EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0567

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni

COM/2021/567 final

Brussell, 14.7.2021

COM(2021) 567 final

2021/0204(COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta tintroduċi emenda għar-regoli tal-avjazzjoni fis-Sistema għan-Negozjar ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EU ETS) biex tiġi implimentata n-notifika tal-Istati Membri lil-linji tal-ajru bbażati fl-UE dwar il-kumpens għas-sena 2021 skont l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

L-objettiv huwa li din in-notifika tiġi implimentata b’mod li jimminimizza l-piż amministrattiv tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-operaturi tal-linji tal-ajru u li jipprovdi ċertezza legali fir-rigward tal-kumpens ta’ CORSIA mil-linji tal-ajru bbażati fl-Istati Membri.

CORSIA tal-ICAO huwa mekkaniżmu ta’ kumpens fejn il-pajjiżi għandhom jagħmlu l-linji tal-ajru bbażati f’dawk il-pajjiżi jikkumpensaw l-emissjonijiet ta’ CO2 li jaqbżu l-linja bażi rilevanti bi krediti internazzjonali. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, f’Ġunju 2020 il-Kunsill tal-ICAO ddeċieda li l-emissjonijiet tal-2019 għandhom jintużaw bħala linja bażi fl-2021-2023 minflok il-medja tal-emissjonijiet għall-2019-2020 1 . Ir-rieżami ta’ CORSIA fl-2022 se jeżamina l-impatt tal-COVID-19 fuq CORSIA b’rabta ma’ diversi kwistjonijiet.

Soġġett għad-differenzi nnotifikati fl-2018 2 u l-mod li bih il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-UE beħsiebha timplimenta l-iskema CORSIA. Għalhekk, il-linji tal-ajru bbażati fl-UE għandhom iċedu l-krediti jekk rilevanti biex jikkonformaw mal-kumpens ta’ CORSIA fir-rigward tal-emissjonijiet tagħhom għall-2021. Kif previst fl-istandards u l-prattiki rakkomandati ta’ CORSIA, l-Istati Membri tal-UE għandhom jikkalkulaw u jinfurmaw lil-linji tal-ajru dwar il-kumpens tagħhom fir-rigward tal-emissjonijiet tal-2021 sat-30 ta’ Novembru 2022; minn dakinhar ’il quddiem, dawk il-linji tal-ajru għandhom jikkanċellaw l-għadd ta’ krediti stipulat sal-31 ta’ Jannar 2025.

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-emissjonijiet tal-ETS tas-CO2 mill-avjazzjoni fl-2020 naqsu b’64 % meta mqabbla mal-2019 3 . F’Novembru 2020, l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol) ippubblikat it-tbassir tagħha għall-irkupru tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew għas-snin 2020-2024 4 . Dan jiddeskrivi l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq it-traffiku tal-ajru. Skont it-tbassir, anke fl-aktar xenarju ottimist, il-livelli tal-emissjonijiet tal-2019 mhux se jintlaħqu qabel l-2024, filwaqt li l-agħar xenarju jbassar tali rkupru sal-2029.

Filwaqt li l-istimi ma jbassru l-ebda rekwiżit reali ta’ kumpens ta’ CORSIA matul il-perjodu 2021–2023, xorta waħda għandu jkun hemm obbligu legali fid-dritt tal-Unjoni sabiex l-Istati Membri jinnotifikaw iċ-ċifri ta’ kumpens lil-linji tal-ajru bbażati fl-UE sat-30 ta’ Novembru 2022 fir-rigward tal-emissjonijiet matul l-2021. Abbażi tal-evidenza fattwali dwar l-2020 u l-ewwel nofs tal-2021, il-probabbiltà li kwalunkwe rekwiżit reali ta’ kumpens ta’ CORSIA jimmaterjalizza fir-rigward tal-2021 hija minima, u hija baxxa ħafna wkoll fir-rigward tal-2022. Għalhekk, din il-proposta tipprevedi li ladarba jkun ċar x’inhi ċ-ċifra ta’ kumpens addizzjonali fir-rigward tas-sena 2021, x’aktarx li: tkun żero, l-Istati Membri għandhom, matul l-2022, jikkomunikaw dan lil-linji tal-ajru. Din il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew ladarba d-data dwar l-emissjonijiet għall-2021 tkun magħrufa, jiġifieri wara l-1 ta’ Jannar 2022.

L-istess approċċ se jittieħed fir-rigward tas-snin sussegwenti fil-każ li l-proposti rilevanti “Lesti għall-mira ta’ 55 %” ma jkunux għadhom ġew adottati.

L-obbligi tal-ETS tal-linji tal-ajru bbażati fl-UE jibqgħu fis-seħħ bħal fid-dritt tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE. Dawn l-obbligi jinkludu l-obbligu li jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet tagħhom, inkluż dawk relatati mat-titjiriet bejn il-pajjiżi taż-ŻEE u pajjiżi terzi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-reviżjoni tar-regoli tal-ETS tal-avjazzjoni hija parti integrali mill-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” tal-UE. Ir-reviżjoni tinkludi l-implimentazzjoni ta’ CORSIA permezz tad-Direttiva EU ETS.

Din il-proposta hija l-unika emenda relatata ma’ CORSIA li għandha tkun fis-seħħ sat-30 ta’ Novembru 2022, sabiex in-notifika ta’ kumpens addizzjonali żero tkun tista’ ssir sa dik id-data.

Emendi oħra relatati mal-implimentazzjoni ta’ CORSIA jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ krediti internazzjonali għal titjiriet barra miż-ŻEE; obbligi ta’ restituzzjoni għal titjiriet barra miż-ŻEE; trattament tal-linji tal-ajru għal titjiriet barra mill-Ewropa; trattament tal-linji tal-ajru bbażati fl-UE fuq rotot fejn CORSIA ma tiġix applikata bl-istess mod; u l-kopertura tad-Direttiva għat-titjiriet tal-linji tal-ajru tal-UE bejn żewġ pajjiżi terzi. Dawn l-emendi oħra relatati mal-implimentazzjoni ta’ CORSIA huma inklużi fi proposta usa’ għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha tal-Unjoni u l-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta speċifika ħafna ma tqajjem l-ebda kwistjoni ta’ konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 192 tat-TFUE. F’konformità mal-Artikoli 191 u 192(1) tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu, inter alia, l-objettivi li ġejjin: il-preżervazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jiġu ttrattati problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

It-tibdil fil-klima huwa problema transfruntiera u l-azzjoni tal-UE tista’ tikkomplementa u ssaħħaħ b’mod effettiv l-azzjoni reġjonali, nazzjonali u lokali. Il-koordinazzjoni tal-azzjoni klimatika għandha sseħħ fil-livell Ewropew u, fejn possibbli, għandha tiġi ffaċilitata azzjoni effettiva fil-livell globali. L-azzjoni tal-UE hija ġġustifikata abbażi tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Mill-1992, l-Unjoni Ewropea ħadmet biex tiżviluppa soluzzjonijiet konġunti u biex tmexxi ’l quddiem azzjoni globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. B’mod aktar speċifiku, l-azzjoni fil-livell tal-UE se tipprovdi twettiq kosteffettiv tal-objettivi tal-2030 u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fit-tul filwaqt li tiżgura l-ġustizzja u l-integrità ambjentali. L-Artikoli 191 sa 193 tat-TFUE jikkonfermaw u jispeċifikaw il-kompetenzi tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima.

Proporzjonalità

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE li tiġi implimentata l-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod kosteffettiv, filwaqt li jiġu żgurati l-ġustizzja u l-integrità ambjentali.

Għażla tal-istrument

Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja 5  titqies bħala l-istrument xieraq biex tiġi emendata d-Direttiva dwar l-ETS, billi l-azzjonijiet meħtieġa għandhom jitwettqu mill-Istati Membri. Din l-għażla hija konformi mat-tliet Deċiżjonijiet preċedenti relatati mal-ETS (id-Deċiżjoni dwar il-“backloading” 6 , id-Deċiżjoni dwar ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq 7 u l-ewwel Deċiżjoni tal-ETS li “jitwaqqaf l-arloġġ” 8 ).

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ma kien hemm l-ebda evalwazzjoni ex-post jew kontroll tal-idoneità relatat ma’ dawn il-proposti minħabba l-istadju bikri tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u konsegwentement, id-disponibbiltà limitata tad-data.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati dwar l-għażliet ta’ politika għall-implimentazzjoni ta’ CORSIA permezz tal-EU ETS kif xieraq. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu dwar ir-regoli aġġornati għall-ETS tal-avjazzjoni ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Lulju 2020 b’perjodu ta’ feedback li dam sat-28 ta’ Awwissu 2020, u l-konsultazzjoni pubblika saret permezz ta’ stħarriġ online bejn l-1 ta’ Ottubru 2020 u l-14 ta’ Jannar 2021. Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati huma miġbura fil-qosor fl-anness tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta usa’ għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha tal-Unjoni u l-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq 9 .

Valutazzjoni tal-impatt

Is-suġġett ta’ din il-proposta jirrigwarda n-notifika mill-Istati Membri tal-kumpens u m’għandha l-ebda impatt ambjentali jew ekonomiku meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali.

L-għażliet ta’ politika għall-implimentazzjoni ta’ CORSIA u l-irkantar miżjud tal-avjazzjoni ġew ivvalutati fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta usa’ għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha tal-Unjoni u l-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq 10 .

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 11 .

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi tal-linji tal-ajru jistgħu jużaw l-infrastruttura eżistenti fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Billi ma hemm l-ebda tranżazzjoni prevista, l-ebda arranġamenti tar-reġistru mhuma meħtieġa.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Jiżdied paragrafu ġdid mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87/KE li jimponi obbligu legali għall-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li jinnotifikaw [probabbilment: żero] kumpens addizzjonali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-UE fir-rigward tal-emissjonijiet tagħhom għall-2021.

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li għandhom jiġu nnotifikati huma l-operaturi tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1603, li jimplimentaw l-iskema CORSIA kif xieraq fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet.

2021/0204 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Is-Sistema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) ilha topera mill-2019 fir-rigward tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifikazzjoni tal-emissjonijiet u hija maħsuba biex tkun miżura bbażata fuq is-suq applikata globalment li timmira li tikkumpensa għall-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tal-avjazzjoni internazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2021 ’l fuq minn livell fiss ta’ emissjonijiet b’ċerti krediti ta’ kumpens.

(2)Soġġett għad-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-UE u CORSIA, innotifikati lill-ICAO b’segwitu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 14 , u l-mod li bih il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-UE beħsiebha timplimenta l-CORSIA. 

(3)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 15 ġie adottat biex jiġu implimentati kif xieraq ir-regoli CORSIA għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni. Il-kumpens skont it-tifsira tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali għal CORSIA 16 hija kkalkulata abbażi tal-emissjonijiet ta’ CO2 ivverifikati f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

(4)Minħabba tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tal-avjazzjoni fl-2020 bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kunsill tal-ICAO ddeċieda fl-220 sessjoni tiegħu f’Ġunju 2020 li l-emissjonijiet tal-2019 jenħtieġ li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għas-snin 2021-23.

(5)Huwa ferm probabbli li l-emissjonijiet tal-avjazzjoni ma jaqbżux il-livelli kollettivi tagħhom tal-2019 fl-2021. Għalhekk, il-kumpens addizzjonali tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru huwa mistenni li jkun żero għas-sena 2021.

(6)L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw l-iskema CORSIA billi jinnotifikaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati f’dawk l-Istati Membri bil-kumpens tagħhom fir-rigward tas-sena 2021 sal-30 ta’ Novembru 2022.

(7)Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(8)Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza dwar il-livell ta’ kumpens fir-rigward tas-sena 2021, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi adottata wara l-1 ta’ Jannar 2022 meta jkun magħruf il-livell totali tal-emissjonijiet għas-sena 2021.

(9)Huwa importanti li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru fir-rigward tal-kumpens ta’ CORSIA għas-sena 2021 mill-aktar fis possibbli matul l-2022. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

(10)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2003/87/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87/KE, jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

“6. Sat-30 ta’ Novembru 2022, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li, fir-rigward tas-sena 2021, għandhom [żero] kumpens skont it-tifsira tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati tal-ICAO dwar il-Ħarsien Ambjentali għall-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-operatur tal-inġenju tal-ajru jkollu ċertifikat tal-operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru jew ikun reġistrat fi Stat Membru, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi, id-dipendenzi u t-territorji ta’ dak l-Istat Membru;

(b) jipproduċu emissjonijiet annwali ta’ CO2 akbar minn 10 000 tunnellata mill-użu ta’ inġenji tal-ajru b’massa massima ċċertifikata waqt il-qtugħ mill-art akbar minn 5 700 kg li jwettqu titjiriet koperti mill-Anness I, minbarra dawk li jitilqu u jaslu fl-istess Stat Membru (inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-istess Stat Membru), mill-1 ta’ Jannar 2019.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-emissjonijiet ta’ CO2 mit-tipi ta’ titjiriet li ġejjin ma għandhomx jitqiesu:

   (i) it-titjiriet statali;

   (ii) it-titjiriet umanitarji;

(iii) it-titjiriet mediċi;

(iv) it-titjiriet militari;

(v) it-titjiriet tat-tifi tan-nar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     https://www.icao.int/environmental-protection/CORSIA/Pages/CORSIA-and-Covid-19.aspx  
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25).
(3)     https://ec.europa.eu/clima/news/emissions-trading-greenhouse-gas-emissions-reduced-2020_mt  
(4)     https://www.eurocontrol.int/publication/eurocontrol-five-year-forecast-2020-2024  
(5)    Għall-kuntrarju ta’ atti diretti biss lejn pożizzjonijiet f’korpi internazzjonali skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat, li kienu jinvolvu biss lill-Kunsill, eż. id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tinnotifika d-differenzi lill-ICAO.
(6)    Id-Deċiżjoni Nru 1359/2013/UE li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fejn tiċċara d-dispożizzjonijiet dwar l-għażla taż-żmien tal-irkant tal-kwoti tal-gassijiet serra (ĠU L 343, 19.12.2013, p. 1).
(7)    Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1–5).
(8)    Id-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 113, 25.4.2013, p. 1–4).
(9)    SWD [għandha tiżdied ir-referenza]
(10)    SWD [għandha tiżdied ir-referenza]
(11)    ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.
(12)    ĠU C […], […], p. […].
(13)    ĠU C […], […], p. […].
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25).
(15)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 tat-18 ta’ Lulju 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 10).
(16)    L-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago).
Top