Skip to main content

Il-Kummissjoni von der Leyen: sentejn wara

Nindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u l-bidu tal-irkupru tal-Ewropa

Fl-2021, l-Unjoni Ewropea rduppjat l-isforzi tagħha biex tindirizza l-pandemija tal-COVID-19. Hi ħadmet biex takkwista l-vaċċini, iżżid il-produzzjoni tagħhom, issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali kontra l-pandemija u biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi ekonomika permezz tan-NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru tal-UE.

4.2 biljun doża ta’ vaċċini
żgurat bis-saħħa tal-istrateġija tal-UE dwar il-vaċċini
78.64%
Perċentwal tal-popolazzjoni adulta tal-UE mlaqqma għalkollox
€46 biljun
Ammont mit-“Tim Ewropa” għar-rispons globali tal-UE

L-aħħar aġġornament: 15 ta’ Diċembru 2021    Sors: Il-produtturi tal-vaċċini u data tal-ECDC

  • Iċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien element kruċjali fir-rispons tal-Ewropa għall-pandemija tal-COVID-19, u ffaċilita l-moviment liberu fl-UE.
  • Il-Kummissjoni u l-Kunsill s’issa approvaw 22 pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.
  • Il-Kummissjoni Ewropea nediet Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) biex tipprevjeni, tidentifika u tirrispondi malajr għall-emerġenzi tas-saħħa.

Aqra aktar dwar l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-COVID-19

Inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew

Peress li t-tibdil fil-klima huwa waħda mill-akbar sfidi ta’ żminijietna, il-Kummissjoni żiedet il-ħidma tagħha biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew isir realtà. Il-Kummissjoni ressqet leġiżlazzjoni li se ttejjeb il-benessri u s-saħħa tan-nies u se ġġib prosperità ekonomika, b’mod sostenibbli għall-pjaneta tagħna. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa wkoll vitali biex noħorġu mill-pandemija tal-COVID-19.

€600 biljun
fondi ta’ investiment iddedikati permezz tal-Pjan ta’ Rkupru NextGenerationEU
0 emissjonijiet
minn karozzi ġodda sal-2035
40%
mira ġdida għall-enerġija rinnovabbli għall-2030

Sors: Il-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

  • L-impenn tal-UE li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050 issa huwa minqux fil-leġiżlazzjoni tal-UE, bis-saħħa tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.
  • Il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ proposti dwar il-klima, l-enerġija, l-użu tal-art u tal-foresti, it-trasport u t-tassazzjoni tal-UE biex sal-2030 l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 55% meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
  • Fil-COP26, l-UE kkonsolidat ir-rwol tagħha bħala mexxejja globali fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni appoġġjat il-kunsens milħuq minn aktar minn 190 pajjiż li jagħtina l-opportunità li nillimitaw it-tisħin globali għal 1.5 gradi Celsius.

Aqra aktar dwar l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku

Ewropa lesta għall-era diġitali

L-infrastruttura diġitali tal-Ewropa kellha bosta vantaġġi ewlenin matul il-pandemija. Madankollu, il-kriżi attwali wriet ukoll il-ħtieġa li t-trasformazzjoni diġitali tiġi aċċellerata aktar.

20%
ta’ kull pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se jintefqu fuq is-settur diġitali
€1 biljun
ta’ investiment fis-sena fuq l-intelliġenza artifiċjali (IA) permezz tal-programmi Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa
80% tal-adulti
kollha jkollhom ħiliet diġitali bażiċi sal-2030

Sors: Il-miri tal-2030 stabbiliti mill-Kumpass Diġitali

Aqra aktar dwar l-azzjonijiet tal-Kummissjoni għal Ewropa aktar diġitali

Ekonomija għas-servizz tan-nies

B’aktar minn 2,000 miżura li ttieħdu mill-bidu tal-pandemija, l-UE għamlet kull sforz possibbli biex ittaffi l-impatt ekonomiku tal-kriżi tas-saħħa globali. L-ewwel attivazzjoni li qatt saret tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kompliet tapplika matul l-2021 u dan ippermetta lill-Istati Membri jieħdu azzjoni ekonomika b’saħħitha. Fl-2021, l-Istati Membri fasslu wkoll il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza taħt in-NextGenerationEU.

15-il miljun
inqas nies fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali
78%
tal-popolazzjoni bejn l-20 u l-64 sena impjegati
60%
tal-adulti kollha jipparteċipaw f’taħriġ

Sors: Il-miri tal-2030 stabbiliti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

  • Il-Kummissjoni bdiet timplimenta l-akbar pakkett li qatt ġie ffinanzjat mill-baġit tal-UE, li jiswa €2.018 triljun fi prezzijiet attwali: il-baġit tal-qafas pluriennali, il-baġit ta’ 7 snin tal-UE, u l-pjan ta’ rkupru ekonomiku tan-NextGenerationEU.
  • In-NextGenerationEU jista’ jiġbor sa madwar €800 biljun fi prezzijiet attwali permezz tal-ħruġ ta’ bonds. Permezz tal-ħruġ ta’ €250 biljun ta’ bonds ekoloġiċi, jew 30% tal-fondi tan-NextGenerationEU, il-Kummissjoni se ssir l-akbar emittent ta’ bonds ekoloġiċi fid-dinja.
  • Fis-Summit Soċjali ta’ Porto, il-mexxejja tal-UE, is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili impenjaw ruħhom li jkomplu jimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, filwaqt li approvaw il-proposta tal-Kummissjoni biex jinħoloq sett ġdid ta’ miri soċjali li jistgħu jitkejlu li għandhom jintlaħqu sal-2030.

Aqra aktar dwar l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija

Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja ta’ wara l-COVID

1.4 miljun
doża ta’ vaċċini esportati lejn il-bqija tad-dinja
350 miljun
doża ta’ vaċċini mogħtija lil pajjiżi oħra
€300 miljun
f’investimenti sal-2027 permezz tal-Global Gateway

L-aħħar aġġornament: 15 ta’ Diċembru 2021

Il-Kummissjoni ħadmet bla waqfien biex tlaqqa’ flimkien atturi internazzjonali differenti, tibni koalizzjonijiet u inizjattivi ġodda biex tiġġieled kontra l-COVID-19 u tniedi rkupru globali sostenibbli.

  • Fis-Summit dwar is-Saħħa Globali, il-mexxejja tal-G20, li jirrappreżentaw l-akbar ekonomiji tad-dinja u l-UE, impenjaw ruħhom għal sensiela ta’ azzjonijiet biex iħaffu t-tmiem tal-kriżi tal-COVID-19 kullimkien u biex iħejju aħjar għal pandemiji futuri.
  • Il-Kummissjoni stabbiliet strateġija ġdida tal-Global Gateway biex tagħti spinta lill-infrastruttura globali u tibni konnessjonijiet aktar reżiljenti mad-dinja.
  • L-UE fetħet kapitlu ġdid fis-sħubija tagħha mar-Renju Unit, wara li ffinalizzat il-ftehim kummerċjali u ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit f’Diċembru 2020.

Aqra aktar fuq l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni globali

Nissalvagwardjaw l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt u nipproteġu ċ-ċittadini tagħna

87 miljun
Ewropew se jibbenefikaw mill-Istrateġija għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità
14.1%
hi d-differenza attwali bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa li l-UE trid teqred

Sorsi: L-Istrateġija tal-KE għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-proposta tal-KE għal paga ugwali għal xogħol ugwali

Aqra aktar dwar l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-salvagwardja tal-ugwaljanza u l-istat tad-dritt

Spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea

320,999
għadd ta’ persuni li pparteċipaw fl-avvenimenti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa
4,493
Avvenimenti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li saru s’issa

L-aħħar aġġornament: 15 ta’ Diċembru 2021

  • Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li tnediet fl-2021, twieġeb għall-appell taċ-ċittadini għal vuċi akbar f’dak li tagħmel l-UE u kif taħdem għalihom.
  • Il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, l-ewwel għodda ta’ dan it-tip fid-dinja. Il-proposti jistabbilixxu gwida ulterjuri għall-operaturi tal-pjattaformi online u tal-media soċjali biex il-kodiċi jsir għodda aktar effettiva għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u biex titrawwem il-fiduċja fl-informazzjoni online.
  • Il-Kummissjoni pproponiet azzjoni leġiżlattiva dwar ir-reklamar politiku, biex iżżid it-trasparenza madwar l-isponsors ta’ kontenut imħallas, kif ukoll biex jiġu introdotti kundizzjonijiet stretti dwar l-immirar politiku.

Aqra aktar dwar l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tipproteġi d-demokrazija Ewropea

Mumenti ewlenin

  1. 25 ta’ Novembru 2021

    Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ il-koordinazzjoni ta’ vjaġġar sikur fl-UE u li taġġorna r-regoli dwar l-ivvjaġġar minn barra l-UE.

  2. 23 ta’ Novembru 2021

    L-UE tipproponi t-tniżżil fuq lista sewda tal-operaturi tat-trasport li jiffaċilitaw id-dħul klandestin u t-traffikar tal-persuni.

  3. 19 ta’ Novembru 2021

    Il-Kummissjoni tipproponi lista ġdida ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni għal suq tal-enerġija iktar integrat u reżiljenti.

  4. 18 ta’ Novembru 2021
    • L-Unjoni Ewropea tniedi Inizjattiva tat-Tim Ewropa għall-Ambjent bi sħubija max-Xlokk tal-Asja.
    • Il-Kummissjoni tadotta Komunikazzjoni dwar politika tal-kompetizzjoni adatta għal sfidi ġodda, li tfassal ir-rwol importanti tal-politika tal-kompetizzjoni għat-triq tal-Ewropa lejn l-irkupru, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għal Suq Uniku reżiljenti.
  5. 17 ta’ Novembru 2021

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: Il-Kummissjoni tadotta proposti ġodda biex twaqqaf id-deforestazzjoni, tinnova l-ġestjoni sostenibbli tal-iskart u tagħmel il-ħamrija b’saħħitha għan-nies, għan-natura u għall-klima.

  6. 16 ta’ Novembru 2021

    L-UE tinvesti aktar minn €1 biljun fi proġetti innovattivi għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija.

  7. 13 ta’ Novembru 2021

    Il-COP26: L-UE tgħin biex jinkiseb eżitu biex il-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi jinżammu ħajjin.

  8. 10 ta’ Novembru 2021

    Il-Kummissjoni tapprova kuntratt ma’ Valneva biex tiżgura vaċċin potenzjali ġdid.

  9. 9 ta’ Novembru 2021

    Il-COP26: Il-Kummissjoni twiegħed €100 miljun għall-Fond ta’ Adattament.

  10. 2 ta’ Novembru 2021
    • Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-UE jniedu Sħubija Internazzjonali għal Tranżizzjoni Ġusta lejn l-Enerġija mal-Afrika t’Isfel.
    • Il-Kummissjoni, Breakthrough Energy Catalyst u l-Bank Ewropew tal-Investiment javvanzaw is-sħubija fit-teknoloġiji tal-klima.
    • Il-COP26: Il-Kummissjoni Ewropea tħabbar wegħda ta’ €1 biljun għall-protezzjoni tal-foresti tad-dinja.
  11. 31 ta’ Ottubru 2021

    L-UE u l-Istati Uniti jaqblu li jibdew diskussjonijiet dwar Arranġament Globali dwar l-Azzar u l-Aluminju Sostenibbli u għas-sospensjoni ta’ tilwimiet kummerċjali relatati mal-azzar u l-aluminju.

  12. 27 ta’ Ottubru 2021

    Il-Pakkett Bankarju 2021: regoli ġodda tal-UE li jsaħħu r-reżiljenza tal-banek u li jħejju aħjar għall-futur.

  13. 22 ta’ Ottubru 2021
    • Il-Protezzjoni Ċivili tal-UE tiċċelebra l-20 anniversarju fit-twassil tal-għajnuna lin-nies.
    • L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa: il-Kummissjoni tistabbilixxi portafoll tal-aktar 10 trattamenti promettenti għall-COVID-19.
  14. 18 ta’ Ottubru 2021

    Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE: l-ewwel rapport juri li ċ-ċertifikat tal-UE stabbilixxa standard globali b’aktar minn 40 pajjiż konness mas-sistema u 591 miljun ċertifikat iġġenerati.

  15. 14 ta’ Ottubru 2021

    Il-Kummissjoni tibda l-ħidma biex l-2022 tkun is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.

  16. 13 ta’ Ottubru 2021
    • Il-prezzijiet tal-enerġija: il-Kummissjoni tippreżenta sett ta’ miżuri biex tindirizza s-sitwazzjoni eċċezzjonali u l-impatti tagħha.
    • Il-Kummissjoni tressaq approċċ għal impenn aktar b’saħħtu tal-UE għal Artiku paċifiku, sostenibbli u prosperu.
    • Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi arranġamenti apposta biex twieġeb għad-diffikultajiet li kien qed jesperjenza l-poplu tal-Irlanda ta’ Fuq minħabba l-Brexit, billi tkompli tiffaċilita l-kummerċ mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq.
  17. 12 ta’ Ottubru 2021
    • In-NextGenerationEU: il-Kummissjoni Ewropea toħroġ b’suċċess l-ewwel bond ekoloġiku biex tiffinanzja l-irkupru sostenibbli.
    • L-Afganistan: il-Kummissjoni tħabbar pakkett ta’ appoġġ Afgan ta’ €1 biljun.
  18. 5 ta’ Ottubru 2021

    Il-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel Strateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u s-sostenn tal-ħajja Lhudija li qatt saret.

  19. 29 ta’ Settembru 2021
    • Il-Kummissjoni tniedi ħames missjonijiet ġodda tal-UE, li għandhom l-għan li jindirizzaw sfidi kbar fis-saħħa, il-klima u l-ambjent, u li jiksbu għanijiet ambizzjużi u ta’ ispirazzjoni f’dawn l-oqsma.
    • Issir l-ewwel laqgħa inawgurali tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija (TTC) bejn l-UE u l-Istati Uniti.
  20. 23 ta’ Settembru 2021

    Inwaqqfu l-frustrazzjoni tal-konsumatur u l-iskart elettroniku: Il-Kummissjoni tipproponi ċarġer komuni għall-apparat elettroniku.

  21. 22 ta’ Settembru 2021

    L-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea jniedu t-Taskforce konġunta għall-Manifattura u l-Katina tal-Provvista tal-COVID-19.

  22. 16 ta’ Settembru 2021
    • Il-Kummissjoni Ewropea tniedi l-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) biex tipprevjeni, tidentifika u tirrispondi malajr għall-emerġenzi tas-saħħa.
    • Il-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel Rakkomandazzjoni li qatt ippreżentat tagħha biex issaħħaħ is-sikurezza tal-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media.
    • Tiġi adottata Strateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku.
  23. 15 ta’ Settembru 2021
    • Il-Kummissjoni tipproponi Perkors għad-Deċennju Diġitali biex twassal it-trasformazzjoni diġitali tal-UE sal-2030.
    • Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President von der Leyen tħabbar 200 miljun doża addizzjonali ta’ vaċċini għal pajjiżi b’introjtu baxx u medju, iffinanzjati mill-baġit tal-UE bħala parti mill-isforzi tat-Tim Ewropa.
  24. 4 ta’ Awissu 2021

    Il-Kummissjoni tapprova kuntratt ġdid għal vaċċin potenzjali kontra l-COVID-19 ma’ Novavax.

  25. 20 ta’ Lulju 2021
    • Il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja: il-Kummissjoni tagħmel riforma mill-qiegħ tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.
    • L-Istat tad-Dritt 2021: ir-rapport tal-UE juri żviluppi pożittivi fl-Istati Membri iżda jindika wkoll tħassib serju.
  26. 16 ta’ Lulju 2021

    L-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti għandha l-għan li tiżgura foresti b’saħħithom u reżiljenti li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-bijodiversità u l-għanijiet klimatiċi.

  27. 14 ta’ Lulju 2021

    Il-Kummissjoni tadotta pakkett ta’ proposti sabiex il-politiki tal-UE dwar il-klima, l-enerġija, l-użu tal-art, it-trasport u t-tassazzjoni jsiru adegwati biex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

  28. 6 ta’ Lulju 2021

    Il-Kummissjoni tadotta l-proposta tal-Istandard Ewropew għall-Bonds Ekoloġiċi li toħloq standard volontarju ta’ kwalità għolja għall-bonds li jiffinanzjaw l-investiment sostenibbli.

  29. 1 ta’ Lulju 2021

    Jidħol fis-seħħ fl-UE iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

  30. 30 ta’ Ġunju 2021

    Il-Kummissjoni tressaq viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE, li tidentifika l-isfidi u t-tħassib li qed jiffaċċjaw, kif ukoll tenfasizza wħud mill-aktar opportunitajiet promettenti li huma disponibbli għal dawn ir-reġjuni.

  31. 15 ta’ Ġunju 2021
    • Waqt is-Summit fi Brussell, il-mexxejja tal-UE u tal-Istati Uniti jimpenjaw ruħhom li jtemmu l-pandemija tal-COVID-19 u li jmexxu ’l quddiem l-irkupru globali. Huma jniedu wkoll il-Kunsill Transatlantiku għall-Kummerċ u t-Teknoloġija.
    • Il-Kummissjoni tiġbor €20 biljun fis-swieq finanzjarji fl-ewwel tranżazzjoni tagħha tan-NextGenerationEU, permezz ta’ bond ta’ 10 snin.
  32. 3 ta’ Ġunju 2021

    Il-Kummissjoni tipproponi qafas għal identità diġitali Ewropea affidabbli u sigura li se tkun disponibbli għaċ-ċittadini, ir-residenti u l-impriżi kollha tal-UE.

  33. 2 ta’ Ġunju 2021

    Il-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida biex iż-żona Schengen – l-akbar żona tal-ivvjaġġar bla kontrolli fid-dinja – issir aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti.

  34. 1 ta’ Ġunju 2021
    • It-tnedija tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kapitlu ġdid fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera.
    • Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE: il-Gateway tal-UE tibda titħaddem minn seba’ pajjiżi xahar qabel l-iskadenza.
  35. 31 ta’ Mejju 2021
    • Id-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji hija rratifikata mill-Istati Membri kollha, u tippermetti lill-Kummissjoni tibda tissellef biex tiffinanzja l-irkupru skont in-NextGenerationEU.
    • L-ekonomija ċirkolari: il-Kummissjoni tipprovdi gwida għall-applikazzjoni armonizzata tar-regoli dwar il-Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss u qed tagħmel progress fil-monitoraġġ tal-irkaptu tas-sajd.
    • Il-Kummissjoni tipproponi aġġornament għall-miżuri ta’ vjaġġar ikkoordinati qabel is-sajf.
  36. 28 ta’ Mejju 2021

    Il-Kummissjoni tippreżenta gwida biex issaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, l-ewwel għodda ta’ dan it-tip fid-dinja.

  37. 26 ta’ Mejju 2021

    Il-Kummissjoni tippreżenta gwida biex issaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, l-ewwel għodda ta’ dan it-tip fid-dinja.

  38. 21 ta’ Mejju
    • Fis-Summit Globali dwar is-Saħħa, il-mexxejja tal-G20 jimpenjaw ruħhom għal serje ta’ azzjonijiet biex iħaffu t-tmiem tal-kriżi tal-COVID-19 kullimkien u biex iħejju aħjar għal pandemiji futuri.
    • Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tħabbar inizjattiva ta’ €1 biljun tat-Tim Ewropa dwar il-manifattura u l-aċċess għat-tilqim, il-mediċini u t-teknoloġiji tas-saħħa fl-Afrika.
  39. 20 ta’ Mejju 2021
    • L-Istati Membri tal-UE jaqblu li jerġgħu jiftħu għall-vjaġġaturi mlaqqma minn barra l-UE.
    • Il-Kummissjoni tiffirma t-tielet kuntratt mal-kumpaniji farmaċewtiċi BioNTech u Pfizer, u tirriżerva 1.8 biljun doża addizzjonali tal-vaċċin tagħhom f’isem l-Istati Membri kollha tal-UE bejn tmiem l-2021 u l-2023.
  40. 18 ta’ Mejju 2021

    Tiġi adottata komunikazzjoni dwar it-tassazzjoni tal-impriżi għas-Seklu 21 biex tippromwovi sistema tat-taxxa għall-impriżi b’saħħitha, effiċjenti u ġusta fl-UE.

  41. 17 ta’ Mejju 2021

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: il-Kummissjoni tipproponi ekonomija blu sostenibbli fl-UE għall-industriji u s-setturi konnessi mal-oċeani, l-ibħra u l-kosti.

  42. 15 ta’ Mejju 2021

    Waqt is-Summit dwar il-Finanzjament tal-Ekonomiji Afrikani, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tħabbar inizjattiva tat-Tim Ewropa b’appoġġ għall-irkupru tal-Afrika mill-pandemija tal-COVID-19.

  43. 12 ta’ Mejju 2021

    Sabiex tmexxi lill-UE lejn l-għan tal-2050 ta’ pjaneta b’saħħitha għal persuni b’saħħithom, il-Kummissjoni tadotta l-pjan ta’ azzjoni tal-UE “Lejn tniġġis żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija”.

  44. 9 ta’ Mejju 2021

    F’Jum l-Ewropa 2021, fi Strasburgu jsir l-avveniment inawgurali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

  45. 8 ta’ Mejju 2021

    Fil-Laqgħa bejn il-Mexxejja tal-UE u tal-Indja l-UE u l-Indja jikkonkludu sħubija ta’ konnettività komprensiva biex jappoġġjaw konnettività reżiljenti u sostenibbli, kemm fl-Indja kif ukoll f’pajjiżi u reġjuni terzi.

  46. 7-8 ta’ Mejju 2021

    L-istituzzjonijiet tal-UE, is-sħab soċjali Ewropej u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jwiegħdu li jagħmlu ħilithom kollha biex jibnu Ewropa soċjali aktar inklużiva fis-Summit Soċjali f’Porto.

  47. 5 ta’ Mejju 2021
    • Il-Kummissjoni tipproponi strument ġdid biex tindirizza b’mod effettiv is-sussidji barranin li jikkawżaw distorsjonijiet u jagħmlu ħsara lill-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.
    • Tiġi aġġornata l-Istrateġija Industrijali tal-UE biex tiżgura li l-ambizzjoni industrijali tal-Ewropa tqis għalkollox iċ-ċirkostanzi l-ġodda ta’ wara l-kriżi tal-COVID-19 u tgħin tmexxi t-trasformazzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, diġitali, reżiljenti u kompetittiva globalment.
  48. 21 ta’ April 2021
    • Finanzi Sostenibbli u tassonomija tal-UE: il-Kummissjoni tieħu aktar passi biex tidderieġi l-flus lejn attivitajiet sostenibbli.
    • Il-Kummissjoni tipproponi regoli u azzjonijiet ġodda għall-eċċellenza u l-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali, bil-għan li l-UE tinbidel f’ċentru globali għal intelliġenza artifiċjali affidabbli.
  49. 15 ta’ April 2021

    Il-ftehim ta’ sħubija l-ġdid bejn l-UE u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku jistabbilixxi l-qafas għall-kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali għall-20 sena li ġejjin.

  50. 14 ta’ April 2021

    Biex tfixkel l-organizzazzjonijiet kriminali transfruntieri, il-Kummissjoni tippreżenta strateġija tal-UE biex tittratta l-kriminalità organizzata, flimkien ma’ strateġija ġdida dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, biex jgħinu fil-prevenzjoni tal-kriminalità, iressqu lit-traffikanti quddiem il-ġustizzja u jagħtu s-setgħa lill-vittmi.

  51. 25 ta’ Marzu 2021

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: il-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex tingħata spinta lill-produzzjoni organika.

  52. 24 ta’ Marzu 2021

    L-UE tistabbilixxi qafas ta’ politika komprensiv ġdid biex tiżgura li d-drittijiet kollha tat-tfal jiġu protetti u tipproponi li tiġi stabbilita Garanzija Ewropea għat-Tfal.

  53. 18 ta’ Marzu 2021

    Jitnieda l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni biex jgħin jibdel l-ideat xjentifiċi f’innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, wara fażi pilota ta’ suċċess.

  54. 17 ta’ Marzu 2021

    Il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ ċertifikat diġitali li jiffaċilita l-moviment sikur u liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19.

  55. 11 ta’ Marzu 2021

    Ir-raba’ vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19 huwa awtorizzat għall-użu fl-UE.

  56. 10 ta’ Marzu 2021

    Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, il-Prim Ministru tal-Portugall António Costa, f’isem il-Presidenza tal-Kunsill, u l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen jiffirmaw id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

  57. 9 ta’ Marzu 2021

    Id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa: il-Kummissjoni tistabbilixxi l-perkors lejn Ewropa b’awtonomizzazzjoni diġitali sal-2030.

  58. 4 ta’ Marzu 2021
    • Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi ambizzjoni għal Ewropa soċjali b’saħħitha.
    • It-trasparenza fil-pagi: il-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar it-trasparenza fil-pagi biex tiżgura li n-nisa u l-irġiel fl-UE jkollhom paga ugwali għal xogħol ugwali.
  59. 3 ta’ Marzu 2021

    Unjoni ta’ ugwaljanza: il-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija tagħha 2021–2030 għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, biex tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà.

  60. 19 ta’ Frar 2021

    Fis-Summit tal-G7, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tħabbar l-irduppjar tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-COVAX, il-faċilità dinjija għall-aċċess universali għat-tilqim, minn €500 miljun għal €1 biljun.

  61. 18 ta’ Frar 2021

    Il-Kummissjoni tistabbilixxi politika kummerċjali tal-UE miftuħa, sostenibbli u assertiva għas-snin li ġejjin.

  62. 17 ta’ Frar 2021
    • Tiġi ppreżentata strateġija ġdida biex jissaħħaħ il-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli.
    • Biex l-Ewropa titħejja għat-theddida ta’ varjanti ġodda, il-Kummissjoni tipproponi pjan ġdid ta’ tħejjija għall-bijodifiża, l-inkubatur HERA, u l-ħolqien tat-Task Force għall-Produzzjoni Industrijali fuq Skala Akbar tal-vaċċini kontra l-COVID-19.
  63. 10 ta’ Frar 2021

    Il-Parlament Ewropew jikkonferma l-qbil politiku li ntlaħaq dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-istrument ewlieni fil-qalba tan-NextGenerationEU.

  64. 9 ta’ Frar 2021

    L-UE tipproponi aġenda ġdida għall-Mediterran, biex issaħħaħ is-sħubija strateġika mas-sħab tagħha tal-Viċinat tan-Nofsinhar.

  65. 29 ta’ Jannar 2021
    • Il-Kummissjoni tawtorizza t-tielet vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19.
    • Il-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ trasparenza u ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-vaċċini kontra l-COVID-19.
  66. 18 ta’ Jannar 2021

    Il-Kummissjoni tniedi l-fażi tad-disinn tal-inizjattiva “Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida”, bil-għan li tgħaqqad id-disinn, is-sostenibbiltà u l-investiment biex tgħin fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

  67. 6 ta’ Jannar 2021

    Jiġi awtorizzat it-tieni vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19.

  68. 27 ta’ Diċembru 2020

    L-ewwel Ewropej jitlaqqmu kontra l-COVID-19.

  69. 24 ta’ Diċembru 2020

    Il-Kummissjoni tilħaq ftehim mar-Renju Unit dwar it-termini tar-relazzjoni futura mal-UE.

  70. 21 ta’ Diċembru 2020

    Il-Kummissjoni Ewropea tawtorizza l-ewwel vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19.

  71. 17 ta’ Diċembru 2020

    Fil-Kunsill jiġi adottat il-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027, li jammonta għal €1,211 triljun fi prezzijiet attwali.

  72. 15 ta’ Diċembru 2020

    L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali: tiġi proposta riforma ambizzjuża tal-ispazju diġitali, flimkien ma’ sett komprensiv ta’ regoli ġodda għas-servizzi diġitali kollha.

  73. 10 ta’ Diċembru 2020

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: issir proposta għal regolament dwar batteriji sostenibbli għal ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima.

  74. 3 ta’ Diċembru 2020

    Il-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea biex tagħti s-setgħa liċ-ċittadini u tibni demokraziji aktar reżiljenti fl-UE.

  75. 2 ta’ Diċembru 2020

    Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti: l-UE tipproponi aġenda transatlantika ġdida, li tħares ’il quddiem għall-kooperazzjoni globali.