi kriminalizzata (4), filwaqt li appella lill-Kummissjoni “biex tadotta linji gwida għall-Istati Membri li jispeċifikaw liema forom ta’ faċilitazzjoni ma għandhomx jiġu kriminalizzati, sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-uniformità fl-implimentazzjoni tal-acquis attwali...”.

Mill-2018, dan il-proċess ta’ konsultazzjoni u diversi skambji mal-partijiet ikkonċernati indikaw ambjent dejjem aktar diffiċli għall-NGOs u l-individwi meta jassistu lill-migranti, inkluż meta jwettqu operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar. L-aħħar riċerka li l-Kummissjoni ddiskutiet mal-NGOs tissuġġerixxi li l-atti mwettqa għal skopijiet umanitarji ilhom jiġu kriminalizzati dejjem sa mill-2015 (5). Id-data miġbura kkonfermat li l-prosekuzzjonijiet ġudizzjarji u l-investigazzjonijiet kontra individwi għal raġunijiet relatati mar-reat ta’ faċilitazzjoni żdiedu fl-UE mill-2015. Ir-riċerka sabet 60 każ ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni — l-aktar dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul — f’10 Stati Membri bejn l-2015 u l-2019, b’każijiet li laħqu l-quċċata tagħhom fl-2018. Il-każijiet analizzati bħala parti mir-riċerka jikkonċernaw l-aktar lil voluntiera, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ekwipaġġi ta’ dgħajjes involuti f’operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar, iżda wkoll membri ordinarji tal-pubbliku, membri tal-familja, ġurnalisti, sindki u mexxejja reliġjużi. Madankollu, kif indikat fl-evalwazzjoni u fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, in-nuqqas ta’ statistika kriminali nazzjonali affidabbli u komparabbli tibqa’ kwistjoni, b’mod partikolari dwar il-faċilitazzjoni ta’ reati ta’ migrazzjoni irregolari (6).

B’kont meħud tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew u r-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni tqis li gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva ta’ Faċilitazzjoni hija meħtieġa biex tipprovdi aktar ċarezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Huwa mifhum li din il-gwida ma tippreġudikax il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li hija responsabbli għall-interpretazzjoni finali tal-liġi tal-UE.

2.   Il-qafas legali kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali fil-livell internazzjonali u Ewropew

2.1.   Il-qafas tad-dritt internazzjonali: il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali

Il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali bl-art, bil-baħar u bl-ajru li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (7) (“il-Protokoll”) ġie adottat fl-2000 u daħal fis-seħħ fl-2004. Dan kien l-ewwel strument internazzjonali li pprovda definizzjoni komuni tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. L-UE aderixxiet għall-Protokoll fl-2006 (8) u l-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief l-Irlanda, irratifikawh.

Il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali (traffikar ta' migranti) huwa ddefinit fl-Artikolu 3 tal-Protokoll bħala “l-akkwist, sabiex jinkiseb, direttament jew indirettament, benefiċċju finanzjarju jew vantaġġ materjali ieħor, mid-dħul illegali ta’ persuna fi stat parti li l-persuna ma tkunx ċittadin tiegħu”.

Fid-dokument tiegħu tal-2017 dwar il-Kunċett ta’ “Benefiċċju Finanzjarju jew Materjali Ieħor” fil-Protokoll dwar il-Faċilitazzjoni ta' Immigrazzjoni Illegali (9), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (United Nations Office on Drugs and Crime, UNODC) jiddeskrivi tali benefiċċju finanzjarju jew benefiċċju materjali ieħor bħala l-għan innifsu ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, “ir-raġuni wara l-involviment dejjem jikber ta’ gruppi tal-kriminalità organizzata f’imġiba li spiss tpoġġi l-ħajja ta’ migranti vulnerabbli f’periklu kbir”. L-UNODC jinnota li “[i]l-benefiċċji finanzjarji jew benefiċċji materjali oħra assoċjati mal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali qed iwasslu għal kummerċ li jbiddel it-tbatija umana u r-reżiljenza f’wiċċ l-abbużi inġusti, fi profitti enormi u akkwistati mingħajr skrupli” (10). Id-dokument UNODC jiddeskrivi wkoll il-“fenomenu ta’ dħul illegali ffaċilitat mingħajr raġuni ta’ benefiċċju” bħala “att li jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Protokoll” (11).

L-UNODC jikkonkludi li, anki jekk “il-Protokoll ma jżommx lill-Istati milli joħolqu reati kriminali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu – pereżempju l-faċilitazzjoni ta' dħul u residenza mhux awtorizzati”, dan “ma jfittixx u ma jistax jintuża bħala l-bażi legali għall-prosekuzzjoni ta’ atturi umanitarji” (12). Huwa jfakkar li l-Legislative Guide for the Implementation of the United Nations Convention against Transnational Organized Crime and the Protocols (13)telabora dwar din it-tema, filwaqt li tafferma li r-referenza għal “benefiċċju finanzjarju jew benefiċċju materjali ieħor” kienet tabilħaqq maħsuba biex teskludi gruppi b’motivi purament politiċi jew soċjali”. Fuq il-bażi ta’ dan, l-UNODC iħeġġeġ lill-pajjiżi “jinkludu salvagwardji biex jiżguraw li organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin, is-soċjetà ċivili u individwi li jaġixxu mingħajr ebda skop li jiksbu benefiċċju finanzjarju jew benefiċċju materjali ieħor jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta’ reati ta’ kuntrabandu filwaqt li jiġi żgurat li tali esklużjoni ma tkunx tista’ tintuża bħala lakuna biex jaħarbu mill-ġustizzja” (14).

2.2.   Il-qafas legali tal-UE: il-Pakkett tal-Faċilitaturi

Il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali hija dejjem aktar assoċjata ma’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u telf ta’ ħajjiet, b’mod partikolari meta jseħħ fuq il-baħar (15). Il-faċilitazzjoni ta’ migrazzjoni irregolari tieħu diversi forom, bħal:

jittrasportaw jew jiġġestixxu effettivament it-trasport ta’ kwalunkwe persuna li ma jkollhiex id-dritt li tidħol jew li tgħaddi minn pajjiż li tiegħu ma jkunux ċittadini;

il-fabbrikazzjoni u/jew il-forniment ta’ dokumenti foloz;

l-arranġament ta’ żwieġijiet ta' konvenjenza.

Dawn l-attivitajiet jitwettqu minn netwerks jew individwi tal-kriminalità organizzata u jiġġeneraw profitti sostanzjali għalihom. Barra minn hekk, żieda fl-għadd ta’ migranti irregolari li jaslu fl-UE ssostni d-domanda mhux biss għal attivitajiet li jiffaċilitaw id-dħul fl-UE, iżda wkoll għal dawk relatati ma’ residenza irregolari. Il-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (meta titwettaq għal gwadann finanzjarju) hija penalizzata taħt il-Pakkett tal-Faċilitaturi.

L-objettiv ġenerali tal-Pakkett tal-Faċilitaturi huwa li jgħin fil-ġlieda kontra kemm il-migrazzjoni irregolari, billi jippenalizza l-faċilitazzjoni b’rabta mal-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, kif ukoll in-netwerks tal-kriminalità organizzata li jipperikolaw ħajjet il-migranti. Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva ta’ Faċilitazzjoni, kull min intenzjonalment jgħin ċittadin mhux tal-UE biex jidħol, jittranżita, jew (meta jitwettaq għal gwadann finanzjarju) jirrisjedi fl-UE bi ksur tal-liġi tal-immigrazzjoni, irid jiġi penalizzat.

Kif spjegat fid-dettall fl-evalwazzjoni, il-Protokoll u l-Pakkett tal-Faċilitaturi jibqgħu koerenti ma’ xulxin, minkejja xi differenzi (16). L-evalwazzjoni tfakkar li “bħala Partijiet għall-Protokoll, kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha huma marbuta li japplikawh inkluż meta jgħaddu jew jimplimentaw leġiżlazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu” u li “l-Protokoll isaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE dwar l-indirizzar tat-traffikar tal-migranti bħala forma ta’ kriminalità organizzata”.

Ir-reat ta’ faċilitazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni huwa tabilħaqq usa’ milli fil-Protokoll sa fejn il-qligħ finanzjarju mhuwiex komponent kostitwenti tar-reat ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul jew tranżitu mhux awtorizzat. Il-gwadann finanzjarju — flimkien mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali jew il-periklu għall-ħajjiet tal-persuni li huma s-suġġetti tar-reat — huwa elenkat taħt iċ-ċirkostanzi aggravanti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI.

Madankollu, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva jipprevedi l-possibbiltà għall-eżentar tal-faċilitazzjoni ta’ dħul u tranżitu mhux awtorizzati milli tiġi kriminalizzata, meta mwettqa għal finijiet ta’ għajnuna umanitarja. Skont din id-dispożizzjoni, “Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi ma jimponix sanzjonijiet fir-rigward tal-imġieba ddefinita fil-paragrafu 1(a) billi japplika l-liġi nazzjonali u l-prassi (prattika) tiegħu għal każijiet fejn l-għan tal-imġieba hu li jipprovdi assistenza umanitarja lill-persuna kkonċernata.”

Minbarra referenzi għal dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi kriminali, bħal dawk li jikkonċernaw atti li kellhom jitwettqu biex tiġi evitata sitwazzjoni perikoluża (17), tmien Stati Membri biss jinkludu fil-liġi nazzjonali eżenzjoni mill-piena għall-faċilitazzjoni ta’ dħul u/jew tranżitu mhux awtorizzati sabiex tiġi pprovduta xi forma ta’ għajnuna umanitarja (18). Eżami tal-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri jiżvela varjetà ta’ interpretazzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva, fejn kull wieħed iqis il-kuntest legali nazzjonali.

Il-Belġju u Spanja adottaw kważi verbatim il-lingwa fid-Direttiva dwar l-inklużjoni tal-għajnuna umanitarja bħala raġuni għan-nuqqas ta’ inkriminazzjoni, filwaqt li Stati Membri oħra użaw kostruzzjonijiet differenti.

Il-Kroazja tistabbilixxi eżenzjonijiet espliċiti għal:

faċilitazzjoni ta' dħul — biex jiġu salvati l-ħajjiet, jiġu evitati l-korrimenti, tingħata assistenza medika ta’ emerġenza u assistenza umanitarja skont il-leġiżlazzjoni speċjali – u

il-faċilitazzjoni ta' residenza — għal raġunijiet umanitarji, mingħajr l-intenzjoni li jiġu evitati jew posposti l-miżuri li jkunu qed jittieħdu biex jiġi żgurat ir-ritorn.

Fil-Greċja, il-kaptani u l-kaptani ta’ vapuri u inġenji tal-ajru kif ukoll sewwieqa ta’ kwalunkwe mezz ta’ trasport mhumiex inkriminati talli pprovdu assistenza billi salvaw lil xi ħadd fuq il-baħar jew billi ttrasportaw lil xi ħadd li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-dritt internazzjonali.

L-Italja adottat dispożizzjoni espliċita li tfakkar l-Artikolu 54 tal-Kodiċi Penali Taljan, bi klawżola ġenerali li ma tikkriminalizzax l-attivitajiet immirati lejn:

il-prevenzjoni ta’ dawk involuti fl-azzjoni milli ssirilhom ħsara serja;

is-salvataġġ u/jew l-offerta ta’ għajnuna umanitarja lil barranin preżenti fit-territorju Taljan.

Il-Finlandja tqis ir-raġunijiet umanitarji ta’ xi ħadd jew ir-raġunijiet tagħhom fir-rigward ta’ relazzjonijiet familjari mill-qrib, kif ukoll iċ-ċirkostanzi relatati mas-sikurezza tal-barrani fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż ta’ residenza permanenti tiegħu.

Fi Franza, wara sentenza mill-Kunsill Kostituzzjonali (19) u emenda sussegwenti magħmula lid-dispożizzjonijiet rilevanti, qraba u kull min jipprovdi parir legali, lingwistiku jew soċjali, jew kwalunkwe tip ta’ assistenza għal skopijiet esklużivament umanitarji, ġew eżentati mill-kriminalizzazzjoni fir-rigward ta’ faċilitazzjoni ta' tranżitu u residenza mhux awtorizzati, għalkemm mhux għall-faċilitazzjoni ta' dħul.

F’Malta, meta individwu jgħin lil xi ħadd f’periklu immedjat biex jillandja fit-territorju tagħha u/jew jgħaddi minnu, huwa possibbli li ma jintiħdux proċedimenti jekk tali atti jkunu twettqu biex tiġi pprovduta għajnuna umanitarja (20).

Is-setgħa li jiġi vvalutat, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, jekk att jaqax taħt eżenzjoni kif stabbilita fil-liġi nazzjonali hija f’idejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, li għandhom isibu l-bilanċ ġust bejn l-interessi u l-valuri differenti involuti (21).

3.   Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva ta’ Faċilitazzjoni

Fid-dawl tal-ispirtu ġenerali u l-objettiv tad-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni, huwa ċar li din ma tistax tiġi interpretata bħala mod li jippermetti li l-attività umanitarja li għandha mandat bil-liġi biex tiġi kriminalizzata, bħall-operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar, irrispettivament minn kif id-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni tiġi applikata skont il-liġi nazzjonali.

Skont il-liġi internazzjonali tal-baħar, l-Istati għandhom l-obbligu li jirrikjedu lill-kaptani tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, sakemm ikunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr periklu serju għall-vapur, l-ekwipaġġ jew il-passiġġieri, biex jipprovdu assistenza lil persuni jew bastimenti f’diffikultà fuq il-baħar. Dan il-prinċipju huwa minqux:

fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (22);

fil-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS) (23); kif ukoll

il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi (24) (Search and Rescue, SAR).

Barra minn hekk, il-qafas legali applikabbli jinkludi trattati relatati mat-traffiku marittimu u riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (International Maritime Organization, IMO) (25).

Barra minn hekk, id-dmir tal-pajjiżi li jistabbilixxu l-obbligu għall-kaptani tal-bastimenti li jassistu kwalunkwe individwu, bastiment jew inġenju tal-ajru f’diffikultà fuq il-baħar huwa rikonoxxut bħala prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Għalhekk, huwa vinkolanti fuq il-pajjiżi kollha.

Kull min hu involut f’attivitajiet ta’ tfittxija u salvataġġ irid josserva l-istruzzjonijiet li jirċievi mill-awtorità koordinatriċi meta jintervjeni f’avvenimenti ta’ tfittxija u salvataġġ, skont il-prinċipji ġenerali u r-regoli applikabbli tal-liġi internazzjonali marittima u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-kriminalizzazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew ta’ atturi mhux statali oħra li jwettqu operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ filwaqt li tikkonforma mal-qafas legali rilevanti tammonta għal ksur tad-dritt internazzjonali, u għalhekk mhijiex permessa mil-liġi tal-UE.

Bħala konklużjoni, meta l-Artikolu 1 tad-Direttiva ta’ Faċilitazzjoni jikkriminalizza l-faċilitazzjoni ta’ dħul u tranżitu mhux awtorizzati, filwaqt li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li ma jimponux sanzjonijiet f’każijiet fejn l-għan tal-attività huwa li tipprovdi għajnuna umanitarja, dan ma jirreferix għall-għajnuna umanitarja obbligatorja bil-liġi, billi din ma tistax tiġi kriminalizzata.

4.   Gwida

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni jrid jiġi interpretat kif ġej:

i)

l-għajnuna umanitarja li hija awtorizzata bil-liġi ma tistax u ma għandhiex tiġi kriminalizzata;

ii)

b’mod partikolari, il-kriminalizzazzjoni ta’ NGOs jew ta’ atturi mhux statali oħra li jwettqu operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ fil-baħar filwaqt li tikkonforma mal-qafas legali rilevanti tammonta għal ksur tad-dritt internazzjonali, u għalhekk mhijiex permessa mil-liġi tal-UE.

iii)

fejn applikabbli, il-valutazzjoni ta’ jekk att jaqax taħt il-kunċett ta’ “għajnuna umanitarja” fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva – kunċett li ma jistax jiġi interpretat b’mod li jippermetti li att ordnat mil-liġi jiġi kriminalizzat – jenħtieġ li titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.

5.   Rakkomandazzjonijiet ta’ politika

L-NGOs u l-individwi fl-UE li jipprovdu għajnuna umanitarja lill-migranti esprimew tħassib dejjem akbar matul dawn l-aħħar snin (26). L-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar, kif ukoll l-appoġġ mogħti lill-migranti li jkunu qed jivvjaġġaw, kemm jekk fil-fruntieri kif ukoll jekk fit-territorju ta’ Stat Membru, allegatament jitwettqu f’kuntest ta’ tensjoni mal-awtoritajiet nazzjonali jew lokali, bis-salvataġġ u l-voluntiera jibżgħu minn pressjoni amministrattiva u sanzjonijiet indebiti (27).

Fir-Riżoluzzjoni (28) tiegħu dwar il-kwistjoni, il-Parlament Ewropew stieden lill-Istati Membri “jittrasponu l-eżenzjoni tal-għajnuna umanitarja prevista fid-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni”.

Filwaqt li fakkret li l-liġi tal-UE ma għandhiex l-intenzjoni li tikkriminalizza l-għajnuna umanitarja, il-Kummissjoni ħadet kont tas-sitwazzjoni sa mill-evalwazzjoni tal-Pakkett tal-Faċilitaturi. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni, li tippermettilhom jiddistingwu bejn attivitajiet imwettqa għall-fini ta’ għajnuna umanitarja u attivitajiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw id-dħul jew it-tranżitu irregolari, u tippermetti l-esklużjoni ta’ dawk tal-ewwel mill-kriminalizzazzjoni.


(1)  COM(2015) 385 final tas-27.5.2015.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA tat-28 ta’ Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali għall-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1). Dawn l-istrumenti ġew adottati flimkien u komunement jissejħu l-“Pakkett tal-Faċilitaturi”.

(3)  L-Evalwazzjoni REFIT tal-qafas legali tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati: Il-pakkett tal-Faċilitaturi (id-Direttiva 2002/90/KE u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI), SWD (2017) 117 final.

(4)  2019/2769(RSP).

(5)  Lina Vosyliūtė & Carmine Conte, “Crackdown on NGOs and volunteers helping refugees and other migrants”, Research Social Platform on Migration and Asylum (ReSOMA), Rapport Sintetiku Finali, Ġunju 2019, p. 32. L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ twettaq mill-Grupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni permezz tal-proċess kollaborattiv u parteċipattiv ta’ ReSOMA li jinvolvi esperti minn NGOs, riċerkaturi u partijiet ikkonċernati oħra. Dan l-eżerċizzju kien ibbażat fuq il-monitoraġġ tal-każ li diġà sar minn Open Democracy, l-Istitut għar-Relazzjonijiet Razzjali u l-istudju aġġornat tal-2018 taċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej dwar id-Direttiva ta’ Faċilitazzjoni. Il-proġett ReSOMA ġie ffinanzjat permezz ta’ Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

(6)  Wara l-evalwazzjoni, l-Eurostat ġabar data dwar reati ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali mill-Istati Membri bħala parti minn ġabra pilota għas-snin ta’ referenza 2015, 2016 u 2017, filwaqt li l-ġbir ta’ data għas-sena ta’ referenza 2018 ġie inkluż fil-kwestjonarju annwali mibgħut mill-Eurostat biex tinġabar statistika kriminali mill-Istati Membri.

(7)  https://www.unodc.org/documents/middleeastandnorthafrica/smuggling-migrants/SoM_Protocol_English.pdf

(8)  Ara: (i) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/616/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Kontra t-Traffikar ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll jaqgħu fl-ambitu tal-Artikoli 179 u l-Artikolu 181a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 262, 22.9.2006, p. 24); u (ii) d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/617/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Kontra t-Traffikar ta' Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, safejn id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll jaqgħu fl-ambitu tal-Parti III, Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 262, 22.9.2006, p. 34).

(9)  https://www.unodc.org/documents/human-trafficking/Migrant-Smuggling/Issue-Papers/UNODC_Issue_Paper_The_Profit_Element_in_the_Smuggling_of_Migrants_Protocol.pdf

(10)  Daħla, iii.

(11)  Ara n-nota 9.

(12)  Ara n-nota 9, p. 14, l-UNODC ifakkar ukoll li “skont it-Travaux Préparatoires, l-intenzjoni tal-awturi kienet li jeskludu l-attivitajiet ta’ dawk li pprovdew appoġġ lill-migranti għal raġunijiet umanitarji jew abbażi ta’ rabtiet familjari mill-qrib. Fi kliem in-Nota Interpretattiva mehmuża mad-dispożizzjoni rilevanti, “ma kinitx l-intenzjoni tal-Protokoll li jikkriminalizza l-attivitajiet ta’ membri tal-familja jew gruppi ta’ appoġġ bħal organizzazzjonijiet reliġjużi jew mhux governattivi”.

(13)  UNODC, Legislative Guides for the Implementation of the United Nations Convention against Transnational Organized Crime and the Protocols thereto UN Sales Nru E.05.V.2 (2004), p. 13, para. 26.

(14)  Ara n-nota 13, p. 71.

(15)  L-Evalwazzjoni REFIT tal-qafas legali tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati, cit., p. 4.

(16)  Ara n-nota 15, p. 31.

(17)  Ara l-Kriminalizzazzjoni tal-migranti li jinsabu f'qagħda irregolari u tal-persuni involuti magħhom, FRA (2014), p. 10.

(18)  Il-Belġju, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Kroazja, l-Italja u Malta fl-Evalwazzjoni REFIT tal-qafas legali tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati cit., p. 15, kif ukoll l-Artikolu L622-4 tal-Kodiċi Franċiż dwar il-Barranin, kif emendat bil-liġi nru 2018-778 tal-10 ta’ Settembru 2018, u l-Artikolu 43, Paragrafu 2, il-Punt 2 tal-Liġi tal-Kroazja dwar il-Barranin, kif adottata fl-2017.

(19)  Fid-Deċiżjoni tiegħu Nru 2018-717/718 QPC tas-6 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill Kostituzzjonali Franċiż iddeċieda li l-possibbiltà li n-nies jiġu assistiti, għal skopijiet umanitarji, ġejja mill-prinċipju kostituzzjonali tal-fraternità, irrispettivament mill-istatus legali ta’ dawn in-nies fil-pajjiż. Barra minn hekk, huwa qies li d-dispożizzjoni domestika li eżentat ċerti tipi ta’ mġiba setgħet tiġi interpretata biss bħala li tapplika wkoll għal kwalunkwe tip ieħor ta’ assistenza pprovduta għal finijiet umanitarji. Madankollu, huwa ma estendiex id-deċiżjoni tiegħu għall-faċilitazzjoni ta’ dħul, li “neċessarjament tinvolvi sitwazzjoni illegali”, kuntrarjament għall-faċilitazzjoni ta' tranżitu.

(20)  L-Evalwazzjoni REFIT tal-qafas legali tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati, cit., pp. 14-15.

(21)  Dwar il-ħtieġa li jinstab bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiġi protetta l-ordni pubbliku u l-prevenzjoni tar-reati, minn naħa, u li jittieħed kont tal-għan umanitarju tal-att, min-naħa l-oħra, ara, pereżempju, b’referenza għall-Artikolu L. 622-1 tal-Kodiċi Franċiż dwar id-dħul u s-soġġorn tal-barranin u d-dritt għall-ażil, u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10.11.2011, nru 29681/08, Mallah vs Franza.

(22)  https://www.un.org/Depts/los/convention_agreements/texts/unclos/unclos_e.pdf

(23)  http://www.imo.org/en/About/Conventions/ListOfConventions/Pages/International-Convention-for-the-Safety-of-Life-at-Sea- (SOLAS), -1974.aspx

Il-Konvenzjoni SOLAS (Kapitolu V – Sikurezza tan-Navigazzjoni) tobbliga lill-kaptan ta’ bastiment fuq il-baħar, li jkun f’pożizzjoni li jkun jista’ jipprovdi assistenza meta jirċievi informazzjoni minn kwalunkwe sors li persuni jkunu f’diffikultà fil-baħar, biex jipproċedi b’kull ħeffa għall-assistenza tagħhom. Dan l-obbligu li tingħata assistenza japplika irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istatus ta’ tali persuni jew iċ-ċirkostanzi li jinsabu fihom. Jekk il-bastiment li jirċievi t-twissija ta’ periklu ma jkunx jista’ jipproċedi bl-assistenza tagħhom jew, fiċ-ċirkostanzi speċjali tal-każ, iqis li dan mhux raġonevoli jew mhux meħtieġ, il-kaptan irid idaħħal fil-ġurnal ta’ abbord (logbook) ir-raġuni għaliex naqas milli jipproċedi bl-assistenza tal-persuni f’diffikultà. B’kont meħud tar-rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni, huwa jrid jinforma lis-servizz ta’ tfittxija u salvataġġ xieraq b’dan. Il-Konvenzjoni tagħti mandat lill-gvernijiet kontraenti biex jikkoordinaw u jikkoperaw fl-assistenza mal-kaptan tal-bastiment biex iwassal lill-persuni salvati fuq il-baħar f’post sikur. Dan jipprevedi wkoll li s-sid, il-kerrej, il-kumpanija li topera l-bastiment jew kwalunkwe persuna oħra ma għandhiex tipprevjeni jew tirrestrinġi lill-kaptan tal-bastiment milli jieħu jew jeżegwixxi kwalunkwe deċiżjoni, li fil-fehma professjonali tal-kaptan hija meħtieġa għas-sigurtà tal-ħajja fil-baħar.

(24)  http://www.imo.org/en/About/Conventions/ListOfConventions/Pages/International-Convention-on-Maritime-Search-and-Rescue-(SAR).aspx

Il-Konvenzjoni SAR (Anness) tobbliga lill-Partijiet jassistu lill-kaptan tal-vapur fit-twassil tal-persuni salvati fil-baħar lejn post sikur u tirrikjedi li ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni tas-salvataġġ marittimu jkollhom proċeduri operattivi xierqa biex jinbeda l-proċess biex jiġu identifikati l-aktar postijiet xierqa għall-iżbark ta’ persuni li jinsabu f’diffikultà fil-baħar.

(25)  Fit-Tmienja u Sebgħin sessjoni tiegħu, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (Maritime Safety Committee, MSC 78, fl-2004) tal-IMO adotta emendi importanti għall-Kapitolu V tal-Konvenzjoni SOLAS u għall-Kapitoli 2, 3 u 4 tal-Anness għall-Konvenzjoni SAR. Dawn l-emendi daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. Fl-istess sessjoni, il-MSC adotta sett ta’ linji gwida operattivi. L-għan ta’ dawn l-emendi u l-linji gwida attwali huwa li jgħinu biex jiġi żgurat li n-nies f’diffikultà jiġu assistiti, filwaqt li tiġi minimizzata l-inkonvenjenza biex jiġu assistiti l-bastimenti u tiġi żgurata l-integrità kontinwa tas-servizzi ta’ tfittxija u salvataġġ.

(26)  B’mod partikolari, ara (i) l-Istudju tematiku f’isem il-Kunsill Espert dwar il-Liġi tal-NGOs tal-Konferenza tal-INGOs tal-Kunsill tal-Ewropa, “Using criminal law to restrict the work of NGOs supporting refugees and other migrants in Council of Europe member states”, Diċembru 2019; (ii) Lina Vosyliūtė & Carmine Conte, “Crackdown on NGOs and Volunteers help refugees and other migrants”, ReSOMA, cit.; Sergio Carrera, Lina Vosyliūtė, Stephanie Smialowski, Jennifer Allsopp u Gabriella Sanchez, ‘Update Study "Fit for purpose?” “The Facilitation Directive and the criminalisation of humanitarian assistance to irregular migrants ", Studju għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-PE (PETI), Il-Parlament Ewropew, Diċembru 2018; (iii) L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), “Fundamental Rights Considerations: NGO Ships Involved in Search and Rescue in the Mediterranean and Criminal Investigations”, Ottubru 2018; (iv) FRA, “2019 update - NGO ships involved in search and rescue in the Mediterranean and criminal investigations”, Ġunju 2019; (v) “Punishing Compassion. Solidarity on trial in fortress Europe”, Amnesty International, March 2020.

(27)  L-Evalwazzjoni REFIT tal-qafas legali tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati , cit.

(28)  2019/2769(RSP), cit.


Top