Mur għall-kontenut ewlieni

Kif tressaq ilment fuq livell nazzjonali

Biex issolvi kwistjoni ta’ ksur tal-liġi tal-unjoni, l-eħfef u l-aktar mod effettiv ta’ spiss huwa li tmur għand l-entitajiet jew l-awtoritajiet nazzjonali.

Rimedju fuq livell nazzjonali

Jekk taħseb li drittijietek skont il-liġi tal-Unjoni ma ġewx rispettati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiż tal-UE, jeżistu diversi metodi ta’ rimedju biex issolvi kwistjoni.

Kif inhu stipulat fit-Trattati, l-awtoritajiet pubbliċi u l-qrati nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

Għalhekk, hu fl-interess tiegħek li tagħmel użu mill-mezzi kollha possibbli ta’ rimedju fuq livell nazzjonali (mekkaniżmi amministrattivi u/jew medjazzjoni barra l-qorti).

Ombudsmen nazzjonali

Skont is-sistema f’kull pajjiż, tista' wkoll tissottometti l-fajl tiegħek lill-ombudsmen nazzjonali jew l-ombudsmen reġjonali.

Qrati nazzjonali

Jew tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem il-qorti tal-pajjiż fejn tkun qamet il-problema. Sib aktar dwar is-sistemi ġudizzjali nazzjonali jew kif tmur il-qorti.

Jekk is-soluzzjoni tal-problema tiegħek tirrikjedi l-annullament ta’ deċiżjoni nazzjonali, il-qrati nazzjonali biss jistgħu jannullawha. Jekk qed tfittex kumpens għad-danni, il-qrati nazzjonali biss għandhom is-setgħa, fejn xieraq, li jordnaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkumpensaw lill-individwi għat-telf li jkunu sofrew minħabba ksur tal-liġi tal-Unjoni.

Korpi nazzjonali għall-ugwaljanza

Jekk inti vittma ta’ diskriminazzjoni u qed tfittex l-għajnuna, tista’ tikkuntattja l-organizzazzjoni nazzjonali għall-ugwaljanza f’pajjiżek.

Servizzi ta’ soluzzjoni tal-problemi

Alternattivament, jeżistu strumenti ta’ soluzzjoni ta’ problemi oħra biex jgħinuk fil-pajjiż membru tal-UE tiegħek:

SOLVIT

SOLVIT huwa servizz ipprovdut mill-amministrazzjoni nazzjonali, li jittratta problemi transfruntieri relatati ma’ applikazzjoni ħażina tal-liġi tal-Unjoni minn amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali fis-Suq Intern. Hemm ċentru SOLVIT f'kull pajjiż tal-UE, u anki fin-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Il-pajjiż tal-UE tiegħek jipprova jsolvi l-problema mal-pajjiż tal-UE l-ieħor ikkonċernat. Jekk tuża s-servizz SOLVIT jista' jkun li tieħu anqas ħin milli tressaq ilment formali lill-Kummissjoni Ewropea u jista' jsolvilek il-problema individwali tiegħek. Jekk il-problema ma tissolviex jew jekk taħseb li s-soluzzjoni proposta mhix aċċettabbli, tista’ tieħu azzjoni legali permezz ta' qorti nazzjonali jew tressaq ilment formali quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Kun af li meta tindirizza l-kwistjoni lil SOLVIT dan ma jissospendix il-limiti ta’ żmien quddiem il-qrati nazzjonali.

Ressaq il-problema tiegħek lil SOLVIT

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur huma network madwar l-Ewropa ta' ċentri tal-konsumatur, li jikkooperaw biex isolvu t-tilwim bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti bbażati fil-pajjiżi differenti tal-UE, kif ukoll fin-Norveġja u l-Iżlanda.

Ressaq il-problema tiegħek liċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur

Pariri tal-Ewropa Tiegħek

Is-servizz Pariri tal-Ewropa Tiegħek jista’ joffri pariri legali dwar id-drittijiet tiegħek fl-UE fi kwistjonijiet marbuta mal-liġi tal-UE. Dan jista’ jiċċara kif tapplika l-liġi fil-każ partikolari tiegħek, kif ukoll jispjegalek kif teżerċita drittijietek fl-UE.

Aqra aktar dwar is-servizzi Pariri tal-Ewropa Tiegħek

FIN-Net

FIN-Net huwa netwerk għar-riżoluzzjoni ta' tilwim finanzjarju barra mill-qorti fil-pajjiżi tal-UE, kif ukoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. Dawn għandhom ir-responsabbiltà li jittrattaw tilwim bejn il-konsumaturi u l-fornituri ta’ servizzi finanzjarji.

Ressaq il-problema tiegħek lil FIN-Net