Ħarsa ġenerali
Il-Kummissjoni Ewropea tippromwovi kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi avvanzati tal-Grupp ta’ Tmienja (G8) u qed taħdem mill-qrib mal-presidenzi tal-G8 biex tiżgura li l-grupp iżomm enfasi qawwija fuq kwistjonijiet ta’ żvilupp, b’mod partikolari fl-Afrika. Hi tappoġġja l-isforzi tal-Grupp ta’ Għoxrin (G20) biex jinħoloq qafas ta’ żvilupp ġdid.
G8
Il-Grupp ta’ Tmienja (G8) huwa forum għall-gvernijiet ta’ tmienja mill-ikbar ekonomiji nazzjonali. It-temi ewlenin tal-aktar Presidenza reċenti tal-G8 mir-Renju Unit fl-2013 kienu t-taxxa, it-trasparenza u l-kummerċ.
Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-G20
L-UE hija wkoll membru tal-Grupp ta’ Għoxrin (G20), forum għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-ekonomija u l-finanzi.
Taħt il-presidenza Russa tal-2013, il-Grupp ta’ Ħidma għall-Iżvilupp tal-G20 (DWG) ippropona Ħarsa Ġenerali lejn l-Iżvilupp ta’ St Petersburg, ġdida, li ġiet approvata mill-mexxejja tal-G20.
Il-prijoritajiet tal-Presidenza Awstraljana tal-2014 inkludew l-infrastruttura, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u l-inklużjoni finanzjarja. Is-sigurtà tal-ikel u r-riżorsi umani wkoll jibqgħu fuq l-aġenda tal-iżvilupp.
L-UE hi sostenitriċi qawwija tar-rwol tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-Grupp ta’ Ħidma għall-Iżvilupp. Il-prijoritajiet ta’ pajjiżi bi dħul baxx jinkludu t-tkabbir ekoloġiku u t-tibdil fil-klima.
Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tikkontribwixxi b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-aġenda tal-iżvilupp tal-G20 u għall-istabbiliment ta’ kunsens fost l-ekonomiji avvanzati u dawk emerġenti dwar il-kontribut tal-iżvilupp għat-tkabbir kondiviż.