EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0129

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL Triq komuni lejn ftuħ mill-ġdid sikur u sostenibbli

COM/2021/129 final

Brussell, 17.3.2021

COM(2021) 129 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Triq komuni lejn ftuħ mill-ġdid sikur u sostenibbli


1    INTRODUZZJONI

Ix-xhur li ġejjin tal-pandemija tal-COVID-19 se jitolbu bilanċ għaqli. Il-virus għadu theddida globali maġġuri. Iċ-ċittadini u s-sistemi tas-saħħa tal-UE għadhom taħt pressjoni, b’varjanti emerġenti li qed joħolqu każijiet ġodda. Fl-istess ħin, hemm raġuni biex inkunu ħerqana għal tnaqqis sostanzjali fil-prevalenza tal-virus, li jqajjem il-prospett tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet li huma ta’ piż kemm fuq iċ-ċittadini kif ukoll fuq l-ekonomija. Din il-Komunikazzjoni tfassal it-triq ’il quddiem għal politika bbilanċjata u approċċ komuni tal-UE, filwaqt li tindika xi rridu nagħmlu biex navvanzaw iż-żmien meta nistgħu nirkupraw l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna, iżda biex dan nagħmluh b’mod sikur u sostenibbli b’kontroll fuq il-virus.

Il-kontroll tal-pandemija tal-COVID-19 irrikjeda firxa bla preċedent ta’ restrizzjonijiet. Dawk ir-restrizzjonijiet ikomplu jiġu b’kost għoli u dejjem jiżdied għall-individwi, il-familji, il-komunitajiet u n-negozji. Bir-riskju ta’ varjanti emerġenti, xi Stati Membri estendew jew imponew restrizzjonijiet ġodda, li kkawżaw tfixkil għaċ-ċittadini u l-ktajjen tal-provvista. Il-kundizzjonijiet iridu jinħolqu fis-Suq Uniku kollu biex jippermettu ftuħ mill-ġdid sikur u kkoordinat, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom b’mod sħiħ u sabiex l-attività ekonomika u soċjali tkun tista’ tirritorna. Dan se jagħtina s-sisien ta’ saħħa pubblika qawwija li nistgħu nibdew l-irkupru li ċ-ċittadini u n-negozji tant għandhom bżonn fuqhom.

Iċ-ċittadini tal-UE bir-raġun qed jistennew li s-sitwazzjoni titjieb: fuq kollox, grazzi għat-tilqim. It-tilqim huwa l-mezz prinċipali tagħna biex niġġieldu l-virus, u diġà hemm evidenza ċara li dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li tlaqqmu għandhom livelli sinifikanti ta’ protezzjoni mill-marda. L-investiment fl-iżvilupp u l-produzzjoni tal-vaċċin li sar mill-UE u mill-Istati Membri fl-2020, u l-passi li għaddejjin bħalissa biex tingħata spinta lill-produzzjoni u l-provvista tal-vaċċini lill-UE, qed jagħtu l-frott: l-Istati Membri kollha issa se jaraw żieda fil-provvista tal-vaċċini, bi 300 miljun doża tal-vaċċini awtorizzati bħalissa mistennija fit-tieni kwart tal-2021. It-tqassim rapidu u effettiv ta’ dawn il-vaċċini mill-Istati Membri se jkun xprun ewlieni biex jitnaqqas l-għadd ta’ każijiet ġodda, u b’hekk jiġi ddeterminat meta u kif jistgħu jitneħħew ir-restrizzjonijiet. Fl-istess ħin, l-iġjene u t-tbegħid fiżiku se jibqgħu miżuri essenzjali għall-kontroll tal-virus sakemm jinkisbu livelli għoljin ta’ kopertura tat-tilqim.

Biex inneħħu r-restrizzjonijiet, irridu nitgħallmu mill-lezzjonijiet tal-2020, u nevitaw l-ispejjeż żejda tar-restrizzjonijiet li jieqfu u jerġgħu jibdew. Il-passi kollha għall-ftuħ mill-ġdid jeħtieġ li jkunu sostenibbli, biex jiksbu l-fiduċja taċ-ċittadini u jipprovdu bażi solida għall-irkupru. Pass ewlieni huwa l-Inkubatur HERA, li għandu speċifikament fil-mira r-riskju li l-varjanti jwasslu f’żieda mill-ġdid tal-virus u jillimitaw l-impatt tal-vaċċini 1 .

Din il-Komunikazzjoni tistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ ikkoordinat għal ftuħ mill-ġdid sikur u tistabbilixxi l-passi u l-għodod li jridu jittieħdu biex jinkiseb dak l-għan komuni. Kull pass lejn il-ftuħ mill-ġdid se jkun aktar effettiv u aktar konvinċenti jekk jittieħed bħala parti minn approċċ mifrux mal-UE kollha għal ftuħ mill-ġdid sikur u sostenibbli, wieħed li jippromwovi l-għan li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fi ħdan sett komuni ta’ miżuri bbażati fuq fehim ċar ta’ kif tiġi żgurata, u tinżamm, soppressjoni effettiva tal-virus. Il-ftuħ mill-ġdid jieħu aktar fit-tul, jiġi jiswa aktar, u jkun inqas sostenibbli jekk l-Istati Membri ma jaħdmux flimkien; barra minn hekk, il-ftuħ mill-ġdid b’mod ikkoordinat jiżgura l-kontinwità tas-suq intern li huwa marbut b’mod inseparabbli mal-ħajja ekonomika u soċjali tal-Ewropej kif ukoll dawk li jinteraġixxu magħhom, ikunx ġej minn dimensjoni kummerċjali u ekonomika jew permezz tal-mobbiltà. L-interdipendenza tagħna tfisser li, sakemm xi Stati Membri japplikaw restrizzjonijiet, se jkun hemm limitazzjonijiet dwar kemm Stati Membri oħrajn ikunu jistgħu jerġgħu jiftħu b’mod li jirnexxi.

Jeħtieġ li l-ħidma tagħna fl-UE tavvanza id f’id mal-progress globali. L-impenn tal-UE favur il-ftuħ se jixpruna l-approċċ tagħha biex gradwalment terġa’ tibni soċjetajiet u ekonomiji miftuħin. Huwa biss approċċ globali li jista’ jwassal għal soluzzjoni għal din l-isfida globali u s-soluzzjonijiet globali komuni huma l-aħjar mod biex jiġi żgurat irkupru sostenibbli.

2    NAĦDMU FLIMKIEN BIEX NIFTĦU MILL-ĠDID

Is-sitwazzjoni epidemjoloġika tvarja madwar l-UE u fi ħdan l-Istati Membri, u tant ieħor ivarjaw il-miżuri meħuda biex jiġi limitat it-tixrid tal-virus. Iżda waħda mit-tagħlimiet li ħadna s’issa hija li l-interdipendenza tagħna tfisser li l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet f’parti waħda tal-UE għandha implikazzjonijiet għal kulħadd. Nistgħu nistennew li l-istess jgħodd meta naslu biex innaqqsu dawn ir-restrizzjonijiet. Dan jitlob approċċ komuni biex jiggwida l-azzjoni madwar l-UE.

Ir-restrizzjonijiet varji applikati mill-gvernijiet fl-Istati Membri – għall-moviment u l-ivvjaġġar, għal-laqgħat mal-ħbieb u mal-familja, għall-iskejjel u l-universitajiet, għall-ħwienet, ir-ristoranti u l-barijiet – kellhom rwol kritiku fil-kontroll tal-virus. Kemm l-għażliet dwar iż-żmien u kemm it-taħlita ta’ restrizzjonijiet bħal dawn kellhom reazzjoni u impatt fuq il-prevalenza tal-virus. L-esperjenza tas-sena l-oħra wriet il-vantaġġi tal-ġestjoni b’mod proattiv tas-sitwazzjoni, minflok b’reazzjoni għal sitwazzjoni li tkun qed taħrab mill-kontroll. L-istess jgħodd aħna u nivvalutaw gradwalment l-impatt li għandu t-tilqim fuq il-qtugħ tal-ktajjen tat-trażmissjoni u t-tnaqqis tal-infezzjonijiet. Għalhekk it-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza u bbażat fuq indikaturi epidemjoloġiċi robusti se jkun kruċjali għall-ftuħ fil-mument it-tajjeb – bil-virus taħt kontroll suffiċjenti biex jippermetti r-rilassament, u biex jiġu evitati restrizzjonijiet li jdumu aktar milli meħtieġ.

Illum, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) qed jistabbilixxi qafas biex jgħin lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet ta’ dan it-tip. L-approċċ jiddefinixxi livelli li jirriflettu s-sitwazzjoni epidemjoloġika f’kull Stat Membru. Dan jippermetti simulazzjonijiet li juru kemm għandu latitudni kull Stat Membru biex inaqqas il-miżuri ta’ rispons mingħajr ma jirriskja li jreġġa’ lura t-tixrid tal-virus. Sollijiet epidemjoloġiċi indikattivi ċari se jgħinu l-koordinazzjoni, il-prevedibbiltà u t-trasparenza. Bażi xjentifika aktar ċara 2 se tgħin biex tinftiehem u tiġi ġestita r-rabta bejn it-tneħħija tal-miżuri u l-impatt fuq l-inċidenza tal-COVID-19 u l-mortalità hekk kif it-tilqim jaċċellera. Għodda diġitali interattiva żviluppata mill-ECDC għall-użu mill-Istati Membri se tkun operattiva f’April 3 . Stati Membri differenti se jkomplu jagħmlu għażliet differenti dwar liema restrizzjonijiet japplikaw u jneħħu fi żminijiet differenti: il-qafas se jgħin lill-Istati Membri jipprijoritizzaw dawn l-għażliet billi jipprovdi fehim komuni tal-impatt probabbli.

Ir-riferiment għal bażi komuni ta’ qafas miftiehem jgħin ukoll biex il-proċess jimxi ’l quddiem fuq bażi ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Inkella l-kawtela tal-Istati Membri dwar l-impatt possibbli tas-sitwazzjoni fi Stati Membri oħrajn ixekkel il-ftuħ mill-ġdid. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri japprovaw dan l-approċċ u jibdew is-segwitu tiegħu malajr.

Qafas komuni jista’ jgħin ukoll biex iċ-ċittadini jkollhom fiduċja fid-deċiżjonijiet meħuda, li hi ħaġa ta’ importanza kritika peress li l-konformità tiddgħajjef minħabba l-għeja relatata mal-pandemija jew minħabba l-kompjaċenza hekk kif jibda jsir it-tilqim. Huwa kruċjali wkoll li naħdmu flimkien biex nipprovdu informazzjoni oġġettiva u niġġieldu l-volum qawwi ta’ diżinformazzjoni li jxekkel il-kampanji effettivi tat-tilqim.

3    FTUĦ MILL-ĠDID SIKUR

Ritorn b’mod sikur lejn il-moviment liberu

Għaċ-ċittadini tal-UE parti importanti mit-tneħħija tar-restrizzjonijiet se tkun li jerġgħu jiġu eżerċitati l-moviment liberu mingħajr restrizzjonijiet u drittijiet fundamentali oħrajn madwar l-UE. B’titjib suffiċjenti tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, approċċ ikkoordinat għall-moviment liberu jagħti serħan il-moħħ li l-ftuħ mill-ġdid ma jkunx qed jgħaġġel iktar mill-kontroll tal-virus. Iċ-ċittadini jeħtiġilhom ukoll li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’nondiskriminazzjoni sħiħa.

Il-Kummissjoni qed tadotta proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi qafas komuni għal Ċertifikat Diġitali Aħdar li jkopri t-tilqim, l-ittestjar u l-irkupru. Dan se jistabbilixxi approċċ fil-livell tal-UE għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ tali ċertifikati, biex jgħin lid-detenturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu fl-UE, kif ukoll biex jagħmilha aktar faċli li jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 stabbiliti f’konformità mad-dritt tal-UE. Dan se jippermetti lil kull ċittadin tal-UE u lill-membri tal-familja tiegħu, li jirċievu ċertifikat sikur u interoperabbli. L-Istati Membri kollha jaċċettaw iċ-ċertifikat bħala prova suffiċjenti meta jkun rilevanti sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu – bħar-rekwiżiti ta’ kwarantina jew tal-ittestjar – stabbiliti biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-persuni mingħajr tali ċertifikat xorta jeħtiġilhom li jkunu jistgħu jivvjaġġaw u li l-fatt li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat mhuwiex prerekwiżit biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-moviment liberu jew drittijiet fundamentali oħra. Importanti li jkun hemm fiduċja fiċ-ċertifikati biex ikunu jistgħu jiġu aċċettati . Iċ-ċertifikati jistgħu jintużaw biex jiġi aċċertat in-nies jistgħux jivvjaġġaw mingħajr ma jkunu soġġetti għal-limitazzjonijiet temporanji li jistgħu jkunu fis-seħħ biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus, bħall-ittestjar mal-wasla u l-kwarantina. Il-pakkett se jkopri wkoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew jirrisjedu legalment fl-UE.

Il-proposta mressqa llum hija strument flessibbli u sempliċi, li jrid ikun disponibbli kemm f’forma diġitali kif ukoll f’forma stampata. Dan jippermetti lill-awtoritajiet fi Stat Membru wieħed iwettqu, jekk ikun meħtieġ, kontroll rapidu, sigur u sempliċi taċ-ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor. Huwa juża biss l-ammont minimu ta’ data meħtieġa (pereżempju d-data tat-tilqim u liema vaċċin ġie amministrat jew id-data tat-test għall-COVID-19). Biex tkun lesta għal żieda fl-ivvjaġġar matul is-sajf, il-proposta teħtieġ kunsiderazzjoni u adozzjoni rapidi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Għall-futur immedjat, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll jekk għandhiex tipproponi bidliet fir-Rakkomandazzjoni dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu 4 . Fi kwalunkwe każ, l-eżenzjonijiet kollha għall-ivvjaġġar essenzjali, bħal dawk irrakkomandati għall-ħaddiema staġjonali, tat-trasport jew transfruntiera, jenħtieġ li jkomplu japplikaw. Il-prinċipji tal-“Korsiji Ħodor” għat-trasport tal-merkanzija ukoll iridu jkomplu jiġu applikati bis-sħiħ fi kwalunkwe ċirkostanza meta l-kontrolli fil-fruntieri interni jiġu introdotti mill-ġdid temporanjament bħala l-aħħar miżura.

L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar iċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar teħtieġ ukoll qafas tekniku kompatibbli li jrid jiġi ddefinit fil-livell tal-UE u implimentat mill-Istati Membri. Jenħtieġ li dan jiżgura l-interoperabbiltà, kif ukoll il-konformità sħiħa mal-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li l-għan ikun li din il-ħidma titlesta u s-sistema tiġi implimentata sa nofs Ġunju. Il-qafas tekniku se jqis l-isforzi globali biex jittaffew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar: jenħtieġ li l-interoperabbiltà mas-sistemi li qed jiġu żviluppati permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) titqies mill-bidu nett. Huwa se jippermetti wkoll il-possibbiltà li jiġi estiż għal ċertifikati kompatibbli maħruġin f’pajjiżi terzi. Il-proposta dwar iċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar hija flessibbli biżżejjed biex tkun tista’ tqis evidenza u gwida xjentifiċi ġodda aħna u nitgħallmu aktar dwar l-effett tat-tilqim, l-implikazzjonijiet ta’ varjanti ġodda u sa liema punt ikunu protetti n-nies li jkunu rkupraw minn infezzjoni.

Il-Kummissjoni qed tadotta wkoll proposta “tewmija” biex tindirizza l-ħruġ taċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fi Stat Membru u li jkunu intitolati li jivvjaġġaw fl-UE 5 . Jekk tali ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu fil-pussess tiegħu ċertifikat li jkun prova affidabbli biżżejjed tat-tilqim, jew ikun inħareġ taħt sistema li tkun interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar, dan jiffaċilita l-ivvjaġġar fl-UE.

Parti importanti tal-ftuħ mill-ġdid se tkun li jkun permess l-ivvjaġġar sikur ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-UE. It-turiżmu u vvjaġġar ieħor minn barra l-UE huma karatteristika importanti tal-ftuħ tal-UE u jenħtieġ li fil-mira tagħhom ikollhom l-istess għan ta’ ftuħ sikur bħal attivitajiet oħra. Diġà hemm fis-seħħ qafas mar-Rakkomandazzjoni li tidentifika pajjiżi li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tagħhom hija tali li l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE huwa possibbli 6 . Jenħtieġ li l-Kunsill jibqa’ jsegwi l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi barra mill-UE, u b’mod partikolari fejn l-inċidenza tal-COVID-19 ikun jidher li tbaxxiet fuq bażi sostenibbli, pereżempju permezz tat-tilqim mifrux b’vaċċini ta’ effikaċja ppruvata. Fattur importanti ieħor ikun livell baxx ta’ varjanti ta’ tħassib f’pajjiż terz.

Għall-futur immedjat, il-Kummissjoni se żżomm l-operat tar-Rakkomandazzjoni taħt reviżjoni mill-qrib, u tipproponi emendi f’konformità mal-iżviluppi f’dan il-qasam. Dan jista’ jinkludi emendi biex ir-Rakkomandazzjoni tiġi allinjata maċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar u l-inizjattivi meħuda fuq bażi globali mid-WHO jew l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li fi żmien debitu jistgħu jiffaċilitaw l-adattament tar-restrizzjonijiet meta vjaġġaturi minn pajjiżi terzi jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw ċertifikati li jiċċertifikaw status rilevanti tal-COVID-19 maħruġ taħt sistema meqjusa affidabbli jew interoperabbli biżżejjed maċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar, ladarba jkun disponibbli fl-Istati Membri tal-UE. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali inklużi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi 7 , l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU 8 u l-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Turiżmu tal-G20 dwar il-bidu mill-ġdid u l-irkupru tat-turiżmu dinji b’mod sostenibbli.

Jenħtieġ li l-użu taċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar ikun akkumpanjat minn komunikazzjoni ċara u trasparenti liċ-ċittadini biex jiġi spjegat l-ambitu u l-użu tiegħu, jiġu ċċarati s-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data personali u ċ-ċittadini jiġu rassigurati li din hija għodda li tgħinhom igawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-moviment liberu.

Il-gwida dwar l-ittestjar u l-kwarantina applikata għall-vjaġġaturi 9 se tiġi aġġornata, biex tippromwovi approċċ aktar armonizzat u prevedibbli għall-miżuri tal-fruntieri li jinftiehem aktar faċilment mill-vjaġġaturi u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport.

L-ittestjar u t-traċċar bħala għodod li jgħinu l-ftuħ

It-tilqim waħdu mhux se jeqred il-virus. Xorta se jkun hemm il-ħtieġa ta’ monitoraġġ u rispons għas-sitwazzjoni epidemjoloġika, għalhekk l-ittestjar u t-traċċar tal-kuntatti se jkomplu jkunu għodod vitali. Dan se jkun partikolarment importanti fil-fażi tal-ftuħ mill-ġdid, biex jiġi pprovdut serħan il-moħħ li kwalunkwe żieda mill-ġdid tiġi identifikata malajr.

L-UE ppubblikat dokumenti ta’ gwida biex tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-ittestjar madwar l-UE u rakkomandazzjonijiet biex tappoġġa approċċ komuni għall-użu, il-validazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku ta’ testijiet differenti 10 . Hemm diskussjonijiet regolari fost l-Istati Membri fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa dwar strateġiji tal-ittestjar u testijiet ġodda li jidħlu fis-suq. Il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa qabel ukoll dwar lista komuni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni għad-dijanjożi tal-COVID-19 kif ukoll dwar għażla ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni li l-Istati Membri se jirrikonoxxu b’mod reċiproku r-riżultati tagħhom 11 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni issa qed tipprovdi 20 miljun test rapidu tal-antiġeni lill-Istati Membri 12 . Il-preċiżjoni u d-disponibbiltà tat-testijiet rapidi tal-antiġeni qed ikomplu jitjiebu, u qed jintużaw dejjem aktar u huma utli fil-kuntest tal-iffaċilitar tas-servizzi u l-ivvjaġġar sikur.

L-awtotestijiet għall-COVID-19 (kemm il-kits għas-self-swabbing kif ukoll għall-awtottestjar) issa qed jibdew jidħlu fis-suq. Il-Kummissjoni u l-ECDC qed jirreveduhom. Illum l-ECDC se jippubblika gwida teknika dwar l-awtotestijiet tal-COVID-19, inklużi dettalji dwar, pereżempju, id-disponibbiltà u l-impatti possibbli tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u kontroll, il-prestazzjoni klinika tagħhom meta mqabbla mat-testijiet tal-RT-PCR li huma l-“istandard tad-deheb”, l-implikazzjonijiet tagħhom għar-rappurtar u s-sorveljanza epidemjoloġika, u l-konfigurazzjonijiet għall-użu xieraq tagħhom. Permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, il-Kummissjoni qed timmonitorja jekk u kif il-pajjiżi qed jużaw jew jikkunsidraw l-użu tal-awtotestijiet rapidi tal-antiġeni. 

Użu importanti tal-ittestjar huwa li l-virus u l-varjanti tiegħu jiġu ttraċċati fl-ilma mormi. Dan jista’ jipprovdi informazzjoni rapida u rħisa dwar il-preżenza ta’ virus u għalhekk dwar il-possibbiltà ta’ żieda mill-ġdid: il-monitoraġġ ta’ 6000 punt ta’ ġbir biss jippermetti li jiġi ttraċċat l-ilma mormi ta’ 70 % tal-popolazzjoni tal-UE. Is-sorveljanza tal-ilma mormi tista’ tintuża għal skopijiet preventivi jew ta’ twissija bikrija, peress li d-detezzjoni tal-virus fl-ilma mormi hija sinjal tal-feġġ mill-ġdid possibbli tal-virus. Bl-istess mod, in-nuqqas tal-virus fl-ilma mormi jista’ jindika li żona popolata partikolari tista’ titqies f’riskju aktar baxx, u li l-miżuri stabbiliti biex titrażżan it-trażmissjoni tal-virus ħadmu. Għalhekk hu kruċjali li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi effettivi tas-sorveljanza tal-ilma mormi u jiżguraw li d-data rilevanti tingħata fil-pront lill-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti.

Illum il-Kummissjoni qed tadotta Rakkomandazzjoni biex tappoġġa approċċ konsistenti għall-użu tal-monitoraġġ tal-ilma mormi għat-traċċar tal-COVID-19 u l-varjanti tiegħu 13 . Ir-Rakkomandazzjoni hija bbażata fuq l-għarfien u l-esperjenza tal-Istati Membri u tinkludi gwida speċifika dwar it-tfassil u l-ġestjoni ta’ network ta’ sorveljanza tal-ilma mormi għat-trażmissjoni rapida tad-data lill-awtoritajiet tas-saħħa. Hija se tippromwovi l-użu ta’ metodi komuni għat-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-analiżi tad-data, bl-appoġġ ta’ pjattaforma ta’ skambju Ewropea. L-appoġġ finanzjarju se jkun disponibbli biex jappoġġa l-varar ta’ strateġiji u attivitajiet koerenti ta’ monitoraġġ u sorveljanza tal-ilma mormi madwar l-UE, u biex isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi sħab fit-terminu t-twil.

L-ittestjar waħdu ma jikkontrollax il-mard infettiv. Irid ikun hemm segwitu għalih u jintuża b’mod effettiv. It-traċċar għandu rwol ewlieni fl-assistenza għal ftuħ sikur hekk kif is-sitwazzjoni kumplessiva titjieb, meta l-konteniment effettiv ta’ tifqigħat aktar iżolati jsir partikolarment siewi. Billi jikkomplementaw it-traċċar tal-kuntatti manwali tradizzjonali, l-applikazzjonijiet mobbli għat-traċċar tal-kuntatti jistgħu jgħinu biex jitkissru l-ktajjen tat-trażmissjoni u jgħinu biex jiġu salvati l-ħajjiet. Fid-dawl taż-żieda fit-trażmissibbiltà tal-varjanti, huwa importanti li l-parametri użati fl-apps jiġu rieżaminati u meta jkun meħtieġ jiġu aġġustati, f’koordinazzjoni mal-ECDC u l-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex jikkunsidraw karatteristiċi addizzjonali biex isaħħu l-applikazzjonijiet għat-traċċar tal-kuntatti u jħeġġu l-użu tagħhom. Dawn il-karatteristiċi addizzjonali jistgħu pereżempju jinkludu dashbord li juri l-aħħar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u dwar it-tnedija ta’ kampanji ta’ tilqim, jew li jinnotifika lill-utenti bil-preżenza preċedenti tagħhom f’avveniment jew f’post fejn ġew identifikati każijiet ikkonfermati tal-COVID-19.

L-Istati Membri jiġbru wkoll data mingħand vjaġġaturi transfruntieri li jidħlu fit-territorju tagħhom permezz ta’ Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (“PLF”). L-iskambju tad-data bejn l-awtoritajiet tat-traċċar tal-kuntatti tal-Istati Membri jista’ jkun partikolarment importanti meta l-vjaġġaturi jkunu qed jaqsmu l-fruntieri fil-qrib, bħal fl-ajruplani jew fil-ferroviji. Il-Kummissjoni żviluppat pjattaforma li tippermetti l-iskambju ta’ data bejn is-sistemi tal-PLF tal-Istati Membri.

Sabiex l-Istati Membri jiskambjaw data rilevanti dwar il-passiġġieri permezz tal-pjattaforma ta’ skambju, il-Kummissjoni se tippubblika abbozz ta’ miżuri biex tiżgura li sa żmien l-istaġun tal-ivvjaġġar tas-sajf, l-ipproċessar legali tad-data personali jiġi stabbilit skont bażi ġuridika tal-UE 14 . Dan se jistabbilixxi s-settijiet ta’ data limitati u definiti sew li jridu jiġu skambjati u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-utenti differenti.

Għal dawk l-Istati Membri fejn ma hemm l-ebda sistema għall-PLFs diġitali fis-seħħ, l-Azzjoni Konġunta EU Healthy Gateways żviluppat pjattaforma għall-PLFs diġitali tal-UE bħala punt ta’ dħul uniku u servizzi ta’ cloud-hosting li jippermettu l-ħżin tal-PLF miġbur. Iż-żewġ pjattaformi – il-pjattaforma ta' skambju għall-PLFs u l-pjattaforma tal-UE għall-PLFs diġitali — huma proġetti komplementari u interkonnessi. Dawn l-għodod se jippermettu li l-passiġġieri transfruntieri jittraċċaw il-kuntatti b’mod aktar rapidu u effettiv.

Inkomplu bil-ġestjoni tal-virus: terapiji u tagħmir mediku

L-iżvilupp tat-trattament terapewtiku għen biex jiġu salvati l-ħajjiet, jitħaffef iż-żmien tal-irkupru, u jitnaqqas it-tul taż-żmien li wieħed idum l-isptar – għall-benefiċċju kemm tal-pazjenti kif ukoll tas-sistemi tal-kura tas-saħħa bi pressjoni qawwija. Il-Kummissjoni qed tuża għadd ta’ strumenti, inkluż l-akkwist konġunt, biex tiżgura aċċess għall-Istati Membri ta’ għadd limitat ta’ trattamenti terapewtiċi li qed jintużaw bħalissa biex jittrattaw il-każijiet tal-COVID-19, kif ukoll programmi ta’ riċerka. Hija meħtieġa aktar azzjoni u azzjoni aktar rapida. Għal nofs April hija ppjanata Strateġija komuni tal-UE dwar it-terapiji. B’mod simili għall-approċċ li rnexxa meta ntuża għat-tilqim, hija se tipprova tħaffef ir-riċerka u l-manifattura, biex l-Istati Membri jkun jista’ jkollhom aċċess għal trattamenti siewja bl-iskala u l-ħeffa meħtieġa. Se jiġu varati miżuri regolatorji aktar flessibbli għat-terapiji, bħall-faċilitazzjonijiet tat-tikkettar, biex jippermettu provvista rapida fuq skala kbira matul il-pandemija.

It-teknoloġija tista’ tintuża wkoll b’modi oħra. Ir-robots tad-diżinfezzjoni bl-ultravjola jistgħu jiddiżinfettaw kamra tal-pazjenti ta’ daqs standard fi żmien 10 minuti billi jużaw dawl ultravjola, u jiddiżinfettaw aktar minn 18-il kamra b’ċarġ waħda. Dawn jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat ambjent sterili fl-isptarijiet mingħajr ma jiġi espost għal riskju bla bżonn il-persunal. Għaddej programm ta’ EUR 12-il miljun li qed jixtri mill-inqas 200 robot u jiskjerahom fl-Istati Membri b’konsenji effettivi tar-robots tul l-2021.

Għajnuna lis-setturi l-aktar milquta biex iħejju għal ftuħ mill-ġdid sikur

Uħud mis-setturi l-aktar dinamiċi tal-Ewropa – it-turiżmu, il-kultura u t-trasport – kienu fost l-aktar milquta mill-pandemija. Aktar ma jista’ jsir biex dawn is-setturi jiġu megħjuna jiftħu mill-ġdid b’mod sikur, għall-ħaddiema 15 u għall-pubbliku, u b’mod li jibni l-fiduċja u l-kunfidenza, aktar dawn is-setturi – li fihom ħafna negozji li huma f’periklu kbir u li jiddependu ħafna impjiegi minnhom – ikunu jistgħu jibdew jirkupraw malajr.

L-ekosistema tat-turiżmu tal-Ewropa ġiet imfixkla bil-qawwi. Fi 12-il Stat Membru, it-turiżmu jiġġenera bejn 25 % u 10 % tal-PDG nazzjonali, filwaqt li erba’ Stati Membri tal-UE kienu fost l-aqwa għaxar destinazzjonijiet turistiċi fid-dinja fl-2019 f’termini ta’ wasliet u daħliet internazzjonali. Bi tnaqqis ta’ 70 % fid-dħul finanzjarju matul l-2020 u sa 11-il miljun impjieg fir-riskju 16 , is-servizzi turistiċi jinsabu fil-qiegħ tal-indikatur tal-fiduċja tan-negozju. L-iljieli ta’ soġġorn tal-UE naqsu bi 52 % fl-2020 u s-soġġorni turistiċi internazzjonali naqsu bi 68 % fl-2020 17 . Xi ekonomiji tal-Istati Membri huma wkoll dipendenti ħafna fuq it-turiżmu internazzjonali u ma jistgħux jikkumpensaw għat-telf ta’ vjaġġaturi barranin bit-turiżmu domestiku. Il-ftuħ mill-ġdid tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu b’mod sikur se jġib lil miljuni ta’ Ewropej lura lejn xogħolhom, u jista’ jixpruna l-irkupru aktar malajr f’ħafna reġjuni tal-UE 18 .

Ir-ritorn tal-ivvjaġġar b’mod sikur u prevedibbli jeħtieġ li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi li saħħithom u d-drittijiet tagħhom huma protetti. L-applikazzjoni li tista’ titniżżel Re-open EU se tkompli tipprovdi informazzjoni affidabbli liċ-ċittadini dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika u r-regoli fis-seħħ madwar l-UE (inklużi ċ-Ċertifikati Diġitali Ħodor) b’funzjonalitajiet imtejba, ġodda u faċli għall-utent dwar il-“pjan tal-ivvjaġġar” 19 . Sistema ċara u mifruxa mal-UE kollha biex in-nies jingħataw fiduċja sħiħa fl-istandards tas-saħħa pubblika tista’ tkun pass reali ’l quddiem biex tiġi żgurata ċ-ċarezza għall-vjaġġaturi filwaqt li jitneħħa t-tħassib li fadal u jinfetaħ il-bieb għall-istaġun tas-sajf li ġej. Fl-2020, il-Kummissjoni pprovdiet gwida siewja għas-setturi tat-trasport 20 u tal-ospitalità biex tgħinhom jimminimizzaw ir-riskji 21 . Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni biex iħejji dokument ta’ standardizzazzjoni bħala bażi għall-protokolli tas-saħħa u s-sikurezza għas-settur tal-ospitalità, li se jkun disponibbli qabel is-sajf. Din l-għodda volontarja se tgħin biex in-negozji tat-turiżmu jiġu infurmati u ppreparati aħjar biex jilqgħu lin-nies b’sikurezza sħiħa. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u l-industrija biex tiżgura li tirnexxi l-implimentazzjoni ta’ dan is-“siġill sanitarju tal-UE għat-turiżmu”.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija jikkooperaw aktar dwar kampanji ta’ komunikazzjoni mmirati lejn il-bini mill-ġdid tal-fiduċja fl-ivvjaġġar sikur fl-Ewropa fost l-Ewropej iżda wkoll fost il-vjaġġaturi minn pajjiżi terzi.

It-tielet pass biex is-settur tat-turiżmu jiġi megħjun iħejji għal ftuħ sikur huwa li jkompli jingħata sostenn lin-negozji fuq il-post, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-mikrointrapriżi, biex jinżammu s-servizzi sikuri għall-COVID u l-prodott tat-turiżmu jiġi adattat għar-realtà l-ġdida. L-Istati Membri jistgħu jimmobilizzaw is-sostenn u l-investimenti għall-aktar setturi u reġjuni milquta permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus 22 u r-REACT-EU, filwaqt li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni se jikkontribwixxu għall-irkupru sostenibbli tas-setturi l-aktar milquta. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027 jinkludi objettiv speċifiku li għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u l-inklużjoni soċjali fil-kultura u t-turiżmu. Il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli Gwida għall-finanzjament tal-UE biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati tat-turiżmu jidentifikaw l-aktar sorsi rilevanti ta’ finanzjament tal-UE għall-proġetti u l-investimenti tagħhom.

Il-kondiviżjoni mill-ġdid tal-esperjenza kollettiva tal-postijiet u l-avvenimenti kulturali, is-siti ta’ wirt kulturali u t-turiżmu kulturali se tkun waħda mill-aktar sinjali viżibbli tal-ftuħ mill-ġdid. Se jkun essenzjali wkoll għas-sopravivenza ta’ ekonomija kulturali u kreattiva li ntlaqtet partikolarment ħażin mir-restrizzjonijiet imposti biex tiġi kkontrollata l-pandemija. Dan is-settur tilef madwar 31 % tad-dħul tiegħu fl-2020, bl-arti tal-ispettaklu (tnaqqis ta’ 90 %) u l-mużika (tnaqqis ta’ 76 %) l-aktar milquta 23 . Għal darba oħra, approċċ komuni u indikaturi komuni se jgħinu biex jittieħdu deċiżjonijiet biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet billi tinbena l-fiduċja fost l-udjenzi u l-viżitaturi li l-ftuħ qed iseħħ b’mod responsabbli. Il-Kummissjoni se tuża strutturi u networks 24 ta’ kooperazzjoni eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ftuħ mill-ġdid sikur tas-settur kulturali. Sabiex tikkoordina aħjar il-miżuri tal-Istati Membri għar-ritorn sikur tal-attivitajiet fis-settur kulturali u kreattiv, il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida għas-setturi fil-qasam tal-mużika (festivals, postijiet fejn isiru l-avvenimenti), fil-qasam awdjoviżiv (festivals u swieq tal-films, ċinemas, settijiet tal-produzzjoni), fil-qasam tal-arti tal-ispettaklu (festivals, postijiet fejn isiru l-avvenimenti), fil-qasam tal-ispazji għall-wirjiet bħall-mużewijiet jew il-galleriji, il-libreriji, u s-siti ta’ wirt kulturali.

It-turiżmu kulturali jagħti spinta lit-tkabbir u joħloq l-impjiegi, b’erbgħa minn kull għaxar turisti jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom fuq il-bażi tal-offerta kulturali. Il-Kummissjoni se tniedi kampanja ddedikata fuq il-midja soċjali tal-UE dwar it-turiżmu kulturali sostenibbli, bl-għan li tippromwovi siti ta’ wirt kulturali u rotot kulturali tal-UE, kif ukoll avvenimenti u festivals kulturali. Inizjattivi ġodda se jiġu appoġġati meta l-kundizzjonijiet jippermettu permezz tal-Erasmus+ u l-azzjoni tiegħu DiscoverEU biex tiġi promossa l-iskoperta tal-wirt kulturali tal-Ewropa miż-żgħażagħ bil-ferrovija, matul u lil hinn mis-Sena Ewropea tal-Ferrovija.

Il-bini ta’ reżiljenza globali kontra l-COVID-19

Triq sostenibbli ta’ ħruġ mill-COVID-19 fl-UE tiddependi mill-progress fil-livell globali. L-ebda pajjiż jew reġjun fid-dinja mhu se jkun sikur mill-COVID-19 sakemm ma jiġix imrażżan fil-livell globali, u approċċ globali biss jista’ jwassal għal soluzzjoni għal kriżi globali. Sakemm il-virus jiġi ċċirkolat, il-kost uman se jkompli: il-kost fuq id-dinja diġà laħaq kważi 120 miljun każ ikkonfermat u aktar minn 2.6 miljun mewta rrappurtati madwar id-dinja. Iċ-ċirkolazzjoni kontinwa tfisser ukoll riskju kontinwu ta’ żieda mill-ġdid u ta’ varjanti ġodda emerġenti bil-potenzjal li jiksru d-difiżi maħluqa mill-vaċċini. L-UE għandha kemm responsabbiltà kif ukoll interess li tissodisfa l-impenn tagħha li tindirizza l-COVID-19 madwar id-dinja.

L-UE tinsab fuq quddiem nett tar-rispons internazzjonali. Hija pprovdiet appoġġ finanzjarju, ta’ emerġenza u in natura konkret lis-sħab internazzjonali u lill-pajjiżi madwar id-dinja. S’issa dan l-approċċ tat-“Tim Ewropa” 25 kkontribwixxa total ta’ aktar minn EUR 40 biljun għal sostenn internazzjonali fil-ġlieda kontra l-COVID-19.

Bħal fl-UE, approċċ sostenibbli jfisser it-tilqim. Huwa għalhekk li l-UE appoġġat bis-sħiħ il-ħidma tal-COVAX fit-tqassim tal-vaċċini madwar id-dinja: b’finanzjament ta’ aktar minn EUR 2.2 biljun, l-UE u l-Istati Membri bħala “Tim Ewropa” huma fost is-sostenituri ewlenin tal-COVAX, l-inizjattiva globali biex jiġi żgurat aċċess ekwu għall-vaċċini, u ħeġġet lis-sħab kollha biex jingħaqdu f’din il-ħidma. Il-Faċilità COVAX bdiet tqassam id-dożi tal-vaċċini u biħsiebha tikkondividi l-vaċċini mal-pajjiżi kollha bi dħul baxx u medju fl-ewwel nofs tal-2021. Dan għandu jkun biżżejjed biex jitlaqqmu l-ħaddiema tas-saħħa kollha tagħhom u mill-inqas 3 % tal-popolazzjoni tagħhom, li jiżdiedu għal mill-inqas 20 % qabel tmiem is-sena. Il-Buffer Umanitarju ta’ 100 miljun doża, b’mekkaniżmu ta’ allokazzjoni trasparenti, se jgħin biex jiġi żgurat aċċess inklussiv mill-popolazzjonijiet vulnerabbli għall-vaċċini.

L-UE u l-Istati Membri tagħha qed jistabbilixxu approċċ Ewropew ikkoordinat billi jistabbilixxu Mekkaniżmu tal-UE għall-Kondiviżjoni tal-Vaċċini bbażat fuq il-prinċipji tal-ġustizzja, l-akkumulazzjoni gradwali, skart żero u approċċ ta’ Tim Ewropa. L-għan huwa li jkomplu jiġu appoġġati u mmorru lil hinn mill-inizjattivi bilaterali eżistenti tal-Istati Membri, u li tinħoloq u tiżdied riżerva tal-UE alimentata b’mod ekwu minn sehem ta’ dożi mill-Istati Membri. Il-mekkaniżmu se jibda u jinbena gradwalment hekk kif jitjiebu d-disponibbiltajiet tat-tilqim u jiġu stabbiliti miri kwantitattivi. Il-vaċċini se jgħaddu preferibbilment mill-COVAX, u jistgħu wkoll ikomplu jiġu kondiviżi direttament mal-pajjiżi, b’enfasi partikolari fuq il-Balkani tal-Punent, il-viċinat u l-Afrika. L-UE se tkompli wkoll tiffaċilita l-koordinazzjoni u l-loġistika, u tikkofinanzja t-trasport tal-vaċċini permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM). 

B’mod parallel, l-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala Tim Ewropa, se jkomplu jappoġġaw it-tħejjija għall-istrateġiji tat-tilqim u l-introduzzjoni tagħha fil-livell tal-pajjiż u f’dak reġjonali biex tiġi żgurata azzjoni kollettiva bi sħubija ma’ atturi reġjonali u globali, inklużi atturi umanitarji. Fuq medda itwal ta’ żmien, se jkun essenzjali li ssir ħidma mal-pajjiżi sħab – b’mod partikolari fl-Afrika – biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa u l-manifattura, inklużi l-kapaċità għall-vaċċini, id-dijanjostika u t-terapiji.

Iż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini fuq livell globali u l-konsenja tagħhom lill-pajjiżi fil-bżonn jeħtieġu kollaborazzjoni globali akbar bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-iżviluppaturi u l-manifatturi tal-vaċċini biex jiġi żgurat liċenzjar volontarju għat-trasferiment meħtieġ tal-għarfien teknoloġiku. L-UE qed tappoġġa dawn l-isforzi, inkluż fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Hija se tinvolvi ruħha ma’ pajjiżi oħra li jipproduċu l-vaċċini biex jiġu evitati interruzzjonijiet ta’ ktajjen tal-provvista integrati mill-qrib. L-UE se tiżgura wkoll li l-iskema ta’ trasparenza u awtorizzazzjoni tagħha għall-esportazzjonijiet tal-vaċċini kontra l-COVID-19, li tipprevedi għadd ta’ eżenzjonijiet 26 , tiġi applikata b’mod ġust u ekwu.

Disponibbiltà ta’ reazzjoni għal żieda mill-ġdid tal-COVID-19

Il-miżuri tas-saħħa ewlenin li għaddejjin – it-tilqim, l-ittestjar u t-traċċar, u l-prontezza għall-varjanti – jipprovdu rassigurazzjoni kbira li t-treġġigħ lura tal-progress li deher f’xi mumenti matul is-sena li għaddiet huwa inqas probabbli. Madankollu, l-esperjenza ta’ restrizzjonijiet illaxkati segwiti minn żieda mill-ġdid tal-virus tfisser li parti importanti fil-bini tal-fiduċja hija l-għarfien li – jekk kellu jerġa’ jkun hemm żieda bħal pereżempju permezz ta’ varjant ġdid – l-UE u l-Istati Membri jkunu lesti biex jaġixxu. Il-qafas tal-ECDC deskritt hawn fuq se jkun partikolarment siewi biex jgħin biex jiġi identifikat malajr kwalunkwe riskju ta’ żieda mill-ġdid u biex jiġu enfasizzati r-restrizzjonijiet l-aktar xierqa li jridu jiġu applikati.

F’termini tar-rispons sanitarju, il-Kummissjoni tkompli tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Iċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza 24/7 tiegħu, fi ftit sigħat, jista’ jiffaċilita u jiffinanzja l-iskjerament ta’ timijiet mediċi ta’ emerġenza (bħal fil-każ reċenti tal-iskjerament ta’ tobba u infermiera Rumeni, Daniżi u Belġjani fis-Slovakkja), tagħmir mediku kritiku, vaċċini (meta Franza reċentement qasmet id-dożi tagħha mas-Slovakkja u ċ-Ċekja) u tagħmir protettiv personali (inkluż mir-riżerva medika rescEU). L-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza jippermetti t-trasferiment transfruntier rapidu tal-pazjenti biex tittaffa l-pressjoni fuq il-faċilitajiet tas-saħħa.

Fit-terminu itwal, l-UE trid tistabbilixxi wkoll qafas aktar b’saħħtu għar-reżiljenza u t-tħejjija f’każ ta’ pandemiji futuri. Dan diġà huwa l-objettiv tal-proposti għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa, kif ukoll il-ħidma li għaddejja bħalissa dwar l-Awtorità ta’ Tħejjija u Reazzjoni għall-Emerġenzi tas-Saħħa. Ir-reviżjoni li għaddejja tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili se tappoġġa din il-ħidma wkoll. Jenħtieġ li l-proposti tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa biex jissaħħaħ il-qafas tas-sigurtà tas-saħħa tal-UE jiġu adottati mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni se tressaq viżjoni għar-reżiljenza u l-istat ta’ tħejjija fil-komunikazzjoni tat-“tagħlimiet meħuda” mitluba mill-membri tal-Kunsill Ewropew. 

Jenħtieġ li l-UE tirrifletti wkoll dwar jekk is-suċċess ta’ passi oħra ta’ emerġenza li ttieħdu matul is-sena li għaddiet, bħas-sistema tal-Korsiji Ħodor, għandux jiġi kkonsolidat f’qafas li jista’ jiġi attivat b’reazzjoni għal kwalunkwe kriżi ġdida. L-Istrateġija ta’ Schengen li ġejja, ukoll se toffri l-opportunità li jiġu stabbiliti mekkaniżmi sodi ta’ ppjanar u koordinazzjoni ta’ kontinġenza għal miżuri relatati mal-fruntieri interni u esterni, filwaqt li jittieħed kont tal-esperjenza tal-kriżi u l-ħtieġa li jiġi limitat, kemm ikun possibbli, kwalunkwe tfixkil possibbli għaċ-ċirkolazzjoni libera u għall-funzjonament tas-Suq Uniku.

4    IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

Ix-xhur li ġejjin tal-pandemija tal-COVID-19 se jeħtieġu azzjoni deċiżiva biex jiġi żgurat ftuħ mill-ġdid sostenibbli u sikur tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna. Hija meħtieġa azzjoni kkoordinata fil-livelli kollha, biex jiġi żgurat li l-passi li nieħdu jkunu effettivi kemm jista’ jkun biex inaqqsu l-inċidenza tal-virus, jappoġġaw liċ-ċittadini u lill-kumpaniji, u jippermettu lis-soċjetajiet tagħna jirritornaw għan-normal. Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri biex imexxu ’l quddiem l-isforz komuni: iż-żieda fl-isforzi ta’ komunikazzjoni hija partikolarment importanti.

Il-Kunsill Ewropew

-appell għal approċċ maqbul għal ftuħ mill-ġdid sikur ibbażat fuq qafas xjentifiku solidu;

-appoġġ għal koordinazzjoni ulterjuri dwar l-isforzi biex titrażżan il-pandemija f’livell globali, abbażi tal-approċċ tat-Tim Ewropa.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

-tħaffif tad-diskussjonijiet u l-qbil dwar il-proposti għal Ċertifikat Diġitali Aħdar;

-aċċellerazzjoni tad-diskussjonijiet u lħuq ta’ qbil dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Unjoni tas-Saħħa qabel tmiem is-sena.

Il-Kummissjoni Ewropea

-tkomplija tal-appoġġ għaż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini u t-twettiq f’waqtu tal-impenji kuntrattwali;

-l-iżvilupp ulterjuri tas-soluzzjonijiet tekniċi fil-livell Ewropew biex tiżdied l-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali biex jiġu ffaċilitati l-ivvjaġġar, l-iskambju tad-data u t-traċċar tal-kuntatti;

-it-tressiq ta’ strateġija Ewropea dwar it-terapiji.

L-Istati Membri

-l-iżgurar tal-aċċelerazzjoni tal-programmi tat-tilqim f’konformità maż-żieda fil-provvista;

-l-iżgurar li r-restrizzjonijiet temporanji għall-ġlieda kontra l-COVID-19 ikunu proporzjonati u nondiskriminatorji;

-l-aċċellerazzjoni tal-ħidma ta’ implimentazzjoni teknika dwar iċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar fid-dawl tal-adozzjoni rapida tal-proposta;

-l-implimentazzjoni malajr tar-rakkomandazzjonijiet kollha u l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex jintużaw l-għodod disponibbli għall-ġlieda kontra l-pandemija.

(1)    “L-Inkubatur HERA: Nantiċipaw flimkien it-theddida tal-varjanti tal-COVID-19”, COM(2021) 78, 17 ta’ Frar 2021
(2)      Is-Sett ta’ Għodod għall-Analiżi tax-Xenarju tal-COVID-19 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni diġà jipprovdi għodod interattivi biex jissimulaw l-effetti tal-istrateġiji tat-tilqim flimkien ma’ miżuri differenti fil-livell nazzjonali u reġjonali.
(3)      Dan ikun imfassal b’tali mod li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-professjonisti tas-saħħa pubblika fl-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw l-istimi tagħhom stess għan-numru tar-riproduzzjoni effettiva u għall-kopertura tat-tilqim, jekk ikunu jixtiequ, jew jużaw l-istimi tal-ECDC.
(4)      Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19
(5)      Abbażi tal-Artikolu 77 TFUE (il-bażi ġuridika ta’ Schengen).
(6)      Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni
(7)      http://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/covid-19-international-mobility-and-trade-in-services-the-road-to-recovery-ec716823/
(8)      https://www.unwto.org/unwto-convenes-global-tourism-crisis-committee
(9)      https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/guidelines-covid-19-testing-and-quarantine-air-travellers
(10)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1595 tat-28 ta’ Ottubru 2020 dwar l-istrateġiji tal-ittestjar għall-COVID-19, inkluż l-użu tat-testijiet tal-antiġeni rapidi (C/2020/7502)

(11)      https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/preparedness_response/docs/covid-19_rat_common-list_en.pdf
(12)

     Fit-18 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ffirmat ukoll kuntratt qafas ma’ Abbott and Roche, li se jippermetti l-akkwist ta’ aktar minn 20 miljun test rapidu tal-antiġeni, b’valur ta’ sa EUR 100 miljun, iffinanzjat mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI).

(13) C(2021) 1925
(14)   https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives?frontEndStage=ISC_WORKFLOW
(15) https://oshwiki.eu/wiki/COVID-19:_Back_to_the_workplace_-_Adapting_workplaces_and_protecting_workers
(16)      B’mod partikolari għaż-żgħażagħ (13 % tal-impjegati taħt l-24 sena) u n-nisa (59 % tal-impjegati)
(17)      Sors: Eurostat
(18)      Fit-13 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat sett ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet fl-ewwel pakkett dwar it-turiżmu u t-trasport: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/QANDA_20_870
(19)      https://reopen.europa.eu/mt
(20)      C(2020) 169/02
(21)      Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità C(2020)3251
(22)      https://cohesiondata.ec.europa.eu/stories/s/4e2z-pw8r
(23)      https://www.rebuilding-europe.eu/
(24) Pereżempju Creatives Unite – pjattaforma għas-setturi u mis-setturi kulturali u kreattivi, https://creativesunite.eu/
(25)      L-approċċ tat-“Tim Ewropa” tal-UE huwa approċċ li jiġbor kontribuzzjonijiet mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u jgħaqqad ir-riżorsi mobilizzati mill-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi tal-UE u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi r-regoli tal-votazzjoni stabbiliti mit-Trattati tal-UE.
(26)      L-eżenzjonijiet jinkludu b’mod partikolari konsenji lejn pajjiżi bi dħul baxx jew medju elenkati fil-lista ta’ impenji tal-COVAX u esportazzjonijiet ta’ vaċċini mixtrija u/jew ikkonsenjati permezz tal-COVAX.
Top